Language of document : ECLI:EU:F:2011:124

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Lulju 2011

Kawża F-116/10

Sandro Gozi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Dmir ta’ assistenza — Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Rimbors tal-ispejjeż tal-avukati sostnuti fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji quddiem qorti nazzjonali”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu S. Gozi jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tirrimborsah is-somma ta’ EUR 24 480 li huwa sostna bħala spejjeż ta’ avukat fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-Italja u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallsu l-imsemmija somma.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. S. Gozi għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Kamp ta’ applikazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

2.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni — Kundizzjoni — Talba li għandha ssir qabel mill-persuna kkonċernata — Eċċezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

3.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Implementazzjoni — Kundizzjoni — Talba li għandha ssir qabel mill-persuna kkonċernata — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

4.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24)

5.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Legalità tar-rifjut ta’ istituzzjoni li tieħu miżuri

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

1.      Peress li l-għan tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jagħti lill-uffiċjali ċertezza għall-preżent u għall-ġejjieni, sabiex dawn ikunu jistgħu, fl-interess ġenerali tas-servizz, jaqdu aħjar il-funzjonijiet tagħhom, l-obbligu ta’ assistenza impost fuq l-istituzzjonijiet ma huwiex limitat għall-membri tal-persunal attivi iżda jirrigwarda l-uffiċjali kollha, inklużi dawk li jkunu fuq leave għal raġunijiet personali.

(ara l-punt 12)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, 229/84, punt 19

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il‑Kummissjoni, T‑34/96 u T‑163/96, punt 130


2.      Bħala prinċipju, huwa l-uffiċjal li għandu jressaq talba għal assistenza lill-istituzzjoni li huwa jaqa’ taħtha, sakemm ċerti kundizzjonijiet eċċezzjonali ma jkunux tali li jobbligaw lill-istituzzjoni tipprovdi assistenza speċifika fuq inizjattiva tagħha stess mingħajr talba minn qabel ta’ dan l-uffiċjal.

(ara l-punt 13)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20

3.      Uffiċjal huwa ammess iressaq talba għal assistenza anki jekk, mingħajr ma jipprovdi indikazzjonijiet oħra, huwa jillimita ruħu li jsemmi l-obbligu ta’ assistenza stabbilit fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jew, fis-sitwazzjoni opposta, meta, fid-dawl tal-kliem ċar tat-talba tiegħu, huwa ried jinvoka dan l-artikolu minkejja li ma semmiehx espliċitament.

Barra minn hekk, peress li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 jippermetti li l-uffiċjali jiksbu kumpens għad-danni subiti minħabba inġurji jew difamazzjoni li għaliha huma kienu suġġetti minħabba l-pożizzjoni u l-funzjonijiet tagħhom, il-fatt li din it-talba għal assistenza tieħu purament il-forma ta’ talba għal kumpens intiża għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ avukat ma jaffettwax il-klassifikazzjoni li għandha tingħata lill-imsemmija talba.

Barra minn hekk, għalkemm bħala prinċipju uffiċjal huwa ammess iressaq talba għal assistenza mal-istituzzjoni tiegħu sa mill-bidu ta’ proċeduri kriminali li jikkonċernawh, peress li l-għan tal-Artikolu 24 huwa preċiżament li jiżgura d-difiża tal-uffiċjali akkużati fi proċeduri ġudizzjarji minħabba l-pożizzjoni u l-funzjonijiet tagħhom, is-sempliċi fatt li l-uffiċjal ressaq it-talba tiegħu lill-istituzzjoni biss wara li ntemmew il-proċeduri ġudizzjarji li kienu jikkonċernawh ma jipprekludihx milli jressaq talba għal assistenza.

(ara l-punti 14, 16 u 17)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 1993, Caronna vs Il‑Kummissjoni, T‑59/92, punt 65

4.      Skont l-obbligu ta’ assistenza previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha, meta jseħħ inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa u tirrispondi malajr u bi premura kif jirrikjedu ċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u tislet, meta jsiru magħrufa l-fatti, il-konsegwenzi xierqa.

Madankollu, għalkemm l-obbligu ta’ assistenza previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa garanzija essenzjali mogħtija minn dawn ir-regolamenti lill-uffiċjal, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-uffiċjal għandu jipproduċi elementi li prima facie juru li l-aġir ta’ terzi, bħal akkużi ta’ frodi, saru fil-konfront tiegħu minħabba l-pożizzjoni jew il-funzjonijiet tiegħu u huma illegali fid-dawl tal-liġi nazzjonali applikabbli. Fil-fatt, li kieku tali rekwiżit ma kienx impost fuq l-uffiċjali, amministrazzjoni ssib ruħha obbligata, hekk kif wieħed mill-uffiċjali tagħha jressaq kawża dwar fatti allegatament konnessi mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, li tipprovdilu assistenza, indipendentement min-natura ta’ dawn il-fatti, tan-natura serja tal-kawża u tal-probabbiltajiet tiegħu li jirbaħ.

(ara l-punti 23 u 24)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Ottubru 1988, Hamill vs Il‑Kummissjoni, 180/87; Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Ġunju 2000, K vs Il‑Kummissjoni, T‑67/99, punti 34 sa 42

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Novembru 2010, Wenig vs Il‑Kummissjoni, F‑75/09, punt 48

5.      Il-legalità tar-rifjut ta’ istituzzjoni li tieħu miżuri abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li din tal-aħħar kellha fil-mument ta’ meta ħadet id-deċiżjoni tagħha.

(ara l-punt 25)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq