Language of document : ECLI:EU:T:2019:310

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2019 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar ċatti rrumblati fil-kiesaħ li joriġinaw miċ-Ċina u mir-Russja – Dazju antidumping definittiv – Reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet – Applikazzjoni retroattiva ta’ dazju antidumping definittiv – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1329 – Għarfien mill-importatur ta’ prattiki ta’ dumping u ta’ dannu – Żieda ġdida sostanzjali ta’ natura li tikkomprometti b’mod serju l-effett korrezzjonali ta’ dazju antidumping definittiv – Artikolu 10(4)(c) u (d) tar-Regolament (UE) 2016/1036”

Fil-Kawża T‑749/16,

Stemcor London Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

Samac Steel Supplies Ltd, stabbilita f’Londra,

irrappreżentati minn F. Di Gianni u C. Van Hemelrijck, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, N. Kuplewatzky, T. Maxian Rusche u E. Schmidt, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Eurofer, Association européenne de l’acier, ASBL, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn O. Prost, A. Coelho Dias u S. Seeuws, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1329 tad-29 ta’ Lulju 2016 li jimponi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet reġistrati ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU 2016, L 210, p. 27).

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur) u B. Berke, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Stemcor London Ltd u Samac Steel Supplies Ltd, huma żewġ kumpanniji rregolati bid-dritt Ingliż li jimportaw u jikkummerċjalizzaw fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, prodotti tal-azzar ċatti llaminati fil-kiesaħ, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1329 tad-29 ta’ Lulju 2016 li jimponi d-dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet reġistrati ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU 2016, L 210, p. 27, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

2        Wara lment ippreżentat fl-1 ta’ April 2015 minn Eurofer, Association européenne de l’acier, ASBL (iktar ’il quddiem “Eurofer”), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat fl-14 ta’ Mejju 2015, notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU 2015, C 161, p. 9, iktar ’il quddiem in-“notifika tal-bidu tal-investigazzjoni”), konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea [(ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22 u fil-ĠU 2016 L 44, p. 20), issostitwit permezz tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”)].

3        L-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kienet tikkonċerna l-perijodu bejn l-1 ta’ April 2014 u l-31 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”), filwaqt li l-eżami ta’ tendenzi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu kien jikkonċerna l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

4        Wara talba ppreżentata minn Eurofer, il-Kummissjoni adottat, konformement mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 1225/2009, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2325 tal-11 ta’ Diċembru 2015 li jissottometti l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa għal reġistrazzjoni (ĠU 2015, L 328, p. 104), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2015.

5        Fl-11 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw lill-Kummissjoni osservazzjonijiet bil-miktub dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2325. Huma sostnew li l-kundizzjonijiet għal impożizzjoni retroattiva ta’ dazji antidumping fuq il-prodotti kkonċernati ma kinux issodisfatti u li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet kif ukoll l-impożizzjoni retroattiva ta’ dawn id-drittijiet kienu jimplikaw konsegwenzi negattivi sinjifikattivi għall-importaturi u għall-utenti tal-prodotti kkonċernati fl-Unjoni. Fl-14 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrenti nstemgħu waqt seduta li nżammet fuq talba tagħhom mill-Kummissjoni.

6        Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/181 tagħha tal-10 ta’ Frar 2016 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatt fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU 2016, L 37, p. 1), il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping provviżorju fuq il-prodotti kkonċernati b’effett mit-13 ta’ Frar 2016 u indikat lill-awtoritajiet doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati.

7        Fis-17 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti kif ukoll lil importaturi oħra talba għal informazzjoni dwar il-prodotti kkonċernati importati bejn l-1 ta’ April 2015 u l-31 ta’ Jannar 2016. B’ittri tad-9 u tas-17 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-risposti tagħhom għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

8        Fis-26 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti reġgħu nstemgħu matul seduta organizzata fuq talba tagħhom mill-Kummissjoni u tennew li l-kundizzjonijiet għal impożizzjoni retroattiva ta’ dazji antidumping ma kinux issodisfatti.

9        Fit-8 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-konklużjonijiet definittivi tagħha li fihom hija pprevediet il-ġbir retroattiv ta’ dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati.

10      Fil-15 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti nstemgħu waqt seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta u kkontestaw il-konklużjonijiet li jinsabu fil-komunikazzjoni tal-konklużjonijiet definittivi tal-Kummissjoni.

11      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1328 tad-29 ta’ Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa (ĠU 2016, L 210, p. 1), il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping definittiv fuq il-prodotti kkonċernati u ddeċidiet li tiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-imsemmija prodotti. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat, skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku, ir-regolament ikkontestat, li jipprevedi l-impożizzjoni retroattiva ta’ dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati konformement mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2325.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

13      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2017, Eurofer talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

14      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti talbu li ċerta informazzjoni fir-rikors u fl-annessi tagħha jiġu suġġetti għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Eurofer jekk din tal-aħħar tiġi ammessa tintervjeni. Ir-rikorrenti annettew verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti mal-imsemmija talba.

15      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ April 2017, ir-rikorrenti talbu li ċerta informazzjoni inkluża fir-risposta u fl-annessi tagħha tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Eurofer jekk din tal-aħħar tiġi ammessa tintervjeni.

16      B’digriet tat-3 ta’ Mejju 2017, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent ta’ Eurofer insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u ordna li din tal-aħħar tirċievi l-komunikazzjoni tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni.

17      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti talbu li ċerta informazzjoni li tinsab fir-replika u fl-annessi tagħha jkunu suġġetti għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Eurofer. Mal-imsemmija talba, huma annettew verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti.

18      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti għamlu talba motivata, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jinstemgħu fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura.

19      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-kundizzjoni dwar il-fatt li l-importatur ikollu “għarfien” tal-estent tad-dumping, prevista fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament Bażiku. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ “żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet”, prevista fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku kienet ibbażata, b’mod żbaljat, fuq perijodu li beda fl-ewwel xahar sħiħ wara l-pubblikazzjoni tal-ftuħ tal-investigazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li ntemm fl-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Fl-aħħar nett, it-tielet motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li teżiġi li ż-żieda fl-importazzjonijiet tkun ta’ natura li “timmina serjament l-effett rimedjali”, fis-sens tal-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-kundizzjoni dwar l-“għarfien” tad-dumping u l-estent tiegħu mill-importatur, prevista fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament Bażiku

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

23      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament Bażiku billi kkonkludiet li l-importaturi kellhom jew kellhom ikunu “konxji tal-bejgħ taħt il-prezz fejn għandu x’jaqsam il-grad tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara allegata jew misjuba”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, minħabba l-komunikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment ta’ Eurofer u tal-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni.

24      Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu, billi jibbażaw ruħhom fuq analiżi komparattiva ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, li l-kelma “allegat” tirreferi biss għat-terminu “ħsara” u mhux għat-terminu “dumping”. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha turi, fir-rigward tal-prattiki ta’ dumping inkwistjoni, l-għarfien mill-importatur tal-eżistenza “reali” tagħhom kif ukoll tal-estent tagħhom, li hija kienet naqset milli tagħmel.

25      It-tieni nett, il-konstatazzjoni tal-għarfien mill-importatur tad-dumping u tal-estent tiegħu minħabba l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni u tal-aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment jammonta għal preżunzjoni “inkonfutabbli”, f’kull każ, ta’ tali għarfien mill-importatur, fejn huwa jkun irreġistra bħala parti ikkonċernata fl-investigazzjoni, sempliċement abbażi tal-bidu tagħha, u għaldaqstant l-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament Bażiku jiċċaħħad minn kull effett utli. Barra minn hekk, l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji definittivi antidumping jikkostitwixxu manifestament miżura eċċezzjonali, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Bażiku, u li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eċċezzjonijiet kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jimplikaw konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward ta’ individwi għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

26      It-tielet nett, sempliċi allegazzjonijiet mhux kontradittorji inklużi fi lment kif ukoll evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ dumping u li jinsabu f’notifika tal-bidu tal-investigazzjoni ma jistgħux jitqabblu ma’ informazzjoni li tista’ tagħti għarfien lill-importatur dwar l-estent tad-dumping, li tkun tinkludi neċessarjament evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, u, għaldaqstant, il-livell mistenni tad-dazju antidumping li jista’ jiġi impost fi stadju iktar tard. Fil-fatt, il-provi inklużi fi lment jew f’notifika tal-bidu tal-investigazzjoni ma humiex elementi rappreżentattivi u affidabbli, iżda jikkostitwixxu sempliċement impressjoni vaga ta’ dumping allegat u għalhekk ma jistgħux jipprovdu bażi oġġettiva sabiex jiġi stabbilit l-għarfien tal-estent tad-dumping, anki jekk jitqies li huwa biżżejjed li dan tal-aħħar jista’ biss jiġi allegat. Tali provi rappreżentattivi u affidabbli jistgħu jkollhom l-għamla ta’ sommarji mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet għall-kwestjonarji mill-produtturi esportaturi, li jippermettu lill-importatur jifhem li hemm dumping u li jevalwa l-estent tiegħu.

27      Ir-rikorrenti jżidu li, fir-rigward tal-ilment ta’ Eurofer, l-indizji kienu insuffiċjenti fid-dawl tal-karattru vag u mhux rappreżentattiv tagħhom, fil-parti l-kbira kunfidenzjali. Skont ir-rikorrenti, il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, fir-rigward tal-importazzjonijiet Russi, kien ibbażat fuq provi inkompleti sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. L-imsemmi lment lanqas ma jinkludi ebda informazzjoni dwar l-estent tad-dumping allegat għal produttur esportatur Russu speċifiku li mingħandu huma kienu xtraw il-prodotti kkonċernati matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni. Sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar l-għarfien tad-dumping u l-estent tiegħu, prevista fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament Bażiku, l-importaturi għandhom ikollhom informazzjoni affidabbli dwar l-estent tad-dumping ta’ kull produttur esportatur li jikkoopera. Jekk il-kalkoli msemmija fi lment, li qatt ma huma bbażati fuq informazzjoni ddettaljata, jistgħu jkunu biżżejjed sabiex jagħtu lok għal bidu ta’ investigazzjoni, dawn ikunu insuffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat l-għarfien tal-estent tad-dumping għall-finijiet tar-rikors għall-mekkaniżmu eċċezzjonali tal-applikazzjoni retroattiva ta’ dazji antidumping definittivi. Barra minn hekk, il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet għall-kwestjonarji sottomessi f’isem il-produtturi esportaturi ma kellhomx informazzjoni serja li setgħet tintuża sabiex jiġu ddeterminati il-marġnijiet ta’ dumping tagħhom u l-fajl ma fih ebda informazzjoni bħal din. Għall-kuntrarju, il-produtturi esportaturi kienu dejjem ikkontestaw bil-qawwa l-bidu tal-investigazzjoni.

28      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

29      L-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament Bażiku jipprovdi li dazju antidumping definittiv jista’ jiġi impost fuq prodotti li ddaħħlu għall-konsum mhux iktar minn 90 jum qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji, iżda mhux qabel il-bidu tal-investigazzjoni, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-prodott inkwistjoni ikun ġie suġġett, fil-passat, għal prattiki ta’ dumping fuq perijodu estiż, jew li “l-importatur kien konxju, jew kellu jkun konxju, tad-dumping fir-rigward tal-grad tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub”.

30      Għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjoni Ġermaniża tar-Regolament Bażiku, din il-kundizzjoni hija fformolata kif ġej: “der Einführer nach dem Ausmaß des Dumpings und der angeblichen oder festgestellten Schädigung von dem Dumping Kenntnis hatte oder hätte haben müssen”. Fil-verżjoni Portugiża, huwa indikat li “o importador tivesse ou devesse ter tido conhecimento dessas práticas no que respeita à importância do dumping e do prejuízo alegados ou verificados” u, fil-verżjoni Ingliża, hemm indikat li “the importer was aware of, or should have been aware of, the dumping as regards the extent of the dumping and the injury alleged or found”.

31      Mill-evalwazzjoni ta’ dawn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq jirriżulta li hemm diskrepanzi bejn dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-Ġermaniż u bil-Franċiż jużaw it-termini “allegat” u “kkonstatat” fis-singular, li jissuġġerixxi li dawn il-kliem jirreferu biss għad-dannu u mhux għad-dumping jew għall-estent tiegħu wkoll. Il-verżjoni Portugiża, min-naħa l-oħra, tuża l-kliem “allegat” u “ikkonstatat” fil-plural, li jissuġġerixxi li dawn il-kliem jirreferu għall-estent tad-dannu u tal-prattiki ta’ dumping. Fl-aħħar nett, il-verżjoni Ingliża tippermetti interpretazzjoni fis-sens li l-kliem “alleged” u “found” jirreferu biss għad-dannu kif ukoll interpretazzjoni fis-sens li dawn it-termini jirrigwardaw id-dumping u d-dannu jew anki l-estent tiegħu.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, fejn ikun hemm diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test leġiżlattiv tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-finalità tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Vueling Airlines, C‑487/12, EU:C:2014:2232, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Mill-finalità u mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Bażiku, u b’mod partikolari mill-premessa 17 tiegħu u mill-Artikolu 10(4)(d) tiegħu, jirriżulta li l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji antidumping definittivi għandha bħala għan li jiġi evitat li l-effett rimedjali ta’ miżuri definittivi ma jiġix kompromess u li dawn il-miżuri jiċċaħħdu għalhekk mill-effett tagħhom billi jorbtu lill-importaturi li ħażnu merkanzija wara l-isdoganament li jbigħu dawk importati matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni bi prezzijiet mhux dannużi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2013, Paltrade, C-667/11, EU:C:2013:368, punti 28 u 29, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX, C-371/14, EU:C:2015:828, punt 50). Fid-dawl ta’ dan l-għan, għandu jiġi konkluż li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-għarfien tal-importaturi għandu jiġi stabbilit fir-rigward ta’ dumping “effettiv” u mhux biss dak “allegat”, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament Bażiku, iċaħħad l-Artikolu 10(4) tal-imsemmi regolament mill-effett utli tiegħu.

34      Fil-fatt, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-eżistenza “reali” tal-prattiki ta’ antidumping hija ddeterminata biss fi tmiem l-investigazzjoni, jiġifieri matul l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi. Għalhekk, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti twassal sabiex jiġi stabbilit, b’mod ġenerali, l-għarfien tal-importaturi biss b’effett mill-adozzjoni ta’ miżuri definittivi.

35      Għadu jiġi rrilevat li l-mument rilevanti sabiex jiġi evalwat l-“għarfien” tal-importaturi, fis-sens tal-Artikolu 10(4)(ċ) tar-Regolament Bażiku, huwa qabel l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi, peress li l-imsemmi għarfien huwa neċessarju sabiex jiġi ddeterminat il-punt tat-tluq li minnu tista’ tiġi evalwata jekk hemmx żieda sostanzjali oħra fl-importazzjonijiet ta’ natura li timmina l-effett rimedjali tal-miżuri definittivi li għandhom jiġu applikati fi stadju ulterjuri.

36      Jidher ukoll li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet biss mill-impożizzjoni ta’ dazji definittivi tipprekludi kull possibbiltà li tintuża l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji definittivi u li tali interpretazzjoni, għalhekk, tiġi mxejna.

37      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-argument sostnut mir-rikorrenti insostenn ta’ interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjoni inkwistjoni, inkwantu din twassal sabiex tieħu inkunsiderazzjoni biss is-sitwazzjoni li fiha l-importatur kellu għarfien jew kellu jkollu għarfien ta’ dumping “effettiv”, ma tistax tiġi aċċettata u t-termini “allegat” jew “stabbilit” għandhom jitqiesu li jirreferu kemm għall-estent tad-dumping kif ukoll għall-estent tad-dannu sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-imsemmija dispożizzjoni.

38      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-oriġini tad-dispożizzjoni inkwistjoni, introdotta fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3283/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1994, L 349, p. 1), kif jirriżulta mid-dokument COM (94) 414 final tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ottubru 1994 intitolat “Leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni taċ-ċiklu ta’ Urugwaj”. Għaldaqstant, fil-paġna 170 ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni tinnota li “huwa propost (Artikolu 10(4) tal-proposta) li jitqies li […] l-importatur kellu għarfien ta’ dawn il-prattiċi [ta’ dumping] fejn il-marġnijiet ‘allegati jew stabbiliti’ huma għoljin”.

39      B’risposta għall-ilment tar-rikorrenti, li jgħid li l-fatt li jiġi kkonstatat l-għarfien mill-importatur tal-importanza tad-dumping abbażi ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u tan-notifika ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni jfisser li jiġi preżunt sistematikament u b’mod “inkonfutabbli” tali għarfien, filwaqt li l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku għandu jiġi interpretat b’mod strett bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ dazji antidumping, għandu jitfakkar mill-bidu li hija l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni li għandha tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt il-provi oġġettivi li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-importatur kellu għarfien jew kellu jkollu għarfien tal-importanza tad-dumping u tad-dannu allegati jew stabbbiliti u li għalhekk hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni stabbilixxietx l-eżistenza ta’ tali provi oġġettivi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tas-16 ta’ Mejju 2013, Hardimpex, C-444/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:318, punti 28 u 29).

40      F’dan il-każ, jidher li n-notifika ta’ bidu ta’ investigazzjoni, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-14 ta’ Mejju 2015, u l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, ikkomunikata lir-rikorrenti fit-18 ta’ Mejju 2015, hekk kif ġie kkonfermat mill-Kummissjoni b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, fihom għadd ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ provi u li jsostnu u jindikaw l-importanza tad-dumping u tad-dannu allegati.

41      Qabelxejn, fir-rigward tal-esportazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafi 58 u 59 tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, li r-riżultat tal-kalkolu mwettaq mil-lanjant kien marġni tad-dumping medju ta’ 28 % u li, konsegwentement, il-livell ta’ dumping huwa sostanzjali u ferm ogħla mil-limitu de minimis stabbilit fir-Regolament Bażiku.

42      Rigward l-esportazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja, mill-punti 89 u 90 tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment jirriżulta li r-riżultat tal-kalkolu mwettaq mil-lanjant kien marġni ta’ dumping bejn 10-15 % u 20-25 % u li, konsegwentement, il-livell ta’ dumping huwa importanti u ferm ogħla mil-limitu de minimis stabbilit fir-Regolament Bażiku.

43      Sussegwentement, fir-rigward tad-dannu, li huwa s-suġġett tal-punt 5 tal-ilment, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafi 82, 83, 128, 133, 134 u 147 tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment li hemm evidenza prima facie ta’ dumping ta’ produtturi esportaturi Russi u Ċiniżi ta’ ċerti prodotti tal-azzar ċatti rrumblati fil-kiesaħ li kkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni, u dan jiġġustifika l-ftuħ ta’ investigazzjoni antidumping tal-Kummissjoni u l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping mill-iktar fis possibbli.

44      Mill-punti 3 u 4 tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni jirriżulta wkoll li “[i]l-marġnijiet ta’ dumping ikkalkolati huma sinjifikattivi għall-pajjiżi kkonċernati” u li “jirriżulta li l-evidenza prima facie pprovduta mil-lanjant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet ta’ bejgħ, il-livell tal-prezzijiet mitluba u s-sehem tas-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, li laqat b’mod qawwi il-prestazzjonijiet ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi ta’ din l-industrija”.

45      Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tiddeduċi ġustament li r-rikorrenti, li huma professjonisti avżati, kellhom għarfien jew kellhom ikollhom għarfien tal-estent tad-dumping u tad-dannu allegati b’effett mill-konoxxenza tal-ilment u tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni, mingħajr ma din il-preżunzjoni ma tkun ta’ natura “inkonfutabbli”, fid-dawl tal-fatt li l-għarfien tar-rikorrenti ġie dedott minn provi oġġettivi, kif jirriżulta wkoll mill-punti 53 sa 55 iktar ’il quddiem, u li din ma kinitx tkun tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk il-marġnijiet ta’ dumping allegati kienu baxxi, jekk il-każ kien ibbażat biss fuq ir-riskju ta’ ħsara jew jekk l-ilment ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Bażiku, u dan seta’ jippermetti lill-importatur jikkontesta l-bidu tal-investigazzjoni u li jiġi allegat li l-kundizzjoni ta’ konoxxenza ma kinitx issodisfatta, kif osservat ġustament il-Kummissjoni.

46      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku jissuġġetta l-impożizzjoni retroattiva tad-dazji definittivi, li għandha tkun imfassla bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ nonretroattività tad-dazji antidumping, għall-issodisfar ta’ diversi kundizzjonijiet kumulattivi. Fil-fatt, jeħtieġ l-ewwel nett, li l-importazzjonijiet ikunu ġew suġġetti għal reġistrazzjoni, li jeżiġi f’dan l-istadju li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tkun debitament motivata, it-tieni nett, li l-Kummissjoni tkun tat lill-importaturi l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, it-tielet nett, li l-prodott inkwistjoni kien is-suġġett, fil-passat, ta’ prattiki ta’ dumping fuq perijodu estiż, jew li l-importatur kellu għarfien, jew kellu jkollu għarfien, tal-prattiki ta’ dumping, tal-estent tiegħu u ta’ dak tad-dannu allegat jew stabbilit, u r-raba’ nett, li, minbarra l-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, kien hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta jkunu saru, u tal-volum tagħhom jew ta’ ċirkustanzi oħra, kienet ta’ natura li tikkomprometti serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat.

47      Għalhekk, kif ġie rrilevat fil-premessa 41 tar-regolament ikkontestat, ikun żbaljat li jiġi affermat li, billi jiġi ammess li l-għarfien tal-estent tad-dumping u tad-dannu allegati jista’ jirriżulta mill-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu ta’ investigazzjoni u ta’ aċċess għall-ilment, l-impożizzjoni retroattiva ta’ dazji antidumping tkun possibbli f’kull investigazzjoni antidumping.

48      Barra minn hekk, interpretazzjoni daqstant stretta bħal dik proposta mir-rikorrenti tista’ tirrendi eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji antidumping definittivi u, għaldaqstant, ma tippermettix li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri definittivi. Dan ikun il-każ b’mod partikolari jekk jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-provi li jinsabu fi lment jew f’notifika tal-bidu tal-investigazzjoni ma humiex fi kwalunkwe każ “la rappreżentattivi u lanqas affidabbli” sabiex jiġi stabbilit l-għarfien tal-estent tad-dumping.

49      L-ewwel nett, la r-Regolament Bażiku u lanqas il-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il- “Ftehim Antidumping”), li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU 1994, L 336, p. 3) ma jirrikjedu “provi affidabbli u rappreżentattivi” sabiex jiġi stabbilit l-għarfien tal-importaturi.

50      Sussegwentement, il-kwantità u l-kwalità tal-provi neċessarji sabiex il-kundizzjoni dwar l-għarfien prevista fl-Artikolu 10(4)(ċ) tar-Regolament Bażiku tiġi ssodisfatta huma neċessarjament inqas sostanzjali minn dawk meħtieġa għal determinazzjoni preliminari jew finali tal-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu jew ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat.

51      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Bażiku, kwalunkwe ilment indirizzat mill-Kummissjoni għandu jkollu provi fir-rigward tal-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat.

52      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Bażiku, il-Kummissjoni għandha teżamina, sa fejn possibbli, l-eżattezza u l-adegwatezza tal-provi fornuti fl-ilment sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx provi suffiċjenti għall-ġustifikazzjoni tal-ftuħ ta’ investigazzjoni. Jekk, għall-kuntrarju, hija tqis li l-provi prodotti huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-persegwiment tagħha, l-ilment għandu jiġi miċħud, skont l-Artikolu 5(7) tal-istess regolament.

53      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment tinkludi l-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Bażiku, jiġifieri informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dumping tal-prodotti kkonċernati, id-dannu u r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment tindika marġnijiet ta’ dumping għolja, stmati għal 28 % fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina u sa 20-25 % fuq l-importazzjonijiet mir-Russja.

54      It-tieni nett, min-notifika tal-ftuħ tal-investigazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat il-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-provi prodotti fl-ilment, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Bażiku, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx biżżejjed evidenza għall-ġustifikazzjoni tal-bidu ta’ investigazzjoni. Wara dan l-eżami, hija kkonkludiet li l-provi kienu suffiċjenti.

55      It-tielet nett, huwa wkoll indikat fin-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni li “[i]l-marġnijiet ta’ dumping ikkalkolati huma sinjifikattivi għall-pajjiżi kkonċernati” u li “jirriżulta li l-evidenza prima facie pprovduta mil-lanjant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet ta’ bejgħ, il-livell tal-prezzijiet mitluba u s-sehem tas-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, li laqat b’mod qawwi il-prestazzjonijiet ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi ta’ din l-industrija”.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-provi li jinsabu fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u fin-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni kienu suffiċjenti f’dan il-każ għall-finijiet tal-għarfien mill-importaturi, li huma professjonisti avżati, tal-estent tad-dumping allegat, fis-sens tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku, sa mill-bidu tal-investigazzjoni u li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ indizji li jinsabu fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet għall-kwestjonarji sottomessi f’isem il-produtturi esportaturi, minbarra li ġew invokati għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

57      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-affermazzjoni ġenerali tar-rikorrenti, li tipprovdi li mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi numeriċi li huma pproduċew quddiem il-Qorti Ġenerali u li huma bbażati fuq ilmenti li taw lok għall-ftuħ ta’ investigazzjonijiet antidumping fil-passat reċenti jirriżulta li l-marġnijiet ta’ dumping allegati inizjalment fl-ilmenti jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv mill-marġnijiet definittivi stabbiliti fi tmiem l-imsemmija investigazzjonijiet, b’mod li l-marġnijiet ta’ dumping allegati fi lment ma jistgħu f’ebda każ jikkostitwixxu bażi affidabbli sabiex jiġi stabbilit l-għarfien tal-estent tad-dumping mill-importaturi.

58      Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-talba tal-Kummissjoni għall-irtirar tal-provi numeriċi mill-fajl fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet sodisfaċenti tar-rikorrenti dwar ir-regolarità tal-produzzjoni tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li bħal ma tosserva ġustament il-Kummissjoni, huwa normali li l-kalkoli ppreżentati fi lment ma jikkorrispondux neċessarjament ma’ dawk li jsiru minn din l-istituzzjoni wara diversi xhur ta’ investigazzjoni fid-dettall u, min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punti 50 sa 52 iktar ’il fuq, il-kwantità u l-kwalità tal-provi neċessarji sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni prevista fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku huma neċessarjament inqas sinjifikattivi minn dawk meħtieġa għall-finijiet ta’ determinazzjoni preliminari jew finali tal-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu jew ta’ rabta kawżali, minkejja li kull ilment għandu jinkludi barra minn hekk provi li l-Kummissjoni teżamina, sa fejn possibbli, l-eżattezza u l-adegwatezza sabiex tiddetermina jekk dawn il-provi humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni.

59      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

60      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li minn interpretazzjoni letterali u sistematika tal-Artikolu 10(4)(ċ) tar-Regolament Bażiku u minn interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni b’riferiment għall-istruttura ġenerali u għall-kuntest tar-Regolament Bażiku, kif ukoll fid-dawl tal-Ftehim Antidumping, jirriżulta li l-Kummissjoni kellha turi li kull importatur kellu għarfien jew kellu jkollu għarfien reali tal-fatt li l-importazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ dumping u tal-estent tiegħu, minflok ma tillimita ruħha li tinvoka f’dan ir-rigward preżunzjoni “inkonfutabbli” dwar l-importaturi kollha inkwistjoni.

61      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-għarfien ta’ sempliċi allegazzjonijiet ipotetiċi huwa manifestament insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(4)(ċ) tar-Regolament Bażiku hija ssodisfatta, fid-dawl tal-fatt li dan il-kriterju huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Madankollu, dawn il-prinċipji ma jkunux osservati jekk l-importatur ma kellux għarfien ta’ informazzjoni u data affidabbli dwar il-livell ta’ dumping, peress li l-imsemmi importatur ma jistax jipprevedi, meta jimporta l-prodotti suġġetti għal reġistrazzjoni, l-ammont tad-dazju definittiv li jista’ jkollu jħallas diversi xhur iktar tard u, konsegwentement, jieħu deċiżjoni motivata tajjeb. Barra minn hekk, peress li l-“espożizzjoni massima” tal-importatur għad-drittijiet sussegwentement applikati ma kinitx magħrufa qabel il-formulazzjoni ta’ konklużjonijiet provviżorji, dan ikun imur ukoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

62      Fir-rigward tal-allegati rabtiet tar-rikorrenti mal-ikbar esportatur Ċiniż ta’ prodotti kkonċernati magħżula fil-kampjun, li jimplikaw, skont il-Kummissjoni, li l-kwistjoni tal-għarfien tad-dumping u tal-estent tiegħu lanqas biss tqum fir-rigward tar-rikorrenti, dawn tal-aħħar isostnu li dawn ir-rabtiet huma irrilevanti sa fejn, minn naħa, huma ma importawx, matul il-perijodu tar-reġistrazzjoni, il-prodotti kkonċernati li joriġinaw miċ-Ċina u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma sostnietx l-allegazzjoni tagħha li huma kellhom “informazzjoni diretta” minħabba tali rabtiet.

63      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

64      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha turi li kull importatur kellu jew kellu jkollu għarfien “reali” tal-eżistenza tad-dumping u tal-estent tiegħu, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Artikolu 10(4)(ċ) tar-Regolament Bażiku jipprovdi b’mod espliċitu li huwa biżżejjed li l-importatur “seta’ kien jaf” bl-estent tad-dumping u tad-dannu allegati, u għalhekk ma hijiex meħtieġa prova ta’ għarfien “reali”. F’dan il-każ, kif intwera fil-punti 40 sa 58 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tqis ġustament li r-rikorrenti kellhom għarfien jew kellhom ikollhom għarfien tal-livell tad-dumping u tad-dannu allegati minħabba l-komunikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u tal-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kellhom, f’kull każ, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-għarfien tagħhom dwar id-dumping allegat ikun jista’ jiġi stabbilit biss minħabba l-eżistenza ta’ rabtiet mal-ikbar produttur esportatur Ċiniż.

65      B’risposta għall-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u n-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni, li jinkludu biss “sempliċi allegazzjonijiet ex parte”, ma tistax tiġi ekwiparata ma’ informazzjoni li tista’ twassal sabiex l-importatur ikollu għarfien tal-livell ta’ dumping u, għaldaqstant, tal-livell mistenni tad-dazju antidumping li jista’ jinġabar iktar tard, li jmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-ewwel nett għandu jsir riferiment għall-evalwazzjoni li tirriżulta mill-punti 40 sa 58 iktar ’il fuq rigward il-provi li jinsabu fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u fin-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni, li juri li dawn il-provi huma suffiċjenti sabiex jistabbilixxu li r-rikorrenti, bħala professjonisti avżati, kellhom għarfien, jew kellhom ikollhom għarfien tal-estent tad-dumping allegat fis-sens tal-Artikolu 10(4)(ċ) tar-Regolament Bażiku.

66      Fir-rigward speċifikament l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeħtieġ li jitfakkar li l-importaturi jiġu avżati formalment, permezz tar-regolament ta’ reġistrazzjoni, bil-possibbiltà ta’ applikazzjoni retroattiva tad-dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet rreġistrati u li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat l-ammont massimu tad-dazju antidumping li jista’ jiġi applikat retroattivament fi stadju preċedenti għal miżuri provviżorji, peress li d-dazju antidumping definittiv ma jistax, min-naħa tiegħu, ikun ogħla mid-dazju antidumping provviżorju, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament Bażiku. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2325, dan ir-regolament diġà jistabbilixxi ammont stmat ta’ responsabbiltà possibbli fil-futur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għas-sempliċi raġuni li huma ma kellhomx informazzjoni u data affidabbli biżżejjed dwar il-livell ta’ dumping sinjifikattiv tal-prodotti matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni u, għaldaqstant, ma jistgħux jivvalutaw l-ammont tad-dazju definittiv li huma jistgħu jintalbu jħallsu retroattivament.

67      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu, sa fejn il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball, fil-premessa 40 tar-regolament ikkontestat, li l-importaturi kellhom jew kellhom ikollhom għarfien tal-allegati dumping u dannu fil-mument tal-komunikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u tal-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar “żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet”, prevista fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku

68      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku billi pparagunat, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-importazzjonijiet imwettqa matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri bejn April 2014 u Marzu 2015, ma’ dawk li saru fl-ewwel xahar sħiħ wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-ftuħ tal-investigazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali u fl-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, jiġifieri bejn Ġunju 2015 u Jannar 2016, filwaqt li l-Kummissjoni kellha tipparaguna l-importazzjonijiet matul il-perijodu tal-investigazzjoni ma’ dawk li seħħew matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri bejn Diċembru 2015 u Frar 2016, skont is-sistema ta’ żewġ stadji li tipprevedi l-ewwel reġistrazzjoni u l-impożizzjoni retroattiva ta’ dazji biss meta r-reġistrazzjoni naqset milli tnaqqas b’mod sinjifikattiv l-importazzjonijiet u milli żżomm l-effett rimedjali tad-dazji definittivi.

69      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku, moqri fid-dawl tal-għan tiegħu, jeżiġi rabta kawżali stretta bejn l-importazzjonijiet irreġistrati u l-importazzjonijiet li huma meqjusa li jimminaw serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat. Id-determinazzjoni dwar jekk għandux jiġi applikat ġbir retroattiv tad-dazji fuq l-importazzjonijiet li saru qabel il-perijodu ta’ reġistrazzjoni jħassar din ir-rabta. Għaldaqstant, il-paragun rilevanti huwa dak bejn il-livell tal-importazzjonijiet matul il-perijodu tal-investigazzjoni u dak tal-importazzjonijiet matul il-perijodu tar-reġistrazzjoni, fatt li barra minn hekk kien ikkonfermat mill-prassi preċedenti tal-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet matul il-perijodu tar-reġistrazzjoni, l-impożizzjoni retroattiva ta’ dazji definittivi ma tistax tippermetti li jintlaħaq l-għan li jiġi evitat li l-effetti rimedjali tad-dazji jiġu mminati serjament. Barra minn hekk, f’dan il-każ, tali paragun ikun irrileva n-nuqqas ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet, u għalhekk, li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku ma kinitx issodisfatta.

70      Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll l-affermazzjoni tal-intervenjenti li tgħid li l-importaturi inkwistjoni żiedu b’mod drammatiku l-importazzjonijiet matul id-disa’ xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni, ikkaratterizzati minn żieda fil-konsum tal-Unjoni. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-intervenjenti ma tiħux inkunsiderazzjoni ż-żmien li għadda bejn il-kontroll tal-prodotti u l-approvazzjoni doganali effettiva tagħhom f’ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni, li jiġġustifikaw il-wasla tal-prodotti kkonċernati fis-suq tal-Unjoni matul l-ewwel xhur wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni minkejja li kienu ordnati ħafna qabel l-imsemmija pubblikazzjoni.

71      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

72      Skont l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku, id-dazji jistgħu jiġu imposti retroattivament jekk ikun hemm “flimkien mal-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw ħsara matul il-perjodu tal-investigazzjoni, żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet” li, “fid-dawl ta’ meta sseħħ”, tal-volum u ta’ ċirkustanzi oħra, ikun ta’ natura li tikkomprometti serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat.

73      Qabelxejn, hemm lok li jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjoni ma tispeċifikax perijodu speċifiku sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet”, iżda sempliċement issemmi “meta sseħħ”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-użu mil-leġiżlatur tal-frażi avverbjali “minbarra” fir-rigward tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u tal-aġġettiv “ġdid”, dwar iż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet, jindika li l-livell tal-importazzjonijiet li saru matul il-perijodu tal-investigazzjoni għandu jiġi pparagunat mal-livell tal-importazzjonijiet matul il-perijodu li jsegwi l-perijodu ta’ investigazzjoni, mingħajr ma din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tillimita l-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal dik ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet.

74      Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, il-perijodu rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ “żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku, għandu jkun jista’ jinkludi ż-żmien li ddekorra wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni, peress li huwa minn dan il-mument li l-importaturi kellhom għarfien tal-possibbilta li d-drittijiet ikunu jistgħu sussegwentement jiġu applikati retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati u li għalhekk setgħu jkollhom it-tentazzjoni li jimportaw il-prodotti kkonċernati b’mod antiċipu qabel l-impożizzjoni futura ta’ dawn id-drittijiet. Għalhekk il-Kummissjoni kellha d-dritt, f’dan il-każ, li tipparaguna l-importazzjonijiet matul il-perijodu tal-investigazzjoni ma’ dawk li seħħew bejn fl-ewwel xahar sħiħ wara l-pubblikazzjoni tal-ftuħ tal-investigazzjoni u fl-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji.

75      Barra minn hekk, l-effetti tal-importazzjonijiet matul il-perijodu tar-reġistrazzjoni ma jistgħux jiġu distinti b’mod ċert mill-effetti tal-importazzjonijiet imwettqa qabel l-imsemmi il-perijodu, peress li l-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi li daħlu fl-Unjoni matul il-perijodu tar-reġistrazzjoni jista’ jiżdiedu ma’ ħażna ikbar ta’ prodotti stabbiliti qabel, fi żmien meta l-importaturi diġà kellhom għarfien dwar il-possibbiltà li d-dazji antidumping jistgħu jiġu applikati retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati, u b’hekk jiġi mminat serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat.

76      Barra minn hekk, l-Artikolu 10.6 tal-Ftehim Antidumping lanqas jipprevedi perijodu speċifiku sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “importazzjonijiet kbar […] f’perjodu relattivament qasir”. Fil-punt 7.167 tar-rapport tiegħu tat-28 ta’ Frar 2001, fit-tilwima “Stati Uniti – Miżuri antidumping applikati għal ċerti prodotti tal-azzar ċatti rrumblati fis-sħana li joriġinaw mill-Ġappun” (WT/DS 184/R), il-grupp speċjali tal-WTO ikkonstata, fir-rigward tal-Artikolu 10.7 tal-imsemmi ftehim li jawtorizza t-teħid ta’ ċerti miżuri fi kwalunkwe waqt wara l-ftuħ tal-investigazzjoni, li “[kien] possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-importazzjonijiet sostanzjali li ma kinux saru in tempore non suspectu, iżda f’mument meta kien sar magħruf li investigazzjoni kienet imminenti, sabiex jiġi evalwat jekk wieħed [setax] jimponi miżuri abbażi tal-Artikolu 10.7”, filwaqt li ppreċiża li ma kienx qiegħed jindirizza “il-kwistjoni dwar jekk dan ikunx xieraq għall-finijiet tad-determinazzjoni finali li tipprevedi l-applikazzjoni retroattiva ta’ dazji skont l-Artikolu 10.6”. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-imsemmi rapport jikkonferma l-argument li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(4)(ċ) tar-Regolament Bażiku, huwa l-għarfien mill-importatur tal-ftuħ tal-investigazzjoni li huwa determinanti, u dan jimplika li l-importazzjonijiet li saru qabel il-perijodu ta’ reġistrazzjoni huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

77      Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet, biss l-importazzjonijiet li fir-rigward tagħhom hija awtorizzata tistabbilixxi dazji b’effett retroattiv, għandu jiġi rrilevat li l-limitu tal-effett retroattiv għal dawk li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni konformement mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Bażiku huwa intiż li jippreżerva d-drittijiet tad-difiża tal-importaturi billi jawtorizza lill-Kummissjoni tistabbilixxi retroattivament dazji antidumping fuq il-prodotti importati unikament wara li l-importaturi kienu avżati li tali eventwalità tista’ sseħħ fir-rigward tal-prodotti li huma rreġistrati u li kellhom il-possibbiltà jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 10(4)(b) tar-Regolament Bażiku, iżda ma timplikax li l-importazzjonijiet imwettqa qabel il-perijodu ta’ reġistrazzjoni, li ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ dazji antidumping, ma kellhomx effetti dannużi jew li, b’mod ġenerali, ma kinux rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet.

78      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-perijodu ta’ żmien li ddekorra bejn l-ordni tal-prodotti kkonċernati u l-approvazzjoni doganali effettiva tagħhom f’ċirkulazzjoni libera jiġġustifika fi kwalunkwe każ il-wasla tal-prodotti kkonċernati fis-suq tal-Unjoni matul l-ewwel xhur wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jsostnux, bi provi konkreti u preċiżi, din l-allegazzjoni, li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 33, 50 u 51 tar-regolament ikkontestat, huwa paċifiku li iktar minn miljun tunnellata ta’ prodotti kkonċernati ġew irrilaxxati f’ċirkulazzjoni libera bejn in-notifika tal-ftuħ tal-investigazzjoni u l-bidu tal-perijodu ta’ reġistrazzjoni fejn dawn l-importazzjonijiet ammontaw għal madwar 165 000 t. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li żieda fl-importazzjonijiet għandha tkun ta’ natura “li timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv”, fis-sens tal-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

80      Insostenn tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jallegaw b’mod żbaljat li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ġenerali tad-data dwar diversi importaturi sabiex tivverifika jekk l-importazzjonijiet kinux ta’ natura li “timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv”, fis-sens tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku, filwaqt li hija kellha twettaq analiżi individwali tal-aġir ta’ kull importatur, kooperattiv jew mhux kooperattiv, sabiex tistabbilixxi jekk kienx wettaq ħażniet u, għalhekk, jekk l-importazzjonijiet setgħux jikkontribwixxu għall-allegata “newtralizzazzjoni serja” tal-effetti korrettivi ta’ dazji antidumping definittivi. Fid-dawl tal-karattru dissważiv tal-impożizzjoni retroattiva ta’ dazji antidumping, hemm lok li tiġi stabbilita r-responsabbiltà personali ta’ kull importatur u huwa biss jekk l-importaturi inkwistjoni kienu għadhom fil-pussess ta’ ħażniet li l-għan mixtieq jista’ jintlaħaq. Skont ir-rikorrenti, li kieku l-Kummissjoni kienet wettqet evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni ta’ kull importatur, hija kienet tikkonstata l-assenza ta’ ħażniet mir-rikorrenti qabel u waqt il-perijodu ta’ reġistrazzjoni u kienet tikkonstata wkoll li l-ħażniet tagħhom jonqsu kunsiderevolment. Ir-rikorrenti kienu biegħu kważi l-prodotti kollha suġġetti għar-reġistrazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ dazji antidumping definittivi.

81      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

82      L-Artikolu 10(4)(b) tar-Regolament Bażiku jissuġġetta l-applikazzjoni retroattiva ta’ dazju antidumping definittiv għall-kundizzjoni li jkun hemm “żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta sseħħ u l-volum u ċirkustanzi oħra, probabbilment timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat.”

83      Għandu jitfakkar li l-applikazzjoni retroattiva ta’ dazju antidumping definittiv għandha l-għan li tiżgura li l-effett rimedjali ta’ dan id-dritt ma jkunx serjament imminat u li, għaldaqstant, l-industrija tal-Unjoni ma hijiex qiegħda tiffaċċja dannu addizzjonali. Fid-dawl ta’ dan l-għan, jidher li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-konstatazzjoni li żieda fl-importazzjonijiet hija ta’ natura “li timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv” jaqa’ taħt l-istess loġika bħal dik tal-evalwazzjoni tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni.

84      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dannu mġarrab minn produzzjoni stabbilita tal-Unjoni minħabba importazzjonijiet bi prezzijiet ta’ dumping għandha tiġi evalwata globalment, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi individwalizzata l-parti minn dan id-dannu li jista’ jiġi attribwit lil kull waħda mill-kumpanniji responsabbli (sentenza tas-7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill, 255/84, EU:C:1987:203, punt 46).

85      Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-effetti ta’ importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi differenti għandhom jiġu evalwati globalment u li kien iġġustifikat li jiġi permess lill-awtoritajiet tal-Unjoni li jeżaminaw l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet kollha fuq l-industrija tal-Unjoni u, konsegwentement, li jittieħdu l-miżuri adegwati fir-rigward tal-esportaturi kollha, anki jekk il-volum tal-importazzjonijiet ta’ kull wieħed minnhom, meħud individwalment, ma kienx sostanzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, Technointorg vs Il-Kummissjoni, 294/86 u 77/87, EU:C:1988:470, punti 40 u 41).

86      Konsegwentement, iż-“żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku, għandha tiġi evalwata b’mod ġenerali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet, meħuda flimkien, humiex ta’ natura li jimminaw serjament l-effett rimedjali tad-dazji definittivi u għalhekk joħolqux dannu addizzjonali lill-industrija tal-Unjoni mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali u suġġettiva tal-importaturi kkonċernati.

87      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat ma għandux għan “punittiv”. Fil-fatt, filwaqt li kif isostnu dawn tal-aħħar, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Bażiku jikkonferma l-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ miżuri antidumping, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Bażiku jidderogaw minn dan il-prinċipju billi jawtorizzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping għal prodotti rrilaxxati għal ċirkulazzjoni ħielsa qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament li jistabbilixxi dawn il-miżuri, u dan bl-għan waħdieni li jiġi evitat li l-effett rimedjali tal-miżuri definittivi ma jkunx serjament kompromess u li dawn il-miżuri għalhekk jixxejnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2013, Paltrade, C‑667/11, EU:C:2013:368, punti 28 u 29, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX, C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 50). Tali miżuri retroattivi huma anċillari mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1328 adottat wara l-investigazzjoni antidumping, u bl-istess mod bħal dawk il-miżuri, ma humiex ta’ natura “punittiva” jew kriminali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1999, Acme vs Il-Kunsill, T‑48/96, EU:T:1999:251, punt 30).

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

89      Insostenn tat-tieni parti tat-tielet motiv, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-effett rimedjali tad-dazji antidumping definittivi li għandhom jiġu applikati huwiex serjament kompromess fin-nuqqas ta’ ġbir retroattiv tal-imsemmija dazji antidumping, il-Kummissjoni kellha tipparaguna l-importazzjonijiet li seħħew matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ma’ dawk imwettqa matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni u mhux ma’ dawk li seħħew bejn il-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni u l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, peress li, hekk kif issemma fil-kuntest tat-tieni motiv, huma l-importazzjonijiet li seħħew matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni li għandhom fl-aħħar mill-aħħar ikunu s-suġġett ta’ ġbir retroattiv ta’ dazji. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu li, kieku l-Kummissjoni wettqet tali paragun, hija kellha tikkonkludi li kien impossibbli li l-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni jikkompromettu “serjament” l-effett rimedjali tad-dazji definittivi li għandhom jiġu applikati peress li, b’mod partikolari, dawn l-importazzjonijiet naqsu meta mqabbla mal-importazzjonijiet li saru matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, peress li ma kienx hemm provi li jattestaw li l-ħażniet tal-prodotti kkonċernati kienu ġew stabbiliti waqt il-perijodu ta’ reġistrazzjoni u r-rikorrenti kienu stabbilixxew li fir-realtà huma ma kinux wettqu ħażniet, peress li l-importazzjonijiet kienu jirrappreżentaw inqas minn 0.5 % tal-konsum tal-prodotti kkonċernati fl-Unjoni, li kienet żieda matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, u peress li l-volum tagħhom ta’ 165 000 tunellata kien neġliġibbli meta mqabbel ma’ suq ta’ iktar minn 37 000 000 tunnellata.

90      It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jqisu, minn naħa, li, matul il-perijodu li jinkludi l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-bidu tal-investigazzjoni sal-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, il-volum medju mensili tal-importazzjoni kien biss ta’ 31 761 tunnellata addizzjonali ma’ dak osservat matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, li matul ħdax-il xahar wara l-perijodu ta’ investigazzoni, it-tnaqqis tal-prezzijiet medji mensili tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati kien iġġustifikat minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima. Barra minn hekk, huma jispeċifikaw li l-prodotti kkonċernati ma humiex adattati għall-ħażna, li jfisser li l-prodotti importati wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni u matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni kienu prinċipalment mibjugħa mill-ġdid qabel l-impożizzjoni tad-dazji definittivi kontra d-dumping. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, sabiex jista’ jiġi konkluż li l-effett rimedjali tad-dazji antidumping definittivi kien serjament kompromess, kien ikun biżżejjed li jiġi stabbilit li kien insuffiċjenti li fuq il-perijodu previst ta’ ħames snin jiġu stabbiliti dawn id-drittijiet sabiex jintlaħaq l-għan persegwit minn dawn id-dazji antidumping definittivi, jiġifieri li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi.

91      Fl-aħħar nett, it-tielet nett, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni, minn naħa, bis-sostituzzjoni tal-kundizzjoni li tipprovdi li ż-żieda sostanzjali ġdida fl-importazzjonijiet kellha tkun ta’ natura “li timmina serjament l-effett rimedjali” tad-dazju antidumping li kellu jiġi applikat bi “kriterju ta’ tardività” dan il-għan, li jkollu livell ħafna iktar baxx sa fejn dan sempliċement jirrigwarda biss jekk, fin-nuqqas ta’ ġbir retroattiv ta’ dazji, l-effett rimedjali tad-dazju antidumping huwiex biss iddifferit u, min-naħa l-oħra, bil-fatt li ma speċifikatx, l-importanza, it-tul u l-konsegwenzi tal-allegat posponiment tal-effett rimedjali.

92      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

93      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-importazzjonijiet li seħħew matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni sabiex tiddetermina jekk kinux tali li jimminaw serjament l-effett rimedjali tad-dazji definittivi, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, kif ġie rrilevat fil-punt 77 iktar ’il fuq, ma huwiex minħabba li l-ġbir retroattiv ta’ dazji japplika biss fir-rigward tal-importazzjonijiet irreġistrati sabiex ikunu rrispettati d-drittijiet tad-difiża li l-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni għandhom jinjoraw importazzjonijiet qabel il-perijodu ta’ reġistrazzjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk l-effett rimedjali tad-dazji definittivi jista’ jiġi kompromess.

94      Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 72 sa 78 iktar ’il fuq, “żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament Bażiku, għandha tiġi evalwata abbażi tal-għarfien mill-importaturi tal-possibbiltà li jiġi applikat sussegwentement dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet irreġistrati u li dawn seta’ jkollhom it-tentazzjoni li jimportaw il-prodotti kkonċernati qabel l-impożizzjoni futura ta’ dan id-dritt, li jfisser li jeħtieġ li jiġu inklużi l-importazzjonijiet mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk dawn, flimkien mal-importazzjonijiet li twettqu matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni, kinux ta’ natura li jimminaw l-effett rimedjali tad-dazji definittivi li għandhom jiġu applikati. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

95      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, matul il-perijodu li jinkludi l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni sal-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, il-volum medju mensili tal-importazzjoni kien biss ta’ 31 761 tunnellata iktar minn dak osservat matul il-perijodu tal-investigazzjoni, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tfakkar fil-premessa 27 tar-regolament ikkontestat, li n-natura “sostanzjali” taż-żieda hija ddeterminata skont il-każ, mhux biss bil-paragun ta’ medji ponderati mensili ma’ dawk li twettqu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u dawk li twettqu matul il-perijodu bejn in-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni u l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, iżda wkoll billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet l-oħra kollha rilevanti, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-iżvilupp tal-konsum globali tal-prodotti kkonċernati fi ħdan l-Unjoni, l-evoluzzjoni tal-ħażniet u l-evoluzzjoni tal-ishma tas-suq. Paragun bejn iż-żewġ medji mensili msemmija iktar ’il fuq huwa għalhekk element importanti, iżda mhux neċessarjament l-element deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk żieda fl-importazzjonijiet hijiex “sostanzjali”. Għaldaqstant, ir-rikorrenti b’mod żbaljat isostnu li ż-żieda fl-importazzjonijiet ma setgħet b’ebda mod tiġi kkwalifikata bħala żieda sostanzjali minħabba li kienet tirrappreżenta biss 31 761 tunnellata iktar mill-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra rilevanti u meħtieġa għal din l-evalwazzjoni.

96      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jipprovdu, minn naħa, li matul il-perijodu min-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni sa tmiem il-perijodu ta’ reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, it-tnaqqis ta’ prezzijiet medji mensili tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kien iġġustifikat bit-tnaqqais tal-prezzijiet ta’ materja prima u, min-naħa l-oħra, li l-prodotti kkonċernati ma humiex adattati għall-ħażna, għandu jitfakkar qabelxejn li, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom marġni diskrezzjonali kbira minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li għandhom jeżaminaw, b’mod li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċità biss stħarriġ ġurisdizzjonali limitat (ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, RFA International vs Il-Kummissjoni, T‑466/12, EU:T:2015:151, punti 37 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fir-rigward, minn naħa, it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima, ġie kkonstatat, fil-premessa 80 tar-regolament ikkontestat, li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima ma setax jiġġustifika tnaqqis ta’ iktar minn 4 % fil-prezzijiet tal-bejgħ. Fil-fatt, paragun ġenerali tal-prezz medju tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati mal-prezz tal-bejgħ medju tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni u l-perijodu wara l-investigazzjoni jwassal għal twaqqigħ ta’ 7% matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li, wara dan il-perijodu, it-twaqqigħ laħaq l-14 %. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li t-tnaqqis tal-prezzijiet medji mensili tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kien esklużivament dovut għat-tnaqqis tal-prezzijijiet tal-materja prima u li l-importazzjonijiet inkwistjoni ma setgħux għalhekk jikkompromettu serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping li għandu jiġi applikat.

98      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-allegat fatt li jipprovdi li l-prodotti kkonċernati ma humiex adattati għall-ħażna, għandu qabelxejn jiġi osservat li din is-sempliċi allegazzjoni ma hijiex ta’ natura li tikkontradixxi l-konstatazzjoni li l-ħażna fil-fatt seħħet wara l-bidu tal-proċedura. Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-premessa 68 tar-regolament ikkontestat, il-ħażna ma hijiex prattika abitwali li titwettaq fil-preżenza ta’ ċirkustanzi speċjali u/jew perspettivi partikolari fis-suq, pereżempju fir-rigward ta’ prezzijiet futuri tal-prodott inkwistjoni. Il-fatt li prodott normalment ma jkunx maħżun ma jfissirx li ma tkun seħħet ebda ħażna, meta jkun hemm involuti tali ċirkustanzi u aspettattivi. Barra minn hekk, fuq il-bażi taċ-ċifri ppreżentati mill-importaturi u/jew mill-utenti tal-prodotti kkonċernati, ġie kkonstatat fil-premessa 52 tar-regolament ikkontestat li, b’mod ġenerali għal dawn l-importaturi u/jew l-utenti, il-ħażniet fi tmiem l-2015 kienu 22 % ogħla milli fi tmiem l-2014. Għalhekk, mingħajr provi kontra l-konstatazzjoni li ż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet tista’ tkun indikazzjoni ta’ ħażna sinjifikattiva tal-prodotti importati, li hija wkoll proposta miż-żieda fil-ħażniet imsemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest.

99      Fir-raba’ lok, l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li kien insuffiċjenti li matul il-perijodu previst ta’ ħames snin jiġu stabbiliti dazji antidumping definittivi sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni, għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-perijodu ta’ ħames snin li matul tiegħu l-miżuri finali jkunu fil-prinċipju imposti ma huwiex definittiv, peress li d-dazji definittivi jistgħu, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku, ikunu suġġett għal reviżjoni interim li sseħħ mhux iktar kmieni minn sena wara l-impożizzjoni tal-imsemmija miżuri definittivi, li għalhekk tista’ twassal għat-tħassir tal-imsemmija drittijiet sa fejn dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu fis-seħħ biss sakemm u sa fejn ikun meħtieġ li jiġi kontrobbilanċjat dumping li jikkawża dannu. Għaldaqstant, l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji antidumping definittivi ma tistax tkun suġġetta għal tali rekwiżit.

100    Fil-ħames lok, la l-“kriterju ta’ tardività” użat mill-Kummissjoni sabiex turi l-effett kumulattiv tal-importazzjonijiet imwettqa bejn il-bidu tal-investigazzjoni u l-bidu tal-perijodu ta’ reġistrazzjoni u ta’ dawk imwettqa matul l-imsemmi perijodu, u lanqas l-allegat fatt li r-regolament ikkontestat ma jispjegax liema huma l-importanza, it-tul u l-effetti ta’ trasferiment allegat tal-effett rimedjali li tirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni retroattiva tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni, ma jistgħu jaffettwaw il-legalità tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, l-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku jipprevedi biss li l-Kummissjoni tiddetermina li ż-żieda sostanzjali ġdida tal-importazzjonijiet, b’kunsiderazzjoni għall-volum tagħhom u għal ċirkustanzi oħra, hija ta’ natura li tikkomprometti serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat. Għalhekk, huma ċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, li fihom isseħħ din iż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet, li jitqiesu bħala theddida serja għall-imsemmi effett rimedjali.

101    Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 31, 50 sa 53, 75, 76, 79 sa 81 u 84 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni impenjat ruħha li teżamina fatturi msemmija fl-Artikolu 10(4) d) tar-Regolament Bażiku, b’mod partikolari il-prezz tal-prodotti importati kif ukoll il-ħażniet tal-prodotti importati qabel ir-reġistrazzjoni.

102    Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-premessa 50 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, matul il-perijodu mill-ewwel xahar sħiħ wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-ftuħ tal-investigazzjoni sal-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-volum medju mensili tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati żdied b’37 % meta mqabbel mal-perijodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, mill-premessa 51 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, matul il-perijodu mill-ewwel xahar sħiħ wara l-bidu tal-investigazzjoni u inkluż ix-xahar li fih ġew imposti l-miżuri provviżorji, il-volum medju tal-importazzjoni ta’ kull xahar mill-pajjiżi kkonċernati żdied bi 27 % meta mqabbel mal-medja ta’ kull xahar matul il-perijodu tal-investigazzjoni. Minn dan, il-Kummissjoni ddeduċiet, fil-premessa 53 tar-regolament ikkontestat, li kien hemm żieda sostanzjali fil-volumi tal-importazzjoni wara l-bidu tal-investigazzjoni.

103    It-tieni nett, dawn l-importazzjonijiet twettqu wara li l-importaturi kellhom għarfien tal-possibbiltà li jiġu applikati dazji antidumping b’mod retroattiv, li seħħ meta ġiet ippubblikata n-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni u meta ntbagħtet il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, u dawn l-importazzjonijiet komplew sakemm ġew imposti miżuri provviżorji. Għaldaqstant, dan huwa perijodu li matulu twettqu l-importazzjonijiet filwaqt li l-importaturi kellhom għarfien sħiħ ta’ investigazzjoni antidumping attwali u tal-possibbiltà li jiġu applikati dazji antidumping dalwaqt.

104    It-tielet nett, mill-premessa 79 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, matul il-ħdax-il xahar li segwew il-perijodu ta’ investigazzjoni, kien hemm tnaqqis tal-prezzijiet medji mensili tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u mir-Russja bi 13 % u bi 12 % rispettivament meta mqabbla mal-prezzijiet medji mensili tal-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inkwistjoni. Kif jirriżulta mill-premessa 97 iktar ’il fuq u kif tfakkar barra minn hekk fil-premessa 80 tar-regolament ikkontestat, jekk il-prezzijiet tal-materja prima tnaqqsu wkoll matul dawn il-perijodu, dan il-fatt madankollu ma jiġġustifikax tnaqqis ta’ iktar minn 4 % tal-prezzijiet tal-bejgħ, b’mod li dan il-paragun iwassal għal twaqqigħ ta’ 7 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni filwaqt li, wara dan il-perijodu, it-twaqqigħ kien ta’ 14 %. Barra minn hekk, mill-premessa 81 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni, kien hemm tnaqqis tal-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u mir-Russja b’19 % u b’24 % meta mqabbla mal-prezzijiet medji mensili tal-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inkwistjoni. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet fl-istess premessa li, għaż-żewġ pajjiżi flimkien, it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perijodu tar-reġistrazzjoni kien reġa’ żdied għal kważi 20 % bħala medja. Għaldaqstant, kien hemm tnaqqis ieħor fil-prezzijiet medji tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati.

105    Ir-raba’ nett, mill-premessa 52 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li t-22 importatur u/jew utent li pprovdew informazzjoni dwar l-importazzjonijiet matul il-perijodu wara l-bidu tal-investigazzjoni kienu rrappreżentaw biss 46 % tal-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati. L-informazzjoni miksuba b’dan il-mod uriet, b’mod ġenerali għal dawn l-importaturi u/jew utenti li kkooperaw, żieda ta’ 22 % fil-ħażniet tal-prodott ikkonċernat fi tmiem l-2015 meta mqabbel ma’ tmiem l-2014. Il-premessa 84 tar-regolament ikkontestat issemmi, min-naħa tagħha, il-fatt li neċessarjament kien hemm ħażniet fid-dawl mhux biss ta’ dak li ġie kkonstatat fil-premessa 52 tal-imsemmi regolament, iżda wkoll minħabba ż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet wara l-perijodu ta’ investigazzjoni meta mqabbel mal-livell tal-importazzjonijiet imwettqa qabel il-pubblikazzjoni tan-notifika tal-ftuħ tal-investigazzjoni.

106    Mill-premessi 75 u 76 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li din iż-żieda sinjifikattiva ġdida tal-importazzjonijiet bi prezzijiet anki iktar baxxi biss matul il-perijodu ta’ investigazzjoni tikkonkordi ma’ żieda tal-konsum tal-Unjoni fis-suq liberu ta’ 14% matul il-perijodu minn April 2015 sa Jannar 2016, filwaqt li l-volumi tal-bejgħ imwettqa mill-produtturi tal-Unjoni baqgħu stabbli u kienu biss suġġetti għal żieda minima ta’ 3 %. Dan irriżulta fi tnaqqis sussegwenti fl-ishma tas-suq tal-industrija tal-Unjoni b’7 %, minn 71 għal 64 %.

107    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, b’mod partikolari fil-premessi 86 u 94 tar-regolament ikkontestat, li din iż-żieda sinjifikattiva ġdida fl-importazzjonijiet, b’kunsiderazzjoni għall-volum tagħhom, għall-mument li fih twettqu kif ukoll għal ċirkustanzi oħra, jiġifieri t-tnaqqis fil-prezzijiet u ż-żieda fil-ħażniet kbar, kellha impatt negattiv ġdid fuq il-prezzijiet u s-sehem tas-suq tal-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni u kienet għalhekk ta’ natura li tikkomprometti serjament l-effett rimedjali tad-dazju antidumping definittiv.

108    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tielet motiv u, għaldaqstant, il-motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

109    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Stemcor London Ltd u Samac Steel Supplies Ltd għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn Eurofer, Association européenne de l’acier, ASBL.

Prek

Buttigieg

Berke

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Mejju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.