Language of document : ECLI:EU:C:2019:65

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl‑24 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C603/17

Peter Bosworth,

Colin Hurley

vs

Arcadia Petroleum Limited et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Taqsima 5 tat-Titolu 2 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ impjieg – Talbiet għal kumpens imressqa minn diversi kumpanniji tal-istess grupp fil-konfront ta’ ex diretturi tal-kumpannija – Kunċetti ta’ ‘kuntratt individwali ta’ impjieg’ u ta’ ‘persuna li timpjega’ – Talbiet ibbażati fuq bażijiet legali meqjusa bħala ta’ natura ta’ delitt fid-dritt sostantiv – Kundizzjonijiet li taħthom tali talbiet huma ‘f’materji’ kuntrattwali u/jew kuntratti individwali ta’ impjieg għall-finijiet tal-Konvenzjoni Lugano II”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi relatati mal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit‑30 ta’ Ottubru 2007 (2) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”).

2.        Dawn id-domandi huma magħmula fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-azzjonist uniku u diversi kumpanniji ta’ grupp multinazzjonali u, min-naħa l-oħra, l-ex diretturi tal-kumpanniji tiegħu dwar talbiet għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn frodi, allegatament imwettqa fil-konfront ta’ dawn il-kumpanniji u fejn dawn id-diretturi kienu l-imħuħ wara u l-benefiċjarji prinċipali.

3.        Fl-istadju attwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales għandhomx ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar dawn it-talbiet, jew jekk humiex il-qrati Svizzeri, inkwantu l-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-ex diretturi kkonċernati, li għandhom jiġu aditi b’dawn it-talbiet kollha jew b’parti minnhom. Ir-risposta tiddependi minn jekk l-imsemmija domandi humiex “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg” jew le, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II (iktar ’il quddiem t-Taqsima 5).

4.        F’dan il-kuntest, id-domandi tal-imsemmija qorti jqajmu punti ta’ liġi kumplessi, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ewlenin tal-imsemmija Taqsima 5, jiġifieri dawk ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, ta’ “ħaddiem” u ta’ “persuna li timpjega”. Dawn iqajmu wkoll il-punt dwar jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, talba, imressqa bejn partijiet għal tali “kuntratt” u li hija msejsa fuq bażi legali ta’ natura ta’ delitt fid-dritt sostantiv, taqax taħt din l-istess taqsima.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, se nispjega r-raġunijiet għaliex diretturi ta’ kumpannija, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’awtonomija sħiħa, ma humiex marbuta mal-kumpannija li għaliha jeżerċitaw dawn il-funzjonijiet b’“kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Sussidjarjament, ser nispjega, minn naħa, għalfejn talba, imressqa mill-partijiet għall-imsemmi “kuntratt”, u li hija msejsa fuq bażi legali ta’ natura ta’ delitt, taqa’ taħt din it-taqsima meta t-tilwima titnissel fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, għalfejn l-espressjoni l-“persuna li timpjega”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija taqsima, ma tillimitax ruħha neċessarjament għall-persuna li magħha l-ħaddiem formalment ikkonkluda kuntratt ta’ impjieg.

II.    Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II

6.        It-Taqsima 5 tat-Titolu II, li hija intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta’ l-impjieg”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 18 u 20 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

7.        L-Artikolu 18(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li “[f]’materji relatati ma’ kuntratti individwali ta’ l-impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5)”.

8.        L-Artikolu 20(1) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi li “[p]ersuna li timpjega n-nies tista’ tistitwixxi proċedimenti biss fil-qrati ta’ l-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat l-impjegat”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        Il-grupp Arcadia huwa magħmul b’mod partikolari mill-kumpanniji Arcadia London, Arcadia Switzerland u Arcadia Singapore. Dan il-grupp huwa 100 % miżmum mill-kumpannija Farahead Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “Farahead”). Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Peter Bosworth u Colin Hurley (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”), illum iddomiċiljati fl-Isvizzera, kienu, rispettivament, chief executive officer (CEO) u chief financial officer (CFO) tal-imsemmi grupp. Huma kienu, barra minn hekk, id-diretturi tat-tliet kumpannija ta’ Arcadia inkwistjoni. Iktar minn hekk kull wieħed minnhom kien jibbenefika minn kuntratt ta’ impjieg ma’ waħda minn dawn il-kumpanniji, imfassla minnhom infushom jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

10.      Fit‑12 ta’ Frar 2015, it-tliet kumpanniji Arcadia msemmija iktar ’il fuq u Farahead (iktar ’il quddiem, flimkien, “Arcadia”) adixxew lill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), ir-Renju Unit) b’talbiet għal kumpens li jirrigwardaw diversi persuni, fosthom il-konvenuti fil-kawża prinċipali. Dawn it-talbiet kienu intiżi għall-ksib ta’ kumpens għad-danni li l-grupp ġarrab minħabba sensiela ta’ tranżazzjonijiet frawdolenti li fihom kienu involuti l-kumpanniji Arcadia u mwettqa fil-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ April 2007 u x-xahar ta’ Mejju 2013.

11.      Skont Arcadia, il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma l-imħuħ wara u l-benefiċjarji prinċipali ta’ din il-frodi. Fil-pożizzjoni tagħhom ta’ CEO u ta’ CFO tal-grupp, huma allegatament assoċjaw ruħhom mal-persuni l-oħra involuti biex iwettqu miżapproprjazzjoni tal-parti l-kbira tal-profitti ġġenerati mit-tranżazzjonijiet kontenzjużi u allegatament ħbew dawn it-tranżazzjonijiet minn Farahead. Min-naħa tagħhom, il-partijiet ikkonċernati jikkontestaw bil-qawwa dawn l-akkużi.

12.      Fir-rikors inizjali tagħha, Arcadia kienet allegat li n-nuqqasijiet allegatament imwettqa mill-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu jikkostitwixxu (1) id-delitt (tort) ta’ kollużjoni bl-użu ta’ mezzi illegali (unlawful means conspiracy), (2) id-delitt ta’ ksur ta’ obbligi fiduċjarji ta’ lealtà u ta’ bona fide (breach of fiduciary duty) u (3) ksur tal-obbligi kuntrattwali espliċiti jew impliċiti (breach of express and/or implied contractual duties) li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg tagħhom.

13.      Permezz ta’ rinunzja tal-ġurisdizzjoni tad‑9 ta’ Marzu 2015, il-partijiet ikkonċernati affermaw li, konformement mal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tat-talbiet ta’ Arcadia li jikkonċernawhom. Fil-fatt, dawn it-talbiet jikkonċernaw “materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg” u għaldaqstant jaqgħu taħt it-Taqsima 5. Konsegwentement, huma biss il-qrati tal-Istat tad-domiċilju tagħhom, jiġifieri l-qrati Svizzeri, li għandhom ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward.

14.      Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mmodifikaw ir-rikors tagħhom. Huwa rrinunzja milli jinvokaw il-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg tal-konvenuti fil-kawża prinċipali u neħħa kull riferiment għall-ksur ta’ dawn l-obbligi bħala mezz illegali użat fil-kuntest tad-delitt ta’ kollużjoni.

15.      Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ April 2015, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)) iddeċidiet li l-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales għandhom ġurisdizzjoni biex jeżaminaw it-talbiet ta’ Arcadia sa fejn dawn huma bbażati fuq id-delitt ta’ kollużjoni bl-użu ta’ mezzi illegali (unlawful means conspiracy). Barra minn hekk, hija ddeċidiet li dawn il-qrati għandhom ġurisdizzjoni wkoll biex jiddeċiedu dawn it-talbiet sa fejn dawn huma bbażati fuq id-delitt ta’ ksur tal-obbligi fiduċjarji ta’ lealtà u ta’ bona fide (breach of fiduciary duty), bl-eċċezzjoni li huma ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jeżaminaw it-talbiet imressqa fuq din il-bażi minn Arcadia London u Arcadia Singapore għall-fatti prodotti f’dak iż-żmien fejn kull waħda minn dawn il-kumpanniji kienet marbuta b’kuntratt ta’ impjieg ma’ P. Bosworth jew C. Hurley. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, u f’dan ir-rigward biss, it-talbiet ta’ Arcadia huma “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.

16.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit). Dan l-appell ġie miċħud permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Awwissu 2016. Madankollu, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) awtorizzat lill-partijiet ikkonċernati biex jappellaw.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-aħħar qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Liema huma l-kriterji t-tajba sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem jew ex ħaddiem (iktar ’il quddiem ‘ħaddiem’) hijiex ‘kwistjoni li tirrigwarda’ kuntratt individwali tax-xogħol fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II (Artikoli 18 sa 21), tal-[Konvenzjoni ta’ Lugano II]?

a)      Sabiex azzjoni mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem tkun taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II], huwa biżżejjed li l-aġir li l-imsemmi ħaddiem ġie kkritikat bih seta’ wkoll ikun is-suġġett ta’ azzjoni tal-persuna li timpjega bbażata fuq il-ksur, mill-ħaddiem, tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt individwali tax-xogħol tiegħu – anki jekk l-azzjoni effettivament mibdija mill-persuna li timpjega ma hijiex ibbażata fuq, ma tikkritikax u ma tinvokax ksur ta’ tali kuntratt iżda hija bbażata (per eżempju) fuq wieħed jew iktar mill-ilmenti [inkwistjoni fil-kawża prinċipali]?

b)      Sussidjarjament, il-kriterju t-tajjeb huwa li azzjoni mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 biss jekk l-obbligu li fuqu hija effettivament ibbażata l-azzjoni huwa obbligu li jirriżulta mill-kuntratt tax-xogħol? Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, minn dan ikun isegwi li azzjoni bbażata unikament fuq il-ksur ta’ obbligu tnissel indipendentement mill-kuntratt tax-xogħol (u li, jekk ikun il-każ, ma huwiex obbligu ‘ikkonsentit b’mod liberu’ mill-ħaddiem) ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima 5?

c)      Jekk ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tajjeb, allura liema huwa l-kriterju t-tajjeb?

2)      Jekk kumpannija u persuna fiżika jikkonkludu ‘kuntratt’ (fis-sens tal-Artikolu 5(1) [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II]), sa fejn għandha tkun teżisti relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn din il-kumpannija u din il-persuna fiżika sabiex l-imsemmi kuntratt ikun ‘kuntratt individwali tax-xogħol’ għall-finijiet tat-Taqsima 5 [tat-Titolu 2 ta’ din il-konvenzjoni]? Tali relazzjoni tista’ teżisti meta din il-persuna fiżika tkun f’pożizzoni li tiddeċiedi (u effettivament tiddeċiedi) il-klawżoli tal-kuntratt tagħha ma’ din il-kumpannija, u jkollha kontroll u awtonomija fuq l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kuljum tal-kumpannija u fuq l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha stess iżda l-azzjonist/i ta’ din il-kumpannija jkollhom is-setgħa li jtemmu din ir-relazzjoni?

3)      Jekk id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-[Konvenzjoni ta’ Lugano II] huma applikabbli biss għall-azzjonijiet li, li kieku ma teżistix it-Taqsima 5, ikunu jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) ta’ din il-konvenzjoni, liema huma l-kriterji t-tajba sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni taqax taħt l-imsemmi Artikolu 5(1)?

a)      Il-kriterju t-tajjeb huwa li azzjoni taqa’ taħt [dan] l-Artikolu 5(1) jekk l-aġir kontenzjuż jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi ksur ta’ obbligu kuntrattwali, anki jekk l-azzjoni effettivament mibdija mill-persuna li timpjega ma tinvokax, ma tikkritikax u ma tallegax ksur tal-obbligi kuntrattwali?

b)      Sussidjarjament, il-kriterju t-tajjeb huwa li azzjoni taqa’ taħt [dan] l-Artikolu 5(1) biss jekk l-obbligu li jservi effettivament ta’ bażi għall-azzjoni jkun obbligu kuntrattwali? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, minn dan ikun isegwi li azzjoni bbażata unikament fuq il-ksur ta’ obbligu li tnissel indipendentement mill-kuntratt (u li, jekk ikun il-każ, ma huwiex obbligu ‘kkonsentit b’mod liberu’ mill-konvenut) ma taqax taħt l-Artikolu 5(1)?

c)      Jekk ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tajjeb, allura liema huwa l-kriterju t-tajjeb?

4)      F’ċirkustanzi fejn:

a)      il-kumpanniji A u B jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji;

b)      il-konvenut X jeżerċita de facto l-funzjonijiet ta’ Uffiċjal Kap Eżekuttiv (CEO) ta’ dan il-grupp ta’ kumpanniji (kif kien jagħmel P. Bosworth għall-grupp Arcadia […]); X huwa impjegat minn kumpannija tal-grupp, il-kumpannija A (u għaldaqstant huwa ħaddiem tal-kumpannija A) (kif kien P. Bosworth minn żmien għall-ieħor […]), u ma huwiex, mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali, impjegat tal-kumpannija B;

c)      il-kumpannija A tibda azzjoni kontra X, u dik l-azzjoni taqa’ taħt l-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II]; u

d)      il-kumpannija l-oħra tal-istess grupp, il-kumpannija B, ukoll tibda azzjoni kontra X għall-istess ilmenti bħal dawk li jservu ta’ bażi għall-azzjoni mibdija mill-kumpannija A;

liema huma l-kriterji t-tajba sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjoni mibdija mill-kumpannija B taqax taħt it-Taqsima 5 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II]? B’mod partikolari:

–      ir-risposta għad-domanda tiddependi fuq l-eżistenza ta’ ‘kuntratt individwali tax-xogħol’ fis-sens tat-Taqsima 5 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II] bejn X u l-kumpannija B u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-kriterji t-tajba li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali kuntratt tax-xogħol?

–      Il-kumpannija B għandha titqies li hija l-‘persuna li timpjega’ lil X għall-finijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-[Konvenzjoni ta’ Lugano II], u/jew l-azzjoni li hija bdiet kontra X (ara l-punt 4(4) hawn fuq) taqa’ taħt l-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II] bl-istess mod bħalma dik mibdija mill-kumpannija A kontra X taqa’ taħt dawn l-istess dispożizzjonijiet? B’mod partikolari:

a)      L-azzjoni mibdija mill-kumpannija B taqa’ taħt l-Artikolu 18 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II] biss jekk l-obbligu li fuqu hija effettivament ibbażata huwa obbligu li jirriżulta mill-kuntratt tax-xogħol konkluż bejn il-kumpannija B u X?

b)      Sussidjarjament, din l-azzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 18 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II] jekk l-ilmenti allegati fl-azzjoni kienu jikkostitwixxu ksur ta’ obbligu li jirriżulta mill-kuntratt tax-xogħol bejn il-kumpannija A u X?

–      Jekk ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tajjeb, allura liema huwa l-kriterju t-tajjeb?”

18.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2017. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, Arcadia, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess partijiet, minbarra l-Konfederazzjoni Svizzera, kienu rrappreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑13 ta’ Settembru 2018.

IV.    Analiżi

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

19.      Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II hija konvenzjoni internazzjonali li torbot lill-Unjoni mal-Istati partijiet għall-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) u mal-Konfederazzjoni Svizzera. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’domandi dwar l-interpretazzjoni tagħha b’mod rari biss. Din hija strument parallel għar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (3), li għandu l-istess suġġett u li jipprevedi l-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni bħal dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza sostanzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli għall-imsemmi regolament tista’ tiġi ttrasposta għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ din il-konvenzjoni (4).

20.      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jifformaw parti mill-kuntest ġuridiku li ġej. Arcadia tqis li l-qrati tal-Ingilterra għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tat-talbiet tagħha fil-konfront tal-konvenuti fil-kawża prinċipali fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Fil-fatt, dawn huma marbuta strettament ma’ talbiet simili fil-konfront ta’ tliet persuni oħrajn iddomiċiljati fl-Ingilterra u f’Wales (5).

21.      Madankollu l-partijiet ikkonċernati jikkontestaw il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati. Huma jargumentaw li dwar it-talbiet huma “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg” u li għaldaqstant jaqgħu taħt it-Taqsima 5.

22.      F’dan ir-rigward, infakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-ġurisdizzjoni għat-talbiet f’dan il-qasam hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Skont l-Artikolu 20(1) ta’ din il-konvenzjoni, talba ta’ “persuna li timpjega” fil-konfront ta’ “ħaddiem” għandha titressaq quddiem il-qrati tal-Istat tad-domiċilju ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom natura eżawrjenti (6). Għaldaqstant, li kieku kellu jitqies li l-imsemmija taqsima hija applikabbli, għaldaqstant Arcadia ma tkunx tista’ tinvoka l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija konvenzjoni.

23.      Fil-fatt, l-għan tat-Taqsima 5 huwa, b’mod partikolari (7), li jiġi protett il-ħaddiem, meqjus bħala l-parti l-inqas b’saħħitha għall-kuntratt, permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tiegħu (8). Għal dan l-għan, din it-taqsima ċċaħħad lill-persuna li timpjega minn kull għażliet ta’ ġurisdizzjoni biex iressaq it-talba tiegħu u toffri lill-ħaddiem il-vantaġġ li, bħala prinċipju, jkun jista’ jiġi mħarrek biss quddiem il-qrati tad-domiċilju tiegħu, jiġifieri dawk li huma meqjusa l-iktar familjari għalih.

24.      Il-kwistjoni tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni eċċepita mill-konvenuti fil-kawża prinċipali tiddependi fuq il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 5. F’dan ir-rigward l-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jirrigwarda, infakkar, it-talbiet “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg”. Minn dawn it-termini jirriżultaw żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, għandu jkun hemm tali “kuntratt” bejn il-partijiet; min-naħa l-oħra, it-talba għandha tkun marbuta, b’ċertu mod, ma’ dan il-“kuntratt”.

25.      It-tieni u r-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw essenzjalment l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, filwaqt li l-ewwel u t-tielet domanda jirrigwardaw it-tieni kundizzjoni. Jien ser neżamina l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg” (B), sussegwentement il-problema tar-rabta li għandu jkun hemm bejn it-talba u l-“kuntratt” (C), qabel ma nerġa’ lura għall-kunċett ta’ “persuna li timpjega”, fis-sens tat-Taqsima 5 (D).

B.      Fuq il-kunċett ta’ kuntratt individwali ta’ impjieg” (it-tieni domanda)

26.      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kuntratti bħal dawk li kienu ġew konklużi bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u ċerti kumpanniji tal-grupp Arcadia jistgħux jiġu kklassifikati bħala “kuntratti individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Din il-qorti tfittex li tiddetermina sa fejn, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, huwa neċessarju li jkun hemm relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn individwu u l-kumpannija li tuża s-servizzi tiegħu. Hija tistaqsi jekk tali relazzjoni tistax teżisti meta l-individwu jiddeċiedi termini tal-kuntratt tiegħu u għandu kull kontroll u kull awtonomija fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju tal-kumpannija u fuq l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu stess, iżda meta l-azzjonisti tal-kumpannija għandhom is-setgħa li jtemmu l-kuntratt. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tixtieq issir taf il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi inferita, għall-finijiet ta’ din it-taqsima, l-eżistenza ta’ tali “kuntratti” bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-kumpanniji Arcadia li magħhom huma ma kinux formalment ikkonkludew kuntratt (9).

1.      Fuq l-ammissibbiltà

27.      Bħalma tindika il-qorti tar-rinviju, Arcadia ma kkontestatx quddiem il-qrati nazzjonali inferjuri li, fil-konfront ta’ kull waħda mill-kumpanniji li magħhom huma kienu formalment kkonkludew kuntratt ta’ impjieg, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kellhom l-istatus ta’ ħaddiem. Skont il-partijiet ikkonċernati, għalhekk ma huwiex neċessarju, sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża prinċipali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta dwar din il-kwistjoni.

28.      Jien ma naqbilx ma’ din il-perspettiva. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (10).

29.      Barra minn hekk, jidhirli li, minn naħa, din l-assenza ta’ kontestazzjoni hija spjegata mill-fatt li Arcadia inizjalment kienet qieset li l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ impjieg fis-sens tad-dritt sostantiv kienet tinvolvi fiha nnifisha l-klassifikazzjoni ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Madankollu, il-grupp minn dak iż-żmien bidel fehmtu u jikkontesta bil-qawwa din il-klassifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-partijiet iddibattew, fl-istadji kollha tal-proċedura nazzjonali, il-kwistjoni ta’ jekk kinux jeżistu tali “kuntratti” bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-kumpanniji tal-grupp li huma ma kellhomx kuntratt formalment magħhom (11). Għalhekk evidentement hija meħtieġa risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.      Fuq il-mertu

30.      Għandu jitfakkar, li fiż-żmien meta seħħew il-fatti kontenzjużi, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu jeżerċitaw għall-grupp Arcadia funzjonijiet ta’ diretturi tal-kumpannija fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji. B’mod iktar preċiż, P. Bosworth kien iċ-chief executive officer (CEO) de facto (12) tal-grupp u C. Hurley kien, de facto, iċ-chief financial officer (CFO) tal-grupp. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati kienu d-diretturi legali u/jew effettivi (13) ta’ Arcadia London, ta’ Arcadia Switzerland u ta’ Arcadia Singapore.

31.      Kull wieħed mill-konvenuti fil-kawża prinċipali kien, barra minn hekk, ikkonkluda kuntratt ta’ impjieg, fis-sens tad-dritt sostantiv (14), ma’ kumpannija partikolari tal-grupp Arcadia. L-identità ta’ din il-kumpannija madankollu varjat matul iż-żmien, fejn dawn minn żmien għall-ieħor kienu impjegati b’mod partikolari minn Arcadia London u minn Arcadia Singapore – iżda mhux minn Arcadia Switzerland. Dawn id-diversi kuntratti kienu jistipulaw li l-partijiet ikkonċernati kellhom jeżerċitaw funzjonijiet ta’ tmexxija preċiżi biss għall-kumpannija li kienet timpjegahom. L-unika remunerazzjoni li huma kienu jirċievu mingħand il-grupp kienet dik stabbilita f’dawn il-kuntratti, imħallsa mill-kumpannija li timpjegahom, għal dawn il-funzjonijiet preċiżi.

32.      F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi mistoqsi, qabel kollox, jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II, hemmx lok li ssir distinzjoni bejn, minn-naħa, ir-relazzjonijiet li kienu jeżistu bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-kumpanniji tal-grupp Arcadia li magħhom huma kienu formalment ikkonkludew kuntratt, fis-sens tad-dritt sostantiv, u, min-naħa l-oħra, ir-relazzjonijiet li kienu jeżistu bejnhom u l-kumpanniji l-oħrajn tal-grupp Arcadia. Jien ma ninsabx konvint b’dan, u dan għal żewġ raġunijiet.

33.      Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, ma għandux jiġi interpretat b’riferiment għal-lex causæ jew għal-lex fori, iżda b’mod awtonomu, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn din il-konvenzjoni fl-Istati kollha marbutin minnha (15).

34.      Fir-rigward ta’ din id-definizzjoni awtonoma, mis-sentenza Holterman jirriżulta li tali “kuntratt individwali ta’ impjieg” jeżisti meta persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom kienet tirċievi remunerazzjoni (16). Għalhekk ikun hemm tali “kuntratt” meta l-karatteristiċi ta’ relazzjoni ta’ impjieg – servizz, remunerazzjoni u subordinazzjoni  – ikunu ssodisfatti fil-fatti, u ftit li xejn tkun importanti l-klassifikazzjoni li jagħti d-dritt sostantiv lil din ir-relazzjoni. Kif jiddikjaraw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni, għalhekk bejn żewġ persuni jista’ jeżisti tali “kuntratt” anki meta, fis-sens tad-dritt sostantiv applikabbli, ma jkun ġie konkluż ebda kuntratt, u meta inkwistjoni jkun hemm relazzjoni ta’ impjieg purament de facto (17).

35.      Nippreċiża li din l-interpretazzjoni tosserva t-termini tat-Taqsima 5, peress li l-espressjoni “kuntratt individwali ta’ impjieg” ma timplikax il-konklużjoni formali ta’ kuntratti, fis-sens tad-dritt sostantiv. Barra minn hekk, l-użu ta’ din l-espressjoni fl-istrumenti li jorbtu lill-Istati Membri u/jew lill-Unjoni fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat imur lura għall-konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (18). Issa, matul l-adozzjoni ta’ din il-konvenzjoni, l-imsemmija espressjoni ġiet ippreferuta minn dik ta’ “relazzjoni ta’ impjieg”, pproposta fl-abbozz preliminari tal-imsemmija konvenzjoni, essenzjalment minħabba li din l-aħħar espressjoni ma kinitx irrikonoxxuta minn ċerti sistemi legali nazzjonali (19). Għalhekk ikun żbaljat li ssir distinzjoni bejn “kuntratt” u “relazzjoni” fil-kuntest tat-Taqsima 5 (20).

36.      Konsegwentement, l-assenza ta’ kuntratt formali, fis-sens tad-dritt sostantiv, bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u kumpannija Arcadia partikolari ma teskludix li “kuntratt”, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, għandu jiġi dedott mill-fatti. Għall-kuntrarju, il-kuntratti konklużi bejn il-persuni kkonċernati u kumpanniji oħra tal-grupp ma għandhomx neċessarjament jitqiesu li huma “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tal-imsemmija taqsima.

37.      Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, indipendentement minn dak li hemm stipulat fil-kuntratti inkwistjoni, id-diversi assenjazzjonijiet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali inkwantu impjegati ta’ tali jew tali kumpannija u ċ-ċaqlieq tagħhom fi ħdan il-grupp Arcadia, fil-fatti, la mmodifikaw in-natura tal-funzjonijiet li huma eżerċitaw fi ħdanu, u lanqas ma kellhom effett fuq ir-rwoli rispettivi tagħhom ta’ CEO u ta’ CFO tal-kumpanniji Arcadia kollha u tal-grupp innifsu. Fi ftit kliem, dawn l-assenjazzjonijiet kienu purament formali. L-imsemmija kuntratti ġew imfassla mill-partijiet ikkonċernati jew b’istruzzjonijiet mingħandhom u huma kienu għażlu mhux biss it-termini ta’ dawn il-kuntratti iżda wkoll li jkollhom tali kuntratt ma’ tali kumpannija iktar milli ma’ oħra (21).

38.      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk ir-relazzjoni li kienet teżisti bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tagħhom ta’ diretturi ta’ kumpannija, u kull waħda mill-kumpanniji Arcadia, indipendentement mill-eżistenza jew le ta’ kuntratt formali bejniethom f’mument partikolari, għandhiex tiġi analizzata bħala “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.

39.      Billi taċċetta li tassumi l-funzjonijiet ta’ direttur ta’ kumpannija, persuna taċċetta liberament l-obbligi marbuta magħhom. Bl-istess mod, billi tagħti tali funzjonijiet lil din il-persuna il-kumpannija tassumi liberament ċerti obbligi fir-rigward tagħha B’mod partikolari, il-funzjonijiet ta’ direttur ta’ kumpannija huma, bħala regola ġenerali, eżerċitati kontra remunerazzjoni (22). Għalhekk hemm obbligi liberament assunti bejn il-kumpannija u d-direttur, li jaqgħu taħt il-“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I. Fil-fehma tiegħi, dan ikun il-każ, kemm jekk dan id-direttur jkun ġie maħtur formalment (direttur legali) jew jekk, mingħajr ma kien, aġixxa effettivament bħala tali (direttur de facto) (23).

40.      Fil-kuntest tal-“obbligi kuntrattwali” li għalhekk jorbtu lid-direttur u lill-kumpannija, l-ewwel wieħed jipprovdi lit-tieni waħda servizz għal remunerazzjoni. Konformement mal-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-relazzjoni tagħhom għandha tiġi kklassifikata bħal “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tat-Taqsima 5, biss jekk id-direttur huwa, fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, issubordinat għall-kumpannija.

41.      Fis-sentenza Holterman il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-ħtiġijiet tat-Taqsima 5, l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni “għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari skont l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet”. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li direttur li għandu sehem fil-kapital azzjonarju li huwa suffiċjenti biex jinfluwenza “b’mod kunsiderevoli” lill-persuni li normalment għandhom il-kompetenza li jagħtuh istruzzjonijiet u jikkontrollaw l-implimentazzjoni tagħhom ma jistax ikun issubordinat għall-kumpannija (24).

42.      Ikun żbaljat li dan ir-raġunament jinqara a contrario, fis-sens li direttur li ma għandux sehem fil-kapital azzjonarju, kif kien il-każ tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, huwa, biss minħabba dan il-fatt, issubordinat għall-kumpannija. Għalkemm f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja indikat ċirkustanza li f’kull każ teskludi subordinazzjoni, hija ma ddeċidietx dwar l-elementi li jistgħu jikkaratterizzawha.

43.      Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, huwa possibbli li wieħed jispira ruħu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u ta’ ċerti direttivi ta’ armonizzazzjoni. Skont din il-ġurisprudenza, dak li jikkaratterizza rabta ta’ subordinazzjoni huwa l-fatt li ħaddiem jinsab taħt it-tmexxija ta’ persuna oħra, li ma timponilux biss is-servizzi li għandhom jitwettqu, iżda fuq kollox il-mod kif għandhom jitwettqu u li huwa għandu josserva l-istruzzjonijiet u r-regoli interni. Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali rabta ta’ subordinazzjoni, għalhekk, bħala regola ġenerali, din għandha tintrabat mal-awtonomija u mal-flessibbiltà li l-ħaddiem għandu biex jagħżel l-orarju, il-post u l-metodi ta’ eżekuzzjoni tal-inkarigi fdati lilu u/jew mas-sorveljanza u mal-kontroll li l-persuna li timpjega teżerċita fuq il-mod li bih il-ħaddiem jaqdi l-funzjonijiet tiegħu (25).

44.      Minn dan jirriżulta, hekk kif isostnu l-grupp Arcadia u l-Konfederazzjoni Svizzera, li direttur ta’ kumpannija huwa ssubordinat għall-kumpannija biss jekk huwa suġġett għad-direzzjoni effettiva ta’ persuna oħra fl-eżerċizzju u fl-organizzazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu. L-eżistenza ta’ tali direzzjoni tiġi evalwata fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet inkwistjoni, tal-kuntest li fihom jiġu eżerċitati, tal-portata tas-setgħat tal-persuna kkonċernata u tal-kontroll li għalih din hija effettivament suġġetta fi ħdan il-kumpannija (26).

45.      Issa, per eżempju, diretturi ta’ kumpannija, bħal konvenuti fil-kawża prinċipali, li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, fil-kwalità tagħhom ta’ CEO u ta’ CFO, ingħataw l-iktar setgħat wiesgħa sabiex jamministraw il-kumpannija u jaġixxu f’isimha u għall-interessi tagħha u għandhom kull kontroll u kull awtonomija fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tan-negozju tagħha u fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom – ċirkustanza li f’dan il-każ turi l-fatt li l-kuntratti ta’ impjieg suċċessivi tagħhom kienu mfassla minnhom infushom jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom, li huma kienu jagħżlu t-termini ta’ dawn il-kuntratti u l-persuna li timpjegahom formalment – ma humiex, f’dawn il-funzjonijiet, issubordinati għall-kumpannija.

46.      B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, is-subordinazzjoni ma tistax titħallat mad-direttivi ġenerali li jirċievi d-direttur min-naħa tal-azzjonisti dwar id-direzzjoni tan-negozju tal-kumpannija. Dawn id-direttivi ġenerali ma jikkonċernawx l-eżekuzzjoni nnifisha tal-funzjonijiet tad-direttur jew il-mod kif jorganizzahom. Il-mandat ta’ direttur ta’ kumpannija huwa li jaġixxi f-isem il-kumpannija u, għal dan il-għan, jista’, jirċievi istruzzjonijiet raġonevoli dwar l-inkarigu tiegħu. Għall-istess raġunijiet, il-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti mil-liġi fil-konfront tal-azzjonisti ma jikkaratterizzawx, fihom infushom, l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni. Kull mandatarju għandu jagħti ċerti rendikonti lill min jagħtih il-mandat. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li dawn l-istess azzjonisti għandhom is-setgħa li jneħħu lid-direttur tal-kumpannija ma huwiex suffiċjenti biex din ir-rabta tiġi kkaratterizzata. Il-fatt li huma għandhom tali setgħa ta’ revoka ma jfissirx li huma ndaħlu fil-mod ta’ kif titmexxa l-kumpannija. Għal darba oħra, fil-kuntest ta’ kwalsiasi mandat, min jagħti l-mandat jista’ unilateralment itemm ir-relazzjoni mal-mandatarju tiegħu, mingħajr ma din iċ-ċirkustanza ma turi, fiha nnifisha, subordinazzjoni.

47.      B’kunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi, fil-kawża ineżami, ċertament, kienu jeżistu bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u kull waħda mill-kumpanniji Arcadia, “obbligi kuntrattwali” reċiproċi, li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Xi drabi dawn l-obbligi ġew ifformalizzati f’kuntratti u xi drabi oħra dan ma seħħx. F’kull każ, dawn l-istess obbligi ma jistgħux jiġu analizzati bħala “kuntratti individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.

48.      Din l-interpretazzjoni ma titqegħidx f’dubju, għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, mis-sentenzi Danosa (27) u Balkaya (28). F’dan ir-rigward, infakkar li, fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 92/85/KEE (29) li għalkemm “ma jistax jiġi eskluż” li diretturi ta’ kumpannija ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ ħaddiem, fis-sens ta’ din id-direttiva, “fid-dawl tal-funzjonijiet speċifiċi li ngħatawlhom kif ukoll tal-kuntest li fihom dawn il-funzjonijiet huma eżerċitati u tal-mod li bih jiġu eżerċitati”, direttur huwa ssubordinat għall-kumpannija meta (1) huwa jagħmel parti integrali mill-kumpannija, (2) għandu jagħti rendikont tal-ġestjoni tiegħu lil korp ieħor tal-kumpannija u jikkollabora miegħu u (3) jista’ jitneħħa mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti (30). Fis-sentenza Balkaya (31), il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet dan ir-raġunament għad-Direttiva 98/59/KE (32) u, filwaqt li bbażat fuq indizji simili, ikklassifikat direttur tal-kumpannija bħala “ħaddiem”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

49.      Madankollu, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ kunċett f’qasam regolatorju tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi trasposta awtomatikament f’qasam separat (33). Kif indikajt, dan huwa biss sors ta’ ispirazzjoni. Il-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, għandu jiġi interpretat b’riferiment prinċipalment għall-istruttura u għall-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I (34), kif ukoll għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi ta’ dritt nazzjonali (35). Dawn il-preċedenti għalhekk jistgħu jiġu trasposti għal dawn l-istrumenti biss b’ċirkuspezzjoni. Ninnota, barra minn hekk, li fis-sentenza Holterman, il-Qorti tal-Ġustizzja ma applikatx expressis verbis din il-ġurisprudenza, iżda kkuntentat ruħha li kultant tispira ruħha minnha.

50.      F’dan ir-rigward, ninnota li t-tliet indizji aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Danosa (36) biex tiddeċiedi li direttur ta’ kumpannija huwa “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 92/85, huma ssodisfatti fir-rigward tal-maġġoranza tagħhom. Fil-fatt, sa ċertu punt, tali direttur huwa b’mod ġenerali (1) “integrat” fil-kumpannija, (2) għandu jagħti rendikont lil korp ieħor tal-kumpannija – il-bord tad-diretturi jew superviżorju, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, eċċ. – u (3) jista’ jitneħħa minn tali korp.

51.      Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li testendi għad-diretturi ta’ kumpannija, fis-sentenzi Danosa (37) u Balkaya (38), il-protezzjoni mit-tkeċċija offruta mid-direttivi ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, il-konsegwenza tat-traspożizzjoni tal-loġika li tirriżulta minn dawn is-sentenzi għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Brussell I u mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II tkun li parti kbira mill-kawżi li jeżistu bejn kumpannija u d-diretturi tagħha jiġu meqjusa taħt il-kappa tal-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, u jkunu jaqgħu għaldaqstant taħt id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.

52.      F’dan ir-rigward, għandi nfakkar li, fis-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri, ir-relazzjoni li teżisti bejn kumpannija u d-diretturi tagħha ma taqax taħt id-dritt industrijali iżda taħt id-dritt tal-kumpanniji. Id-diretturi huma korpi ta’ kumpannija. Il-funzjonijiet ta’ direttur ta’ kumpannija u s-setgħat u l-obbligi li joħorġu minnhom jirriżultaw mill-istatuti  tal-kumpannija u mid-dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli għaliha. Ċertament, f’ċerti Stati Membri, fosthom ir-Renju Unit, diretturi u l-kumpanniji jistgħu jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom permezz ta’ kuntratt – li jista’ jkun kuntratt ta’ ġestjoni, ta’ mandat jew ta’ impjieg (39). B’kunsiderazzjoni ta’ dan, id-dritt tal-kumpanniji jibqa’ fil-qofol tar-relazzjoni tagħhom.

53.      B’mod partikolari, il-kawżi dwar responsabbiltà tad-diretturi ta’ kumpannija fir-rigward tal-kumpannija u tal-azzjonisti tagħha, li huwa x-xenarju tal-kawża ineżami, huma kawżi li jaqgħu taħt l-imsemmi dritt tal-kumpanniji, li b’mod ġenerali huwa s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fid-dritt tal-Istati Membri, li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-portata ta’ din ir-responsabbiltà (40).

54.      Inkonsistenza daqshekk evidenti bejn il-klassifikazzjonijiet nazzjonali u dik għall-finijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I ma jiffaċilitawx l-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti u l-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li dawn jipprevedu. Barra minn hekk, l-iżvantaġġi prattiċi li jirriżultaw minn applikazzjoni ġeneralizzata tat-Taqsima 5 għad-diretturi tal-kumpannija ftit li xejn huma adatti għall-ispeċifiċità tal-kawżi relatati mar-responsabbiltà tagħhom u ftit konformi mal-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. F’dan il-qasam, ir-responsabbiltà in solidum tad-diversi diretturi ta’ kumpannija għad-danni kkawżati lill-kumpannija fl-amministrazzjoni tagħha hija soluzzjoni normali (41). Madankollu, bl-applikazzjoni tat-Taqsima 5, kull waħda minn dawn il-persuni għandha tiġi mħarrka separatament quddiem il-qrati tad-domiċilju rispettiv tagħha, mingħajr ma jkun possibbli li dawn il-kawżi jinġabru quddiem qorti waħda.

55.      Barra minn hekk, infakkar li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Brussell I u, b’estensjoni, dawk tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhom jiġu interpretati b’mod koerenti mar-regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet previsti mir-Regolament Ruma I (42). Madankollu, għalkemm dan ir-regolament, fl-Artikolu 8 tiegħu, fih dispożizzjonijiet relatati mal-“kuntratti individwali ta’ impjieg”, dan jipprevedi wkoll, fl-Artikolu 1(2)(f) tiegħu, li l-“kwistjonijiet regolati mil-liġi tal-kumpanniji”, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-“organizzazzjoni interna” tagħhom huma esklużi minnu.

56.      F’dan ir-rigward, huwa ġeneralment aċċettat li huma koperti minn din il-kategorija l-kwistjonijiet marbuta mas-setgħat u mal-funzjonament tal-korpi tal-kumpannija, inklużi tad-diretturi tal-kumpannija, u mar-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tagħha u tal-azzjonisti jew tas-soċji f’każ ta’ użu illeċitu minn dawn is-setgħat (43). B’kunsiderazzjoni tal-esklużjoni hekk prevista fir-Regolament Ruma I, id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal dawn il-kwistjonijiet taqa’ taħt ir-regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet ta’ kull Stat Membru.

57.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, għandi dubji serji dwar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II kellhomx l-għan li jestendu l-applikazzjoni tat-Taqsima 5 għall-kawżi dwar ir-responsabbiltà ċivili tad-diretturi tal-kumpannija. L-interessi inkwistjoni f’dan il-qasam, barra minn hekk, huma tabilħaqq differenti minn dawk marbuta mar-responsabbiltà tal-ħaddiema fir-rigward tal-persuni li jimpjegawhom. Il-bilanċ li għandu jintlaħaq ma huwiex l-istess, u r-regoli tad-dritt internazzjonali privat jipparteċipaw f’dan il-bilanċ (44).

58.      Fi kliem ieħor, ma huwiex possibbli, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, li tintgħażel interpretazzjoni tal-kunċett ta’ subordinazzjoni identika għal dik magħżula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Danosa (45) u Balkaya (46), mingħajr ma tinħoloq konfużjoni ġenwina bejn ir-regoli tad-dritt industrijali u dawk tad-dritt tal-kumpanniji, li tista’ tiġi ġġustifikata fil-kuntest ta’ dawn is-sentenzi, iżda li tkun partikolarment mhux xierqa fil-kuntest tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

59.      L-interpretazzjoni pproposta fil-punti 45 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet lanqas ma titqiegħed f’dubju mill-argument tal-konvenuti fil-kawża prinċipali li skontu r-regoli tat-Taqsima 5 ma jagħmlux distinzjoni bejn kategoriji ta’ ħaddiema. Fil-fatt, ma nissuġġerixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel distinzjonijiet, mhux previsti mill-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, bejn il-ħaddiema ssubordinati. Jien sempliċement nipproponilha biex iżżomm aċċettazzjoni tal-kunċett ta’ “subordinazzjoni”, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din it-taqsima, li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tad-dritt tal-kumpanniji u r-realtà ta’ mandati mogħtija minn kumpannija.

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda tkun li direttur ta’ kumpannija li jkollu kull kontroll u kull awtonomija fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju tal-kumpannija li huwa jirrappreżenta u l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet rispettivi tiegħu, ma huwiex issubordinat għal din il-kumpannija u, għaldaqstant, ma għandux “kuntratt individwali ta’ impjieg” magħha, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Il-fatt li l-azzjonisti tal-imsemmija kumpannija għandhom is-setgħa li jneħħu lil dan id-direttur ma jikkonfutax din l-interpretazzjoni.

C.      Fuq it-test li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk talba tkunx “f’materji relatati ma’” kuntratt individwali ta’ impjieg (l-ewwel u t-tielet domanda)

61.      L-ewwel nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi, bħalma nissuġġerilha jien, li ma jistax ikun hemm “kuntratti individwali ta’ impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, bejn diretturi ta’ kumpannija daqstant omnipotenti daqs kemm kienu l-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-kumpanniji li għalihom huma kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, ma jkunx neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju. Għalhekk qed neżaminahom biss sussidjarjament.

62.      B’segwitu għal din il-preċiżazzjoni, infakkar li, fil-każ ineżami, it-talbiet imressqa minn Arcadia kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali huma msejsa, essenzjalment, fuq id-delitt ta’ kollużjoni bl-użu ta’ mezzi illegali (unlawful means conspiracy) u fuq id-delitt ta’ ksur tal-obbligi fiduċjarji ta’ lealtà u ta’ bona fide (breach of fiduciary duty). Madankollu, fid-dritt Ingliż, dawn il-bażijiet legali huma ta’ natura ta’ delitt (tort).

63.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda, jekk talba, imressqa bejn partijiet għal “kuntratt individwali ta’ impjieg”, u li hija msejsa fuq tali bażijiet legali ta’ delitt tistax taqa’ taħt it-Taqsima 5 u, jekk dan ikun il-każ, skont liema kriterji.

64.      Skont Arcadia, it-Taqsima 5 ma tapplikax għad-domandi tagħha peress li dawn ma humiex ibbażati fuq obbligu li jirriżulta mill-kuntratti ta’ impjieg tal-konvenuti fil-kawża prinċipali (47), iżda fuq il-ksur ta’ doveri legali li jeżistu indipendentement minn dawn il-kuntratti. Fil-fatt, l-imsemmija taqsima hija, fin-natura tagħha, subdiviżjoni tal-kategorija “f’materji kuntrattwali”, prevista fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Issa, talba li għandha tali bażijiet legali taqa’ taħt il-“materji ta’ delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ din il-konvenzjoni, u għalhekk hija eskluża minn din l-istess taqsima.

65.      Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jaffermaw li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Taqsima 5, il-kriterju deċiżiv huwa li jsir magħruf jekk, indipendentement mir-regola ta’ dritt sostantiv li fuqha min jimpjega jibbaża t-talba tiegħu, l-aġir ikkontestat jistax jikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw mill-kuntratt individwali ta’ impjieg, li huwa seta’ jinvoka (48). Issa, dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li Arcadia setgħet tibbaża t-talbiet tagħha fuq ksur tal-obbligi kuntrattwali espliċiti jew impliċiti (breach of express and/or implied contractual duties) li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg tal-partijiet ikkonċernati (49). Għalhekk l-imsemmija taqsima tapplika għall-kawża prinċipali.

66.      Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet fil-kawża prinċipali, u sabiex nipproponi risposta eżawrjenti għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, inqis utli, qabel kollox, li nerġa’ nittratta b’mod ġenerali l-problema tat-talbiet ta’ delitt imressqa bejn partijiet kontraenti u li nanalizza s-soluzzjonijiet applikabbli f’dan il-qasam fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II (1). Sussegwentement, se nispjega r-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tiegħi, it-Taqsima 5 teħtieġ soluzzjoni differenti (2).

1.      Il-problema tat-talbiet ta’ delitt imressqa bejn partijiet kontraenti

67.      Fil-livell teoretiku, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, id-distinzjoni bejn dak li jaqa’ taħt il-materji kuntrattwali u dak li jaqa’ taħt il-materji ta’ delitt tiddependi min-natura tal-obbligu li jinvoka l-applikant kontra l-konvenut. Fi ftit kliem, din hija kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk dan l-obbligu jirriżultax mill-ksur ta’ dmir idderivat immedjatament mil-liġi u applikabbli erga omnes (l-obbligu huwa għalhekk ta’ delitt), jew inkella mill-effett ta’ ftehim volontarju bejn żewġ persuni (f’liema każ, l-obbligu huwa kuntrattwali) (50).

68.      Madankollu, xi drabi l-istess aġir dannuż jikkostitwixxi, fl-istess ħin, nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu kuntrattwali u nuqqas ta’ osservanza ta’ dmir legali applikabbli erga omnes. Għalhekk hemm akkumulazzjoni ta’ responsabbiltà (jew akkumulazzjoni ta’ obbligi kuntrattwali u ta’ delitt).

69.      Il-frodi allegata mill-grupp Arcadia fil-konfront tal-konvenuti fil-kawża prinċipali twassal għal akkumulazzjoni simili ta’ responsabbiltajiet. Fil-fatt, fid-dritt Ingliż jeżisti dmir ġenerali li ma ssirx konfoffa għall-finijiet ta’ dannu fil-konfront ta’ ħaddieħor. Nuqqas ta’ osservanza ta’ dan id-dmir jikkostitwixxi delitt ċivili (tort of conspiracy). Indipendentement, il-fatt li ħaddiem jagħmel ħsara lill-persuna li timpjegah jikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu kuntrattwali tiegħu ta’ lealtà. Għalhekk l-aġir dannuż jiġġenera potenzjalment żewġ responsabbiltajiet separati.

70.      Fil-konfront ta’ tali akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet, ċerti sistemi nazzjonali, fosthom id-dritt Ingliż, iħallu lir-rikorrent l-għażla li jibbaża t-talba tiegħu fil-konfront tal-parti kontraenti tiegħu fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt u/jew fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali (51). Min-naħa l-oħra, sistemi oħra, fosthom id-dritt Franċiż, bħala prinċipju jeskludu tali għażla, b’mod konformi mar-regola msejħa ta’ “nuqqas ta’ akkumulazzjoni”: rikorrent ma jistax jinvoka obbligu mhux kuntrattwali fil-konfront tal-parti kontraenti tiegħu meta l-fatti li jinvoka jikkostitwixxu wkoll nuqqas kuntrattwali.

71.      Ir-Regolament Brussell I u l-Konvenzjoni ta’ Lugano II jirriproduċu d-dikotomija bejn “materji kuntrattwali” (Artikolu 5(1)) u “materji ta’ delitt” (Artikolu 5(3)), u jipprevedu regoli ta’ ġurisdizzjoni differenti skont taħt liema waħda minn dawn il-kategoriji taqa’ talba. Il-problema tal-akkumulazzjoni ta’ responsabbiltà testendi għalhekk għal dawn l-istrumenti. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni hija li jsir magħruf jekk l-għażla ta’ rikorrent li jibbaża t-talba tiegħu fil-konfront tal-parti kontraent tiegħu fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali u/jew fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt hijiex determinanti għall-ġurisdizzjoni.

72.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni għall-ewwel darba dwar il-kwistjoni fis-sentenza tagħha Kalfelis (52). Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tikkonċerna individwu li ħarrek lill-bank tiegħu, sabiex jikseb kumpens għad-dannu li kien ġarrab fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet fil-borża, billi bbaża ruħu kumulattivament fuq (1) ir-responsabbiltà kuntrattwali, (2) ir-responsabbiltà ta’ delitt u (3) l-arrikkiment indebitu (kważi kuntrattwali). B’mod partikolari kienet qamet il-kwistjoni ta’ jekk il-qorti li kellha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, biex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà ta’ delitt, kellhiex ġurisdizzjoni wkoll fir-rigward tal-bażijiet kuntrattwali u kważi kuntrattwali.

73.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ materji ta’ delitt u kważi delitt” għandu jiġi ddefinit b’mod awtonomu bħala li jinkludi “kull talba intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-‘materji kuntrattwali’, fis-sens tal-Artikolu 5(1)” tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Moqrija b’mod iżolat, din is-silta donnha hija intiża li tindika li l-għażla tal-applikant li jibbaża t-talba tiegħu kontra l-parti kontraenti tiegħu fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni: din ser taqa’ probabbilment taħt il-kategorija “materji kuntrattwali”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat “li qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) [tal-imsemmija konvenzjoni] sabiex tieħu konjizzjoni tal-element ta’ talba msejjsa fuq bażi ta’ delitt ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ elementi oħrajn fl-istess talba li huma msejjsa fuq bażi mhux ta’ delitt” (53).

74.      Minkejja l-karattru xi ftit ambigwu tat-tweġiba tagħha, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’dik is-sentenza, li hemm lok li tiġi kklassifikata bħala li taqa’ taħt il-“materji kuntrattwali” jew taħt il-“materji ta’ delitt”, kull waħda mill-bażijiet legali invokati mir-rikorrent, jiġifieri d-diversi regoli ta’ dritt sostantiv li jservu bħala kawża għat-talbiet tiegħu. Il-ġurisdizzjoni, għalhekk, tista’ tvarja, skont ir-regola sostantiva li dan tal-aħħar jinvoka (54). Nippreċiża li din ma hijiex kwistjoni li tintgħażel, għall-finijiet tar-Regolament Brussell I jew tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-klassifikazzjoni prevista fid-dritt nazzjonali. Fil-verità, għall-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola invokata tirreferi għal obbligu. Huwa dan l-obbligu li, għall-finijiet ta’ dawn l-atti, għandu jiġi kklassifikat, b’mod awtonomu, bħala “kuntrattwali” – jekk dan jiġi assunt b’mod liberu bejn il-partijiet (55) – jew bħala “ta’ delitt jew kważi delitt” – jekk dan ma huwiex relatat mal-ewwel kategorija. Meta, fil-kuntest tal-istess azzjoni, ir-rikorrent jinvoka bażijiet legali separati, huwa jinvoka obbligi differenti – kuntrattwali, ta’ delitt, etc. – li jistgħu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ daqstant qrati (56).

75.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni mill-ġdid dwar din il-problema fis-sentenza Brogsitter (57). Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, individwu talab kumpens lill-partijiet kontraenti tiegħu abbażi b’mod partikolari tar-responsabbiltà ta’ delitt, fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ liġijiet Ġermaniżi kontra l-kompetizzjoni żleali. F’dan il-kuntest, huwa allega, b’mod partikolari, li kienu kisru obbligu ta’ esklużività li kien jirriżulta mill-kuntratt tagħhom. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar liema klassifikazzjoni, fis-sens tar-Regolament Brussell I, għandha tingħata lil dawn it-talbiet.

76.      Billi ħadet bħala punt ta’ tluq id-dictum tas-sentenza Kalfelis (58) li jgħid li l-“materji ta’ delitt” jinkludu kull talba intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-“materji kuntrattwali”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li sabiex it-talbiet inkwistjoni jidħlu f’waħda minn dawn il-kategoriji, kien hemm lok li jiġi vverifikat “jekk dawn għandhomx, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, natura kuntrattwali” (59).

77.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess japplika “jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, liema obbligi jkunu jistgħu jiġu ddeterminati fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt” (60) u li “[d]an ikun a priori l-każ jekk l-interpretazzjoni tal-kuntratt […] tidher indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat […]” (61). Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha “tiddetermina jekk l-azzjonijiet mressqa […] għandhomx bħala suġġett talba għal kumpens li l-kawża (62) tagħha tista’ raġonevolment titqies li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kuntratt […], liema fatt ikun irid jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża l-kawża” (63).

78.      Is-sentenza Brogsitter (64) turi, fil-fehma tiegħi, bidla fl-approċċ adottat fis-sentenza Kalfelis (65). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja donnha bidlet il-perspettiva fl-eżerċizzju tal-klassifikazzjoni għall-finijiet tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Hija ċaħdet klassifikazzjoni li tieħu bħala punt ta’ tluq il-bażi legali sostantiva) li jinvoka r-rikorrent biex tagħżel klassifikazzjoni bbażata fuq il-fatt li jsostnu t-talba. F’tali analiżi, il-mod li bih dan jifformula din it-talba donnu huwa irrilevanti.

79.      Il-portata eżatta tas-sentenza Brogsitter (66) madankollu ma hijiex ċerta. F’dan ir-rigward, Arcadia tafferma li t-“test Brogsitter” jinsab fil-punt 25 ta’ din is-sentenza: talba hija “f’materji kuntrattwali” meta jidher li huwa indispensabbli li jiġi interpretat il-kuntratt sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat fil-livell ta’ delitt. Jien naqbel ma’ din l-analiżi. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tikklassifika bħala “kuntrattwali” it-talbiet għal responsabbiltà ta’ delitt li l-fondatezza tagħhom tiddependi fuq il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali li jorbtu lill-partijiet fil-kawża (67).

80.      Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma tal-opinjoni li t-“test Brogsitter” li jinsab fil-punti 24 u 29 tal-imsemmija sentenza: talba hija “f’materji kuntrattwali” kemm il-darba l-aġir ikkritikat jista’ jitqies – jiġifieri jista’ jikkostitwixxi – nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, irrispettivament minn jekk ir-rikorrent jinvokahx jew le. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ma hijiex jekk jidhirx li huwa indispensabbli li jiġi stabbilit il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità tal-aġir ikkritikat fil-qasam ta’ delitt, iżda jekk teżistix korrispondenza potenzjali bejn dan l-aġir u l-kontenut ta’ dawn l-obbligi. Peress li, fid-dawl tal-fatti, l-imsemmi aġir jista’ jikkostitwixxi, fl-istess ħin, nuqqas fil-qasam ta’ delitt u nuqqas kuntrattwali, u peress li għalhekk ir-rikorrent jista’ jinvoka waħda jew l-oħra, il-klassifikazzjoni kuntrattwali tiħu preċedenza għall-finijiet ta’ ġurisdizzjoni.

81.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher, f’ċerti sentenzi reċenti, li fehmet is-sentenza Brogsitter (68) bl-istess mod bħall-konvenuti fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, fis-sentenza Holterman, li kienet tikkonċerna wkoll, infakkar, sitwazzjoni li fiha kienu invokati bażijiet legali differenti insostenn tal-istess talba għal kumpens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex isir magħruf jekk tali talba kinitx “f’materji kuntrattwali” jew “f’materji ta’ delitt”, hemm lok biss li jiġi vverifikat jekk l-aġir ikkritikat ikunx jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali (69). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkuntentat ruħha li tafferma dan il-kriterju mill-ġdid mingħajr ma fil-verità tapplikah (jew tispjegah), b’tali mod li huwa diffiċli li wieħed ikun ċert mis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tagħtih.

82.      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija minn tal-inqas ambigwa fir-rigward tal-mod kif l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet. Ikun utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

83.      Fl-opinjoni tiegħi, għall-finijiet tal-artikolazzjoni bejn l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, fid-dawl tal-għanijiet ta’ ċertezza legali, ta’ prevedibbiltà u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja inerenti f’dawn l-atti, huwa ppreferut li tinżamm il-loġika li tirriżulta mis-sentenza Kalfelis (70) u li talba tiġi kklassifikata bħala “kuntrattwali” jew “ta’ delitt” fid-dawl tal-bażi legali sostantiva invokata mir-rikorrent. Minn tal-inqas il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħżel interpretazzjoni stretta tas-sentenza Brogsitter (71) esposta fil-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fi kliem ieħor, jekk talba, imressqa bejn partijiet kontraenti, ma tkunx ibbażata fuq obbligu li jirriżulta mill-kuntratt, iżda fuq ir-regoli tar-responsabbiltà ċivili ta’ delitt, u jekk ma jidhirx li huwa indispensabbli li jiġi stabbilit il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tal-aġir ikkritikat, din it-talba jkollha taqa’ taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dawn l-atti (72).

84.      Ċertament nammetti li l-fatt li l-ġurisdizzjoni tkun tiddependi fuq il-bażi legali sostantiva invokata mir-rikorrent jawtorizza livell ta’ forum shopping, fejn huwa  jista’, sa ċertu punt, jagħżel il-qorti tiegħu skont ir-regoli adegwati. Barra minn hekk, l-istess aġir li jikkawża dannu, mifhum mir-rikorrent mill-perspettiva tal-bażijiet legali differenti, jista’ teoretikament jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qrati differenti, li jwassal għalhekk għal riskju ta’ separazzjoni tal-kawża. F’dan il-kuntest, soluzzjoni bħal dik proposta mill-konvenuti fil-kawża prinċipali teskludi tali forum shopping u tippreżenta l-vantaġġ li tiġi permessa akkumulazzjoni ta’ kawżi li joriġinaw minn relazzjoni kuntrattwali quddiem il-forum ta’ fejn sar il-kuntratt.

85.      Madankollu għandhom jiġu spjegati l-problemi enfasizzati iktar ’il quddiem. Fil-fatt, l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I ippermettew huma stess ċertu forum shopping, billi joffru lir-rikorrent għażliet ta’ ġurisdizzjonijiet. Fil-każ ta’ akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet, il-forum fejn sar il-kuntratt u dak fejn seħħ id-delitt it-tnejn li huma jippreżentaw rabta stretta mat-tilwima, u dawn l-atti ma jipprevedux ġerarkija bejn il-forums inkwistjoni. Fir-rigward tar-riskju ta’ separazzjoni tal-kawża, bħalma nnotat il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha fis-sentenza Kalfelis (73), l-applikant jista’ dejjem iressaq it-talba tiegħu quddiem il-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, b’mod konformi mal-Artikolu 2 tal-imsemmija atti, li għalhekk ikollhom ġurisdizzjonijiet biex jieħdu deċiżjoni dwar it-talba kollha kemm hi.

86.      Nammetti wkoll li aspett prattiku huwa importanti. Fil-fatt, filwaqt li ċerti drittijiet, fosthom id-dritt Ingliż, jimponi fuq l-applikanti regoli ta’ strict pleading, fejn fir-rikors tagħhom huma ma għandhomx jindikaw biss il-fatti u s-suġġett tat-talba tagħhom, iżda wkoll il-bażijiet legali li huma jibbażaw fuqhom, ordinamenti ġuridiċi oħrajn, fosthom id-dritt Franċiż, ma jimponux fuq l-applikanti tali rekwiżit. Madankollu, għal darba oħra hawn, huwa meħtieġ ċertu relattiviżmu. Il-fatt li rikorrent ma jkunx marbut jindika l-bażi legali li jinvoka ma jfissirx li ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni meta huwa jagħmel dan.

87.      Iżda, lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-pożizzjoni tiegħi hija essenzjalment immotivata minn obbligu ta’ sempliċità tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni. Infakkar lil-għan ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-qorti nazzjonali adita tkun tista’ faċilment tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħha, mingħajr il ħtieġa li teżamina l-kawża fuq il-mertu (74).

88.      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-ġurisdizzjoni tkun tiddependi fuq il-bażi legali sostantiva (jew fuq l-obbligu) invokata mill-applikant joffri loġika sempliċi lill-qorti adita: bħalma indikajt diġà, huwa dan l-obbligu li għandu jiġi kklassifikat bħala “kuntrattwali” jew “ta’ delitt”, fis-sens tar-Regolament Brussell I jew tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Min-naħa l-oħra, il-fatt li qorti tkun mistennija tikklassifika t-talba fid-dawl tal-fatti - jeżisti nuqqas kuntrattwali li seta jiġi invokat mir-rikorrent? - jagħmel il-kompitu tagħha kunsiderevolment iktar kumpless. Kif issostni Arcadia, dan ifisser li hija jkollha tipotizza dwar il-mod kif kawża setgħet titressaq. Il-verifika effettiva, fl-istadju tal-ġurisdizzjoni, ta’ eventwali korrispondenza bejn l-aġir ikkontestat u l-kontenut tal-obbligi kuntrattwali hija kompitu iebes. F’numru kbir ta’ każijiet, ikun partikolarment oneruż għall-qorti biex tiddetermina, jew saħansitra li timmaġina, f’dan l-istadju, il-kontenut ta’ dawn l-obbligi: dan jeħtieġ li tiġi stabbilita l-liġi applikabbli, li se tiddetermina mhux biss il-metodu ta’ interpretazzjoni tal-kuntratt – essenzjali biex jiġi żvelat il-kontenut – iżda wkoll l-eżiti kollha (implied terms) li timponi din il-liġi fuq kuntratt ta’ dan it-tip. Il-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tirriskja li titnaqqas minħabba din id-diffikultà.

89.      Barra minn hekk, infakkar li, bħala prinċipju, il-qorti adita għandha tkun tista’ tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha biss fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet tal-applikant (75). Bil-kontra ta’ dan, il-fatt li qorti tiġi obbligata żżomm evalwazzjoni globali tal-fatti jkun jimplika li, fil-prattika, il-konvenut ikun jista’ jevita r-regola ta’ ġurisdizzjoni f’“materji ta’ delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussels I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, sempliċement billi jinvoka l-eżistenza ta’ kuntratt bejn il-partijiet u l-konkordanza possibbli bejn l-aġir ikkontestat u l-obbligi li jinvolvi (76).

90.      Fl-aħħar nett, nerġa nfakkar li “f’materji kuntrattwali”, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, u lil hinn mill-każ tal-kuntratti speċifiċi previsti fis-subpunt (b) tal-imsemmi punt, il-ġurisdizzjoni tingħata lill-qrati tal-post fejn ġie eżegwit jew għandu jiġi eżegwit l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba. Madankollu, nistaqsi dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-regola jekk it-talba tar-rikorrent ma tkunx ibbażata preċiżament fuq obbligu kuntrattwali partikolari, iżda li din it-talba jkollha xorta waħda tiġi kklassifikata bħala “kuntrattwali” fid-dawl tal-fatti.

2.      Traspożizzjoni ta’ din il-problema fit-Taqsima 5

91.      Dan espost, bħalma indikajt preċedentement, il-problema tat-talbiet ta’ delitt imressqa bejn il-kontraenti teħtieġ, fil-fehma tiegħi, tweġiba differenti fir-rigward tal-applikazzjoni tat-Taqsima 5.

92.      F’dan ir-rigward, fid-dawl b’mod partikolari tal-eżistenza ta’ diverġenza lingwistika bejn il-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I (77), hemm lok li wieħed jintrabat qabel kollox mal-istruttura ta’ dawn l-atti u mal-iskop ta’ protezzjoni mfittex mit-Taqsima 5 (78).

93.      Madankollu, in-natura awtonoma u imperattiva ta’ din it-taqsima fi ħdan dawn l-atti kif ukoll dan l-istess għan ta’ protezzjoni jimponu, fl-opinjoni tiegħi, li din ma tkunx tista’ tiġi evitata mill-persuna li timpjega sempliċement billi tifformula t-talba tagħha fil-qasam ta’ delitt (79). F’dan il-kuntest, il-persuna li timpjega ma jkollhiex għażla. Inkella, din l-istess taqsima titlef kull effett utli (80). Dawn l-elementi, f’dan is-suġġett, ixaqilbu l-miżien favur klassifikazzjoni mhux ibbażata fuq il-bażijiet legali sostantivi invokati mir-rikorrent, iżda fuq il-fatti tat-tilwima.

94.      Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi talba hija “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg”, għall-ħtiġijiet tat-Taqsima 5, meta teżisti, fid-dawl tal-fatti, ċerta rabta materjali bejn din it-talba u tali “kuntratt”. Dan ikun il-każ jekk it-talba tkun relatata ma nuqqas ta’ qbil imnissel fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, irrispettivament minn jekk ir-rikorrent jibbażax it-talba tiegħu fuq l-imsemmi “kuntratt” jew le, u ma huwiex wisq rilevanti li jidher li jkun, jew ma jkunx, indispensabbli li jiġi stabbilit il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tagħha. Din il-kundizzjoni għandha tiġi evalwata b’mod wiesa’. Fi kliem ieħor, sakemm din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, anki talba msejsa fuq ir-regoli tar-responsabbiltà ċivili ta’ delitt (bħal conspiracy claim ta’ Arcadia), li bħala prinċipju taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I jew tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, taqa’ taħt it-Taqsima 5 (81).

95.      Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-problema sottostanti għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri dik ta’ talba għal kumpens imressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem, fl-opinjoni tiegħi din it-talba taqa’ taħt it-Taqsima 5 jekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Holterman, l-ewwel parti tinvoka nuqqasijiet allegatament imwettqa mit-tieni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu (82).

96.      Madankollu ma nistax nieqaf hawn. Fil-fatt, jekk inkwistjoni hemm sitwazzjonijiet fejn in-nuqqas allegat jidħol b’mod ċar fit-twettiq innifsu tal-funzjonijiet assenjati lill-ħaddiem u, għall-kuntrarju, każijiet fejn dan in-nuqqas ma għandu l-ebda rabta ma’ dawn il-funzjonijiet (83), jeżistu wkoll diversi “żoni griżi”. Dan ikun il-każ meta l-ħaddiem, billi wettaq in-nuqqas kontenzjuż, ma aġixxiex bl-għan li jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu, iżda li dan in-nuqqas jista’ madankollu jkun marbut magħhom b’rabta ta’ żmien, ta’ post jew anki ta’ mezzi (84). Għalhekk, it-test propost fil-punt preċedenti għandu jiġi rfinat?

97.      Ma naħsibx. Fil-fehma tiegħi, għalkemm rfinar fid-dritt sostantiv huwa possibbli, bħala kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà tal-ħaddiem, ma jkunx xieraq li l-analiżi tal-ġurisdizzjoni ssir iktar kumplessa. Għandu jitfakkar li f’dan il-qasam, il-qorti adita għandha tkun tista’ tiddeċiedi faċilment dwar il-ġurisdizzjoni tagħha mingħajr ma tidħol f’analiżi avvanzata tal-fatti.

98.      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 5 jiġu esklużi biss it-talbiet ta’ min iħaddem fil-konfront tal-ħaddiem li jirrigwardaw aġir dannuż li ma jintrabat bl-ebda ċirkustanza oġġettiva – ta’ post, ta’ ħin, ta’ mezzi jew ta’ skop – mal-funzjonijiet eżerċitati minn dan tal-aħħar (85).

99.      Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument ta’ Arcadia li jgħid li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jmur lil hinn mill-każijiet li huma jipprevedu (86).

100. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza sempliċement tindika li ma huwiex possibbli li wieħed jitbiegħed mit-termini ċari ta’ dawn ir-regoli speċjali, anki jekk tkun konformi mal-għan imfittex minnhom.

101. Issa, l-interpretazzjoni li nissuġġerixxi bl-ebda mod ma titbiegħed mit-termini tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, li l-importanza tiegħu għandha, barra minn hekk, tiġi spjegata dwar dan il-punt, b’kunsiderazzjoni tad-diverġenza lingwistika indikata preċedentement. F’sitwazzjoni li fiha ħaddiem jikkawża dannu lil min jimpjegah, ir-relazzjoni ta’ impjieg hija, ġeneralment, element ta’ kuntest determinanti. Din ir-relazzjoni se tkun qiegħdet lill-ħaddiem fil-post fejn twettaq in-nuqqas – pereżempju, il-postijiet tal-persuna li timpjega – jew se tkun offrietlu l-mezzi biex iwettqu – bħall-aċċess għal ċerta informazzjoni kunfidenzjali ta’ din tal-aħħar. Fi ftit kliem, lil hinn mill-każijiet fejn kull forma ta’ rabta mal-funzjonijiet ta’ ħaddiem hija eskluża, teżisti, bejn talba għal kumpens tal-persuna li timpjega u l-obbligi li jirriżultaw mill-“kuntratt individwali ta’ impjieg”, rabta materjali suffiċjenti biex tiġi ġġustifikata li din it-talba hija relatata mal-imsemmija “kuntratti”, kif meħtieġ mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni.

102. Din l-istess interpretazzjoni lanqas ma hija kkonfutata mill-argument ta’ Arcadia li jgħid li hija biss talba li min-natura tagħha hija “f’materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I tista’ tkun f’materja ta “kuntratti individwali ta’ impjieg”, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Ċertament, “kuntratti individwali ta’ impjieg” huwa kategorija ta’ kuntratt li taqa’ taħt l-imsemmija “materja kuntrattwali”. Għaldaqstant, din it-taqsima hija lex specialis meta mqabbla mal-imsemmi Artikolu 5(1). Madankollu, din il-konstatazzjoni ma jipprekludix li tiġi evalwata r-rabta bejn talba u l-“kuntratt” b’mod iktar ġeneruż fil-kuntest tal-imsemmija taqsima, meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-imperattività ta’ din l-istess taqsima.

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel u għat-tielet domanda tkun li talba mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem hija “f’materja ta’” kuntratti individwali ta’ impjieg, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, meta din tkun tirrigwarda nuqqas ta’ qbil imnissel fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, irrispettivament mill-bażijiet ġuridiċi sostantivi invokati mill-persuna li timpjega fir-rikors tagħha. B’mod partikolari, talba għal kumpens imressqa mill-persuna li timpjega kontra ħaddiem taqa’ taħt it-Taqsima 5 meta l-aġir ikkontestat ikun marbut, fil-fatti, mal-funzjonijiet eżerċitati mill-ħaddiem.

D.      Fuq il-kunċett ta’ “persuna li timpjega”, b’mod partikolari fi ħdan grupp ta’ kumpanniji (ir-raba’ domanda)

104. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ġew imħarrka quddiem il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales, infakkar, minn Arcadia London, Arcadia Singapore u Arcadia Switzerland kif ukoll mill-azzjonist uniku tal-grupp, Farahead. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati kellhom kuntratt ta’ impjieg, fis-sens tad-dritt sostantiv, biss ma’ kumpannija waħda Arcadia, li l-identità tagħha varjat matul iż-żmien. Għaldaqstant, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk it-talbiet imressqa fil-konfront ta’ ħaddiem, minn persuna li ma hijiex il-persuna li timpjegah, fis-sens tad-dritt sostantiv – bħalma kienu, fil-każ ineżami, il-kumpanniji tal-grupp minbarra l-kumpannija li timpjega –, jistgħux jaqgħu taħt it-Taqsima 5 u, jekk iva, f’liema kundizzjonijiet.

105. Naturalment, għal darba oħra hawn, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tqis, bħalma nissuġġerilha jien, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kellhom “kuntratti individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, mal-ebda waħda mill-kumpanniji Arcadia. Għalhekk, huwa wkoll sussidjarjament li nagħti risposta għal din id-domanda, u billi nitlaq mill-ipoteżi li skontha l-partijiet ikkonċernati huma “ħaddiema”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

106. Dan ippreċiżat, talba taqa’ bħala prinċipju taħt it-Taqsima 5, konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha, biss jekk titressaq minn waħda mill-partijiet għall-“kuntratt individwali ta’ impjieg” – ħaddiem jew persuna li timpjega - kontra l-parti l-oħra. F’dan il-kuntest, il-persuna li timpjega hija, tipikament, il-persuna fiżika jew ġuridika li għaliha l-ħaddiem iwettaq matul ċertu żmien, fl-interessi tagħha u taħt it-tmexxija tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tħallas remunerazzjoni.

107. Min-naħa l-oħra, talba mressqa minn terz għall-imsemmi “kuntratt” fil-konfront tal-ħaddiem jew tal-persuna li timpjega, jew talba mressqa minn waħda minn dawn il-partijiet fil-konfront ta’ tali terz, ma taqax taħt din it-taqsima. Madankollu hemm żewġ sfumaturi, b’mod partikolari fil-każ ta’ grupp ta’ Kumpanniji.

108. Minn naħa, bħalma indikajt fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda, il-klassifikazzjoni awtonoma bħala “kuntratt individwali ta’ impjieg” u, f’dan ir-rigward, it-test tar-rabta ta’ subordinazzjoni jippermettu li jitqies li kumpannija li magħha l-ħaddiem ma kkonkludiex kuntratt, fis-sens tad-dritt sostantiv, għandha xorta waħda tali “kuntratt” miegħu. Fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, il-“persuna li timpjega” ta’ ħaddiem, li jkollu kuntratt ta’ impjieg formalment ma’ kumpannija A, tista’ għalhekk tkun il-kumpannija B, jew saħansitra dawn iż-żewġ kumpanniji, skont min jeżerċita s-setgħa effettiva ta’ tmexxija (87).

109. Min-naħa l-oħra, jekk, bi qbil ma’ dan it-test, ħaddiem għandu “kuntratt individwali ta’ impjieg” biss mal-kumpannija A, iżda jiġi mħarrek mill-kumpannija B, l-għan ta’ protezzjoni mfittex mit-Taqsima 5 jiġġustifika ż-żamma ta’ approċċ intiż għar-realtà tal-kawża: jekk it-talba tal-kumpannija B tikkonċerna aġir imwettaq mill-ħaddiem matul l-eżekuzzjoni tal-“kuntratt” tiegħu fil-konfront tal-kumpannija A, għalhekk il-kumpannija B ikollha titqies ukoll bħala l-“persuna li timpjega”, fis-sens tal-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Kumpanniji tal-istess grupp għandhom ikunu marbuta bl-istess restrizzjonijiet f’termini ta’ ġurisdizzjoni(88). Fin-nuqqas ta’ dan, nibża li dan, hawnhekk ukoll, iħalli ċerta possibbiltà ta’ evitar tat-Taqsima 5 għad-dispożizzjoni tal-persuni internazzjonali li jimpjegaw. Kemm il-darba teżisti rabta organika u ekonomika bejn dawn iż-żewġ kumpanniji u kemm il-darba it-tieni waħda għandha interess f’eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt, dan ma jmurx kontra l-għan taċ-ċertezza legali (89). Dan jippermetti, barra minn hekk, b’mod xieraq, li tiġi evitata l-multipliċità ta’ forums li jkollhom ġurisdizzjoni għall-istess relazzjoni ta’ impjieg u jipparteċipa għalhekk fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

110. Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda tkun li meta, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, ħaddiem għandu kuntratt ta’ impjieg, fis-sens tad-dritt sostantiv, ma kumpannija partikolari, iżda jiġi mħarrek minn kumpannija oħra, din it-tieni kumpannija tista’ titqies li hija l-“persuna li timpjega” lill-ħaddiem, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, jekk:

–        il-ħaddiem jaqdi dmirijietu, fil-fatti, favur u taħt it-tmexxija tat-tieni kumpannija, jew

–        it-tieni kumpannija tħarrek lill-ħaddiem għal aġir imwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu mal-ewwel kumpannija.

V.      Konklużjoni

111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit):

1)      L-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas-27 ta’ Novembru 2008 (il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”) għandu jiġi interpretat fis-sens li direttur ta’ kumpannija li jkollu kull kontroll u kull awtonomija fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju tal-kumpannija li huwa jirrappreżenta u l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet rispettivi tiegħu, ma huwiex issubordinat għal din il-kumpannija u, għaldaqstant, ma għandux “kuntratt individwali ta’ impjieg” magħha, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-fatt li l-azzjonisti tal-imsemmija kumpannija għandhom is-setgħa li jneħħu lil dan id-direttur ma jikkonfutax din l-interpretazzjoni.

2)      Talba mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem hija “f’materja ta’” kuntratti individwali ta’ impjieg, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, meta din tkun tirrigwarda nuqqas ta’ qbil imnissel fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, irrispettivament mill-bażijiet ġuridiċi sostantivi invokati mill-persuna li timpjega fir-rikors tagħha. B’mod partikolari, talba għal kumpens imressqa mill-persuna li timpjega kontra ħaddiem taqa’ taħt it-Taqsima 5 tat-Titolu II ta’ din il-konvenzjoni meta l-aġir ikkontestat ikun marbut, fil-fatti, mal-funzjonijiet eżerċitati mill-ħaddiem.

3)      Meta, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, ħaddiem għandu kuntratt ta’ impjieg, fis-sens tad-dritt sostantiv, ma kumpannija partikolari, iżda jiġi mħarrek minn kumpannija oħra, din it-tieni kumpannija tista’ titqies li hija l-“persuna li timpjega” lill-ħaddiem, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, jekk:

–        il-ħaddiem jaqdi dmirijietu, fil-fatti, favur u taħt it-tmexxija tat-tieni kumpannija, jew

–        it-tieni kumpannija tħarrek lill-ħaddiem għal aġir imwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu mal-ewwel kumpannija.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2007, L 339, p. 1. Konvenzjoni li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1).


3      Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”). Dan ir-regolament issostitwixxa l-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Reċentement, dan ġie ssostitwit huwa stess bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


4      Barra minn hekk, għall-interpretazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet nazzjonali dwar dawn l-atti. Ara l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-interpretazzjoni uniformi tal-[Konvenzjoni ta’ Lugano II] u dwar il-kumitat permanenti (ĠU 2007, L 339, p. 27) u s-sentenzi tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 36), kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schlömp (C‑467/16, EU:C:2017:993, punti 46 sa 51).


5      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li persuna tista’ tiġi mħarrka, meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, “fil-qrati tal-post fejn kwalunkwe wieħed minnhom ikun iddomiċiljat sakemm it-talbiet ikunu marbuta tant strettament ma’ xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.


6      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punti 19 u 20), tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 51) kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Petronas Lubricants Italy (C‑1/17, EU:C:2018:478, punt 25).


7      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II u r-Regolament Brussell I isegwu, b’mod ġenerali, l-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Dawn għandhom, f’dan ir-rigward, jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbiltà: min iressaq it-talba għandu jkun jista’ jiddetermina faċilment il-qrati li quddiemhom ikun jista’ jippreżenta l-azzjoni tiegħu, u l-konvenut raġonevolment għandu jkun jista’ jipprevedi quddiem liema qrati jista’ jiġi mħarrek. Barra minn hekk, dawn ir-regoli huma intiżi biex jiżguraw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 26), u tal‑10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punt 16).


8      Ara l-premessa 13 tar-Regolament Brussell I kif ukoll is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 44), u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Petronas Lubricants Italy (C‑1/17, EU:C:2018:478, punt 23).


9      Din it-tieni parti hija ttrattata mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tar-raba’ domanda tagħha. Madankollu, inqis utli li neżaminaha sa minn issa.


10      Ara b’mod partikolari s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), tad-19 ta’ Awwissu 2016, Peter Miles Bosworth and Colin Hurley vs Arcadia Petroleum Ltd et, [2016] EWCA Civ 818, punti 90 u 91.


12      Direttur de facto huwa persuna li, mingħajr ma kienet ġiet maħtura formalment bħala direttur ta’ kumpannija, teżerċita effettivament tali funzjonijiet.


13      P. Bosworth kien maħtur amministratur ta’ Arcadia Singapore għal ċertu perijodu, u C. Hurley min-naħa tiegħu kien maħtur direttur ta’ Arcadia London, sussegwentement ta’ Arcadia Singapore. Indipendentement minn dawn il-ħatriet, il-partijiet ikkonċernati kienu jeżerċitaw, fil-fatti, dawn il-funzjonijiet għall-kumpanniji Arcadia kollha kkonċernati, matul il-perijodu kollu li jkopru l-fatti tal-kawża prinċipali.


14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar jekk din il-klassifikazzjoni twettqitx skont lex causæ jew lex fori.


15      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Holterman”, EU:C:2015:574, punti 35 sa 37).


16      Ara s-sentenza Holterman, punti 39 sa 45 u 49. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ukoll riferiment, fl-ewwel żewġ punti, għall-fatt li impjegat u min jimpjega huma marbuta minn rabta duratura li fil-kuntest tagħha l-ewwel wieħed minnhom jidħol fil-kuntest ta’ ċertu organizzazzjoni tan-negozju tat-tieni wieħed. Madankollu, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rriproduċietx dan l-element fir-risposta tagħha fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza u fid-dispożittiv tagħha jindika, fl-opinjoni tiegħi, li hija ma tqisx li dan huwa rekwiżit għall-klassifikazzjoni bħala “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tat-Taqsima 5, iżda bħala sempliċi deskrizzjoni ta’ dan it-tip ta’ kuntratt.


17      Ara, b’analoġija, ir-rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, minn Mario Giuliano, professur fl-Università ta’ Milan, u Paul Lagarde, professur fl-Università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1), b’mod speċjali p. 25. Ara wkoll Baker Chiss, C., “Compétence judiciaire, reconnaissance et exécution des décisions en matière civile et commerciale – Compétence – Règles de compétences spéciales – Règles de compétence protectrices des parties faibles – Contrat de travail – Articles 20 à 23 du règlement (UE) nº 1215/2012”, JurisClasseur Droit international, faxx. 584-155, 15 ta’ Settembru 2014, punti 29 sa 38 u 46; Merrett, L., Employment Contracts in Private International Law, Oxford University Press, 2011, p. 62 sa 77, u Grušić, U., The European Private International Law of Employment, Cambridge University Press, 2015, p. 78 sa 83.


18      ĠU 1980, L 266, p. 1.


19      Ara Grušić, U., op. cit., p. 61 u 62.


20      Tali interpretazzjoni, barra minn hekk, hija essenzjali biex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni mfittex mit-Taqsima 5. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens ta’ din it-taqsima, għandha għalhekk tkun wiesgħa biżżejjed sabiex tkopri lill-ħaddiema kollha li għandhom bżonn protezzjoni, fosthom dawk li għandhom relazzjoni ta’ impjieg “atipika”, mingħajr kuntratt reali, iżda wkoll id-dipendenti kollha tal-persuna li timpjegahom.


21      Barra minn hekk Arcadia sostniet quddiem il-qrati nazzjonali li l-għażla tal-konvenuti fil-kawża prinċipali li jiġu impjegati formalment minn Arcadia London jew Arcadia Singapore, iżda mhux minn Arcadia Switzerland, hija spjegata sempliċement mill-fatt li huma kienu ntaxxati fl-Isvizzera skont sistema fiskali li tipprojbixxi kull xogħol irremunerat f’dan l-Istat. Ara Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), tad-19 ta’ Awwissu 2016, Peter Miles Bosworth and Colin Hurley vs Arcadia Petroleum Ltd et, [2016] EWCA Civ 818, punt 71.


22      Dan kien tabilħaqq il-każ f’din il-kawża. Il-fatt li r-remunerazzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali tħallset biss minn ċerti kumpanniji tal-grupp Arcadia huwa, fl-opinjoni tiegħi, irrilevanti. Il-forma li tieħu r-remunerazzjoni u l-mod kif din titħallas huma irrilevanti. Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860, punti 39 u 40).


23      Ara s-sentenza Holterman, punti 53 u 54. Ara wkoll, dwar il-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 15), u tas‑17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 23).


24      Ara s-sentenza Holterman, punti 46 u 47.


25      Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum (66/85, EU:C:1986:284, punt 18), tat‑13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 72); tal‑4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media (C‑413/13, EU:C:2014:2411, punti 36 u 37), kif ukoll tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 45).


26      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 47), u, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:309, punt 32).


27      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010 (C‑232/09, EU:C:2010:674).


28      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑229/14, EU:C:2015:455).


29      Direttiva tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).


30      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punti 48 sa 51).


31      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑229/14, EU:C:2015:455, punti 37 sa 41).


32      Direttiva tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).


33      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, EU:C:2009:257, punti 33 sa 40, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:312, punt 112).


34      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:309, punt 25).


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Schneider (C‑386/12, EU:C:2013:633, punt 18), tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 28), u tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 23).


36      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010 (C‑232/09, EU:C:2010:674).


37      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010 (C‑232/09, EU:C:2010:674).


38      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑229/14, EU:C:2015:455).


39      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:309, nota ta’ qiegħ il-paġna 28). Ara l-Companies Act 2006, parti 10, Kapitolu 5, punt 227 intitolat “Director’s service contracts”. Min-naħa l-oħra, fi Stati Membri oħrajn, u b’mod partikolari fi Franza, il-kumulu ta’ mandat mill-kumpannija u ta’ kuntratt ta’ impjieg huwa possibbli biss jekk id-direttur jeżerċita funzjonijiet tekniċi distinti minn dawk inerenti għal tali mandat. Jekk ikun il-każ, il-parti kkonċernata għalhekk ikollha żewġ status indipendenti: il-funzjonijiet ta’ direttur huma suġġetti għar-regoli tad-dritt tal-kumpanniji, filwaqt li l-funzjonijiet ta’ ħaddiem huma suġġetti għar-regoli protettivi tad-dritt industrijali, u d-direttur jirċievi żewġ remunerazzjonijiet distinti. Ara Bavozet, F., “dirigeants salariés et assimilés. - Affiliation au régime des salariés. - Conditions de cumul d’un contrat de travail et d’un mandat social”, JurisClasseur, faxx. S‑7510, 7 ta’ Frar 2018.


40      Ara, bħala eżempju, l-Artikolu L 223-22 tal-code de commerce français (il-Kodiċi tal-Kummerċ, Franza), l-Artikoli 236 et seq. tal-Ley de Sociedades de Capital (il-Liġi dwar il-Kumpanniji b’Kapital Azzjonarju, Spanja), tat-2 ta’ Lulju 2010 (BOE Nru 161, tat-3 ta’ Lulju 2010, p. 58472), u l-Artikoli 361 u 363 sa 365 tas-Selskabsloven (il-Liġi dwar il-Kumpanniji, id-Danimarka). Dawn ir-regoli ġew armonizzati parzjalment ħafna mill-Artikoli 106 u 152 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46). Ara wkoll l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat‑8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251).


41      Ara, bħala eżempju, l-Artikolu L 223-22 tal-code de commerce français (il-Kodiċi tal-Kummerċ, Franza) u l-Artikolu 237 tal-Ley de Sociedades de Capital (il-Liġi dwar il-Kumpanniji b’Kapital Azzjonarju, Spanja).


42      Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87). Ara l-premessa 7 tal-imsemmi regolament kif ukoll is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 43 sa 45).


43      Huwa wkoll ġeneralment aċċettat li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-lex societatis. Ara r-rapport Giuliano-Lagarde, iċċitat iktar ’il fuq, p. 12; Cour de Cassation 1re chambre civile (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Ewwel Awla Ċivili, Franza), l-1 ta’ Lulju 1997, Nru 95-15.262, M. X c. Société Africatours; Cohen, D., “La responsabilité civile des dirigeants sociaux en droit international privé”, Revue critique de droit international privé, 2003, p. 585, u Menjucq, M., Droit international et européen des sociétés, LGDJ, Pariġi, 2011 it-3 edizzjoni, p. 116 u 117.


44      Dan jinvolvi l-ibbilanċjar delikat bejn, minn naħa, l-għan li jiġu protetti l-interessi tas-soċji u li tiġi żgurata l-fiduċja neċessarja fil-funzjonament tajjeb ta’ kull impriża, billi jiġi ggarantit, taħt piena ta’ responsabbiltà-sanzjoni, li d-diretturi jaġixxu b’mod raġonevoli u, min-naħa l-oħra, il-bżonn li ma tiġix ipparalizzata t-tmexxija tal-kumpanniji minn responsabbiltà sistematika u eċċessiva, fejn tali eżerċizzju ta’ tmexxija jkun jeħtieġ teħid ta’ riskji. Ara Guyon, Y., “Responsabilité civile des dirigeants”, JurisClasseur Sociétés Traité, punt 1 u d-duttrina ċċitata.


45      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010 (C‑232/09, EU:C:2010:674).


46      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑229/14, EU:C:2015:455).


47      Kriterju kkonċernat, essenzjalment, mid-domandi preliminari 1 u 3(2).


48      Kriterju kkonċernat, essenzjalment, mid-domandi preliminari 1 u 3(1).


49      Ħaġa li l-grupp kien barra minn hekk għamel dan fir-rikors inizjali tiegħu, qabel ma bidel fehmtu wara li l-konvenuti qajmu l-applikazzjoni tat-Taqsima 5.


50      Fejn huwa paċifiku li l-obbligi kollha jkollhom l-ewwel sors tagħhom fil-liġi, peress li l-ebda wieħed ma jkun jeżisti jekk il-liġi ma tippermettix dan (bl-impożizzjoni ta’ regoli li jimponu l-effett obbligatorju ta’ konvenzjonijiet u l-validitajiet tagħhom, eċċ.).


51      Fid-dritt sostantiv tal-Istati Membri, ir-responsabbiltajiet kuntrattwali u ta’ delitt jistgħu jiġu suġġetti għal sistemi differenti f’termini ta’ oneru tal-prova, ta’ portata tal-kumpens disponibbli, ta’ preskrizzjoni, eċċ. Għalhekk jista’ jkun fl-interess ta’ applikant li jagħżel rimedju wieħed jew l-ieħor.


52      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459).


53      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, EU:C:1988:459, punti 16 sa 19).


54      Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkonfermat dan l-approċċ. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 21). Ara wkoll Zogg, S., “Accumulation of Contractual and Tortious Causes of Action Under the Judgments Regulation”, Journal of Private International Law, 9:1, p. 39- 76, spec. p. 42 u 43.


55      Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 15).


56      B’mod konformi ma dan l-approċċ, f’din il-kawża, id-diversi talbiet ta’ Arcadia fil-konfront tal-konvenuti fil-kawża prinċipali huma bbażati fuq daqstant kawżi - breach of fiduciary duty, conspiracy, etc. – li għandhom jiġu kklassifikati separatament. F’dan ir-rigward, id-delitt ta’ conspiracy jirreferi, kif indikajt, għal ksur ta’ dmir legali applikabbli erga omnes, u għalhekk jaqa taħt il-“materji ta’ delitt”. Min-naħa l-oħra, id-delitt ta’ breach of fiduciary duty hija kawża li taqa taħt il-“materji kuntrattwali”. Fil-fatt, l-obbligi fiduċjarji inkwistjoni kienu ġew assunti b’mod liberu mill-konvenuti fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ Arcadia (ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


57      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014 (C‑548/12, EU:C:2014:148).


58      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459, punt 17).


59      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punti 20 u 21) (enfasi miżjuda minni).


60      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 24). Dan il-punt huwa essenzjalment riprodott fir-risposta fil-punt 29 tas-sentenza u fid-dispożittiv tagħha.


61      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 25).


62      Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja donnha ddeċidiet li taċċetta l-kunċett ta’ “kawża” li ma jirreferix għal-liġi sostantiva invokata mill-applikant insostenn tat-talba tiegħu (sens li fih dan il-kunċett jintuża fil-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet), iżda għall-fatti msemmija fit-talba.


63      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 26).


64      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014 (C‑548/12, EU:C:2014:148).


65      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459).


66      Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014 (C‑548/12, EU:C:2014:148).


67      Ara, għal opinjoni simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:309, punt 48), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Granarolo (C‑196/15, EU:C:2015:851, punti 14 u 18). L-Avukat Ġenerali Cruz Villalón kien għalhekk ippropona, fil-konklużjonijiet tiegħu, li dan it-test jiġi traspost għat-Taqsima 5.


68      Sentenza C‑548/12, EU:C:2014:148.


69      Sentenza Holterman, punti 32 u 71, li jirreferu għall-punti 24 sa 27 tas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter, (C‑548/12, EU:C:2014:148). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja pprevediet dawn it-tliet punti, hija finalment intrabtet biss mal-ewwel wieħed minnhom. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 21).


70      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459, punt 20).


71      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014 (C‑548/12, EU:C:2014:148).


72      Skont dan l-approċċ, it-talbiet ta’ Arcadia, sa fejn dawn huma bbażati fuq id-delitt ta’ conspiracy, jaqgħu taħt din il-kategorija, jekk jitqies li t-Taqsima 5 ma hijiex applikabbli. Fil-fatt ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali li jorbtu lill-konvenuti fil-kawża prinċipali ma Arcadia sabiex jiġi deċiż li aġir li jikkostitwixxi dan id-delitt huwa illegali.


73      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459, punt 20).


74      Sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 27), u tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 61).


75      Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 62).


76      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1982, Effer (38/81, EU:C:1982:79, punt 7).


77      Fil-fatt, filwaqt li l-formulazzjoni tal-aħħar żewġ verżjonijiet hija relattivament wiesa’ (“in matters relating to individual contracts of employment”; “en matière de contrat individuel de travail”), il-formulazzjoni tal-ewwel verżjoni hija kunsiderevolment iktar limitata (“[b]ilden ein individueller Arbeitsvertrag oder Ansprüche aus einem individuellen Arbeitsvertrag den Gegenstand des Verfahrens”).


78      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos (C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan l-għan ta’ protezzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 60).


79      Il-“logħob ta’ dawk li jressqu t-talba” li jinvolvi tali approċċ ikun partikolarment viżibbli meta, bħal fil-kawża ineżami, ir-rikorrent inizjalment jinvoka l-ksur tal-kuntratt, u sussegwentement jimmodifika r-rikors tiegħu sabiex jirtira kull aspett kuntrattwali.


80      Il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales, f’dan ir-rigward, ħolqu preċedenti rikki fit-tagħlim. Inizjalment il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)) kienet iddeċidiet, fis-sentenza tagħha Swithenbank Foods Ltd. vs Bowers, l-Imħallef McGonigal ([2002] 2 All ER (Comm) 974, punti 24 sa 26), li t-Taqsima 5 tapplika biss meta l-persuna li timpjega tibbaża t-talba tagħha fil-konfront tal-ħaddiem fuq il-kuntratt ta’ impjieg. Din is-sentenza nbidlet mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) fis-sentenza tagħha Alfa Laval ([2012] EWCA Civ 1569, punti 24 u 25), preċiżament sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ evitar ta’ din it-taqsima, favur approċċ wiesa’ u ffokat fuq is-sustanza tal-kawża.


81      Ara, fl-istess sens, Hess, B., Pfeiffer, T., u Schlosser, P., The Brussels I Regulation 44/2001: Application and Enforcment in the EU (rapport Heidelberg), C. H. Beck, Munich, 2008, punti 356 sa 359; Merrett, L., “Jurisdiction Over Individual Contracts of Employment”, f’Dickinson, A., u Lein, E. (éd.), The Brussels I Regulation Recast, Oxford University Press, Oxford, 2015, p. 242-243; Grušić, U., op. cit., p. 92; Baker Chiss, C., op. cit., § 49 u 50. Il-fatt li talba setgħet tkun ibbażata fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali huwa indikazzjoni tajba f’dan ir-rigward. Madankollu, dan ma jistax ikun test fih innifsu, fid-dawl tal-kumplessità tiegħu, kif enfasizzat fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


82      Sentenza Holterman, punt 49. Peress li l-istess persuna jista’ jkollha diversi funzjonijiet f’impriża, għandhom jitqiesu l-funzjonijiet eżerċitati fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg.


83      Jistgħu jingħataw żewġ ipoteżijiet estremi opposti. Minn naħa, hemm dik ta’ sewwieq ta’ vettura tqila li, matul il-kunsinna, jikkawża inċident meta jsuq vettura tqila tal-impriża filwaqt li jkun xurban. Min-naħa l-oħra, hemm dik ta’ xufier ieħor li jikkawża inċident ta’ dannu għal min jimpjegah, f’ġurnata ta’ leave, barra mill-post tax-xogħol tiegħu, bil-karozza personali tiegħu.


84      Qiegħed nirreferi għal każijiet fejn in-nuqqas twettaq matul il-ħinijiet tax-xogħol, jew fuq il-post tax-xogħol, jew kien possibbli biss bis-saħħa tal-funzjonijiet, jew anki fejn it-twettiq kien iffaċilitat minnhom.


85      F’sitwazzjoni fejn ħaddiem jeżerċita l-funzjonijiet bħala ħaddiem, u funzjonijiet oħra taħt status ieħor, hemm lok li jiġi vverifikat ma’ liema funzjonijiet jintrabat in-nuqqas allegat: it-Taqsima 5 tkun applikabbli biss jekk dawn ikunu funzjonijiet eżerċitati fil-kwalità ta’ ħaddiem.


86      Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, EU:C:1988:459, punt 19), tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33, punt 43), kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 28).


87      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punti 59 sa 65).


88      Ara, f’dan is-sens, Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), Samengo-Turner v J & H Marsh & McLennan (Services) Ltd, [2007] EWCA Civ 732, punti 32 sa 35, u James Petter vs EMC Europe Limited, EMC Corporation [2015] EWCA Civ 828, punti 20 u 21.


89      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punti 23 u 24).