Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2018 minn Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-25 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-328/17 – Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs EUIPO

(Kawża C-766/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi (rappreżentanti: S. Malynicz QC, S. Baran, Barrister, V. Marsland, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, M. J. Dairies EOOD

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara ammissibbli l-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-328/17, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), EU:T:2018:594, u tilqa’ r-rikors għal annullament tal-appellanti;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom u dawk tal-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta naqset milli tagħti lit-Trade mark Kollettiva HALLOUMI l-istatus u l-protezzjoni xierqa meħtieġa mir-RTMUE għal tali trade marks kollettivi, bi ksur tal-Artikolu 74 tar-RTMUE.

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat approċċ kompletament mhux immodifikat għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-Trade mark Kollettiva HALLOUMI, bi ksur tal-Artikoli 8(1)(b) u 74 tar-RTMUE.

Il-Qorti Ġenerali evalwat u applikat b’mod żbaljat l-effett tad-deċiżjoni ta’ din il-qorti fil-Kawżi magħquda C-673/15 P sa C-676/15 P, The Tea Board vs EUIPO (“Tea Board”), u tad-digriet motivat tagħha fil-Kawża C-392/12 P, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus Named Halloumi vs UASI (“HELLIM”), u naqset milli teżegwixxi b’mod korrett is-sentenza fil-Kawża C-196/11 P, Formula One Licensing vs UASI, EU:C:2012:314 (“F1”); u

Il-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat milli tibgħat lura l-kawża lill-Bordijiet tal-Appell għal eżami mill-ġdid fid-dawl tal-konstatazzjoni tagħha li r-Raba’ Bord tal-Appell kien wettaq – anki fl-opinjoni tal-Qorti Ġenerali – mill-inqas żewġ żbalji fl-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. B’dan il-mod, huwa kiser l-Artikolu 8(1)(b) u/jew l-Artikolu 72(2) tar-RTMUE.

____________