Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Massa (l-Italja) fid-19 ta’ Ġunju 2020 – GN, WX vs Prefettura di Massa Carrara – Ufficio Territoriale del Governo di Massa Carrara

(Kawża C-274/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Giudice di pace di Massa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: GN, WX

Konvenuta: Prefettura di Massa Carrara – Ufficio Territoriale del Governo di Massa Carrara

Domandi preliminari

Il-kunċett ta’ projbizzjoni ta’ kull “diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza” fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa pprojbit għall-Istati Membri li jilleġiżlaw bi kwalunkwe mod li jkunu jistgħu, anki b’mod indirett, moħbi jew materjali, biex ipoġġu f’diffikultà ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 93(1a tal-Kodiċi tat-Triq Taljana, li jipprevedi l-projbizzjoni ta’ moviment bi plakek ta’ reġistrazzjoni barranin (tkun li tkun il-persuna li f’isimha l-vettura hija rreġistrata) wara sittin ġurnata ta’ residenza fl-Italja, jista’ jpoġġi f’diffikultà liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn (detenturi ta’ vettura mgħammra bi plakka ta’ reġistrazzjoni barranija) u, konsegwentement, ikollu natura diskriminatorja abbażi tan-nazzjonalità?

Il-kunċetti ta’

“id-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri” msemmi fl-Artikolu 21 TFUE,

“suq intern” li “jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati” msemmi fl-Artikolu 26 TFUE,

“[g]ħandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni” msemmi fl-Artikolu 45 TFUE,

“ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” imsemmija fl-Artikoli 49 sa 55 TFUE, u ta’

“restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni [...] projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi” msemmija fl-Artikoli 56 sa 62 TFUE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu, anki biss b’mod indirett, moħbi jew materjali, jillimitaw jew irendu iktar diffiċli, għaċ-ċittadini Ewropej, l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu u għal-libertà ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew li jinfluwenzaw bi kwalunkwe mod li jkun id-drittijiet inkwistjoni, huma wkoll ipprojbiti?

Jekk tingħata risposta affermattiva għat-tielet domanda, l-Artikolu 93(1a) tal-Kodiċi tat-Triq Taljana, li jipprevedi l-projbizzjoni ta’ moviment bi plakek ta’ reġistrazzjoni barranin (tkun li tkun il-persuna li f’isimha l-vettura hija rreġistrata) wara sittin ġurnata ta’ residenza fl-Italja, jista’ jillimita, jew irendi iktar diffiċli jew jinfluwenza bi kwalunkwe mod l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu u għal-libertà ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt għall-moviment liberu ta’ ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi?

____________