Language of document : ECLI:EU:C:2019:199

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘forma’ – Forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott – Trade mark bidimensjonali – Trade mark figurattiva li tikkostitwixxi wkoll xogħol fis-sens tad-drittijiet tal-awtur – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(e)(iii) – Regolament (UE) 2015/2424”

Fil-Kawża C‑21/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell, sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarrijiet Ekonomiċi, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Textilis Ltd,

Ozgur Keskin

vs

Svenskt Tenn AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur), M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Svenskt Tenn AB, minn B. Eliasson u M. Jerner, jur. kand.,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u K. Simonsson kif ukoll minn E. Ljung Rasmussen, J. Samnadda u G. Tolstoy, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1) u ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21, u rettifiki ĠU 2016, L 71, p. 322; ĠU 2016, L 110, p. 4; ĠU 2016, L 267, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009 emendat”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Textilis Ltd u Ozgur Keskin, minn naħa, u Svenskt Tenn AB, min-naħa l-oħra, dwar il-kummerċjalizzazzjoni mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ prodotti ta’ fittings ta’ ġewwa li kienet timmina t-trade mark li Svenskt Tenn hija l-proprjetarja tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 207/2009

3        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”, jipprovdi:

“Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

4        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jipprevedi fil-paragrafu 1(e) tiegħu:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

e)      sinjali li jikkonsistu esklussivament f’dawn li ġejjin:

i)      forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom;

ii)      forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku;

iii)      forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti”.

 Ir-Regolament Nru 207/2009 emendat

5        Il-premessa 12 tar-Regolament 2015/2424, li emenda r-Regolament Nru 207/2009, tistipula:

“Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali u konsistenza sħiħa mal-prinċipju ta’ prijorità, li taħtu trademark preċedenti rreġistrata tieħu preċedenza fuq trademarks irreġistrati iktar tard, jeħtieġ li jiġi stipulat li l-infurzar tad-drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji miksuba qabel id-data tal-applikazzjoni jew tal-prijorità tat-trademark tal-UE. […]”

6        L-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 207/2009 emendat jipprevedi:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

e)      sinjali li jikkonsistu esklużivament f’dawn li ġejjin:

i)      il-forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tirriżulta min-natura tal-oġġetti nnifishom;

ii)      il-forma, jew xi karatteristika oħra, li tkun meħtieġa biex jinkiseb riżultat tekniku;

iii)      il-forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti”.

7        Mill-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/2424 jirriżulta li dan daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Svenskt Tenn tikkummerċjalizza għamara u tapizzerija kif ukoll oġġetti oħrajn ta’ dekorazzjoni.

9        Matul is-snin 1930, Svenskt Tenn bdiet kollaborazzjoni mal-arkitett Joseph Frank, li ddiżinjalha diversi disinni għal tapizzerija, b’mod partikolari disinn imsejjaħ MANHATTAN, li hija tikkummerċjalizza u li fir-rigward tiegħu hija targumenta li hija l-proprjetarja ta’ drittijiet bħala drittijiet ta’ awtur.

10      Fl‑4 ta’ Jannar 2012, Svenskt Tenn ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Din it-trade mark figurattiva msejħa MANHATTAN ġiet irreġistrata taħt in-numru 010540268.

11      Il-prodotti u s-servizzi li l-imsemmija trade mark ġiet irreġistrata għalihom jaqgħu taħt il-Klassijiet 11, 16, 20, 21, 24, 27 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu b’mod partikolari ma’ paralumi (Klassi 11), bjankerija tal-mejda, srievet tal-karti għal fuq il-mejda, gabarrè żgħar tal-karti, karta għat-tgeżwir, kotba għall-kitba jew għat-tpinġija, kartelluni (Klassi 16), għamara (Klassi 20), oġġetti li ssajjar bihom u kontenituri, pniezel, prodotti tal-ħġieġ, porċellana u reċipjenti tal-fuħħar mhux inklużi fi klassijiet oħrajn (Klassi 21), tessuti u oġġetti tessili mhux inklużi fi klassijiet oħrajn, kutri tas-sodda u tvalji (Klassi 24), twapet, affarijiet li jiddendlu mal-ħajt (mhux tat-tessut), karta tal-ħajt (Klassi 27), servizzi ta’ bejgħ bl-imnut b’rabta mal-bejgħ ta’ għamara, kuxins, mirja (silvered glass), karta tal-ħajt, twapet, lamp, tessuti, oġġetti magħmula minn biċċiet tat-tessuti, rakkmu, oġġetti li ssajjar bihom u kontenituri, oġġetti għal fuq il-mejda, prodotti tal-ħġieġ, porċellana, reċipjenti tal-fuħħar, gandlieri, srievet tal-karti għal fuq il-mejda, basktijiet ta’ kuljum, ġojjelli, kotba u Magazins (perjodiċi) (Klassi 35).

12      It-trade mark figurattiva MANHATTAN hija rrappreżentata kif ġej:

Image not found

13      Textilis hija kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż, li l-ishma tagħha huma proprjetà ta’ O. Keskin, li l-attività ta’ kummerċ onlajn tagħha bdiet matul is-sena 2013. Din il-kumpannija kkummerċjalizzat tessuti u prodotti ta’ fittings ta’ ġewwa b’disinni simili għal dawk tat-trade mark figurattiva MANHATTAN.

14      Svenskt Tenn bdiet, kontra Textilis u O. Keskin, quddiem l-Istockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma, l-Isvezja), azzjoni ta’ kontrafazzjoni tat-trade mark MANHATTAN li hija proprjetarja tagħha, kif ukoll azzjoni għal ksur tad-drittijiet tal-awtur tagħha. Hija talbet ukoll li Textilis u kif ukoll O. Keskin jiġu pprojbiti, taħt piena ta’ ħlas ta’ multa, minn naħa, li jikkummerċjalizzaw jew li jxerrdu bi kwalunkwe mod ieħor li jkun fil-pubbliku fl-Isvezja ċerti oġġetti msemmija u, min-naħa l-oħra, li jagħmlu użu ta’ din it-trade mark fl-Isvezja għal tessuti, kuxins u għamara.

15      Bi tweġiba għal dawn l-azzjonijiet, Textilis u O Keskin ressqu quddiem dik il-qorti kontrotalba intiża għall-konstatazzjoni tal-invalidità tat-trade mark MANHATTAN, sa fejn, minn naħa, din ma għandhiex karattru distintiv u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-mod kif tintuża, din hija kkostitwita minn forma li tagħti valur sostanzjali għall-prodott, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009.

16      L-Istockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma) ċaħdet din il-kontrotalba, b’mod partikolari għar-raġunijiet li, minn naħa, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, is-sinjali kollha li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment id-disinni, jistgħu jkunu trade marks tal-Unjoni Ewropea, sakemm dawn ikollhom karattru distintiv u, min-naħa l-oħra, it-trade mark MANHATTAN ma hijiex forma, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) ta’ dan ir-regolament.

17      L-Istockholms tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Stokkolma) iddeċidiet li Textilis u O. Keskin kienu wettqu kontrafazzjoni tat-trade mark MANHATTAN u kienu, barra minn hekk, kisru d-drittijiet tal-awtur li Svenskt Tenn kienet ukoll proprjetarja tagħhom.

18      Textilis u O. Keskin appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Isvea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell, sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarrijiet Ekonomiċi), sabiex, b’mod partikolari, tiġi kkonstatata l-invalidità tat-trade mark MANHATTAN, abbażi tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009.

19      Insostenn tal-appell tagħhom, huma argumentaw li sinjal ikkostitwit bid-disinn ta’ tessut ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark, mingħajr ma jitwarrab il-prinċipju tal-limitazzjoni ratione temporis tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Huma jqisu għaldaqstant li hija r-raġuni li għaliha l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 jostakola r-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-sinjal ikkostitwiti esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali għall-prodott.

20      Min-naħa l-oħra, Svenskt Tenn toġġezzjona li xi sinjali kkostitwiti mill-forma ta’ disinni jistgħu jiġu rreġistrati bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea, bħat-trade mark figurattiva MANHATTAN.

21      L-Isvea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell, sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarrijiet Ekonomiċi) tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk trade mark figurattiva, bħal MANHATTAN, li tikkonsisti fir-riproduzzjoni bidimensjonali ta’ prodott bidimensjonali, bħal tessut, tistax titqies li hija forma fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hija tenfasizza f’dan ir-rigward li mill-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta b’mod ċar li r-raġuni għal invalidità prevista f’din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal trade marks tridimensjonali u għal trade marks bidimensjonali li jirrappreżentaw forom tridimensjonali, bħal, per eżempju, ir-rappreżentazzjoni ta’ skultura jew ta’ vażun, bħalma ddeċidiet il-Qorti EFTA, fil-punti 110 sa 115 tas-sentenza tagħha tas‑6 ta’ April 2017, Norwegian Board of Appeal for Industrial Property Rights – appeal from the municipality of Oslo (E‑05/16), jew il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377).

22      Hija tistaqsi madankollu dwar il-kwistjoni jekk tali raġuni għal invalidità tistax tapplika għal trade marks bidimensjonali li jirrappreżentaw prodott bidimensjonali, bħal, per eżempju, disinn imwaħħal fuq tessut jew anki r-riproduzzjoni ta’ stampa. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li jkun paradossali li ma tingħatax tali raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni għal tali każijiet, sa fejn xejn ma jiġġustifika differenza fit-trattament bejn skultura, ta’ natura tridimensjonali, u pittura, ta’ natura bidimensjonali.

23      Hija tesponi li, b’differenza għat-trade mark inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin (C‑163/16, EU:C:2018:423), li kienet tikkonsisti f’kulur imwaħħal fuq il-pett taż-żarbun, it-trade mark figurattiva MANHATTAN inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiemha hija xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur.

24      Hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-emenda għall-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 bir-Regolament 2015/2424, skont liema ma jistgħux jiġu rreġistrati mhux biss is-sinjali li jikkonsistu biss f’“forma”, iżda wkoll f’“xi karatteristika oħra […] tal-oġġetti”, li tagħtihom valur sostanzjali, hijiex ta’ natura li tbiddel l-evalwazzjoni li għandha ssir skont din ir-raġuni għal invalidità. F’dan ir-rigward, hija tixtieq tkun taf jekk hemmx lok li jiġi applikat, fil-kawża pendenti quddiemha, ir-Regolament Nru 207/2009 jew ir-Regolament Nru 207/2009 emendat, fid-dawl tal-fatt li d-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark MANHATTAN, bħal dik tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kif ukoll dik tas-sentenza tal-ewwel istanza li ġiet appellata huma preċedenti għat‑23 ta’ Marzu 2016, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/2424.

25      Hija targumenta li, fi kwalunkwe każ u tkun xi tkun il-verżjoni applikabbli ta’ dan l-Artikolu 7(1)(e)(iii), fl-ipoteżi li jiġi aċċettat li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal trade marks bidimensjonali li jirrappreżentaw prodott bidimensjonali, tqum il-kwistjoni tal-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk sinjal, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jitqies bħala li “jikkonsisti esklużivament fil-forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti” meta r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal bħala trade mark tirrigwarda diversi klassijiet ta’ prodotti u t-trade mark hija maħsuba b’tali mod li tista’ tkopri l-prodott kollu jew partijiet sostanzjali minnu jew anki tintuża bħala logo.

26      F’dan ir-rigward, hija tenfasizza d-diffikultà li tiġi evalwata tali raġuni għal invalidità peress li l-applikant għat-trade mark huwa obbligat biss li jindika l-prodotti li fir-rigward tagħhom huwa għandu l-intenzjoni li juża din it-trade mark u mhux li jippreċiża l-kundizzjonijiet prattiċi tal-użu tas-sinjal li fir-rigward tiegħu huwa jitlob il-protezzjoni.

27      Għaldaqstant, trade mark tista’, skont il-każ, titwaħħal fuq il-prodott fit-totalità tiegħu, bħal, per eżempju, fittings ta’ ġewwa, karta jew anki trej biex isservi, b’mod illi din issir element essenzjali tal-prodott innifsu u li, f’ħafna minn dawn il-każijiet, ikun hemm identiċità bejn it-trade mark u l-prodott, jew anki tokkupa parti żgħira mill-prodott, b’mod partikolari meta din it-trade mark tintuża bħala logo.

28      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Isvea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell, sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarrijiet Ekonomiċi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4 tar-Regolament […] 2015/2424 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-[Regolament Nru 207/2009 emendat] huma applikabbli meta qorti hija mitluba li teżamina talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità [imressqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009] wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda, jiġifieri wara t‑23 ta’ Marzu 2016, filwaqt li l-azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità kienet ġiet imressqa qabel din id-data u tirrigwarda għalhekk trade mark irreġistrata preċedentement?

2)      L-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni applikabbli tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkopri sinjal li jikkonsisti fir-riproduzzjoni bidimensjonali ta’ prodott bidimensjonali, pereżempju tessut użat għat-tagħmir li jkun iddekorat bis-sinjal inkwistjoni f’din il-kawża?

3)      F’każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, liema huma l-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-espressjoni ‘sinjali li jikkonsistu esklużivament [fil-]forma, jew xi karatteristika oħra, li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti’ tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-[Regolament Nru 207/2009 emendat] fil-każ fejn ir-reġistrazzjoni tirrigwarda diversi klassijiet ta’ prodotti, diversi prodotti u li s-sinjal jista’ jiġi mwaħħal b’modi differenti fuq dawn il-prodotti? L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji iktar oġġettivi u ġenerali, pereżempju, billi tibda mill-premessa tad-dehra tat-trade mark u l-mod li bih tista’ tkopri prodotti differenti, jiġifieri mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod li bih il-proprjetarju tagħha effettivament iwaħħal is-sinjal fuq prodotti differenti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 emendat għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal trade marks irreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament emendat.

30      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li jkopru biss sitwazzjonijiet li jkunu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura ġenerali tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-Regolament 2015/2424, li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016, ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprevedi espressament li l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 emendat jista’ jkun applikabbli għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea rreġistrati qabel din id-data.

32      Barra minn hekk, la mill-għan tar-Regolament 2015/2424 u lanqas mill-istruttura ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħti portata retroattiva lill-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 emendat. Tali interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 12 tar-Regolament 2015/2424, li tfakkar l-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

33      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 emendat għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma huwiex applikabbli għal trade marks irreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament emendat.

 Fuq it-tieni domanda

34      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li sinjal, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti f’disinni bidimensjonali dekorattivi, li huwa mwaħħal fuq prodotti, bħal tessut jew karta, “jikkonsisti esklużivament fil-forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

35      F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni fir-Regolament Nru 207/2009 tal-kunċett ta’ “forma”, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ din il-kelma għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mas-sens normali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jitqies il-kuntest li fih hija tintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin, C‑163/16, EU:C:2018:423, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, il-kunċett ta’ “forma” normalment jinftiehem fis-sens li jirreferi għal sensiela ta’ linji jew ta’ borduri li tiddelimita l-prodott ikkonċernat f’termini ta’ spazju (sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin, C‑163/16, EU:C:2018:423, punt 21).

37      Skont dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ kulur iddeterminat f’parti speċifika ta’ prodott ma tfissirx li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit minn “forma”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, li l-formulazzjoni tiegħu hija simili għal dik tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009, meta r-reġistrazzjoni tat-trade mark ma tkunx intiża li tipproteġi l-forma tal-prodott jew parti mill-prodott, iżda biss l-applikazzjoni ta’ dan il-kulur f’ din il-parti speċifika (sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin, C‑163/16, EU:C:2018:423, punt 24).

38      Ċertament, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha, huwa stabbilit li, b’differenza għal sinjal li jirrigwarda kulur bħala tali, is-sinjal inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa kkostitwit b’disinni bidimensjonali dekorattivi u li huwa mwaħħal fuq prodotti, bħal tessut jew karta, jinkludi linji u borduri.

39      Madankollu, dan is-sinjal ma jistax jitqies bħala li “jikkonsisti esklużivament f’forma”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009.

40      Fil-fatt, filwaqt li huwa minnu li, fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sinjal meqjus jirrappreżenta forom li jikkonsistu fil-borduri esterni ta’ disinni li jirrappreżentaw, b’mod stilizzat, partijiet ta’ mapep, xorta jibqa’ l-fatt li, minbarra dawn il-forom, dan is-sinjal jinkludi elementi dekorattivi li jinsabu kemm ’il ġewwa kif ukoll ’il barra minn dawn il-borduri.

41      Barra minn hekk, l-imsemmi sinjal jenfasizza kliem, b’mod partikolari l-kelma Manhattan.

42      Fi kwalunkwe każ, ma jistax jitqies li sinjal li jikkonsisti f’disinni bidimensjonali dekorattivi jiġi konfuż mal-forma tal-prodott meta dan is-sinjal jitwaħħal fuq prodotti, bħal tessut jew karta, li l-forma tiegħu hija distinta mill-imsemmija disinni dekorattivi.

43      Għal dawn ir-raġunijiet, ma jistax jitqies li sinjal bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsisti esklużivament fil-forma, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009.

44      Konsegwentement, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax tapplika għal tali sinjal.

45      F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanza li s-sinjal inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa protett ukoll bid-drittijiet tal-awtur ma għandux effett fuq il-kwistjoni dwar jekk jikkonsistix esklużivament jew le f’“forma”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009.

46      Konsegwentement ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti f’disinni bidimensjonali dekorattivi, li huwa mwaħħal fuq prodotti, bħal tessut jew karta, ma “jikkonsistix esklużivament f’forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

47      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Diċembru 2015, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma huwiex applikabbli għal trade marks irreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424.

2)      L-Artikolu 7(1)(e)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti f’disinni bidimensjonali dekorattivi, li huwa mwaħħal fuq prodotti, bħal tessut jew karta, ma “jikkonsistix esklużivament f’forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.