Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Belġju) fl-10 ta’ Settembru 2019– X vs État belge

(Kawża C-672/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil du Contentieux des Étrangers

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: État belge

Domandi preliminari

L-indikazzjoni fl-Artikolu 34(5) tad-Direttiva (UE) 2016/801 1 , li l-kontestazzjoni legali prevista f’dan l-artikolu għandha ssir “f’konformità mal-liġi nazzjonali” għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-leġiżlatur nazzjonali biss li għandu jiddetermina l-modalitajiet ta’ din il-kontestazzjoni legali mingħajr ma l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu tivverifika jekk dawn il-modalitajiet humiex konformi mad-dritt għal rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

a) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva, il-kontestazzjoni legali prevista fl-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801 għandha, sabiex tkun effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tinkludi possibbiltà ta’ aċċess fil-każijiet kollha għal proċedura ta’ kontestazzjoni legali eċċezzjonali, imwettqa fil-kundizzjonijiet tal-urgenza estrema, meta l-persuna kkonċernata turi li hija eżerċitat id-diliġenza kollha meħtieġa u li l-osservanza tat-termini neċessarji għat-twettiq ta’ proċedura ordinarja tista’ tfixkel l-iżvolġiment tal-istudji inkwistjoni?

b) Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun negattiva, l-istess risposta negattiva għandha tingħata meta l-assenza ta’ deċiżjoni f’terminu qarib toħloq ir-riskju li l-persuna kkonċernata titlef b’mod irrimedjabbli sena ta’ studju?

Jekk ir-risposta għall-punt (a) jew (b) tat-tieni domanda tkun affermattiva, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu tipprivileġġa interpretazzjoni tal-liġi li tkun konformi mal-għan tad-Direttiva 2016/801 sabiex tasal għal soluzzjoni li tkun konformi mal-għan li din trid tilħaq, billi taċċetta li teżamina skont il-kundizzjonijiet tal-urġenza estrema talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni prevista fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, meta x-xogħol preparatorju tal-liġi jista’ jindika li din ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva, il-kontestazzjoni legali prevista fl-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2016/801 tobbliga lill-Istati Membri, sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprevedu li f’ċerti każijiet il-qorti tista’ tordna lill-awtorità toħroġ il-viża?

____________

1     Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU 2016, L 132, p. 21).