Language of document : ECLI:EU:F:2007:202

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

20 ta’ Novembru 2007

Kawża F-120/05

Antonis Kyriazis

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu A. Kyriazis jitlob, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Ottubru 2005, li tiċħad it-talba tiegħu sabiex jikseb l-allowance ta’ espatrijazzjoni, it-tieni nett, ir-rikonoxximent tad-dritt tiegħu li jirċievi l-imsemmija allowance b’effett retroattiv mill-1 ta’ Marzu 2005 u, it-tielet nett, ir-rikonoxximent tad-dritt tiegħu li jirċievi l-imsemmija allowance fil-futur.

         Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))

3.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))

1.      Skond it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tingħata l-allowance ta’ espatrijazzjoni, jeħtieġ li l-persuna kkonċernata ma kinitx, b’mod abitwali, tgħix jew twettaq l-okkupazzjoni ewlenija tagħha fil-post tal-impjieg tagħha matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel ma daħlet fis-servizz. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ uffiċjal, il-perijodu ta’ sitt xhur previst f’din id-dispożizzjoni jibda immedjatament qabel id-dħul fis-servizz f’din il-kwalità.

Din l-interpretazzjoni litterali tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal hija msaħħa b’interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dan it-terminu ta’ sitt xhur għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-finalità tiegħu, li hija li jiġi evitat li uffiċjali, li, b’mod abitwali u matul prattikament it-totalità tal-perijodu ta’ referenza, għexu jew wettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom fil-post mixtieq tal-impjieg tagħhom, ma jbiddlux ir-residenza abitwali tagħhom jew il-post fejn iwettqu l-okkupazzjoni ewlenija tagħhom biss ftit taż-żmien qabel id-dħul fis-servizz tagħhom. Sabiex jiġi evitat tali riskju, il-perijodu ta’ sitt xhur jibda immedjatament qabel id-dħul fis-servizz.

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-perijodu ta’ referenza, dan il-perijodu totali ta’ ħames snin m’għandux neċessarjament ikun kontinwu, iżda jista’ jkun suddiviż f’diversi fażijiet fil-każ fejn il-persuna kkonċernata ħadmet, fil-passat, għal Stat jew organizzazzjoni internazzjonali.

(ara l-punti 24, 25 u 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Ottubru 1989, Atala-Palmerini vs Il-Kummissjoni, 201/88, Ġabra p. 3109, punti 2 u 6

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Mejju 2001, Liaskou vs Il-Kunsill, T‑60/00, ĠabraSP p. I‑A‑107 u II‑489, punti 42, 43, 45 u 50; 19 ta’ Ġunju 2007, Asturias Cuerno vs Il-Kummissjoni, T‑473/04, Ġabra p. I-A-2-0000 u II-A-2-0000, punt 72

2.      Ir-residenza abitwali li jirreferi għaliha l-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-finijiet tal-għotja tal-allowance ta’ espatrijazzjoni, tikkorrispondi għall-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet, bix-xewqa li tagħtih natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali, jeħtieġ li jiġi kkunsidrati l-elementi ta’ fatt kollha li jikkostitwixxu din tal-aħħar.

Fil-każ ta’ rifjut li tingħata l-allowance ta’ espatrijazzjoni, għandu jkun l-uffiċjal li jipprova li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jibbenefika minnha u li jressaq il-provi kollha għal dan il-għan. F’dan ir-rigward u fil-preżenza tal-elementi kollha ta’ fatt li jikkostitwixxu residenza abitwali fl-Istat Membru li fih ikun impjegat l-uffiċjal matul il-perijodu ta’ referenza, mhumiex suffiċjenti soġġorni fi Stat Membru ieħor għall-finijiet li jipprepara installazzjoni mill-ġdid u li jsib impjieg hemmhekk, kif lanqas mhuma suffiċjenti sensiela ta’ elementi oħra li jixhdu rabtiet ma’ dan l-Istat li huma tan-natura ta’ dawk li s-soltu jeżistu bejn uffiċjal u l-pajjiż fejn twieled.

(ara l-punti 47, 48, 53, 56, 58 u 59)

Referenza:

Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punti 5, 9 u 11; 15 ta’ Settembru 1994, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni, C‑452/93 P, Ġabra p. I‑4295, punt 22

Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Settembru 1993, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni, T‑90/92, Ġabra p. II‑971, punt 30; Liaskou vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62 sa 64; 13 ta’ Diċembru 2004, E vs Il-Kummissjoni, T‑251/02, ĠabraSP p. I‑A‑359 u II‑1643, punt 61; 13 ta’ Settembru 2005, Recalde Langarica vs Il-Kummissjoni, T‑283/03, ĠabraSP p. I‑A‑235 u II‑1075, punt 142; 25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il-Kunsill, T‑368/03, ĠabraSP p. I‑A‑321 u II‑1439, punti 60 u 62, u l-ġurisprudenza ċċitata; 27 ta’ Settembru 2006, Koistinen vs Il-Kummissjoni, T‑259/04, ĠabraSP p. I-A-2-177 u II‑A‑2‑879, punt 34; 16 ta’ Mejju 2007, F vs Il-Kummissjoni, T‑324/04, ĠabraSP p. I-A-2-0000 u II-A-2-0000, punti 63 u 87

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Settembru 2007, Salvador Roldán vs Il-Kummissjoni, F‑129/06, ĠabraSP p. I-A-1-0000 u II-A-1-0000, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Id-deroga fir-rigward tal-għoti tal-allowance ta’ espatrijazzjoni, prevista fl-aħħar sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax tiġi limitata biss għall-persuni li għamlu parti mill-persunal ta’ Stat ieħor jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, billi din tkopri “iċ-ċirkostanzi [kollha] li jinħolqu minn xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali”. Madankollu, huma biss iċ-ċirkustanzi li jimplikaw rabta ġuridika diretta bejn il-persuna kkonċernata u l-organizzazzjoni jew l-Istat in kwistjoni li jikkorrispondu għal ċirkustanzi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ xogħol li sar għal organizzazzjoni internazzjonali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

L-intervent, bħala intermedjarju, ta’ kumpannija privata esterna għall-istituzzjoni Komunitarja ma jippermettix li jiġi konkluż li teżisti rabta ġuridika diretta bejn l-impjegat u l-istituzzjoni Komunitarja.

(ara l-punti 74, 75, 77 u 78)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Diċembru 1995, Diamantaras vs Il-Kummissjoni, T‑72/94, ĠabraSP p. I‑A‑285 u II‑865, punt 52; Liaskou vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; 22 ta’ Settembru 2002, Nevin vs Il-Kummissjoni, T‑127/00, ĠabraSP p. I‑A‑149 u II‑781, punt 51; Asturias Cuerno vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 48 sa 52