Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Frar 2019 (talba għal deċizjoni preliminari tas-Spetsializiran nakazatelen sad – il-Bulgarija) – proċeduri kriminali kontra RH

(Kawża C-8/19 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 4 – Riferimenti pubbliċi għall-ħtija – Deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja – Rimedji ġudizzjarji – Proċedura ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni – Osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza – Artikolu 267 TFUE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-fakultà tal-qrati nazzjonali li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew li tobbligahom jiddeċiedu mingħajr ma jistennew ir-risposta għal din id-domanda – Sanzjonijiet dixxiplinari f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Spetsializiran nakazatelen sad

Parti fil-proċeduri kriminali prinċipali

RH

Dispożittiv

L-Artikolu 267 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza, li għandha l-konsegwenza li l-qorti nazzjonali hija obbligata tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, mingħajr il-possibbiltà li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew li tistenna r-risposta ta’ din.

L-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, moqrija flimkien mal-premessa 16 ta’ din, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ innoċenza ma jipprekludux li, meta qorti kompetenti teżamina r-raġunijiet plawżibbli li jippermettu li jiġi ssuspettat li l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata wettqet ir-reat inkwistjoni, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni provviżorja, din il-qorti tibbilanċja l-provi inkriminanti u skaġunanti prodotti quddiemha u timmotiva d-deċiżjoni tagħha mhux biss billi turi l-provi milqugħa, iżda wkoll billi tiddeċiedi dwar l-oġġezzjonijiet tal-avukat tal-persuna kkonċernata, sakemm din id-deċiżjoni ma tippreżentax lill-persuna detenuta bħala ħatja.

____________

1     ĠU C 93, 11.3.2019