Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Diċembru 2009 - Scheefer vs Il-Parlament

(Kawża F-105/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Séverine Scheefer (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: R. Adam, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-annullament tad-deċiżjonijiet tal-konvenut li jiċħad ir-riklassifikazzjoni tal-kuntratt ta' membru tal-persunal temporanju tar-rikorrenti għal impjieg għal perijodu indeterminat skont l-Artikolu 8(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Barra minn hekk, il-kumpens għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti.

Talbiet tar-rikorrenti

jannulla d-deċiżjoni tal-Parlament tat-12 ta' Frar 2009;

jannulla d-deċiżjoni tal-Parlament tat-12 ta' Ottubru 2009;

jannulla l-klassifikazzjoni legali tal-kuntratt inizjali kif ukoll id-data tal-iskadenza tiegħu, stabbilita għall-31 ta' Marzu 2009;

għaldaqstant jirriklassifika l-impjieg tar-rikorrenti bħala impjieg għal perijodu indeterminat;

jikkumpensa d-dannu mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-aġir tal-Parlament;

sussidjarjament, u fiċ-ċans remot li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jasal għall-konklużjoni li minkejja li sar kuntratt għal impjieg għal perijodu indeterminat, ir-relazzjoni ta' xogħol kienet spiċċat, jagħti danni għal xoljiment abbużiv tar-rabta kuntrattwali;

b'mod iktar sussidjarju, u fiċ-ċans remot li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jasal għall-konklużjoni li l-ebda riklassifikazzjoni ma hija possibbli, jagħti danni għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-aġir żbaljat tal-Parlament Ewropew;

jirriżerva lir-rikorrenti d-drittijiet, ir-rimedji, il-mezzi u l-azzjonijiet l-oħra kollha, u b'mod partikolari l-kundanna mill-Parlament għad-danni konnessi mad-dannu mġarrab;

jikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

____________