Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2019 minn Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-741/16, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-666/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd (rappreżentanti: K. Adamantopoulos u P. Billiet, avocats)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Hyet Sweet

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-741/16 fl-intier tagħha;

tilqa’ t-talbiet imressqa mill-appellanti fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u tannulla r-regolament ikkontestat 1 , sa fejn dan jirrigwarda lill-appellanti, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-konvenuta u lill-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali jbatu l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell kif ukoll l-ispejjeż relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-741/16.

Sussidjarjament, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors;

iktar sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar kull motiv ieħor tal-appellanti, sa fejn l-istadju tal-proċedura jiġġustifika dan; u

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tressaq ħames aggravji insostenn tal-appell.

L-ewwel aggravju: il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 54, 64-67, 69-70, 78-80, 87, 93 u 97-98 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li l-kontabbiltà tal-appellanti ma ġietx ippreparata skont l-Istandards ta’ Kontabbiltà Internazzjonali (“IAS”) u, għaldaqstant, tikser it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku 2 , huma vvizzjati bi żbalji manifesti fl-applikazzjoni tad-dritt u jiżnaturaw il-fatti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li teżamina l-argument tal-appellanti bbażat fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

It-tieni aggravju: il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 113, 115-118, 125-126 u 128-130 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(7)(a), l-Artikolu 6(8) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku kif ukoll id-dmir ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba tagħha billi naqset milli titlob u teżamina lista ddettaljata tal-esportazzjonijiet mingħand il-produttur tal-pajjiż analogu, huma vvizzjati bi żbalji manifesti fl-applikazzjoni tad-dritt u jiżnaturaw il-fatti.

It-tielet aggravju: il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 141-144, 152-153 u 155-162 tas-sentenza appellata li jipprovdu li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(10) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 2(4) tal-Ftehim Antidumping kif ukoll id-dmir ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba tagħha billi rrifjutat li taġġusta l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-appellanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, huma vvizzjati bi żbalji manifesti fl-applikazzjoni tad-dritt u jiżnaturaw il-fatti.

Ir-raba’ aggravju: il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 148 u 150 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ diliġenza tagħha billi ma aġġustatx il-livell tal-prezz mhux dannuż tal-produttur tal-Unjoni minħabba differenzi relatati ma’ servizzi addizzjonali, mal-imballaġġ u mad-dħul relatat mal-privattivi u mal-għarfien imħallsa mill-industrija tal-Unjoni, huma vvizzjati bi żbalji manifesti fl-applikazzjoni tad-dritt u jiżnaturaw il-fatti.

Il-ħames aggravju: il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 189-191, 194, 200- 201 u 203-206 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2(7)(a) u (10), l-Artikolu 3(2), (3) u (5), l-Artikolu 6(8) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ diliġenza tagħha billi naqset milli tiżgura li l-ispejjeż sostnuti mill-industrija tal-Unjoni għall-materji primi li joriġinaw mill-fornitur relatat tagħha huma stabbiliti skont il-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr ma talbet l-ikkompletar tal-kwestjonarju ta’ fornitur relatat, huma vvizzjati bi żbalji manifesti fl-applikazzjoni tad-dritt u jiżnaturaw il-fatti.

____________

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1247 tat-28 ta’ Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2016, L 204, p. 92).

2 Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 204, p. 92).