Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ April 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-316/19)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn u B. Rous Demiri)

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Talbiet

Skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, peress li b’mod unilaterali ssekwestrat fil-bini tal-Bank tas-Slovenja dokumenti marbuta mat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ u tal-Eurosistema u peress li kkooperat b’mod żleali mal-BĊE fir-rigward ta’ dan is-suġġett, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 343 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 39 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Artikoli 2, 18 u 22 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-perkwiżizzjoni fil-bini u tas-sekwestru fil-Bank tas-Slovenja fis-6 ta’ Lulju 2016 ġiet ippreġudikata l-invjolabbiltà tal-arkivji tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 343 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 39 tal-Protokoll Nru 4 u tal-Artikoli 2 u 22 tal-Protokoll Nru 7, flimkien mal-Artikolu 18 ta’ dan il-protokoll tal-aħħar, kif ukoll fis-sens tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-perkwiżizzjoni fil-bini u s-sekwestru twettqu b’mod unilaterali, mingħajr il-kunsens tal-BĊE, u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-BĊE u l-korpi Sloveni, mingħajr deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Minkejja twissijiet ripetuti, il-korpi Sloveni li wettqu s-sekwestru ma pprovawx jisseparaw id-dokumenti li kienu jagħmlu parti mill-arkivji tal-Unjoni u ma ddiskutewx b’mod kostruttiv mal-BĊE dwar is-suġġett.

____________