Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Awwissu 2010 - Hidalgo vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża F-70/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: José Manuel Hidalgo (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: A. Coolen, J. N. Louis u E. Marchal, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Annullament tal-istqarrija ta' regolarizzazzjoni ta' remunerazzjoni tar-rikorrent għall-perijodu minn Lulju sa Diċembru 2009 u tal-istqarrijiet ta' remunerazzjoni stabbiliti wara l-1 ta' Jannar 2010 fil-kuntest tal-adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009 tat-23 ta' Diċembru 2009, kif ukoll talba għal kumpens.

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara li r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009, tat-23 ta' Diċembru 2009 huwa inapplikabbli;

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ġunju 2010 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent kontra l-istqarrija tiegħu ta' regolarizzazzjoni ta' remunerazzjoni għall-perijodu minn Lulju sa Diċembru 2009 u l-istqarrijiet ta' remunerazzjoni stabbiliti wara l-1 ta' Jannar 2010 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009 tat-23 ta' Diċembru 2009;

tannulla, sa fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxu l-istqarrija tiegħu ta' regolarizzazzjoni ta' remunerazzjoni għall-perijodu minn Lulju sa Diċembru 2009 u l-istqarrijiet ta' remunerazzjoni stabbiliti wara l-1 ta' Jannar 2010 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009 tat-23 ta' Diċembru 2009;

tikkundanna lill-Parlament iħallas lir-rikorrent l-arretrati tar-remunerazzjoni li għandu dritt għalihom flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati, sa mid-data ta' skadenza tal-arretrati dovuti, bir-rata stabbilita mill-BĊE għat-transazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid biż-żieda ta' żewġ punti;

tikkundanna lill-Parlament iħallas lir-rikorrent Euro simbolika bħala kumpens għall-iżbalji mwettqa u għall-ispejjeż.

____________