Language of document : ECLI:EU:F:2014:238

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

16 ta’ Ottubru 2014

Kawża F‑69/10 DEP

Luigi Marcuccio

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż – Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura – Rappreżentazzjoni ta’ istituzzjoni minn avukat – Onorarji ta’ avukat – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Talba għal interessi moratorji”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, imressqa, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura li dak iż-żmien kienu fis-seħħ (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura l-antiki”), mill-Kummissjoni Ewropea wara d-digriet Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑69/10, EU:F:2011:128).

Deċiżjoni:      L-ammont totali tal-ispejjeż li L. Marcuccio għandu jirrimborsa lill-Kummissjoni Ewropea bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fil-Kawża F‑69/10, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, huwa ffissat għal EUR 1 250. Fuq is-somma msemmija fil-punt 1 għandhom jiddekorru interessi moratorji mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet sad-data tal-ħlas effettiv tagħha, bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tagħha fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar tal-iskadenza tal-ħlas, miżjud bi tliet punti perċentwali u nofs.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha – Inklużjoni – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-intaxxar

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 u Anness I, Artikolu 7(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Interessi moratorji

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 96‑98 u 106)

1.      Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, l-istituzzjonijiet huma liberi li jużaw l-assistenza ta’ avukat. Ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar għalhekk hija koperta mill-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni hija obbligata tipprova li tali assistenza kienet iġġustifikata oġġettivament.

F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-onorarji ta’ avukat li jista’ jinġabar, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex is-setgħa li tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukati rispettivi tagħhom, iżda li tiddetermina l-ammont ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet li jista’ jinġabar mingħand il-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-qorti tal-Unjoni la għandha tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tiffissa l-onorarji tal-avukati u lanqas eventwali ftehim konkluż f’dan ir-rigward bejn il-persuna kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha.

Fl-istess sens, in-natura fissa tar-remunerazzjoni ma għandhiex effett fuq l-evalwazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-ammont li jista’ jinġabar għall-ispejjeż, billi t-Tribunal jibbaża ruħu fuq kriterji stabbiliti sew li jirriżultaw mill-ġurisprudenza u l-informazzjoni preċiża li l-partijiet għandhom jipprovdulu. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tipprekludix lill-imsemmi Tribunal milli jiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni ekwa, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, hija madankollu tqiegħdu f’sitwazzjoni ta’ evalwazzjoni neċessarjament stretta f’dak li jirrigwarda t-talbiet tal-parti li titlob dawn l-ispejjeż.

Barra minn hekk, fin-nuqqas taʼ dispożizzjonijiet taʼ natura tariffarja fid-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti li għandha tevalwa liberament id-data tal-kawża, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont taʼ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet teħtieġ min-naħa tal-aġenti jew tal-konsulenti li intervjenew u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima rrappreżentat għall-partijiet.

Fl-aħħar nett, l-ammont tal-onorarji li jistgħu jinġabru tal-avukat tal-istituzzjoni kkonċernata ma jistax jiġi evalwat mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni x-xogħol imwettaq mid-dipartimenti tagħha, anki qabel it-tressiq tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà ta’ rikors hija suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ lment u għaċ-ċaħda tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra, id-dipartimenti tal-istituzzjoni, bħala prinċipju, huma involuti fit-trattament tat-tilwim anki qabel ma dawn ma jitressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 16‑21)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digrieti Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑278/07 P‑DEP, EU:T:2013:269, punt 20, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑366/10 P‑DEP, EU:T:2014:63, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Chatzidoukakis vs Il‑Kummissjoni, F‑84/10 DEP, EU:F:2014:41, punti 20 sa 24, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan tal-aħħar għandu l-ġurisdizzjoni esklużiva li jikkonstata l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji fuq kundanna għall-ispejjeż deċiża mill-imsemmi Tribunal u li jiffissa r-rata applikabbli.

Mill-Artikoli 96 sa 98 tal-imsemmija regoli tal-proċedura jirriżulta li digriet, bħala tali, ma jingħatax. Għandha tidher fuqu d-data tal-adozzjoni tiegħu u għandu jkollu saħħa vinkolanti mill-jum tan-notifika tiegħu. Minn dan isegwi li parti li titlob interessi moratorji mid-data tal-għoti tad-digriet li għandu jiġi adottat, għandha titqies li tkun qed titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jżid l-interessi moratorji mal-ispejjeż li jistgħu jinġabru biss mid-data tan-notifika tad-digriet li jiffissa l-ispejjeż. Għalhekk, il-parti għandha dritt għal interessi moratorji fuq l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru ffissat mill-qorti, mid-data tan-notifika tad-digriet li jiffissa l-ispejjeż sal-ħlas effettiv tal-imsemmija spejjeż.

(ara l-punti 31, 33 u 34)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑450/10 P‑DEP, EU:T:2014:32, punt 47

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Chatzidoukakis vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2014:41, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata