Language of document : ECLI:EU:T:2018:755

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Novembru 2018 (*)

“Kuntratti pubbliċi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Investigazzjoni ta’ awditur privat – Investigazzjoni tal-OLAF – Konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi sanzjoni amministrattiva fil-konfront tar-rikorrenti – Esklużjoni mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal perijodu ta’ sitt xhur – Inklużjoni fid-database tas-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni – Motiv ġdid – Dritt tad-difiża”

Fil-Kawża T‑454/17,

Pro NGO!” (Non-Governmental-Organisations/Nicht-Regierungs-Organisationen) eV, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Scheid, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Dintilhac u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2017 li timponi sanzjoni amministrattiva ta’ esklużjoni tar-rikorrenti għal perijodu ta’ sitt xhur mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), u ta’ esklużjoni tar-rikorrenti għal perijodu identiku mill-għoti ta’ fondi previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU 2015, L 58, p. 17),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, “Pro NGO!” (Non-Governmental-Organisations/Nicht-Regierungs-Organisationen) e.V., hija assoċjazzjoni rreġistrata fil-Ġermanja, li topera fil-qasam tal-konsulenza u tal-appoġġ għal organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-kuntest tal-applikazzjonijiet tagħhom għal appoġġ finanzjarju u tal-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom.

2        Fil-15 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ffirmat “dikjarazzjoni ta’ sħubija” li tirrigwarda proġett issussidjat mill-Kummissjoni Ewropea, li fiha hija awtorizzat is-sieħeb prinċipali jiffirma “kuntratt ta’ sussidju mal-Kummissjoni” u jirrappreżentaha fil-komunikazzjonijiet kollha ma’ din tal-aħħar fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.

3        Fid-29 ta’ Diċembru 2011, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mid-delegazzjoni tagħha fir-Repubblika tal-Moldova, iffirmat mal-organizzazzjoni “International Society for Human Rights – Moldavian Section” (iktar ’il quddiem l-“ISHR-MS”) kuntratt ta’ sussidju (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ sussidju”) dwar il-proġett “Tisħiħ tal-organizzazzjonijiet Moldovani tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-prevenzjoni kontra l-HIV/AIDS u l-kura għan-nisa u għall-minuri f’detenzjoni” (iktar ’il quddiem il-“proġett”). L-ispiża totali eliġibbli tal-proġett kienet stmata għal EUR 517 531. Il-finanzjament tal-Unjoni ġie stabbilit għal ammont massimu ta’ EUR 414 025.

4        Skont l-Artikolu 5.3 tal-Anness IV tal-kuntratt ta’ sussidju, il-kuntratti ta’ provvista b’valur ogħla minn EUR 10 000 u inqas minn EUR 60 000 kellhom jiġu konklużi wara proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni, li fiha l-ISHR-MS kienet obbligata tikkonsulta ma’ tal-inqas tliet fornituri u tinnegozja t-termini tal-kuntratt ma’ wieħed jew iktar minnhom.

5        Fis-17 ta’ Jannar 2012, l-ISHR-MS u r-rikorrenti ffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni għall-implimentazzjoni tal-proġett (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ kooperazzjoni”).

6        Kumpannija ta’ awditu (iktar ’il quddiem l-“awditur”) wettqet, fuq talba tal-Kummissjoni, awditu tal-proġett (iktar ’il quddiem l-“awditu”). Dan l-awditu inqasam f’żewġ fażijiet: l-ewwel fażi, bejn it-8 u t-12 ta’ April 2013, kienet tkopri l-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Diċembru 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2012 u t-tieni fażi, li twettqet bejn il-21 u t-23 ta’ Lulju 2014, kienet tkopri l-perijodu sussegwenti, sas-26 ta’ April 2013.

7        Wara l-ewwel fażi tal-awditu, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Mejju 2013, l-awditur informa lill-Kummissjoni li huwa kien talab, waqt laqgħa li seħħet fid-9 ta’ April 2013, informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti segwita għall-għażla tal-fornitur tax-xogħlijiet ta’ editjar għall-proġett. F’din l-ittra, huwa jindika li l-ewwel irċieva mingħand ir-rikorrenti u l-ISHR-MS l-informazzjoni li l-ebda proċedura speċifika ma kienet ġiet organizzata minħabba l-fatt li l-ammonti inkwistjoni, li jammontaw għal total ta’ EUR 42 424.44, kienu inklużi taħt linji baġitarji differenti. Bl-istess mod, rappreżentant tar-rikorrenti ppreżentalu l-għada, waqt laqgħa, tliet offerti ppreżentati minn kumpanniji differenti ta’ editjar, filwaqt li spjega li huwa ma kienx fehem sew id-domanda magħmula u li dawn it-tliet offerti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni qabel ma ntgħażel il-fornitur.

8        Sussegwentement, l-ISHR-MS ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-awditur dwar abbozz ta’ rapport tas-17 ta’ Ottubru 2013 li jirrigwarda l-ewwel fażi tal-awditu. Din l-organizzazzjoni b’mod partikolari ddikjarat f’din l-okkażjoni li “l-awditur [kien] saqsieh [fil-laqgħa tad-9 ta’ April 2013], jekk kinitx ġiet segwita proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti [għall-għażla tal-fornitur tax-xogħlijiet ta’ editjar]”, li “it-tweġiba [tagħha kienet] li ma kinitx ġiet segwita proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti sa fejn il-kuntratt [tagħhom] ma kienx jeżiġi dan”, li “kienet ġiet segwita proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni”, li “[l]-għada filgħodu, [kienu] ingħatawlha tliet offerti ta’ tliet fornituri ta’ xogħlijiet ta’ editjar kif ukoll kuntratt mal-fornitur magħżul” u li “[kienet] ġiet spjegata lill-awditur il-proċedura nnegozjata segwita” u li “ma [kienet] intalbet [l]-ebda prova oħra”.

9        Fit-23 ta’ Jannar 2015, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) irrediġa rapport dwar investigazzjoni li tirrigwarda irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest tal-proġett (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”).

10      Fit-8 ta’ Settembru 2015, l-awditur ippreżenta r-rapport ta’ awditu finali tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ awditu finali”).

11      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2017, il-Bord, stabbilit skont il-paragrafi 5 sa 10 tal-Artikolu 108 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), sabiex jidentifika r-riskji li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi (iktar ’il quddiem il-“Bord”), informa lir-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet talbitha tadotta rakkomandazzjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji. Fil-punt 3.2 ta’ din l-ittra, ġie msemmi li, matul l-awditu, kien ġie stabbilit li l-ISHR-MS ma kinitx organizzat proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti skont l-Anness IV tal-kuntratt ta’ sussidju. Kien iddikjarat ukoll li r-rikorrenti kienet ippreżentat dokumenti foloz lill-awditur sabiex tagħti l-impressjoni li l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti skont l-Anness IV tal-kuntratt ta’ sussidju kienu ġew organizzati.

12      Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha b’ittra tat-30 ta’ Jannar 2017.

13      Permezz ta’ ittri tad-9 ta’ Frar u tas-6 ta’ Marzu 2017, il-Bord bagħat elementi oħra lir-rikorrenti. Din tal-aħħar ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Frar u tat-8 ta’ Marzu 2017.

14      Fl-24 ta’ Marzu 2017, il-Bord adotta rakkomandazzjoni li permezz tagħha talab lill-Kummissjoni teskludi lir-rikorrenti, minħabba kondotta professjonali ħażina, mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji għal perijodu ta’ sitt xhur.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni eskludiet lill-ISHR-MS mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji għal perijodu ta’ sentejn.

16      Wara r-rakkomandazzjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2017 li timponi sanzjoni amministrattiva ta’ esklużjoni tar-rikorrenti, minħabba kondotta professjonali ħażina, għal perijodu ta’ sitt xhur, mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u previsti fir-Regolament Nru 966/2012, u l-esklużjoni tar-rikorrenti, ukoll għal perijodu ta’ sitt xhur, mill-għoti ta’ fondi previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323, tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU 2015, L 58, p. 17), (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

17      Fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li d-dokumenti inkwistjoni kienu ġew ippreparati fuq talba tal-ISHR-MS ma jikkontradixxix il-fatt li r-rikorrenti kienet ippreżentathom lill-awditur sabiex tikkonvinċih li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti kienu ġew issodisfati. Skont l-istess premessa, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti kienet ippreżentat dawn id-dokumenti, wara li ammettiet matul l-awditu li ebda proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti ma kienet ġiet segwita, kien jirrendi dubjuż ħafna l-integrità professjonali tagħha, minkejja li ma kinitx hija stess li ppreparat dawn id-dokumenti.

18      Fil-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li, “waqt il-ftuħ tal-proċedura kontradittorja mar-[rikorrenti], il-Bord indika l-possibbiltà ta’ esklużjoni għal perijodu ta’ sena, b’teħid inkunsiderazzjoni: […] tal-aġir intenzjonali tar-[rikorrenti], peress li s-sottomissjoni ta’ dokumenti lill-awditur privat dwar proċeduri ta’ sejħa għal offerti, li [kellhom] jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti, saret bl-intenzjoni ċara ta’ ingann”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Ir-rikorrenti tressaq, fir-rikors, erba’ motivi insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod inkomplet il-fatti li jiġġustifikaw is-sanzjoni li ġiet imposta fuqha. Fit-tieni lok, hija evalwat il-fatti b’mod kontradittorju mar-rapport ta’ awditu finali. Fit-tielet lok, hija evalwat il-fatti b’mod kontradittorju mar-rapport tal-OLAF. Fir-raba’ lok, hija kisret id-dritt għal smigħ. Fir-replika, ir-rikorrenti tikkontesta, barra minn hekk, il-proporzjonalità tal-imsemmija sanzjoni.

23      Qabelxejn għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel tliet motivi, li fihom ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod inkomplet il-fatti li jiġġustifikaw is-sanzjoni applikata u dan b’mod kontradittorju mad-dokumenti disponibbli għaliha, b’mod partikolari r-rapport ta’ awditu finali u r-rapport tal-OLAF.

 Fuq l-ewwel tliet motivi, ibbażati fuq stabbiliment inkomplet tal-fatti rilevanti, evalwazzjoni tal-fatti b’mod kontradittorju mar-rapport ta’ awditu finali u evalwazzjoni tal-fatti b’mod kontradittorju mar-rapport tal-OLAF

24      Ir-rikorrenti tallega, qabelxejn, li l-Kummissjoni tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata biss fuq il-bażi tal-ittra tal-awditur tat-3 ta’ Mejju 2013. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex tibbaża ruħha biss fuq dawn il-konklużjonijiet provviżorji u, għall-kuntrarju, kellha tadotta d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi ta’ analiżi globali tal-provi kollha disponibbli, b’mod partikolari fir-rapport ta’ awditu finali, u għalhekk tirrikonoxxi li l-fatti, kif huma ppreżentati f’din l-ittra, ma nżammux f’dan ir-rapport.

25      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tqis li l-aġir tagħha kien jikkostitwixxi kondotta professjonali ħażina, il-Kummissjoni rrilevat b’mod żbaljat li hija ppreżentat dokumenti ffalsifikati lill-awditur bl-għan li tikkonvinċih li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti kienu ġew osservati, minkejja li ma kinitx ippreparat hija stess l-imsemmija dokumenti. Hija ssostni wkoll li fir-rapport ta’ awditu finali, l-indikazzjoni li r-rappreżentant tagħha kien bagħat id-dokumenti ma nżammitx. Hija tikkonkludi li analiżi globali tal-provi disponibbli kellha twassal lill-Kummissjoni sabiex tirrikonoxxi li hija ma kinitx bagħtet lill-awditur id-dokumenti inkwistjoni u għalhekk hija ma wettqet ebda aġir illegali.

26      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tadotta d-deċiżjoni tagħha b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tar-rapport tal-OLAF u għalhekk tirrikonoxxi li hija ma kinitx bagħtet id-dokumenti inkwistjoni u li, konsegwentement, ebda aġir illegali ma seta’ jiġi kkritikat lilha. Fil-fehma tagħha, il-prosekuturi tal-OLAF ma waslux għall-konklużjoni li rappreżentant tar-rikorrenti kien bagħat lill-awditur it-tliet offerti inkwistjoni.

27      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Mejju 2013, l-awditur indika li inizjalment huwa kien irċieva mingħand ir-rikorrenti u l-ISHR-MS informazzjoni li l-ebda proċedura speċifika ma kienet ġiet organizzata. Barra minn hekk, fl-imsemmija ittra, hija speċifikat li huwa rappreżentant tar-rikorrenti li l-għada kien ppreżenta lill-awditur tliet offerti ppreżentati minn kumpanniji differenti ta’ editjar, filwaqt li spjega li huwa ma kienx fehem sew id-domanda magħmula mill-awditur u li dawn it-tliet offerti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni qabel ma ntgħażel il-fornitur.

29      Fit-tieni lok, skont ir-rapport tal-OLAF, id-dokumenti mogħtija lill-awditur fil-kuntest tal-awditu kienu dokumenti foloz li kienu ġew ippreparati fuq it-talba tar-rappreżentant tal-ISHR-MS, minħabba l-awditu, sabiex tingħata l-impressjoni li l-kuntratt kien ġie osservat. F’dan ir-rapport, l-OLAF jiddikjara li huwa wettaq missjoni fil-Moldova u seta’ jikkonferma manuvra frawdolenti użata mill-benefiċjarju tas-sussidju.

30      Fit-tielet lok, mir-rapport ta’ awditu finali jirriżulta li, inizjalment, il-koordinatriċi tal-proġett spjegat lill-awditur li l-ebda proċedura nnegozjata ma kienet ġiet segwita. Madankollu, skont l-imsemmi rapport, l-għada, l-awditur irċieva tliet offerti differenti ppreżentati minn fornituri ta’ servizzi ta’ editjar u, ġimgħa wara l-awditu, il-benefiċjarju bagħatlu kopji skanjati tad-dokumenti li kienu neqsin. L-unika persuna li ffirmat d-dokumenti kollha hija, skont l-awditur, N., il-koordinatriċi tal-proġett.

31      Fir-raba’ lok, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-30 ta’ Jannar 2017, kif ukoll mill-punt 19 tar-rikors u mill-punti 11 u 12 tar-replika, jirriżulta li r-rikorrenti stess kienet informat lill-awditur, waqt il-laqgħa tad-9 ta’ April 2013, li hija ma kinitx organizzat “sejħa għall-offerti”. Fl-istess okkażjoni, l-IHSR-MS kienet indikat ukoll li lanqas hija ma kienet organizzat ebda “sejħa għal offerti”.

32      Fil-ħames lok, fil-punti 13 u 14 tar-replika, ir-rikorrenti tiddikjara li, meta l-awditur sussegwentement talab, waqt l-istess laqgħa tad-9 ta’ April 2013, id-dokumenti dwar “proċedura nnegozjata”, hija spjegat li ma kienet ġiet organizzata l-ebda “sejħa għal offerti”, b’tali mod li hija ma setgħetx tipprovdi dokumenti relatati ma’ “proċedura nnegozjata”. Madankollu, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti fl-istess punti r-rappreżentanta tal-ISHR-MS, f’din l-istess okkażjoni, spjegat li hija kienet irċeviet tliet offerti. Id-dokumenti dwar dawn it-tliet offerti kienu, skont ir-rikorrenti, ġew ipprovduti lill-awditur l-għada, jiġifieri fl-10 ta’ April 2013, mill-imsemmija rappreżentanta u fil-preżenza tar-rappreżentant tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tiddikjara li hija ma kinitx taf li l-ISHR-MS kienet organizzat sejħa għal offerti jew li ġabret offerti.

33      Minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, li r-rikorrenti tammetti li ddikjarat lill-awditur li hija ma kienet segwiet l-ebda “proċedura ta’ sejħa għal offerti” jew ebda “proċedura nnegozjata” dwar l-għażla tal-fornitur tax-xogħlijiet ta’ editjar fil-kuntest tal-proġett. Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li r-rappreżentanta tal-ISHR-MS, għall-kuntrarju, iddikjarat li hija kienet irċeviet tliet offerti, u li hija sussegwentement ippreżentat id-dokumenti relatati magħhom waqt il-laqgħa tal-10 ta’ April 2013 mal-awditur, li għaliha r-rikorrenti kienet preżenti.

34      Madankollu, ir-rikorrenti, filwaqt li tammetti l-verżjoni tal-fatti kif deskritta fil-punt 33 iktar ’il fuq, tikkontesta r-responsabbiltà tagħha fit-tħejjija tad-dokumenti msemmija f’dan l-istess punt u tiċħad li hija personalment għaddiet tali dokumenti lill-awditur, waqt il-laqgħa ma’ dan tal-aħħar tal-10 ta’ April 2013. Huwa f’dan il-kuntest li hija tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, ir-rikorrenti kienet preżenti mal-ISHR-MS fil-laqgħa tal-10 ta’ April 2013. It-tieni nett, kif jirriżulta mill-ittra tal-awditur tat-3 ta’ Mejju 2013, li hija kontemporanja għall-fatti inkwistjoni u stabbilita minn awditur indipendenti mill-Kummissjoni, hija r-rikorrenti li, matul din il-laqgħa, ippreżentat lill-awditur tliet offerti pprovduti minn diversi kumpanniji ta’ pubblikazzjoni. It-tielet nett, anki jekk jitqies li, kif tallega r-rikorrenti fir-replika, li hija l-ISHR-MS li ppreżentat lill-awditur id-dokumenti inkwistjoni, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-proċess li r-rikorrenti ddistakkat ruħha mill-att tal-ISHR-MS ta’ preżentazzjoni tal-imsemmija dokumenti lill-awditur, minkejja li hija setgħet toġġezzjona għal din l-irregolarità, jew għall-inqas tastjeni milli tieħu sehem fl-imsemmija laqgħa. Ir-raba’ nett, ir-responsabbiltà tar-rikorrenti fil-ġestjoni tal-kuntratt ta’ sussidju kienet tirriżulta mid-“dikjarazzjoni ta’ sħubija”, mill-Artikolu 16 tal-kuntratt ta’ sussidju u mill-ftehim ta’ kooperazzjoni.

36      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-ittra tal-awditur tat-3 ta’ Mejju 2013, li tispeċifika li r-rikorrenti kienet ippreżentat lill-awditur tliet offerti pprovduti minn kumpanniji ta’ pubblikazzjoni differenti, ma ġiet ikkontradetta la mir-rapport tal-OLAF u lanqas mir-rapport ta’ awditu finali. Fil-fatt, minn naħa, ir-rapport tal-OLAF ma jispeċifikax min kien li ppreżenta d-dokumenti inkwistjoni lill-awditur, iżda biss li dawn id-dokumenti kienu foloz u kienu ġew ippreparati fuq talba tal-ISHR-MS, minħabba l-awditu, sabiex tingħata l-impressjoni li l-kuntratt kien ġie osservat. Min-naħa l-oħra, ir-rapport ta’ awditu finali jindika li l-awditur irċieva t-tliet offerti inkwistjoni waqt laqgħa li fiha r-rikorrenti u l-ISHR-MS kienu t-tnejn li huma preżenti, mingħajr madankollu ma jispeċifika l-persuna li ppreżentat dawn id-dokumenti lill-awditur.

37      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata tikkunsidra li r-rikorrenti kienet tqarrqet intenzjonalment mill-awditur.

38      Dan l-aġir intenzjonali ma jistax, barra minn hekk, jiġi kkontestat mid-dikjarazzjoni fuq l-unur tal-10 ta’ Lulju 2017, iffirmata minn B., il-President tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tar-rikorrenti, u mehmuża mar-rikors bħala anness.

39      Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm dikjarazzjoni fuq l-unur jista’ jkollha valur probatorju, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar, għandha tiġi vverifikata l-probabbiltà u l-veraċità tal-informazzjoni inkluża f’tali dikjarazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-oriġini tad-dokument, taċ-ċirkustanzi tar-redazzjoni tiegħu, tad-destinatarju tiegħu, u wieħed għandu jistaqsi jekk, mill-kontenut tiegħu, l-imsemmi dokument jidhirx raġonevoli u kredibbli (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Alchaar vs Il-Kunsill, T-203/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:602, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Issa, id-dikjarazzjoni fuq l-unur inkwistjoni toriġina mir-rikorrenti stess, peress li hija ffirmata mill-President tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, u hija kkontradetta mill-verżjoni tal-fatti inkluża fl-ittra tal-awditur tat-3 ta’ Mejju 2013, magħmula minn awditur indipendenti u redatta fil-mument tal-fatti inkwistjoni. Din l-ittra, barra minn hekk, ma ġiet ikkontestata la mir-rapport ta’ awditu finali u lanqas mir-rapport tal-OLAF.

41      Minbarra dan, sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-premessa 39 tagħha, imsemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq għandu jiġi analizzat fid-dettall liema kienu r-responsabbiltajiet tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proġett.

42      Fl-ewwel lok, għandu jingħad li, permezz tad-“dikjarazzjoni ta’ sħubija” ffirmata mir-rikorrenti fil-15 ta’ Lulju 2011, din tal-aħħar intrabtet bħala koresponsabbli għall-proġett. Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, fejn sħubija hija ddefinita bħala “rabta […] bejn żewġ organizzazzjonijiet jew iktar, b’responsabbiltajiet kondiviżi fit-twettiq tal-proġett issussidjat mill-Kummissjoni”, ir-rikorrenti saret taf bl-obbligi kollha relatati mall-kuntratt ta’ sussidju u awtorizzat ukoll lill-ISHR-MR sabiex tirrappreżentaha “fil-komunikazzjonijiet kollha mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-proġett [iffinanzjat mill-Kummissjoni]”. Din id-dikjarazzjoni tipprevedi wkoll li l-ISHR-MS “għandha tikkonsulta regolarment mal-imsieħba tagħha u żżommhom infurmati dwar il-progress [tal-proġett]”.

43      Fit-tieni lok, minn naħa, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 16.2, tal-Anness II tal-kuntratt ta’ sussidju jipprevedi li “[l-ISHR-MS] tintrabat li tagħti l-aċċess xieraq lil […] għal kull dokumenti […] li jirrigwarda l-ġestjoni teknika u finanzjarja” tal-proġett. L-Artikolu 16.3 ta’ dan l-anness isemmi wkoll li “id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 16.2 [ta’ dan l-anness] jinkludu […] il-prova tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, bħal dokumenti relatati mas-sejħiet għal offerti, offerti tal-offerenti u rapporti ta’ evalwazzjoni”. Min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 5.3 tal-Anness IV tal-kuntratt ta’ sussidju, huwa previst li “[l-]kuntratti ta’ provvista b’valur ta’ inqas minn EUR 60 000 għandhom jingħataw wara proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni, li għaliha [l-ISHR-MS] għandha tikkonsulta mill-inqas tliet fornituri tal-għażla tagħha” u li “[g]ħal dak li jikkonċerna l-kuntratti ta’ valur ta’ EUR 10 000 jew inqas, [l-ISHR-MS] tista’ tgħaddi ordnijiet fuq il-bażi ta’ offerta unika”.

44      Fit-tielet lok, il-ftehim ta’ kooperazzjoni jipprovdi li “l-ISHR-MS u [ir-rikorrenti] jiftiehmu li jaħdmu flimkien fl-implimentazzjoni tal-[…] proġett”. Huwa jistabbilixxi li “[l]-ISHR-MS hija finalment responsabbli għall-ġestjoni tal-proġett fl-intier tiegħu; dan jinkludi l-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-proġett […]; il-kontabbiltà u l-monitoraġġ tal-proġett, kif ukoll l-produzzjoni tar-rapporti intiżi għad-[Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Moldova]”. Huwa jipprevedi wkoll li “l-ISHR-MS għandha titlob l-opinjoni tar-[rikorrenti] kull darba li dan ikun meħtieġ” u li “[l-]iktar kwistjonijiet importanti li jikkonċernaw il-persunal jew l-implimentazzjoni tal-proġett għandhom jiġu diskussi bejn il-partijiet, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni”. Dan il-ftehim jistabbilixxi, fl-aħħar nett, li “[ir-rikorrenti] għandha tkun responsabbli, b’mod partikolari, għat-[…] tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal b’esperjenza għall-appoġġ u għat-taħriġ tal-[ISHR-MS] fl-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-proġett (implimentazzjoni, produzzjoni ta’ rapporti, kontabbiltà)”.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni fattwali tal-Kummissjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata u tiċħad ir-responsabbiltà tagħha għall-preżentazzjoni lill-awditur tat-tliet offerti, imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, għax-xogħlijiet ta’ editjar. Fil-fatt, għalkemm ma huwiex ikkontestat fid-deċiżjoni kkontestata li l-ISHR-MS hija responsabbli għall-preparazzjoni ta’ dawn id-dokumenti, huwa ġustament li l-Kummissjoni qieset li dan ma jeskludix ir-responsabbiltà tar-rikorrenti fit-trażmissjoni tal-imsemmija dokumenti lill-awditur.

46      Mill-elementi deskritti fil-punti 42 sa 44 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ISHR-MS kienet finalment responsabbli għall-ġestjoni tal-proġett fl-intier tiegħu, inkluż għall-preparazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-proġett. Skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 16 tal-Anness II tal-kuntratt ta’ sussidju, flimkien mal-Artikolu 5.3 tal-Anness IV tal-imsemmi kuntratt, il-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża kellha tiġi organizzata. Minn dawn l-elementi jirriżulta wkoll li l-kuntratt ta’ provvista ta’ xogħlijiet ta’ editjar fil-kuntest tal-proġett, peress li huwa kien ta’ valur ta’ EUR 42 424.44, kellu jingħata wara proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni, li fiha tal-inqas tliet fornituri kellhom jiġu kkonsultati.

47      Madankollu, skont l-elementi deskritti fil-punti 42 sa 44 iktar ’il fuq, l-ISHR-MS kellha titlob l-opinjoni tar-rikorrenti meta hija tqis dan neċessarju u, fi kwalunkwe każ, l-iktar kwistjonijiet importanti, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-proġett, kellhom jiġu diskussi bejn il-partijiet, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni. Jirriżulta b’mod partikolari mill-ftehim ta’ kooperazzjoni li r-rikorrenti kienet responsabbli għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal b’esperjenza għall-appoġġ u għat-taħriġ tal-ISHR-MS fl-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-proġett, jiġifieri l-implimentazzjoni, il-produzzjoni ta’ rapporti u l-kontabbiltà.

48      Issa, fid-dawl tal-funzjonijiet tagħha ta’ appoġġ għall-ISHR-MS, b’mod partikolari, fl-implimentazzjoni tal-proġett, u fid-dawl ukoll tal-valur tal-kuntratt ta’ provvista ta’ xogħlijiet ta’ editjar, jiġifieri EUR 42 424.44, li kien jirrappreżenta għalhekk iktar minn 10 % ta’ dak li ġie stabbilit bħala finanzjament massimu tal-Unjoni (jiġifieri EUR 414 025), ir-rikorrenti kienet responsabbli sabiex tiżgura diġà l-osservanza tar-rekwiżit ta’ konsultazzjoni ma’ tliet fornituri, kif ukoll il-veraċità tad-dokumenti msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq meta jiġu trażmessi lill-awditur, minkejja li ma kinitx ippreparathom hija stess.

49      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li r-rikorrenti stess, għall-ewwel, informat lill-awditur li hija ma kienet segwiet l-ebda “proċedura ta’ sejħa għal offerti” jew ebda “proċedura nnegozjata” għall-għażla tal-fornitur tax-xogħlijiet ta’ editjar fil-kuntest tal-proġett huwa, fih innifsu, fattur importanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tagħha fit-trażmissjoni, sussegwentement, tad-dokumenti lill-awditur. Fil-fatt, is-sempliċi eżistenza ta’ dawn id-dokumenti msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq hija f’kontradizzjoni mal-informazzjoni trażmessa mir-rikorrenti, bħala sieħeb tal-proġett, lill-awditur.

50      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li d-dokumenti msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq ġew trażmessi lill-awditur waqt laqgħa li r-rikorrenti kienet preżenti għaliha. Issa, fid-dawl tar-responsabbiltajiet tar-rikorrenti, skont id-“dikjarazzjoni ta’ sħubija”, fl-Artikolu 16 tal-kuntratt ta’ sussidju u fil-ftehim ta’ kooperazzjoni, is-sempliċi preżenza tagħha f’din l-okkażjoni tagħmel lir-rikorrenti responsabbli għal din it-trażmissjoni. Fil-fatt hija r-rikorrenti li kienet responsabbli, fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha ta’ appoġġ għall-ISHR-MS fl-implimentazzjoni tal-proġett, sabiex tiżgura, fil-mument tat-trażmissjoni tad-dokumenti inkwistjoni, li l-proċedura nnegozjata kienet ġiet osservata u li dawn id-dokumenti kienu jikkorrispondu għal offerti li kienu fil-fatt inġabru mill-ISHR-MS. Kif ġie indikat fil-punt 35 iktar ’il fuq, mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti ddistakkat ruħha mill-att tal-ISHR-MS ta’ trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti lill-awditur waqt il-laqgħa tal-10 ta’ April 2013, minkejja li hija kienet taf, b’mod partikolari wara l-informazzjoni trażmessa lill-awditur fid-9 ta’ April 2013 li l-ebda “proċedura ta’ sejħa għal offerti” u ebda “proċedura nnegozjata” ma ġew segwiti, bin-natura qarrieqa tad-dokumenti trażmessi.

51      Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod inkomplet il-fatti li jiġġustifikaw is-sanzjoni applikata u b’mod kontradittorju mad-dokumenti disponibbli għaliha, b’mod partikolari r-rapport ta’ awditu finali u r-rapport tal-OLAF.

52      Għaldaqstant, l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati talbiet għal xhieda magħmula mir-rikorrenti fil-punti 18 u 31 tar-rikors.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ

53      Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li huwa biss wara li qajmet ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tagħha li hija kellha l-possibbiltà li tikkonsulta l-ittra tal-awditur tat-3 ta’ Mejju 2013, kif ukoll ir-rapport tal-OLAF. Hija tikkunsidra, barra minn hekk, li hija ġiet ipprivata mill-possibbiltà li tadotta pożizzjoni fuq punti potenzjalment determinanti ta’ dawn id-dokumenti, sa fejn ħafna partijiet ġew moħbija fil-verżjoni ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti li ġiet trażmessa lilha. Fit-tieni parti, hija ssostni li hija nstemgħet u li hija kellha aċċess għall-fajl biss permezz tal-Bord u li ma reġgħetx instemgħet mill-Kummissjoni stess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

54      Il-Kummissjoni toġġezzjona għal dan l-argument. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà tal-argument, imressaq mir-rikorrenti għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, li din tal-aħħar instemgħet u kellha aċċess għall-fajl biss permezz tal-Bord u li hija ma reġgħetx instemgħet minnha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

55      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, dan id-dritt jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli.

56      Ir-rispett tad-dritt għal smigħ, impost direttament fuq kull istituzzjoni, organu jew korp tal-Unjoni, jiggarantixxi lil kull persuna affetwata direttament jew mill-azzjoni ta’ dawn l-amministrazzjonijiet il-possibbiltà li tagħti, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal miżura individwali li taffettwa l-interessi tagħha b’mod sfavorevoli (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Bernaldo de Quirós vs Il-Kummissjoni, T‑649/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:736, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li ċerti partijiet tad-dokumenti li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti kienu ġew moħbija ma ppreġudikax, kif il-Kummissjoni ġustament issostni, id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

58      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-ittra tal-awditur tat-3 ta’ Mejju 2013, il-fatti li huma deskritti fiha u li nżammu fid-deċiżjoni kkontestata huma dawk imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq. Permezz ta’ din l-ittra, l-awditur informa lill-Kummissjoni li huwa kien talab, waqt laqgħa, informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti segwita għall-għażla tal-fornitur tax-xogħlijiet ta’ editjar għall-proġett. F’din l-ittra, huwa speċifika li inizjalment irċieva mingħand ir-rikorrenti u l-ISHR-MS informazzjoni li l-ebda proċedura speċifika ma kienet ġiet organizzata minħabba l-fatt li l-ammonti inkwistjoni, li jammontaw għal EUR 42 424.44, kienu inklużi taħt linji baġitarji differenti. Bl-istess mod, huwa indika li rappreżentant tar-rikorrenti kien ippreżentalu l-għada tliet offerti ppreżentati minn kumpanniji differenti ta’ editjar, filwaqt li spjega li huwa ma kienx fehem sew id-domanda li huwa kien għamel u li dawn it-tliet offerti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni qabel ma ntgħażel il-fornitur.

59      Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-deskrizzjoni tal-fatti ġiet essenzjalment miżmuma fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessi 19 u 20, u li din tal-aħħar ma hijiex ibbażata u lanqas ma tirreferi għal siltiet tal-ittra tal-awditur tat-3 ta’ Mejju 2013 li, fil-verżjoni ta’ dan id-dokument kif kienet mibgħuta lir-rikorrenti, kienu ġew moħbija.

60      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda r-rapport tal-OLAF, il-fatti li huma deskritti fih u li nżammu fid-deċiżjoni kkontestata huma dawk imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq. Minn dan ir-rapport jirriżulta li d-dokumenti trażmessi lill-awditur fil-kuntest tal-awditu kienu dokumenti foloz li kienu ġew ippreparati fuq it-talba tar-rappreżentant tal-ISHR-MS, minħabba dan l-awditu, sabiex tingħata l-impressjoni li l-kuntratt kien ġie osservat. F’dan ir-rapport, l-OLAF jiddikjara li seta’ jikkonferma l-manuvra frawdolenti użata mill-benefiċjarju tas-sussidju.

61      Issa, jidher li d-deskrizzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessi 19 u 20, hija wkoll konformi mal-konstatazzjonijiet tar-rapport tal-OLAF, imsemmija fil-punti 29 u 60 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għalkemm, fl-imsemmi rapport, l-OLAF jirreferi biss għar-rwol tal-ISHR-MS u ma jindirizzax il-fatti preċiżi li jirrigwardaw lir-rikorrenti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li f’din tal-aħħar il-Kummissjoni ma tibbażax ruħha u lanqas ma tagħmel ebda riferiment għal siltiet ta’ dan ir-rapport li, fil-verżjoni ta’ dan id-dokument kif mibgħuta lir-rikorrenti, kienu ġew moħbija.

62      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dokumenti inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq fatti li jikkonċernaw ir-rikorrenti u li huma msemmija fil-partijiet li ma ġewx moħbija, li r-rikorrenti kellha għarfien tagħhom u li fir-rigward tagħhom hija kellha l-possibbiltà li tadotta pożizzjoni.

63      Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

64      Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ motiv, għandha qabelxejn tiġi analizzata il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ.

65      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 105a(2) tar-Regolament Nru 966/2012, li jaqra kif ġej:

“2.      Id-deċiżjoni li teskludi u/jew li timponi penali finanzjarja għandha tittieħed mill-awtorità kontraenti. Deċiżjoni bħal din għandha tiġi bbażata fuq sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali.

Madankollu, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 106(2), l-awtorità kontraenti għandha tressaq il-każ quddiem il-bord imsemmi fl-Artikolu 108 sabiex tiġi żgurata valutazzjoni ċentralizzata ta’ dawk is-sitwazzjonijiet. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità kontraenti għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha bbażata fuq klassifikazzjoni preliminari fil-liġi, filwaqt li tqis rakkomandazzjoni tal-bord.

[…]”

66      L-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 966/2012 jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-awtorità kontraenti għandha teskludi operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċeduri tal-akkwist irregolati minn dan ir-Regolament fejn:

[…]

ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ mġiba professjonali ħażina serja billi jkun kiser il-liġijiet jew ir-regolamenti jew l-istandards etiċi applikabbli tal-professjoni li jappartjeni għaliha l-operatur ekonomiku, jew billi jkun involut fi kwalunkwe aġir illegali li għandu impatt fuq il-kredibbiltà professjonali tiegħu fejn dan it-tip ta’ aġir jindika intenzjoni ħażina jew negliġenza serja, fosthom, b’mod partikolari, kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

[…]

2.      Fin-nuqqas ta’ sentenza finali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali fil-każijiet imsemmija fil-punti (c), (d) u (f) tal-paragrafu 1, jew fil-każ imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, l-awtorità kontraenti għandha teskludi operatur ekonomiku abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari fil-liġi ta’ aġir imsemmi f’dawk il-punti, b’kont meħud tal-fatti stabbiliti jew sejbiet oħra li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108.

[…]”

67      Skont l-Artikolu 108 tar-Regolament Nru 966/2012:

“5.      L-awtorità kontraenti tista tieħu deċiżjoni biex teskludi u/jewtimponi penali finanzjarja, u deċiżjoni li tiġi ppubblikata l-informazzjoni relatata, biss wara li tkun kisbet rakkomandazzjoni tal-bord fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq klassifikazzjoni preliminari kif imsemmi fl-Artikolu 106(2).

[…]

8.      Il-proċedura li ġejja għandha tapplika quddiem il-bord:

a)      l-awtorità kontraenti li tagħmel it-talba għandha tirreferi l-każ lill-bord bl-informazzjoni meħtieġa msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-fatti u s-sejbiet imsemmija fl-Artikolu 106(2) u l-allegata sitwazzjoni ta’ esklużjoni;

b)      il-bord għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-operatur ekonomiku bil-fatti inkwistjoni u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-liġi, li jistgħu jikkwalifikaw bħala sitwazzjoni ta’ esklużjoni msemmija fil-punti (c), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 106(1) u/jew li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja. Il-bord għandu, fl-istess ħin, jagħmel l-istess notifika lill-awtoritajiet kontraenti l-oħra;

c)      qabel ma jadotta kwalunkwe rakkomandazzjoni, il-bord għandu jagħti lill-operatur ekonomiku u lill-awtoritajiet kontraenti nnotifikati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet. […];

9. […]

Meta l-awtorità kontraenti tipprevedi deċiżjoni iktar severa minn dik li ġiet irrakkomandata mill-bord, hija għandha tiżgura li t-tali deċiżjoni tittieħed bir-rispett dovut tad-dritt ta’ smigħ u tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data personali.”

68      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li nstemgħet mill-Bord. Hija barra minn hekk adottat ukoll pożizzjoni fuq l-ittri mibgħuta mill-Bord tliet darbiet, jiġifieri fis-16 ta’ Jannar, fid-9 ta’ Frar u fis-6 ta’ Marzu 2017, permezz tal-ittri tagħha tat-30 ta’ Jannar, tal-15 ta’ Frar u tat-8 ta’ Marzu 2017. Hija tallega li hija ma nstemgħetx mill-Kummissjoni stess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm, fl-opinjoni tagħha, dan kellu jkun il-każ.

69      F’dan ir-rigward, qabelxejn, huwa b’mod żbaljat li, kif deskritt fil-punt 54 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni l-inammissibbiltà tal-argument tar-rikorrenti li hija ma reġgħetx instemgħet minnha stess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi ssostni li dan huwa motiv ġdid, imressaq mir-rikorrenti għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika.

70      Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża, ħlief jekk dan il-motiv ikun ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Barra minn hekk, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu rabta stretta miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Minbarra dan, l-argumenti li s-sustanza tagħhom għandha rabta stretta ma’ motiv mogħti fir-rikors ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala motivi ġodda u l-preżentazzjoni tagħhom hija ammessa fl-istadju tar-replika jew tas-seduta (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-394/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:417, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, minn naħa, fil-punt 32 tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li, “[h]uwa biss wara li tqajjem ilment f’dan ir-rigward li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tikkonsulta [l-ittra tal-awditur] tat-3 ta’ Mejju 2013 […] u r-rapport tal-OLAF […] u li tadotta pożizzjoni fir-rigward tagħhom”. Min-naħa l-oħra, fil-punti 27 u 28 tar-replika, ir-rikorrenti ssostni li “[il-Kummissjoni] qegħda tfixkel il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108 tar-Regolament 966/2012, segwita mill-Bord, ma’ dik prevista fl-Artikolu 106(2) [tal-imsemmi regolament] segwita mill-[Kummissjoni] sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha”, li “[hija nstemgħet u kellha aċċess għall-fajl] permezz tal-[Bord]”, li “[ma reġgħetx instemgħet mill-Kummissjoni stess] qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha” u li “[d]an jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt għal smigħ”.

72      Għalkemm, fir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka dan l-ilment b’mod konċiż ħafna, il-fatt huwa li hija ssostni li d-dritt ta’ smigħ tagħha inkiser, sa fejn hija kellha biss il-possibbiltà li tikkonsulta d-dokumenti inkwistjoni u li tadotta pożizzjoni fir-rigward tagħhom wara li hija qajmet ilment f’dan ir-rigward. Issa, fil-punti 43 u 44 tar-risposta, il-Kummissjoni sostniet li l-aċċess għall-imsemmija dokumenti kien seħħ fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Bord, li sussegwentement għaliha r-rikorrenti speċifikat, fir-replika, li l-ksur tad-dritt għal smigħ tagħha kien jirriżulta minħabba l-fatt li hija ma reġgħetx instemgħet mill-Kummissjoni stess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

73      Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma invokatx, fir-replika, motiv ġdid f’dan ir-rigward, iżda ssupplimentat ir-raba’ motiv li hija kienet invokat fir-rikors bħala tweġiba għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għal dan l-aħħar motiv.

74      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li hija ma reġgħetx instemgħet mill-Kummissjoni stess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, imressaq fil-punti 27 u 28 tar-replika, li għandu rabta stretta ma’ motiv invokat fir-rikors, huwa ammissibbli.

75      Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-mertu.

76      Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 14 iktar ’il fuq, il-Bord adotta rakkomandazzjoni li permezz tagħha stieden lill-Kummissjoni sabiex teskludi lir-rikorrenti, minħabba kondotta professjonali ħażina, mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u mill-għoti ta’ sussidji għal perijodu ta’ sitt xhur. Din ir-rakkomandazzjoni ġiet segwita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

77      Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni ma pprevedietx li tieħu deċiżjoni iktar severa minn dik li kienet ġiet irrakkomandata mill-Bord, u peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fil-fatt segwiet din ir-rakkomandazzjoni, ma kienx meħtieġ smigħ ġdid tar-rikorrenti.

78      F’dan ir-rigward, kif ġustament ssostni l-Kummissjoni, smigħ ġdid tar-rikorrenti, wara li nstemgħet mill-Bord fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(8) u (9) tar-Regolament 966/2012, huwa meħtieġa biss, kif previst fl-Artikolu 108(9) tal-imsemmi regolament, meta l-Kummissjoni tipprevedi li tadotta deciżjoni iktar severa minn dik irrakkomandata mill-Bord, li ma kienx il-każ hawnhekk.

79      Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, dan il-motiv huwa miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

80      Ir-rikorrenti tikkontesta, fir-replika, il-proporzjonalità tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħafna snin li fihom hija kienet ipparteċipat f’diversi proġetti kofinanzjati mill-Kummissjoni, inkluż bħala sieħeb kuntrattwali, mingħajr ma tat lok għal kritika dwar ix-xogħol impekkabbli li hija kienet wettqet, l-assenza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi mogħtija fil-konfront tagħha, in-natura unika tal-ksur allegat u tal-assenza ta’ dannu finanzjarju għall-Kummissjoni.

81      Il-Kummissjoni ssostni li dan huwa lment ġdid, invokat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, li huwa inammissibbli, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura jew, fi kwalunkwe każ, infondat.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 108(11) tar-Regolament Nru 966/2012, fil-verżjoni tagħha introdotta bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2015, L 286, p. 1), il-Qorti Ġenerali “għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu biex tirrieżamina deċiżjoni li biha l-awtorità kontraenti teskludi operatur ekonomiku u/jew timponi fuqu penali finanzjarja, inkluż it-tnaqqis jew iż-żieda fit-tul ta’ żmien tal-esklużjoni u/jew tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-penali finanzjarja imposta”.

83      Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi. L-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ma huwiex indispensabbli għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju li l-Qorti Ġenerali, li hija ċertament obbligata li tirrispondi għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C-386/10 P, EU:C:2011:815, punti 64 u 66).

84      F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 22 iktar ’il fuq, fir-rikors ir-rikorrenti invokat erba’ motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod inkomplet il-fatti li jiġġustifikaw is-sanzjoni applikata fil-konfront tar-rikorrenti. Fit-tieni lok, hija evalwat il-fatti b’mod kontradittorju mar-rapport ta’ awditu finali. Fit-tielet lok, hija evalwat il-fatti b’mod kontradittorju mar-rapport tal-OLAF. Fir-raba’ lok, hija kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

85      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, fir-rikors, talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr madankollu ma kkontestat il-legalità tas-sanzjoni li kienet ġiet imposta fuqha u lanqas il-proporzjonalità tagħha.

86      L-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, ma jikkostitwixxix għalhekk l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu rabta stretta miegħu.

87      Barra minn hekk, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa bbażat fuq elementi li kienu magħrufa mir-rikorrenti fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha. Issa, mill-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Għaldaqstant, dan l-ilment, fl-istadju tar-replika, huwa inammissibbli.

88      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

90      Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      “Pro NGO!” (Non-Governmental-Organisations/Nicht-Regierungs-Organisationen) e.V. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.