Language of document : ECLI:EU:C:2014:237

Kawża C‑288/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u l-moviment liberu ta’ din id-data — Artikolu 28(1) — Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza — Indipendenza — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittermina qabel it-tmiem tal-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza — Ħolqien ta’ awtorità ġdida ta’ sorveljanza u ħatra ta’ persuna oħra fil-kariga ta’ president”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ April 2014

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata — Rikors dirett kontra leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-terminazzjoni qabel it-terminu mhux skadut fid-data stabbilita mill-opinjoni motivata, tal-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali — Ammissibbiltà

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 28(1) u (2))

2.        Stati Membri — Obbligi — Implementazzjoni ta’ direttivi — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordinament intern, inkluż dak kostituzzjonali — Inammissibbiltà

(Artikolu 258 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 28(1) u (2))

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46 — Awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittermina qabel it-tmiem il-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza — Ksur tar-rekwiżit ta’ indipendenza — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 28(1))

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli jekk, fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, in-nuqqas allegat ma jkunx għadu jipproduċi effetti. Dan ma jkunx il-każ, u r-rikors ikun għaldaqstant ammissibbli, meta n-nuqqas allegat mill-Kummissjoni jinstab fil-fatt li kummissarju għall-protezzjoni tad-data personali ma setax jeżegwixxi l-mandat tiegħu sat-terminu u li huwa stabbilit li dan it-terminu kien għadu ma skadiex fid-data stabbilita permezz tal-opinjoni motivata.

(ara l-punti 29-31)

2.        Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet mill-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, anki kostituzzjonali, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi naxxenti mid-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punt 35)

3.        Ikun qiegħed jonqos mill-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, Stat Membru li jittermina b’mod antiċipat il-mandat tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-data personali.

Fil-fatt, l-indipendenza li għandhom igawdu minnha l-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti għas-sorveljanza tal-ipproċessar tad-data personali teskludi b’mod partikolari kull ordni jew kull influwenza esterna oħra fi kwalunkwe forma, indipendentement minn jekk din tkunx diretta jew indiretta, li jkunu jistgħu jorjentaw id-deċiżjonijiet tagħhom u li jkunu jistgħu jmorru kontra it-twettiq, minn dawn l-awtoritajiet, tal-kompitu tagħhom li jikkonsisti f’li jiġi stabbilit ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata u l-moviment liberu tad-data personali.

Madankollu, l-indipendenza funzjonali ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex tippreżerva l-awtoritajiet ta’ sorveljanza minn kull influwenza esterna. F’dan ir-rigward, is-sempliċi riskju li l-awtoritajiet ta’ tutela ta’ Stat jkunu jistgħu jeżerċitaw influwenza politika fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni huwa biżżejjed sabiex jiġi ostakolat l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet tagħhom. Issa, li kieku kien permess li kull Stat Membru jittermina l-mandat ta’ awtorità ta’ sorveljanza qabel it-terminu previst inizjalment ta’ din tal-aħħar mingħajr ma josserva r-regoli u l-garanziji stabbiliti minn qabel għal dan l-għan mil-leġiżlazzjoni applikabbli, it-theddida ta’ tali terminazzjoni antiċipata li tkun għalhekk suġġetta għaliha din l-awtorità matul l-eżerċizzju tal-mandat tagħha tista’ twassal għal forma ta’ obbedjenza ta’ din tal-aħħar għall-poter politiku, li hija inkompatibbli mal-imsemmi rekwiżit tal-indipendenza. Barra minn hekk, f’tali sitwazzjoni, l-awtorità ta’ sorveljanza ma tistax titqies bħala li tista’ topera, fi kwalunkwe ċirkustanza, ’il fuq minn kull suspett ta’ parzjalità.

(ara l-punti 51-55, 62 u d-dispożittiv 1)