Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Settembru 2019 minn NeXovation, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) fid-19 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-353/15, NeXovation vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-665/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: NeXovation, Inc. (rappreżentanti: A. von Bergwelt, M. Nordmann, L. Hettstedt, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punti 3 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, kif ukoll l-Artikolu 3(2) u l-aħħar inċiż tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 implimentata mill-Ġermanja għan-Nürburgring (b’rettifika tat-13 ta’ April 2015);

sussidjarjament, tannulla l-punti 3 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji:

Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kkontestata l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat l-Artikolu 263(4) TFUE peress li l-appellanti kienet individwalment ikkonċernata. Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-kawża ma tirriflettix ix-xenarju tipiku li fih hija affettwata l-kompetizzjoni bejn diversi fornituri ta’ prodotti, iżda dik bejn offerenti li jitolbu ċertu prodott.

Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat l-Artikoli 107(1) u 296(2) TFUE kif ukoll l-Artikoli 4(3) u 20(2) tar-Regolament proċedurali Nru (UE) 659/1999 2 u l-prinċipju ta’ investigazzjoni diliġenti u imparzjali.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/151 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġemanja għal Nürburgring (ĠU 2016, L 34, p. 1).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).