Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Lulju 2007 - Doktor vs Il-Kunsill

(Kawża F-73/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Frantisek Doktor (Bratislava, is-Slovakkja) (rappreżentanti: S. Rodrigues, R. Albelice u Ch. Bernard-Glanz, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta' tkeċċija tar-rikorrent wara l-perijodu taħt prova adottata fl-24 ta' Ottubru 2006 mill-Awtorità tal-Ħatra (AIPN) tal-Kunsill, meħuda flimkien mad-deċiżjoni adottata fis-16 ta' Mejju 2007 mill-AIPN li tiċħad it-talba mressqa mir-rikorrent;

tindika lill-AIPN l-effetti ta' l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u b'mod partikolari l-possibbiltà li jwettaq prova oħra f'istituzzjoni oħra jew li tittawwal il-prova bi trasferiment f'post mingħajr responsabbiltà ta' kap ta' unità li warajha ssir evalwazzjoni ġdida tal-kwalifiki tar-rikorrent;

tikkundanna lill-konvenut għall-kumpens tad-dannu subit, minn perspettiva professjonali u finanzjarja (b'riferiment għas-salarju u benefiċċji relatati li r-rikorrent kellu jiġbor mill-1 ta' Novembru 2006 sad-data tar-reintegrazzjoni tiegħu li tirriżulta mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll morali (b'riferiment għal ammont indikattiv ta' EUR 50 000);

tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tiegħu r-rikorrent jinvoka erba' motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, l-obbligu ta' premura u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. B'mod partikolari, il-prova tiegħu seħħet f'kundizzjonijiet anormali u li jmorru kontra diversi regoli proċedurali interni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, safejn id-deċiżjoni ta' tkeċċija ma għandhiex ir-raġunijiet u tagħti indikazzjonijiet kuntradittorji u inqas favorevoli minn dawk li jinsabu fl-ewwel rapport ta' prova.

Fit-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni ta' tkeċċija hija sproporzjonata u vvizjata bi żball manifest ta' evalwazzjoni, safejn, minn naħa, hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni r-riżultati ta' ċerti testijiet ta' personalità u li, minn naħa l-oħra, evalwazzjoni negattiva bħala kap ta' unità, anki fil-każ li hija fondata, ma kellhix twassal ħlief għat-trasferiment f'post mingħajr responsabbiltajiet tali.

Fir-raba' motiv ir-rikorrent jinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta' trattament ugwali, safejn id-deċiżjoni ta' tkeċċija ttieħdet fuq il-bażi ta' rapporti adottati mingħajr ma sar smiegħ preliminari u l-aħħar rapport kien ġie ffinalizzat bi ksur tar-regoli proċedurali applikabbli.

____________