Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Greċja) fil-5 ta’ Ġunju 2020 – DP, SG vs Trapeza Peiraios AE

(Kawża C-243/20)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Polymeles Protodikeio Athinon

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DP, SG

Konvenuta: Trapeza Peiraios AE

Domandi preliminari

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13/KEE 1 , li jipprovdi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jiggarantixxu livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur, għandu jkun interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ ma jittrasponix l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 fil-liġi nazzjonali u li jawtorizza stħarriġ tal-qorti ta’ klawżoli li jirriproduċu liġijiet jew regolamenti imperattivi jew supplimentari?

L-ewwel u t-tieni subparagrafu 2 tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, għalkemm ma humiex trasposti espliċitament fil-liġi Griega, jista’ jiġi kkunsidrat li ġie adottat indirettament flimkien mal-kontenut tal-Artikoli 3(1) u 4(1) ta’ din id-direttiva, kif ġie traspost fid-dispożizzjoni tal-Artikolu [2(6)] tal-Liġi Nru 225[1]/1994?

Il-kunċett ta’ klawżola inġusta u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif huma ddefiniti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(1) u 4(1) tad-Direttiva 93/13, jinkludu d-deroga msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva?

Klawżola fi ftehim ta’ kreditu konkluż bejn il-konsumatur u l-istituzzjoni ta’ kreditu, li tirrifletti l-kontenut ta’ regola supplimentari tal-Istat Membru, tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ tan-natura inġusta tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, jekk din il-klawżola ma ġietx innegozjata b’mod individwali?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 28).

2     Nota tat-traduttur: dan it-tieni subparagrafu, identiku għall-aħħar sentenza tal-premessa 13 tad-Direttiva 93/13, jeżisti biss fil-verżjoni Griega tad-Direttiva.