Language of document : ECLI:EU:C:2019:957

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2019(1)

Kawża C-535/18

IL,

JK,

KJ,

LI,

NG,

MH,

OF,

PE,

L-eredi ta’ QD, ikkostitwiti minn RC u SB,

TA,

UZ,

VY,

WX

vs

Land Nordrhein-Westfalen

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 2011/92/UE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Direttiva 2000/60 — Azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politika dwar l-ilma — Dritt ta’ appell fil-każ ta’ żbalji proċedurali — Regoli nazzjonali li jillimitaw id-dritt ta’ appell fil-każ ta’ żbalji proċedurali”






I.      Introduzzjoni

1.        F’liema ċirkustanzi jista’ ċittadin privat jikkontesta l-validità ta’ deċiżjoni amministrattiva li tagħti permess għal proġett ta’ triq prinċipali abbażi tal-fatt li ma jkunux tħarsu r-rekwiżiti tad-dritt ambjentali tal-Unjoni? Din hija waħda mill-kwistjonijiet fundamentali mqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”) (2) u tal-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) u (b)(i) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas dwar l-Ilma” jew id-“DQI”) (3).

2.        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ proċeduri bejn individwi (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) u l-Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja) dwar deċiżjoni tal-Gvern Distrettwali ta’ Detmold, il-Ġermanja, li approva l-pjan għall-kostruzzjoni l-ġdida tal-awtostrada A 33/Triq Federali B 61, fl-inkroċju ta’ Ummeln.

3.        Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għal darba oħra jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza mhux biss il-limitu tad-dritt ta’ appell taċ-ċittadini fi kwistjonijiet ambjentali iżda wkoll kwistjonijiet oħra b’rabta mad-dritt ambjentali sostantiv tal-Unjoni, b’mod partikolari l-kunċett ta’ dak li jikkostitwixxi d-deterjorament ta’ korp ta’ ilma fis-sens tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva EEA

4.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva EEA jgħid:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet li x’aktarx ikunu kkonċernati mill-proġett minħabba r-responsabbilitajiet ambjentali speċifiċi tagħhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar it-tagħrif fornit mill-iżviluppatur u fuq it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp. Għal dak l-iskop, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet li għandhom jiġu kkonsultati, jew f’termini ġenerali jew fuq il-bażi ta’ każ b’każ. It-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5 għandu jintbagħat lil dawk l-awtoritajiet. Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti dettaljati mill-Istati Membri dwar il-konsultazzjoni.

2.      Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf, jew b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra approprjati bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli, dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovdut b’mod raġonevoli:

(a)      it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp;

(b)      il-fatt li l-proġett huwa soġġett għal proċedura ta’ stima dwar l-impatt fuq l-ambjent u, meta rilevanti, il-fatt li japplika l-Artikolu 7;

(c)      id-dettalji tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-teħid tad-deċiżjoni, dawk li mingħandhom jista’ jinkiseb tagħrif rilevanti, dawk li lilhom jistgħu jiġu sottomessi kummenti jew mistoqsijiet, u d-dettalji dwar l-iskeda taż-żmien għat-trażmissjoni tal-kummenti jew il-mistoqsijiet;

(d)      in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli jew, meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;

(e)      indikazzjoni tad-disponibbiltà tat-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(f)      indikazzjoni dwar iż-żminijiet jew il-postijiet li fihom u l-mezzi li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

(g)      id-dettalji tal-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’termini ta’ żmien raġonevoli, dan li ġej jitpoġġa għad-disponibilità tal-pubbliku kkonċernat:

(a)      kull tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(b)      skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rapporti u l-pariri prinċipali mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku kkonċernat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(c)      skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, it-tagħrif għajr dak imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva u li jsir disponibbli biss wara ż-żmien meta l-pubbliku kkonċernat ikun ġie mgħarraf skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp.

5.      L-arranġamenti dettaljati sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf (pereżempju bit-twaħħil tal-kartelluni f’ċertu raġġ jew bil-pubblikazzjoni fil-gazzetti lokali) u sabiex il-pubbliku kkonċernat jiġi kkonsultat (pereżempju b’sottomissjonijiet bil-miktub jew permezz ta’ inkjesta pubblika) għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

6.      Għandhom jiġu pprovduti termini ta’ żmien raġonevoli għall-fażijiet differenti, billi jiġi permess żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf u sabiex il-pubbliku kkonċernat iħejji ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fit-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”

5.        L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva EEA jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

(a)      li jkollhom interess suffiċjenti, jew alternattivament;

(b)      li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjni;

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.”

2.      Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma

6.        Id-definizzjonijiet ta’ “stat ta’ l-ilma tal-wiċċ” u ta’ “stat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art” jingħataw fl-Artikolu 2(17) u (19) tad-DQI. Għall-finijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, “stat ta’ l-ilma tal-wiċċ” hija “l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, stabbilit mill-ifqar stat ekoloġiku u tal-istat kimiku tiegħu” u “stat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art” hija “l-espressjoni ġenerali ta’ stat ta’ korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, stabbilit mill-ifqar stat kwantitattiv u tal-istat kimiku tiegħu.”

7.        Skont l-Artikolu 2(25) tad-DQI, “stat kimiku tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art” huwa l-istat kimiku ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art, li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fit-tabella 2.3.2 tal-Anness V tad-direttiva.

8.        L-Artikolu 4 tad-DQI, bit-titolu “Għanijiet ambjentali”, jgħid:

“1.      Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:

(a)      għall-ilma tal-wiċċ

(i)      L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(ii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfazizzaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ sottoparagrafu (iii) għal korpi ta’ l-ilma artifiċjali u modifikati ħafna, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb ta’ l-ilma tal-wiċċ mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

(iii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu u jiżviluppaw il-korpi ta’ l-ilma kollha artifiċjali u modifikati ħafna, bil-mira li jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ kimiku u potenzjal ekoloġiku tajjeb mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, bi qbil mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8;

[…]

(b)      għall-ilma ta’ taħt l-art

(i)      L- Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu jew jillimitaw id-dħul tal-kontaminanti fl-ilma ta’ taħt l-art u biex jipprevjenu d-deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi kollha ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 6 u 7 u mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(3)(j);

(ii)      L-Istati Membri jridu jipproteġu, jiżviluppaw u jsaħħu l-korpi kollha ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, jiżguraw bilanċ bejn estrazzjoni u charge mill-ġdid ta’ l-ilma ta’ taħt l-art, bil-mira għal ksib ta’ stat tajjeb ta’ l-ilma ta’ taħt l-art mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, skond mad-disposizzjonijiet imniżżla fl-Anness V, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ estensjonijiet determinati skond paragrafu 4 u għall-applikazzjoni ta’ paragrafi 5, 6 u 7 mingħajr preġudizzju għal paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(3)(j);

(iii)      L-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex terġa tinġieb lura kif kienet kull trend fiż-żieda sinifikanti u sostnuta fil-konċentrazzjoni ta’ kull kontaminant li jirriżulta mill-impatt ta’ attività umana sabiex progressivament jitnaqqas it-tniġġiż ta’ l-ilma ta’ taħt l-art.

[…]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

9.        L-Artikolu 4 tal-Umwelt-Rechtsbehelfsgesetz (il-Liġi dwar l-Appelli Ambjentali, iktar ’il quddiem l-“UmwRG”), kif ippubblikata fit-23 ta’ Awwissu 2017 jgħid:

“(1)      L-annullament ta’ deċiżjoni dwar l-approvazzjoni ta’ proġett skont il-punti 1 sa 2b tal-ewwel sentenza tat-Taqsima 1(1) jista’ jintalab meta:

1.      (a)      evalwazzjoni ambjentali jew

(b)      evalwazzjoni preliminari każ b’każ tal-ħtieġa li ssir evalwazzjoni tal-effetti ambjentali,

kif mitlub mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Evalwazzjoni tal-Effetti Ambjentali (UVPG) […],) la jkunu twettqu fiż-żmien meta kienet dovuta u lanqas wara.

2.      ma tkunx saret parteċipazzjoni pubblika meħtieġa fis-sens tal-Artikolu 18 tal-Att dwar il-Evalwazzjoni tal-Effett Ambjentali (UVPG) jew fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Att Federali dwar il-Kontroll ta’ Emissjonijiet la fiż-żmien meta kienet dovuta u lanqas wara, jew

3.      ikun seħħ difett proċedurali ieħor li

(a) ma jkunx ġie rrimedjat,

(b) ikun paragunabbli min-natura u l-gravità tiegħu mal-każijiet imsemmija fil-punti 1 u 2; u

(c) ikun ċaħħad lill-pubbliku kkonċernat mill-opportunità, kif previst mil-liġi, li jipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; tali parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għandha tinkludi aċċess għal dokumenti, li għandhom jiġu esposti għal konsultazzjoni mill-pubbliku.

Evalwazzjoni preliminari każ b’każ tal-ħtieġa ta’ evalwazzjoni ambjentali li tkun saret iżda li ma tkunx issodisfat ir-rekwiżiti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(3) tal-Att dwar l-Evalwazzjoni tal-Effett Ambjentali (UVPG), għandha titqies bħala eżami preliminari li ma jkunx sar fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 1(b).

(1a) L-Artikolu 46 tal-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva (VwVfG) għandu japplika għal żbalji proċedurali li ma humiex koperti mill-paragrafu (1). Jekk il-qorti ma tkunx tista’ tistabbilixxi jekk żball proċedurali skont l-ewwel sentenza jkunx influwenza d-deċiżjoni dwar il-kwistjoni, għandu jiġi preżunt li dak ikun il-każ.

(1b) Ksur tar-regoli proċedurali għandu jwassal biss għall-annullament tad-deċiżjoni skont il-punti 1 sa 2b jew 5 tal-ewwel sentenza tat-taqsima 1(1), jekk ma jkunx ġie rrimedjat billi tkun ġiet emendata d-deċiżjoni jew permezz ta’ proċedura supplimentari. Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jibqgħu mhux mittiefsa.

1.      L-Artikolu 45(2) tal-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva (VwVfG), u

2.      L-Artikolu 75(1a) tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (VwVfG) u leġiżlazzjoni rilevanti oħra dwar il-preservazzjoni ta’ pjani.

Mal-preżentata ta’ rikors il-qorti tista’ tordna li s-seduta tiġi sospiża sakemm żbalji proċedurali fis-sens tal-paragrafu (1) u (1a) ikunu ġew irrimedjati, sa fejn dan iwassal għal konċentrazzjoni proċedurali..

(2)      […]

(3)      Il-paragrafi (1) u (2) għandhom japplikaw għal rimedji legali minn

1.      persuni fis-sens tal-punt 1 tat-taqsima 61 tar-Regoli tal-Qorti Amministrattiva (VwGO) u assoċjazzjonijiet skont it-tifsira tal-punt 2 tat-taqsima 61 tar-Regoli tal-Qorti Amministrattiva (VwGO) u

2.      assoċjazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 2(2).

Il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu għandu japplika għal rimedji legali ppreżentati minn persuni u assoċjazzjonijiet skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza, bil-kundizzjoni li l-annullament ta’ deċiżjoni jista’ jintalab biss jekk l-iżball proċedurali jkun ċaħħad lill-parti kkonċernata mill-opportunità li tipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif previst mil-liġi.

(4)      L-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal rimedji legali mressqa minn assoċjazzjonijiet skont il-punt 2 tal-ewwel sentenza tat-tielet paragrafu kontra deċiżjonijiet skont il-punt 4 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) […]”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

10.      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2016, il-Bezirksregierung Detmold (il-Gvern Distrettwali ta’ Detmold, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Regolatorja”) approva, fuq talba tal-Landesbetrieb Straßenbau Nordrhein-Westfalen (l-Aġenzija għal Bini ta’ Toroq tal-Istat Ġermaniż ta’ Nordrhein-Westfalen) (iktar ’il quddiem il-“kuntrattur tal-proġett”), il-pjan tal-kostruzzjoni l-ġdida tal-awtostrada A 33/Triq Federali B 61, fl-inkroċju ta’ Ummeln. Is-sezzjoni inkwistjoni approvata hija twila madwar 3.7 kilometri.

11.      Din id-deċiżjoni awtorizzat ukoll lill-kuntrattur tal-proġetti jarmi l-ilma tax-xita ta’ fuq l-uċuħ tat-toroq għal ġewwa tliet korpi ta’ ilma jew għal ġewwa ilma ta’ taħt l-art. Madankollu, hija pprovdiet ukoll għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet anċillari maħsuba sabiex jiżguraw il-kwalità tal-ilma kemm fir-rigward ta’ ilma tal-wiċċ kif ukoll fir-rigward ta’ infiltrazzjoni ta’ ilma ta’ taħt l-art.

12.      Bejn it-30 ta’ Awwissu u d-29 ta’ Settembru 2010, id-dokumenti tal-ippjanar kienu ġew esibiti pubblikament. Fl-avviż li nħareġ qabel l-esibizzjoni pubblika, kienu ssemmew dokumenti relatati mat-traffiku, mal-protezzjoni tal-ispeċi u mal-fawna. Madankollu, ma kienx hemm riferiment għal dokumenti relatati mal-ħarsien akustiku u mas-sistema ta’ dranaġġ ta’ ilma ppjanata. Kien in-nuqqas ta’ din id-dokumentazzjoni li qajjem oġġezzjonijiet mill-pubbliku. Inżammu seduti preliminari fl-10 u fil-11 ta’ April 2013.

13.      Filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-proċedura ta’ konsultazzjoni u l-oġġezzjonijiet magħmula mill-Awtorità tal-Ilma, il-kuntrattur tal-proġett iddeċieda dwar diversi emendi fil-pjan, b’mod partikolari dwar dranaġġ ta’ ilma tax-xita. Huwa mbagħad stabbilixxa “paġna ta’ kopertura” b’lista’ tad-dokumenti prodotti li kienet tindika, fejn applikabbli, kull bidla li kienet saritilhom. Filwaqt li kienu ssemmew żewġ dokumenti dwar traffiku u akustika, ma kien inkluż ebda studju tekniku dwar dranaġġ ta’ ilma tax-xita. Sussegwentement, tqajmu iktar oġġezzjonijiet mill-pubbliku matul konsultazzjoni oħra ġdida li kienet saret mid-19 ta’ Mejju sat-18 ta’ Ġunju 2014.

14.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rikorrenti – li f’xi każijiet qegħdin f’riskju ta’ esproprjazzjoni tal-proprjetà privata tagħhom jew li f’każijiet oħra jkollhom bir domestiku għall-provvista privata tagħhom ta’ ilma tax-xorb u li jibżgħu li l-provvista tagħhom ta’ ilma tkun tista’ titniġġes – appellaw id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ ppjanar quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja).

15.      Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tirrileva li ma kinitx saret evalwazzjoni dokumentata ta’ korpi ta’ ilma sabiex ikun żgurat li jkunu tħarsu rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ilma. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ ppjanar tgħid biss fil-qosor li l-proġett aktarx ma kienx ser jirriżulta f’deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ jew f’deterjorament ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art. Kien biss matul il-proċeduri ġudizzjarji li l-Awtorità Regolatorja ppreżentat rapport tekniku ta’ tmienja u erbgħin paġna li jiddeskrivi l-korpi ta’ ilma kkonċernati u l-impatt tal-proġett fuq il-kwalità tagħhom, mingħajr ma ppreżentatu b’mod formali bħala anness mad-deċiżjoni kkontestata.

16.      Dwar il-merti, il-qorti tar-rinviju l-ewwel tqis li l-pubbliku ma kienx informat biżżejjed dwar l-effetti ambjentali tal-proġett matul l-istadji ta’ konsultazzjoni. Madankollu, hija tinnota li, skont id-dritt nazzjonali, tali difett proċedurali seta’ jkun invokat biss minn rikorrent individwali u seta’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ ppjanar biss jekk ir-rikorrent stess kien ġie mċaħħad mill-opportunità li jipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni. Anki jekk, f’dan il-każ, id-difett proċedurali ma kienx influwenza, fil-fehma tagħha, ir-riżultat tad-deċiżjoni, hija tirrileva li l-uniku element determinanti, fil-każ ta’ appell minn rikorrent individwali, huwa jekk ir-rikorrent kienx ġie mċaħħad minn din l-opportunità li jipparteċipa fil-proċess tat-teħid deċiżjonali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, billi tirregola b’dan il-mod il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ appelli ppreżentati minn individwi, ma tiksirx l-iskop tad-Direttiva EEA, li huwa li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

17.      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex posssibbli li l-evalwazzjoni tal-projbizzjoni ta’ deterjorament ta’ korpi ta’ ilma tal-wiċċ issir u tkun verifikabbli permezz tad-dokumentazzjoni korrispondenti biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjan.

18.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-projbizzjoni ta’ deterjorament ta’ korpi ta’ ilma tapplika mhux biss għal ilma tal-wiċċ iżda wkoll għal ilma ta’ taħt l-art, biex b’hekk l-istat ta’ dan tal-aħħar jkollu wkoll ikun evalwat qabel l-awtorizzazzjoni tal-proġett. Madankollu, hija għandha dubju dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm deterjorament jew le fl-istat kimiku ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art, minħabba li d-DQI tiddistingwi biss, f’dan il-każ, bejn stat tajjeb u medjokri.

19.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligi għall-prevenzjoni tad-deterjorament u għat-titjib ta’ korpi ta’ ilma msemmija fl-Artikolu 4 tad-DQI ma jimplikawx, minkejja n-natura vinkolanti ta’ din id-dispożizzjoni, li din hija ammissibbli għall-membri kollha tal-pubbliku kkonċernat minħabba proġett u li jsostnu li hemm ksur tad-drittijiet tagħhom li jikkontestaw deċiżjoni li tikser dawn l-obbligi.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’deċiżjoni tal-25 ta’ April 2018 li l-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet fis-16 ta’ Awwissu 2018, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1.      L-Artikolu 11(1)(b) [tal-Direttiva EEA] – għandu jiġi interpretat fis-sens li hija kompatibbli ma’ dan l-artikolu dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha rikorrent li ma għandux l-istatus ta’ assoċjazzjoni ambjentali awtorizzata huwa biss intitolat jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni minħabba difett proċedurali meta l-imsemmi difett ikun ċaħħad lil dan l-istess rikorrent mid-dritt – previst mil-liġi – li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali?

2      (a)      L-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) [tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi mhux biss kriterji ta’ monitoraġġ skont id-dritt sostantiv iżda wkoll, barra minn hekk, rekwiżiti li jikkonċernaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva?

2      (b)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a), il-parteċipazzjoni tal-pubbliku msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva [EEA] għandha dejjem tirrigwarda d-dokumenti relatati mal-monitoraġġ iċċitat iktar ’il fuq imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma jew huwa permess li ssir distinzjoni skont id-data tal-ħolqien tad-dokument u skont il-kumplessità tiegħu?

3.      Il-kunċett ta’ deterjorazzjoni tal-istat ta’ korp tal-ilma taħt l-art, imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-DQI, għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm deterjorazzjoni tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma taħt l-art meta jkun inqabeż minn tal-inqas standard ta’ kwalità ambjentali wieħed għal parametru wieħed minħabba l-proġett u – irrispettivament minn dan – ladarba l-valur tal-limitu stabbilit għal kontaminant ikun diġà inqabeż, kwalunkwe żieda ulterjuri (li tista’ titkejjel) tal-konċentrazzjoni tikkostitwixxi deterjorazzjoni?

4      (a)      L-Artikolu 4 tad-DQI – fid-dawl tal-effett vinkolanti tiegħu (Artikolu 288 TFUE) u tal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 19 TUE) – għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri kollha tal-pubbliku kkonċernat minn proġett, li jsostnu li l-awtorizzazzjoni tal-proġett tikser id-drittijiet tagħhom, għandhom locus standi in judicio, inter alia, għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni u tal-obbligu ta’ titjib imposti mil-leġiżlazzjoni dwar l-ilma?

4      (b)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-punt (a), l-Artikolu 4 tad-DQI – fid-dawl tal-għan tiegħu – għandu jiġi interpretat fis-sens li mill-inqas ir-rikorrenti, għall-finijiet tal-provvista individwali tagħhom ta’ ilma minn bjar domestiċi li jinsabu ħdejn ir-rotta proposta tat-triq, għandhom locus standi in judicio fir-rigward tal-ksur tal-projbizzjoni tad-deterjorazzjoni u tal-obbligu ta’ titjib imposti mil-leġiżlazzjoni dwar l-ilma?”

21.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni għamlu t-trattazzjoni orali tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2019. Ma nistax ma nosservax, madankollu, li l-fatt li la l-Land Nordrhein-Westfalen u lanqas ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma qiesu xieraq li jippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub u lanqas, barra minn hekk, ma attendew għas-seduta, huwa kemmxejn sfortunat. Minħabba li din il-kawża tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet pjuttost kumplessi tad-dritt amministrattiv u ambjentali Ġermaniż, kien ikun forsi aħjar li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat l-opportunità tirċievi sottomissjonijiet mingħand iż-żewġ entitajiet responsabbli rispettivament mill-applikazzjoni u mill-abbozzar tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

V.      Analiżi

A.      Fuq l-ewwel domanda

22.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva EEA għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li rikorrent li ma jkunx irrikonoxxut bħala assoċjazzjoni ambjentali jkun intitolat jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni minħabba difett proċedurali biss jekk id-difett proċedurali jkun ċaħħad lir-rikorrent innifsu mill-opportunità — kif previst statutorjament — li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali, hijiex konsistenti ma’ dan l-artikolu.

1.      Dwar il-kuntest storiku tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva EEA u l-interpretazzjoni tiegħu

23.      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva EEA jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li membri tal-pubbliku kkonċernati, li jkollhom interess suffiċjenti li jressqu proċeduri jew jinvokaw ksur ta’ dritt, ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għal parteċipazzjoni tal-pubbliku.

24.      Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 10a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (4), li hija stess tikkorrispondi b’mod ġenerali għall-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (5) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”). Huwa ċar li l-Artikolu 10a ddaħħal fid-Direttiva 85/337, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra, permezz tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja, u tad-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE (6) biex id-dritt tal-Unjoni jkun jaqbel mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (7). Lanqas ma huwa kkontestat li din il-Konvenzjoni tagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (8).

25.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92 huwa stħarriġ li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, b’mod konformi mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jinvolvi lill-membri tal-pubbliku kkonċernati li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti li jressqu proċeduri jew li jinvokaw ksur ta’ dritt, bil-għan li jikkontribwixxu għall-preżervazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u jħarsu s-saħħa tal-bniedem (9), u, min-naħa l-oħra, li meta Stat Membru jistabbilixxi regoli tad-dritt proċedurali applikabbli għall-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Åarhus, l-Istat Membru għandu jitqies li jkun qiegħed jimplementa obbligu li jirriżulta minn dak l-artikolu. Għaldaqstant, minn dan isegwi li l-Istat Membru għandu jitqies, min-naħa tiegħu, li jkun qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni skont l-għanijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sabiex b’hekk, għaldaqstant, tkun applikabbli l-Karta (10).

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ċar li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-imsemmija dispożizzjoni, [jiġifieri l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus], moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dispożizzjonijiet tad-dritt tal-ambjent” (11).

27.      Din hija r-raġuni għaliex, għalkemm l-Istati Membri jgawdu minn diskrezzjoni sinjifikattiva li jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi “interess suffiċjenti” jew “ksur ta’ dritt”, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 dwar id-dritt tal-membri tal-pubbliku kkonċernati bid-deċiżjonijiet, bl-atti jew bl-ommissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva, li jiftħu proċeduri adatti ta’ annullament, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (12) jew b’mod li jxejjen is-sustanza tad-dritt ta’ persuna li toġġezzjona sabiex ikollha protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

28.      Il-kliem tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ukoll jikkonfermaw li l-portata tad-diskrezzjoni tal-Istati Membri hija limitata mill-ħtieġa li jitħares l-għan li jkun żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja għall-pubbliku kkonċernat (13).

2.      Dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA għal dan il-każ

29.      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-annullament ta’ deċiżjoni għall-kundizzjoni li l-irregolarità proċedurali inkwistjoni jkollha l-effett li ċċaħħad lill-parti kkonċernata mill-opportunità li effettivament tipparteċipa fil-proċess deċiżjonali bil-mod previst statutorjament. Il-kwistjoni li mbagħad tqum hija dwar jekk din il-kundizzjoni nnifisha hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA.

30.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni talab lill-Istati Membri jiżguraw li l-membri tal-pubbliku kkonċernati jkollhom l-opportunità jressqu proċeduri li jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jillimita l-motivi li setgħu jkunu invokati insostenn ta’ tali proċeduri (14). Bħalma “huwa ma kellux l-intenzjoni li jorbot il-possibbiltà li jiġi invokat difett proċedurali għall-kundizzjoni li dan kellu effett fuq is-sens tad-deċiżjoni finali kkontestata” (15), wieħed jista’ bl-istess mod jiddeduċi mill-kliem u mill-għan tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 — li jiżgura aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent — li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jillimita d-dritt tal-individwu li jikkontesta deċiżjonijiet ambjentali sempliċement biss għal dik il-kategorija partikolari ta’ każijiet fejn, minħabba difett proċedurali, ir-rikorrent kien imċaħħad mid-dritt li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali kif previst mil-liġi.

31.      Għall-kuntrarju, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Gemeinde Altrip et, iċċitata iktar ’il fuq, “peress li din id-direttiva għandha, b’mod partikolari, l-għan li jiġu ffissati garanziji proċedurali li, b’mod partikolari, jippermettu informazzjoni aħjar u parteċipazzjoni mill-pubbliku fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti pubbliċi u privati li x’aktarx għandhom effett sinjifikattiv fuq dan l-ambjent, il-konformità mar-regoli tal-proċedura f’dan il-qasam huma ta’ importanza partikolari. B’mod konformi mal-għan intiż li jagħti aċċess wiesa’ għall-ġustizzja, il-pubbliku kkonċernat għandu għalhekk ikun kapaċi, bħala prinċipju, jinvoka kull difett proċedurali insostenn ta’ rikors li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjonijiet taħt din id-direttiva.” (16).

32.      Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet tal-effetti ambjentali nfushom, minħabba li dan l-aspett essenzjali ta’ ħarsien tal-ambjent jista’ jiġi kompromess li kieku kellhom jiġu awtorizzati proġetti ta’ żvilupp ta’ dan it-tip fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni li tkun tissodisfa l-istandards legali xierqa. Isegwi, għalhekk, li parti li tkun affettwata mid-deċiżjoni li jingħata permess għal żvilupp għandu jkollha d-dritt li tressaq ilment kontra kwalunkew difett proċedurali rilevanti fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni amministrattiva, ħlief meta l-awtoritajiet kompetenti jipproduċu prova li d-deċiżjoni kkontestata ma kienet tkun b’ebda mod differenti. (17)

33.      Huwa ċertament minnu li l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92 — konformement mat-termini tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus — jagħmel distinzjoni netta bejn, minn naħa, is-sitwazzjonijiet ta’ individwi, u min-naħa l-oħra, dawk ta’ organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent. Il-leġiżlaturi nazzjonali huma, għalhekk, fil-prinċipju, intitolati jipprovdu f’dan ir-rigward li l-uniċi drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwi li jkunu jixtiequ joġġezzjonaw għal proġett ta’ żvilupp — bħall-inkroċju tal-awtostrada f’dan il-każ — huma drittijiet individwali sostantivi. Min-naħa l-oħra, tali limitazzjoni nazzjonali ma tistax tiġi applikata fil-każ ta’ kontestazzjonijiet magħmula minn organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent (18).

34.      Fi kliem ieħor, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus u d-Direttiva 2011/92, sa ċertu punt, għalhekk, ipprovdew għal għamla ta’ actio popularis fil-qasam ambjentali għal organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, dawn xorta waħda baqgħu espressament lura milli jagħmlu dan fil-każ ta’ kontestazzjonijiet imressqa minn individwi privati. Madankollu, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92 għandhom jinqraw flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, b’tali mod li l-Istati Membri jkunu b’hekk obbligati jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-dritt ambjentali (19). Isegwi mbagħad li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, dwar id-dritt li jinġiebu azzjonijiet ta’ membri tal-pubbliku kkonċernati bid-deċiżjonijiet, bl-atti jew bl-ommissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma jkunux jistgħu jiġu interpretati b’mod restrittiv (20).

35.      F’dan il-kuntest, għandu għalhekk jiġi rrikonoxxut li l-garanziji proċedurali tad-Direttiva 2011/92 — b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 6 — għandhom jitqiesu bħala drittijiet individwali sostantivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, regola nazzjonali tista’ raġonevolment teżiġi li individwi juru li huma kienu ġew imċaħħda minn tal-inqas waħda minn dawn il-garanziji proċedurali – bħal, pereżempju, aċċess għal dokumenti rilevanti – biex ikunu jistgħu jitolbu l-annullament ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Tali rekwiżit jista’ jitqies li jaqdi interessi importanti marbuta mal-amministrazzjoni effiċjenti u ordnata tal-ġustizzja u, b’mod partikolari, biex jiżgura li kull proċedura ta’ annullament titressaq minn individwi privati li kienu ġew affettwati jew li jistgħu jiġu affettwati b’xi mod mill-ksur allegat.

36.      Jekk il-liġi nazzjonali inkwistjoni sempliċement ikollha dan l-effett, allura tkun tosserva l-kliem tal-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 filwaqt li tippreżerva b’mod sħiħ l-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja segwit minn din id-direttiva. Madankollu, jekk l-effett tal-liġi nazzjonali inkwistjoni jkun li jagħmel id-dritt ta’ individwu li jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jiddependi mill-fatt li individwu jiġi mċaħħad mid-dritt li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali kollu kemm hu — minħabba l-fatt li l-garanziji proċedurali previsti fid-Direttiva 2011/92 ma jitqisux bħala drittijiet individwali sostantivi — allura din tkun kwistjoni pjuttost differenti. Fil-fehma tiegħi, tali sitwazzjoni tkun tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 peress li tali individwi li joġġezzjonaw jiġu mċaħħda mis-sostanza tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-proċess ġudizzjarju f’materji ambjentali.

37.      Din il-konklużjoni hija wkoll konformi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 47 u 52(1) tal-Karta (21). Kif għadni kif osservajt fil-każ tad-Direttiva 2011/92, rekwiżit ġenerali li individwu privat jista’ jiġi affettwat mid-difett proċedurali li jilmenta dwaru ċertament jaqdi l-interessi tal-amministrazzjoni ġenerali tal-ġustizzja u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jitħares dan l-għan. Tali rekwiżit ma jistax, għalhekk, jitqies bħala inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, jekk l-effett tad-dritt nazzjonali jkun li jiġi limitat id-dritt li wieħed joġġezzjona biss għal dawk il-każijiet fejn l-individwu privat ikun jista’ juri li huwa kien ġie mċaħħad għalkollox mid-dritt li jipparteċipa fil-proċess, tali rekwiżit ikun eċċessiv u sproporzjonat. Jista’ jingħad ukoll li sitwazzjoni bħal din tmur kontra l-għan li tkun żgurata protezzjoni ambjentali sinjifikattiva bil-mod previst kemm mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll mid-Direttiva 2011/92. Isegwi li kull restrizzjoni bħal din li tirriżulta minn regola nazzjonali ta’ din ix-xorta tat-tip li għadni kemm semmejt ma tkunx tħares il-qofol tad-dritt għal rimedju effettiv kif irrikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta.

3.      Konklużjoni fuq l-ewwel domanda

38.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li skontha rikorrent li ma jkunx irrikonoxxut bħala assoċjazzjoni ambjentali għandu dritt jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba difett proċedurali biss jekk jistabbilixxi li huwa nnifsu jkun ġie mċaħħad minn tal-inqas waħda mill-garanziji proċedurali previsti f’din id-direttiva, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 6. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta d-dritt ta’ individwu li jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-kundizzjoni li huwa jkun ġie mċaħħad mid-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali minħabba li l-garanziji proċedurali previsti f’din id-direttiva ma jkunux meqjusa bħala drittijiet individwali sostantivi.

B.      Fuq it-tieni domanda

39.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandux jiġi interpretat fis-sens li jfisser li ma jinkludix biss kriterji sostantivi għal eżami iżda, barra minn hekk, speċifikazzjonijiet dwar il-proċedura regolatorja ta’ approvazzjoni jiġifieri li jkun eskluż li l-evalwazzjoni dwar il-projbizzjoni ta’ deterjorament ta’ korpi ta’ ilma tal-wiċċ isseħħ biss u tkun verifikabbli permezz tad-dokumentazzjoni korrispondenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tapprova l-pjan.

40.      Barra minn hekk, jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-parteċipazzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva EEA tkunx dejjem tirrigwarda d-dokumenti dwar l-evalwazzjoni skont id-DQI, jew jekk ikunx permissibbli li ssir distinzjoni fir-rigward tal-mument tal-ħolqien tad-dokument u tal-kumplessità tiegħu.

41.      Kif sostniet il-qorti tar-rinviju fis-sentenza tagħha, ir-risposta għall-istess domanda tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats hija ċara: skont il-kliem tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva: evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet għas-sit ikkonċernat tal-pjan jew tal-proġett għandha tiġi qabel l-approvazzjoni tagħhom (22). Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew ta’ proġett għas-sit ikkonċernat, li japprovaw il-pjan jew il-proġett, iżda biss wara li l-awtoritajiet l-ewwel ikunu aċċertaw li dawn l-implikazzjonijiet ma jkunux jaffettwaw b’mod ħażin l-integrità ta’ dak is-sit (23).

42.      Għalkemm id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma ma għandhiex eżattament l-istess dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-DQI jew tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats ikollha l-istess konsegwenzi. It-tieni nett, l-ewwel waħda minn dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet għandha l-istess għanijiet bħal dawk adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issostni l-interpretazzjoni tagħha tat-tieni. It-tielet nett, it-tnejn jikkondividu l-istess kuntest legali u ambjentali ġenerali.

43.      L-ewwel nett, kif diġà fakkart, skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, fejn jibqa’ dubju dwar in-nuqqas ta’ effetti ħżiena fuq l-integrità tas-sit marbuta mal-pjan jew mal-proġett li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati, l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta awtorizzazzjoni (24). Huwa ċar ukoll li l-Istati Membri huma mitluba mill-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-DQI — sakemm ma tingħatax deroga — jirrifjutaw li jagħtu permess għal proġett individwali jekk dan jimplika deterjorament tal-istat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ jew jekk dan jipperikola li jinkiseb stat tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb ta’ ilma tal-wiċċ sad-data stabbilita minn din id-direttiva (25).

44.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats “jikkontribwixxi għall-kisba tal-għan tal-miżuri meħuda abbażi ta’ din id-direttiva li, skont l-Artikolu 2(2) tagħha, huwa li jiġi żgurat il-manteniment jew ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Unjoni, u l-għan iktar ġenerali tal-istess direttiva li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fir-rigward is-siti protetti permezz tagħha.” (26) Dawn iż-żewġ għanijiet, speċifiċi u ġenerali, huma wkoll segwiti mill-Artikolu 4 tad-DQI fil-qasam tal-protezzjoni tal-ilma. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi sabiex, minn naħa, jinkiseb l-għan prinċipali tal-miżuri meħuda skont id-DQI li, kif huwa ċar mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 11, 19, 27 u 34 tagħha, huwa l-protezzjoni tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, b’mod iktar speċifiku, sabiex tinżamm u ġeneralment titjieb il-kwalità tal-ambjent akwatiku tal-Unjoni (27).

45.      It-tielet nett, isegwi minn ġurisprudenza stabbilita li l-kriterju ta’ awtorizzazzjoni stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jintegra l-prinċipju ta’ prekawzjoni u, għalhekk, għandu l-għan li jipprevjeni effetti ħżiena fuq l-integrità ta’ siti protetti b’riżultat tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati (28). Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jawtorizzaw l-attività inkwistjoni biss jekk ikunu stabbilixxew li hija ma tkunx tista’ taffettwa b’mod ħażin l-integrità tas-sit involut (29). Madankollu, dan għandu wkoll ikun il-każ skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma minħabba li din id-direttiva hija bbażata fuq l-Artikolu 175 TKE (illum l-Artikolu 192 TFUE). Bħala tali, dan jikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent, li hija bbażata — kif meħtieġ espressament mill-Artikolu 191(2) TFUE (qabel l-Artikolu 174(2) TKE) u indikata fil-premessa 11 tad-DQI — fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

46.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li ma jinkludix biss kriterji sostantivi, iżda li neċessarjament jimplika, barra minn hekk, li kull evalwazzjoni jew verifika ta’ dawn il-kriterji dwar il-projbizzjoni ta’ deterjorament ta’ korpi ta’ ilma tal-wiċċ għandhom jippreċedu l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjan.

47.      Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat ukoll li din l-interpretazzjoni hija diġà riflessa fis-sentenza tas-1 ta’ Ġunju 2017, Folk (C‑529/15, EU:C:2017:419). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata teżamina, hija stess, l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(7) tad-DQI — li jagħmilha possibbli li tingħata awtorizzazzjoni minkejja l-fatt li l-proġett aktarx ikun ikollu effetti ħżiena fuq l-ilma — u tista’ tillimita lilha nnifisha li tikkonstata li l-miżura kkontestata tkun illegali jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni mingħajr ma tkun eżaminat jekk kienx hemm konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet (30). Iżda, fuq kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, “Fil-fatt, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jawtorizzaw proġett li għandhom l-obbligu li jikkontrollaw li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-Direttiva 2000/60 qabel ma jagħtu tali awtorizzazzjoni, bla ħsara għal eventwali stħarriġ ġudizzjarju” (31). Il-prinċipju ta’ prekawzjoni li huwa l-bażi tad-DQI, għalhekk, neċessarjament jimplika li l-obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel li jirriżulta mill-Artikolu 4(7) tad-direttiva — biex jibbenefika minn deroga — japplika wkoll għall-obbligu prinċipali stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

48.      Dwar it-tieni parti tat-tieni domanda, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni pubblika prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva EEA, ma naħsibx li huwa permissibbli li ssir differenza skont iż-żmien tal-ħolqien jew tal-kumplessità ta’ dokument rilevanti għall-evalwazzjoni imposta mid-DQI.

49.      L-ewwel nett, għandu jitfakkar ukoll li kull stħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet li jkunu tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/02 huwa intiż li, skont l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Åarhus, ikun jinvolvi membri tal-pubbliku kkonċernat, sabiex jikkontribwixxi għall-preżervazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (32).

50.      It-tieni nett, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li huwa jimplimenta. Kif spjegat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawżi magħquda Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:249), il-parteċipazzjoni pubblika f’deċiżjonijiet li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent previst fihom għandha sseħħ fi stadju bikri, meta l-għażliet kollha jkunu għadhom miftuħa u tkun tista’ ssir parteċipazzjoni pubblika effettiva. Dan ikompli jenfasizza l-għan ta’ parteċipazzjoni bikrija, minħabba li “din tkun iktar effettiva meta tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun qed jitwettaq il-proġett.” (33) Wieħed jista’ josserva wkoll li din ix-xewqa li jiġi żgurat l-involviment tal-pubbliku qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet finali hija espressament indikata fil-qasam tal-protezzjoni tal-ilma fil-premessa 46 tal-DQI.

51.      F’dan il-kuntest, jidher ċar li jekk jitħallew isiru d-distinzjonijiet issuġġeriti mill-qorti tar-rinviju dan ikun imur kontra dawn l-għanijiet. Min-naħa, distinzjoni skont id-data ta’ dokument aktarx twassal għall-awtorizzazzjoni ta’ ċerti proġetti mingħajr ma l-pubbliku kkonċernat ikun ġie mgħarraf minn qabel dwar l-impatti ambjentali potenzjali tagħhom. Min-naħa l-oħra, id-distinzjoni bejn il-kumplessità ta’ dokument tista’ twassal lil awtoritajiet nazzjonali sabiex jadottaw mod selettiv — u, possibbilment, suġġettiv — għad-detriment tal-pubbliku kkonċernat u, fejn ikun il-każ, għall-protezzjoni tal-ambjent.

52.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix biss kriterji sostantivi għall-eżami, iżda jeżiġi wkoll li l-evalwazzjoni dwar il-projbizzjoni ta’ deterjorament ta’ korpi ta’ ilma tal-wiċċ tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjan, irrispettivament mill-mument tal-adozzjoni jew mill-kumplessità tad-dokument rilevanti għal tali kontroll.

C.      Fuq it-tielet domanda

53.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kliem “deterjorazzjoni tal-istat tal-korpi kollha ta’ l-ilma ta’ taħt l-art” tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-DQI għandux jiġi interpretat fis-sens li jfisser li deterjorazzjoni tal-istat kimiku ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ikun jeżisti malli jkun hemm eċċess ta’ mill-inqas standard wieħed ta’ kwalità ambjentali għal parametru wieħed għal raġunijiet relatati ma’ proġett, u li irrispettivament minn dan, jekk il-limitu rilevanti għal kontaminant wieħed ikun diġà nqabeż, kull żieda addizzjonali (kwantifikabbli) tal-konċentrazzjoni tikkostitwixxi deterjorament.

54.      Fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, abbażi ta’ qari letterali u kuntestwali tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-DQI u fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, li l-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li “hemm deterjorament hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal-Anness V ta’ din id-direttiva, iddegrada b’klassi, anki jekk din id-degradazzjoni [ma tirriżultax] f’degradazzjoni ta’ klassifikazzjoni, fl-intier tagħha” (34). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “għalkemm l-element ta’ kwalità kkonċernat, fis-sens ta’ dan l-Anness, jidher diġà fil-klassi l-iktar baxxa, kull degradazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi ‘deterjorament tal-istat’ ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(1)(a)(i)” (35).

55.      Huwa minnu li, kuntrarjament għal korpi ta’ ilma tal-wiċċ — li għalihom id-DQI tipprovdi skala ta’ ħames klassijiet ta’ stat ekoloġiku — id-direttiva tiddistingwi biss bejn stat tajjeb u medjokri dwar l-istat kwantitattiv u kimiku ta’ ilma ta’ taħt l-art. Madankollu, inqis li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” ta’ korpi ta’ ilma fis-sens tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandha tkun pjuttost simili, irrispettivament minn jekk ikunx ilma tal-wiċċ jew ilma ta’ taħt l-art.

56.      Fil-fatt, minbarra l-għanijiet ambjentali tad-DQI li huma kjarament simili skont l-Artikolu 4(1) għall-ilma tal-wiċċ u għall-ilma ta’ taħt l-art, il-bażi tal-interpretazzjoni letterali u tal-argument kuntestwali użata mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issostni l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-DQI tista’ tiġi applikata wkoll b’analoġija għall-Artikolu 4(1)(b)(i) (36).

57.      L-ewwel nett, bl-istess mod bħall-Artikolu 4(1)(a)(i), il-kliem tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-DQI jsostni interpretazzjoni li hija indipendenti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-Anness V minħabba li ż-żewġ dispożizzjonijiet jgħidu espressament li deterjorament tal-istat tal-korpi kollha ta’ ilma — kemm jekk ikun l-ilma tal-wiċċ kif ukoll dak ta’ taħt l-art — għandha tiġi evitata. Inċidentalment, l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii) u l-Artikolu 4(b)(ii) tad-DQI biss jirreferu għall-Anness V, iżda dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw l-obbligu li jittejjeb l-istat ta’ korpi ta’ ilma. Madankollu, l-obbligu li tiġi evitata deterjorament u l-obbligu li jsir titjib huma żewġ għanijiet distinti (37). Barra minn hekk, skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2(19) tad-DQI – simili għal dik tal-Artikolu 2(17) tal-istess direttiva għall-istat ta’ ilma tal-wiċċ — l-istat ta’ ilma ta’ taħt l-art huwa l-espressjoni ġenerali tal-istat ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art, stabbilit mill-iktar stat medjokri bejn l-istat kwantitattiv tiegħu u l-istat kimiku tiegħu.

58.      Bħal fil-każ tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-DQI, il-kliem tal-Artikolu 4(1)(b)(i) jeżiġi wkoll, b’mod ġenerali, l-obbligu li tiġi evitata d-deterjorament ta’ stat ta’ ilma ta’ taħt l-art mingħajr ma jsir riferiment għall-klassifikazzjoni li tirriżulta mill-Anness V.

59.      It-tieni nett, huwa minnu li, meta l-evalwazzjoni ta’ stat ta’ ilma tal-wiċċ tkun ibbażata fuq analiżi tal-istat ekoloġiku li tkun tkopri ħames klassijiet, l-evalwazzjoni ta’ stat ta’ ilma ta’ taħt l-art tkun ibbażata fuq analiżi tal-istat kwantitattiv u tal-istat kimiku, b’riferiment għat-Tabelli 2.1.2. u 2.3.2. tal-Anness V (38).

60.      Madankollu, kif għadni kif osservajt, la l-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-DQI u lanqas l-Artikolu 4(1)(b)(i) ma jirreferu għall-Anness V. F’dawk iċ-ċirkustanzi, bħal fil-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ, il-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art għandu jitqies ukoll bħala kunċett ta’ skop ġenerali. Il-klassijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-rigward f’dawn it-tabelli huma, konsegwentement – fil-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland – “biss strument li jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri matul id-determinazzjoni tal-elementi ta’ kwalità li jirriflettu stat reali ta’ korp tal-ilma partikolari” (39).

61.      It-tielet nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 4(5)(ċ) tad-DQI li jistabbilixxi espressament projbizzjoni ta’ kull deterjorament ulterjuri fir-rigward ta’ korpi speċifiċi ta’ ilma li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri jistgħu jimmiraw li jinkisbu għanijiet ambjentali inqas stretti (40).

62.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja dwar “korpi ta’ ilma” inġenerali, il-kunċett ta’ “deterjorament” għandu jiġi interpretat b’riferiment għal element ta’ kwalità jew sustanza minħabba li “l-obbligu tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma jikkonserva l-effett utli kollu tiegħu, peress li jinkludi kull bidla li tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-għan prinċipali [tad-DQI]” (41). Din l-interpretazzjoni għandha tipprevali b’dan il-mod iktar u iktar fil-każ ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art li jkollu biss l-istat ta’ “tajjeb” jew “medjokri”, filwaqt li għal ilmijiet tal-wiċċ hemm ħames klassijiet ta’ stat.

63.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet, b’mod ġenerali simili, li, “fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma, għandu jitfakkar li jirriżulta mit-tqassim tal-Artikolu 4 [tad-DQI], u b’mod partikolari l-paragrafi 6 u 7 tiegħu, li d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp tal-ilma, anki jekk tranżitorji, huma awtorizzati biss f’kundizzjonijiet severi. Minn dan jirriżulta li l-limitu li lil hinn minnu huwa kkonstatat ksur tal-obbligu tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu jkun baxx” (42).

64.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 2(25) tad-DQI, “stat kimiku tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art” huwa l-istat kimiku ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fit-Tabella 2.3.2 tal-Anness V. Dan ifisser li l-kompożizzjoni kimika tal-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art tkun tali li l-konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti ma jkunux juru l-effetti ta’ salinità jew intrużjonijiet oħra, ma jkunux jaqbżu l-istandards ta’ kwalità u valuri massimi stabbiliti mid-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament (43) u ma jkunux tali li jirriżulta li ma jkunux jistgħu jinkisbu l-għanijiet ambjentali indikati fl-Artikolu 4 għall-ilmijiet tal-wiċċ relatati jew li jkun hemm tnaqqis sinjifikattiv tal-kwalità ekoloġika jew kimika ta’ korpi bħal dawn jew ħsara sinjifikattiva ta’ ekosistemi terrestri li jiddependu direttament mill-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art.

65.      Skont l-Artikolu 17 tad-DQI, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118 għalhekk jipprovdi kriterji sabiex jiġi eżaminat l-istat kimiku ta’ ilma ta’ taħt l-art. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw standards ta’ kwalità ta’ ilma ta’ taħt l-art kif imsemmi fl-Anness I u valuri massimi li huma għandhom jistabbilixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Anness II, Parti A għall-kontaminanti, għall-gruppi ta’ kontaminanti u għall-indikaturi ta’ tniġġis li jkunu ġew identifikati bħala li jikkontribwixxu għall-karatterizzazzjoni ta’ korpi jew ta’ gruppi ta’ korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art li jkunu f’riskju, billi jieħdu inkunsiderazzjoni mill-inqas il-lista li tinsab fl-Anness II, Parti B.

66.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat” ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li jkun hemm deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jekk, minħabba riżultat tal-proġett, ikun hemm eċċess ta’ standard ta’ kwalità ambjentali, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2006/118 jew valur massimu ta’ Stat Membru fis-sens tal-Anness II tal-istess direttiva, mill-inqas għal kontaminant wieħed, jew jekk ma jitħarsux il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fit-Tabella 2.3.2 tal-Anness V tad-DQI. Madankollu, jekk il-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ikun diġà fil-klassi l-iktar baxxa fis-sens tal-Anness V tad-DQI, kull żieda li jkun hemm wara fil-konċentrazzjoni ta’ kontaminant li taqbeż l-istandard ta’ kwalità ambjentali jew il-valur massimu stabbilit mill-Istat Membru tkun neċessarjament tikkostitwixxi deterjorament. F’dan il-każ, żieda fil-konċentrazzjoni ta’ kontaminant ieħor tikkostitwixxi wkoll deterjorament jekk tkun taqbeż l-istandard ta’ kwalità ambjentali jew il-valur massimu stabbilit mill-Istat Membru.

67.      Fil-fatt, jekk bidla ħażina f’wieħed mill-parametri tal-istat ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ikklassifikat bħala fqir ma tkunx tista’ tiġi kkwalifikata bħala deterjorament, dan ikun jimplika aċċettazzjoni ta’ iktar deterjorament fl-istat ta’ ilma ta’ taħt l-art u tkun teskludi wkoll ilmijiet ta’ klassi inferjuri mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu li tiġi evitata deterjorament fl-istat tagħhom. Minħabba li l-klassifikazzjoni ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art tiddependi mill-agħar valur tal-parametri użati, il-valuri l-oħra kollha jkunu jistgħu jitnaqqsu mingħajr effett legali. Konsegwentement, dan iwassal għall-approvazzjoni ta’ proġetti li jkunu jmorru kontra l-obbligu msemmi fid-DQI sabiex tiġi evitata d-deterjorament u sabiex jittejjeb l-istat tal-ilma u, b’hekk, id-DQI tiċċaħħad mill-effikaċja tagħha (44).

D.      Fuq ir-raba’ domanda

68.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-DQI għandux jiġi interpretat fis-sens li l-membri kollha tal-pubbliku kkonċernati minn proġett li jgħidu li l-approvazzjoni tiegħu tkun tikser id-drittijiet tagħhom ikunu intitolati wkoll iressqu proċeduri ġudizzjarji għal ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament ta’ ilma u tar-rekwiżit ta’ titjib fil-kwalità tal-ilma. Sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, mill-inqas ir-rikorrenti li jkollhom bjar domestiċi għall-provvista privata tagħhom ta’ ilma ġeografikament qrib it-triq ippjanata, għandhom id-dritt jibdew proċeduri ġudizzjarji għal ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament ta’ ilma u tar-rekwiżit ta’ titjib.

69.      Ma hemmx dubju li l-Artikolu 4 tad-DQI għandu sehem fil-kisba tal-għan prinċipali tal-miżuri meħuda skont din id-direttiva, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 11, 19 u 27 tagħha, huwa l-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, iż-żamma u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent akwatiku tal-Unjoni (45).

70.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “ikun inkompatibbli mal-effett vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jattribbwixxi lil direttiva, li jiġi eskluż, fil-prinċipju, li l-obbligi li hija timponi jkunu jistgħu jiġu invokati mill-persuni kkonċernati. L-effett utli [tad-DQI] kif ukoll l-għan tagħha li tipproteġi l-ambjent, […] jeżiġu li individwi, jew skont il-każ, organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent ikkostitwita kif xieraq, jistgħu jinvokaw dan quddiem qorti u li l-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu din id-direttiva inkunsiderazzjoni bħala punt ta’ liġi tal-Unjoni sabiex, fost oħrajn, jistħarrġu jekk l-awtorità nazzjonali li tkun ħarġet awtorizzazzjoni relattiva għal proġett li jista’ jaffettwa l-istat tal-ilma osservatx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari dak tal-prevenzjoni tad-deterjorament tal-korpi tal-ilma u għaldaqstant żammetx mal-limit tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti minn din id-dispożizzjoni.” (46)

71.      Din il-kunsiderazzjoni tapplika b’mod partikolari għal direttiva li tkun maħsuba tipproteġi s-saħħa pubblika (47). Id-Diretiva Qafas dwar l-Ilma taqsam dan l-għan minħabba li l-kwalità tajba tal-ilma hija vitali għall-provvista pubblika ġenerali ta’ ilma (48).

72.      F’dan il-kuntest, għandu wkoll jiġi nnotat li, “meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet legali intiżi sabiex jissalvagwardjaw drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2000/60, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi riaffermazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (49)

73.      Din hija r-raġuni għaliex ippruvajt nuri fl-analiżi tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju li, anki għalkemm l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni sinjifikattiva sabiex jiddeterminaw dak li jikkostitwixxi “interess suffiċjenti” jew “ksur ta’ dritt”, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 b’rabta mad-drittijiet li membri tal-pubbliku, ikkonċernata bid-deċiżjonijiet, bl-atti jew bl-ommissjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jibdew proċeduri ġudizzjarji, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (50). Il-kliem tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2011/92 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jikkonfermaw li d-diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri hija limitata mill-ħtieġa li jitħares l-għan li jkun żgurat aċċess wiesa’ għall-ġustizzja mill-pubbliku kkonċernat (51).

74.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonstatat li, “mill-inqas, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma direttament ikkonċernati minn ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom ikunu jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti, possibbilment permezz ta’ azzjoni legali, josservaw l-obbligi [bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-DQI]” (52). Madankollu, peress li dan l-obbligu li wieħed ikun “direttament ikkonċernat” jikkostitwixxi restrizzjoni għall-aċċess għall-ġustizzja, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Jista’ wkoll jiġi osservat li, sabiex jitressqu proċeduri ġudizzjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja ma teżiġix li r-riskju għas-saħħa jkun speċifiku u inkonfutabbli (53).

75.      Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiena, għalhekk, tal-opinjoni li rikorrenti li jkollhom bjar domestiċi għall-provvista privata tagħhom ta’ ilma ġeografikament qrib it-triq ippjanata huma direttament ikkonċernati mir-riskju ta’ deterjorament fil-kwalità tal-ilma tal-kanali tal-ilma inkwistjoni u jkunu jistgħu, bħala tali, jinvokaw l-Artikolu 4 tad-DQI. Min-naħa l-oħra, jekk il-proġett inkwistjoni aktarx ikollu impatt fuq l-ilma li jinxtorob minn persuni li jużaw in-netwerk pubbliku ta’ provvista ta’ ilma jew jekk huma jiġu affettwati mod ieħor mill-proġett, jidhirli li huma wkoll ikunu imħassba biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jinvokaw l-Artikolu 4 tad-DQI sabiex jibdew proċeduri għal ksur tal-projbizzjoni tad-deterjorament ta’ ilma.

76.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 4 tad-DQI għandu jiġi interpretat fis-sens li persuni li jkollhom bjar domestiċi għal provvista privata tagħhom ta’ ilma, li jużaw netwerk pubbliku ta’ provvista ta’ ilma li aktarx huma affettwat mill-proġett inkwistjoni jew jiġu affettwati speċjalment b’mod ieħor minn dan il-proġett, ikunu direttament ikkonċernati mir-riskju ta’ deterjorament tal-korpi ta’ ilma involuti u jkunu jistgħu, bħala tali, jinvokaw l-Artikolu 4 tad-DQI sabiex iressqu proċeduri ġudizzjarji li jinvokaw ksur tal-projbizzjoni tad-deterjorament ta’ ilma.

VI.    Konklużjoni

77.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li skontha rikorrent li ma jkunx irrikonoxxut bħala assoċjazzjoni ambjentali jkun intitolat japplika għall-annullament ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba difett proċedurali biss jekk jistabbilixxi li huwa stess ikun kien ġie mċaħħad minn tal-inqas waħda mill-garanziji proċedurali msemmija f’din id-direttiva, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 6. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta d-dritt li individwu jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-kundizzjoni li huwa jkun ġie mċaħħad mid-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet minħabba li l-garanziji proċedurali msemmija f’din id-direttiva ma jitqisux li jkunu drittijiet individwali sostantivi.

(2)      L-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix biss kriterji sostantivi għal eżami, iżda jeżiġi wkoll li l-evalwazzjoni relatata mal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni ta’ korpi ta’ ilma tal-wiċċ tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjan, irrispettivament mill-mument tal-adozzjoni jew mill-kumplessità tad-dokument rilevanti għal tali kontroll.

(3)      Il-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art imsemmi fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm deterjorazzjoni fl-istat kimiku ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jekk, b’riżultat tal-proġett, ikun hemm eċċess tal-istandard ta’ kwalità ambjentali fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament, jew valur massimu ta’ Stat Membru fis-sens tal-Anness II tal-istess direttiva, u dan fir-rigward ta’ mill-inqas kontaminant wieħed jew jekk ma jkunx hemm konformità mal-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fit-Tabella 2.3.2 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60. Madankollu, jekk il-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ikun diġà fil-klassi l-iktar baxxa fis-sens tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, kull żieda li jkun hemm wara fil-konċentrazzjoni ta’ kontaminant li tkun teċċedi l-istandard ta’ kwalità ambjentali jew il-valur massimu stabbilit mill-Istat Membru għandha tkun tikkostitwixxi deterjorazzjoni. F’dan il-każ, żieda fil-konċentrazzjoni ta’ kontaminant ieħor tikkostitwixxi wkoll deterjorazzjoni jekk teċċedi l-istandard ta’ kwalità ambjentali jew il-valur massimu stabbilit mill-Istat Membru.

(4)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuni li jkollhom bjar domestiċi għall-provvista privata tagħhom ta’ ilma jew li jużaw netwerk pubbliku ta’ provvista ta’ ilma li jistgħu jiġu affettwati mill-proġett inkwistjoni jew affettwati partikolarment b’mod ieħor minn dan il-proġett, ikunu direttament ikkonċernati mir-riskju ta’ deterjorament tal-korpi ta’ ilma inkwistjoni u jkunu jistgħu, bħala tali, jinvokaw l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 sabiex iressqu proċeduri ġudizzjarji li jinvokaw ksur tal-projbizzjoni tad-deterjorament ta’ ilma.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2012 L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1. p. 248.


5      ĠU 2005 L 124, p. 1.


6      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1 p. 248 u ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80, rispettivament.


7      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/35 u s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 26).


8      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 45).


9      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 28).


10      Ara, f’dan ir-rigward, id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) (id-Direttiva dwar il-Ħabitats); is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C-240/09, EU:C:2011:125, punt 52), u fir-rigward tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C-664/15, EU:C:2017:987, punt 44).


11      Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 45).


12      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber  (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 38 u 40).


13      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber  (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 39).


14      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 37); tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 36 u 47) u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punti 47, 58 u 77).


15      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 47).


16      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 48). Enfasi miżjuda.


17      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 49 sa 53 u 57).


18      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 45) u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punti 33 u 91.


19      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 45).


20      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 38 u 40).


21      Bħala tfakkira, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jgħid li “Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”


22      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 53) u tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 42).


23      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 55).


24      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 55 u 57).


25      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 51) u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 31).


26      Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 43).


27      Ara dwar dan is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 33).


28      Ara dwar dan is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 58); tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 41) u tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 118).


29      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 59).


30      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017, Folk (C‑529/15, EU:C:2017:419, punt 38).


31      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017, Folk (C‑529/15, EU:C:2017:419, punt 39). Enfasi miżjuda.


32      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 28).


33      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża magħquda Comune di Corridonia et (C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:249, punt 26).


34      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 70).


35      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 70).


36      Ara, f’dan ir-rigward, Waller, H., “Case C-461/13, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland e.V.: Could This Case Change the Current of EU Environmental Law or Will It Just Wash Over?”, European Law Reporter, 2016, Nru°2, p. 53-66, speċjalment p. 60.


37      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 39).


38      Ara l-Artikolu 2(25) u (28) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.


39      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 61).


40      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 64).


41      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 66).


42      Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 67).


43      ĠU 2006 L 372, p. 19.


44      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 63).


45      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 33).


46      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37); tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 to C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 94) u tad-19 ta’ Novembru 2014, ClientEarth (C‑404/13, EU:C:2014:2382, punt 55).


48      Ara l-premessa 24 tad-DQI li skontha “Kwalità tajba ta’ l-ilma tikkontribwixxi sabiex ikun żgurat il-forniment ta’ l-ilma tax-xorb għall-popolazzjoni.” Ara wkoll l-Artikolu 1(d) tad-DQI li skontu din id-direttiva tiżgura t-tnaqqis progressiv ta’ tniġġisż ta’ ilma ta’ taħt l-art u tevita iktar tniġġiż tiegħu, kif iddefinit fl-Artikolu 2(33) tad-DQI bħala “l-introduzzjoni diretta jew indiretta, bħala riżultat ta’ attività umana, ta’ sustanzi jew sħana fl-arja, fl-ilma jew fl-art li tista’ tkun ta’ ħsara għas-saħħa umana jew il-kwalità ta’ ekosistemi akkwatiċi jew ekosistemi terrestri li jiddependu diretta […]”.


49      Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 87).


50      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 38 u 40).


51      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 39).


52      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et (C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 32). Enfasi miżjuda.


53      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et (C‑197/18, EU:C:2019:274, punt 54).