Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Mejju 2009 - Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-50/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Livio Missir Mamachi di Lusignano (Kerkhove-Avelgem, il-Belgju) (rappreżentanti: F. Di Gianni, R. Antonini, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Talba għall-kumpens għad-danni morali u materjali li jirriżultaw mill-qtil ta' uffiċjal tal-Kummissjoni u tal-mara tiegħu.

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-3 ta' Frar 2009, li tiċħad l-ilment Nru R/406/08 rigward talba għall-kumpens għad-danni morali u materjali li jirriżultaw mill-qtil ta' Alessandro Missir Mamachi di Lusignano u tal-mara tiegħu, li sar fit-18 ta' Settembru 2006 f'Rabat, il-Marokk, fejn huwa kien jinsab minħabba raġunijiet ta' servizz;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas, favur l-eredi u l-aventi kawża ta' Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, tas-somma ta' EUR 2 552 837.96 li tikkorrispondi għal 26 sena ta' ħlas tal-paga tal-uffiċjal maqtul, li għandha terġa' tiġi vvalutata skont il-prospetti tal-karriera tal-uffiċjal (kemm fir-rigward ta' ħlas awtomatiku kif ukoll għal promozzjonijiet possibbli fil-grad), bħala kumpens għad-dannu patrimonjali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas, favur l-eredi leġittimi u l-aventi kawża ta' Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, tas-somma ta' EUR 250 000.00, bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali li sofra l-vittma qabel ma miet;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas, favur l-eredi leġittimi u l-aventi kawża ta' Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, tas-somma ta' EUR 1 276 512.00, bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali li sofrew fil-kwalità ta' ulied il-vittma u xhieda tal-qtil traġiku tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas, favur Livio Missir Mamachi di Lusignano, tas-somma ta' EUR 212 752.00 bħala kumpens għad-dannu mhux patrimonjali mġarrab minnu bħala missier il-vittma;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-interessi kumpensatorji u tal-interessi moratorji li sadanittant ikunu laħqu mmaturaw;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

____________