Language of document : ECLI:EU:C:2012:361

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Trade marks — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri — Direttiva 2008/95/KE — Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark — Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni — Użu tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks — Ammissibbiltà — Portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark”

Fil-Kawża C‑307/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of the Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks (ir-Renju Unit), b’deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2010, imressqa mill-High Court of Justice (Queen’s Bench Division) u li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2010, fil-kawża

Chartered Institute of Patent Attorneys

vs

Registrar of Trade Marks,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, J. Malenovský u U. Lõhmus (Relatur), Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, E. Levits, A. Ó Caoimh, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għaċ-Chartered Institute of Patent Attorneys, minn M. Edenborough, QC,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn S. Malynicz, barrister,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u V. Štencel, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn N. Travers, BL,

–        għall-Gvern Franċiż, minn B. Cabouat, G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), minn D. Botis u R. Pethke, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. W. Bulst u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn iċ-Chartered Institute of Patent Attorneys (iktar ’il quddiem is-“CIPA”) u r-Registrar of Trade Marks (awtorità kompetenti fil-qasam tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks fir-Renju Unit, iktar ’il quddiem ir-“Registrar”) fir-rigward taċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, li jirreġistra s-sinjal verbali “IP TRANSLATOR” bħala trade mark nazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Fuq il-livell internazzjonali, id-dritt tat-trade marks huwa rregolat mill-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”). L-Istati Membri kollha huma firmatarji ta’ din il-konvenzjoni.

4        Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, l-Istati li għalihom tapplika din il-konvenzjoni jirriżervaw id-dritt li jadottaw b’mod separat, bejniethom, arranġamenti partikolari għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali.

5        Din id-dispożizzjoni kienet il-bażi għall-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, adottat fil-konferenza diplomatika ta’ Nice fil-15 ta’ Ġunju 1957, rivedut l-aħħar f’Genève fit-13 ta’ Mejju 1977 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1154, Nru I‑18200, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”). Skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim:

“1)      Il-pajjiżi li għalihom japplika dan il-Ftehim jikkostitwixxu Unjoni partikolari u jadottaw klassifikazzjoni komuni tal-prodotti u tas-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks [iktar ’il quddiem il-“Klassifikazzjoni ta’ Nice”].

2)      Il-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] tinkludi:

i)      lista ta’ klassijiet, flimkien ma’, jekk ikun il-każ, noti ta’ spjega;

ii)      lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi […], bl-indikazzjoni tal-klassi li fiha jitpoġġa kull prodott jew servizz.

[…]”

6        L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Nice, intitolat “Portata legali u applikazzjoni tal-Klassifikazzjoni”, huwa mfassal b’dan il-mod:

“1)      Mingħajr preġudizzju għall-obbligi imposti mill-preżenti Ftehim, il-portata tal-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] hija dik li ġiet attribwita lilha minn kull pajjiż tal-Unjoni partikolari. B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni [ta’ Nice] la torbot lill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, u lanqas f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tat-trade marks fir-rigward ta’ servizzi.

2)      Kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni partikolari jirriżerva l-fakultà li japplika l-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] bħala sistema prinċipali jew bħala sistema sussidjarja.

3)      L-amministrazzjonijiet kompetenti tal-pajjiżi tal-Unjoni partikolari għandhom jinkludu fid-dokumenti u fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks in-numri tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni [ta’ Nice] li taħthom jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija reġistrata t-trade mark.

4)      Il-fatt li isem jidher fil-lista alfabetika [tal-prodotti u tas-servizzi] bl-ebda mod ma jolqot id-drittijiet li jistgħu ikunu jeżistu fuq dan l-isem.”

7        Il-Klassifikazzjoni ta’ Nice hija amministrata mill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO). Il-lista tal-klassijiet ta’ din il-klassifikazzjoni fiha, mill-1 ta’ Jannar 2002, 34 klassi ta’ prodotti u 11-il klassi ta’ servizzi. Kull klassi hija indikata b’indikazzjoni ġenerali waħda jew iktar normalment imsejħa “intestatura tal-klassi”, li jindikaw b’mod ġenerali l-oqsma li bħala prinċipju jiffurmaw parti minnhom il-prodotti jew is-servizzi ta’ din il-klassi. Il-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi tinkludi madwar 12 000 reġistrazzjoni.

8        B’mod konformi mal-gwida tal-utent tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, sabiex tiġi żgurata l-klassifikazzjoni korretta ta’ kull prodott jew servizz, għandha tiġi kkonsultata l-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi kif ukoll in-noti ta’ spjega li jikkonċernaw lid-diversi klassijiet. Jekk prodott jew servizz ma jistax jiġi kklassifikat bl-għajnuna tal-lista tal-klassijiet, tan-noti ta’ spjega jew tal-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi, ir-rimarki ġenerali jsemmu l-kriterji li jkollhom jiġu applikati.

9        Skont id-database tal-WIPO, minn fost l-Istati Membri huma biss ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta li ma humiex firmatarji tal-Ftehim ta’ Nice, iżda xorta jużaw il-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

10      Il-Klassifikazzjoni ta’ Nice hija riveduta kull ħames snin minn kumitat ta’ esperti. Id-disa’ edizzjoni, li kienet fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ġiet sostitwita, mill-1 ta’ Jannar 2012, bit-tieni edizzjoni.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/95

11      Id-Direttiva 2008/95 issostitwixxiet l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1).

12      Skont il-premessi 6, 8, 11 u 13 tad-Direttiva 2008/95:

“(6)      L-Istati Membri għandhom jibqgħu […] liberi li jiffissaw id-dispożizzjonijiet ta’ proċedura dwar ir-reġistrazzjoni, ir-revokazzjoni u n-nullità’ tat-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni. […]

[…]

(8)      Il-kisba ta’ l-għanijiet li għalihom taspira din l-approssimazzjoni tal-liġijiet [tal-Istati Membri] tirrikjedi li l-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark reġistrata ikunu ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha. […]

[…]

(11) Il-protezzjoni mogħtija lit-trade marks reġistrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bhala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tkun assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u l-merkanzija jew is-servizzi. […]

[…]

(13)      L-Istati Membri kollha huma marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi […]. Huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu għal kollox konsistenti ma’ dawk tal-Konvenzjoni msemmija. Din id-Direttiva m’għandhiex tinċidi fuq l-obbligi ta’ l-Istati Membri li jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni. […]”

13      L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2008/95 jipprovdi:

“1.      Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[…]

b)      trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

c)      trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

[…]

3.      Trade mark m’għandhiex tiġi rifjutata reġistrazzjoni jew tiġi dikjarata nulla skond il-paragrafu 1 (b), (c) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ addizzjonalment jistipula li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.”

14      L-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1. Trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

a)      jekk tkun identika għal trade mark preċedenti, u l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom it-trade mark hi applikata jew reġistrata jkunu identiċi għall-merkanzija jew servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hi protetta”.

 Il-Komunikazzjoni Nru 4/03

15      Il-Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-president tal-Uffiċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tas-16 ta’ Ġunju 2003, dwar l-użu ta’ intestaturi ta’ klassijiet fil-listi ta’ prodotti u servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks Komunitarji (ĠU UASI 9/03, p. 1647), għandha l-għan, b’mod konformi mal-punt I tagħha, li tispjega u li tiċċara l-prattika tal-UASI “dwar l-użu ta’ intestaturi ta’ klassijiet u l-konsegwenzi ta’ dan l-użu meta l-applikazzjonijiet jew ir-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks Komunitarji jkunu suġġetti għal limitazzjoni jew rinunzja parzjali jew meta jkunu involuti fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ kanċellazzjoni”.

16      Skont it-tieni subparagrafu tal-punt III tal-Komunikazzjoni msemmija:

“Il-fatt li jintużaw l-indikazzjonijiet ġenerali jew l-intestaturi ta’ klassi sħaħ previsti fil-Klassifikazzjoni ta’ Nice jikkostitwixxi speċifikazzjoni korretta tal-prodotti u tas-servizzi f’applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. L-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet jippermetti klassifikazzjoni u ragruppament korretti. L-[UASI] ma jipprekludix l-użu ta’ indikazzjonijiet ġenerali u ta’ intestaturi ta’ klassi mill-fatt li huma wisq vagi jew indefiniti, kuntrarjament għall-prattika ta’ ċerti uffiċċji nazzjonali tal-Unjoni Ewropea u ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ ċerti intestaturi ta’ klassi u ta’ ċerti indikazzjonijiet ġenerali.”

17      L-ewwel subparagrafu tal-punt IV tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 jipprovdi:

“L-34 klassi ta’ prodotti u l-11-il klassi ta’ servizzi jinkludu l-prodotti u s-servizzi kollha, u konsegwentement dak l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi għal klassi partikolari tikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi partikolari.”

 Id-dritt Ingliż

18      Id-Direttiva 89/104 ġiet trasposta fid-dritt Ingliż bil-Liġi tal-1994 dwar it-trade marks (Trade Marks Act 1994, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1994”).

19      B’mod konformi mal-Artikolu 32(2)(c) ta’ din il-liġi, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha b’mod partikolari tinkludi “l-indikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni”.

20      Skont l-Artikolu 34(1) tal-istess liġi:

“1.      Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, il-prodotti jew is-servizzi għandhom jiġu kklassifikati skont il-klassifikazzjoni stabbilita.

2.      Kull kwistjoni dwar il-klassi li jifformaw parti minnha l-prodotti jew is-servizzi għandha tiġi deċiża mir-Registrar, li d-deċiżjoni tiegħu ma hijiex appellabbli.”

21      Il-Liġi tal-1994 hija kkompletata bir-Regolament dwar it-trade marks (Trade Mark Rules 2008) li jittratta l-prattika u l-proċedura quddiem l-Uffiċċju tal-proprjetà intelletwali tar-Renju Unit (UKIPO). Skont ir-regola 8(2)(b) ta’ dan ir-Regolament, l-applikant għandu jispeċifika l-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sabiex tintwera b’mod ċar in-natura tagħhom.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Fis-16 ta’ Ottubru 2009, is-CIPA ressqet talba għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “IP TRANSLATOR” bħala trade mark nazzjonali abbażi tal-Artikolu 32 tal-Liġi tal-1994. Sabiex tidentifika s-servizzi kkonċernati minn din ir-reġistrazzjoni, is-CIPA użat it-termini ġenerali tal-intestatura tal-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, jiġifieri “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet sportivi u kulturali”.

23      B’deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2010, ir-Registrar ċaħad din it-talba fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkorrispondu għall-Artikolu 3(1)(b) u (c) u (3) tad-Direttiva 2008/95. Fil-fatt, ir-Registrar interpreta l-applikazzjoni msemmija b’mod konformi mal-Komunikazzjoni Nru 4/03 u kkonkluda li din kienet tkopri mhux biss servizzi tat-tip speċifikat mis-CIPA, iżda anki kull servizz ieħor li jifforma parti mill-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, inklużi s-servizzi ta’ traduzzjoni. Għal dawn l-aħħar servizzi, id-denominazzjoni “IP TRANSLATOR”, min-naħa waħda, hija nieqsa minn karattru distintiv u, min-naħa l-oħra, għandha karattru deskrittiv. Barra minn hekk, ma teżisti l-ebda prova li s-sinjal verbali “IP TRANSLATOR” kien kiseb, qabel id-data tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, karattru distintiv permezz tal-użu f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ traduzzjoni. Is-CIPA lanqas ma talbet sabiex dawn is-servizzi jiġu esklużi mill-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni tat-trade mark.

24      Fil-25 ta’ Frar 2010, is-CIPA ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn sostniet li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ma kinitx tindika, u għalhekk ma kinitx tkopri s-servizzi ta’ traduzzjoni li jifformaw parti mill-imsemmija klassi 41. Għal din ir-raġuni, l-oġġezzjonijiet għar-reġistrazzjoni mressqa mir-Registrar huma żbaljati u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ġiet miċħuda b’mod żbaljat.

25      Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li s-servizzi ta’ traduzzjoni ma humiex normalment ikkunsidrati bħala sottokategoriji tas-servizzi ta’ “edukazzjoni”, ta’ “taħriġ”, ta’ “divertiment”, ta’ “attivitajiet sportivi” jew ta’ “attivitajiet kulturali”.

26      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minbarra l-lista alfabetika tal-prodotti u tas-servizzi li tinkludi 167 entrata li jsemmu fid-dettall is-servizzi tal-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, id-database amministrata mir-Registrar għall-finijiet tal-Liġi tal-1994 tinkludi iktar minn 2 000 entrata li jsemmu fid-dettall is-servizzi li jifformaw parti mill-imsemmija klassi 41, u d-database Euroace, amministrata mill-UASI għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), tinkludi iktar minn 3 000.

27      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm l-approċċ tar-Registrar kien korrett, dawn l-entrati kollha, inklużi s-servizzi ta’ traduzzjoni, huma koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-CIPA. F’dan il-każ, din l-applikazzjoni tkopri prodotti jew servizzi li ma humiex imsemmija fiha u lanqas f’xi reġistrazzjoni li tirriżulta minnha. Fil-fehma tagħha, tali interpretazzjoni tkun inkompatibbli mal-ħtiġijiet ta’ ċarezza u preċiżjoni li permezz tagħhom għandhom jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi differenti koperti minn applikazzjoni għal trade mark.

28      Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll investigazzjoni mwettqa fl-2008 mill-Association of European Trade Mark Owners (Marques), li wriet li l-prattika tvarja skont l-Istati Membri peress li ċerti awtoritajiet kompetenti japplikaw l-approċċ interpretattiv stabbilit mill-Komunikazzjoni Nru 4/03, filwaqt li oħrajn jadottaw approċċ differenti.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, The Person Appointed by the Lord Chancellor under Section 76 of the Trade Marks Act 1994, on Appeal from the Registrar of Trade Marks, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Fil-kuntest tad-Direttiva 2008/95 […]:

1)      Huwa neċessarju li d-diversi prodotti jew servizzi koperti b’appplikazzjoni għal trade mark ikunu identifikati bi kjarezza u preċiżjoni, u, jekk iva, sa liema punt preċiżament?

2)      Huwa permissibbli l-użu ta’ termini ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-klassifikazzjoni [ta’ Nice] sabiex jiġu identifikati d-diversi prodotti jew servizzi koperti b’applikazzjoni għal trade mark?

3)      Huwa neċessarju jew permessibbli li tali użu ta’ termini ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-imsemmija klassifikazzjoni […] jiġi interpretat skont il-Komunikazzjoni Nru 4/03 […]?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

30      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-UASI jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li din għandha karattru artifiċjali, b’tali mod li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tkun irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Il-Kummissjoni Ewropea wkoll tesprimi dubji fir-rigward tal-bżonn reali tar-reġistrazzjoni inkwistjoni.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C‑83/91, Ġabra p. I‑4871, punt 22, u tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 65). 

32      Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2003, Traunfellner, C‑421/01, Ġabra p. I‑11941, punt 37; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 25, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, Ġabra p. I‑4629, punt 36).

33      Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet effettivament ippreżentata u li r-Registrar irrifjutaha, minkejja li dan ma segwiex il-prassi abitwali tiegħu. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tirrispondi b’mod effettiv għall-bżonn oġġettiv inerenti għas-soluzzjoni ta’ kawża pendenti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 38). 

34      Minn dan isegwi li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

35      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din teżiġi li l-prodotti u s-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark ikunu identifikati b’ċertu livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni msemmija, id-Direttiva 2008/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi li l-applikant għat-trade mark nazzjonali jidentifika l-prodotti u s-servizzi msemmija billi juża l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice u li l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestaturi tal-klassijiet partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice jitqies bħala pretensjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha li jiffurmaw parti minn din il-klassi partikolari.

36      Qabel kollox għandu jitfakkar li l-għan tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark, hekk kif inhu speċifikat fil-premessa 11 tad-Direttiva 2008/95, huwa b’mod partikolari dak li tiżgura l-funzjoni tal-oriġini tagħha, jiġifieri li tiżgura lill-konsumatur jew lill-untent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat mit-trade mark, biex b’hekk ikun jista’ jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott jew servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 28; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, Ġabra p. I‑11737, punti 34 u 35, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, Ġabra p. I‑4893, punt 45).

37      Isegwi li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark għandha dejjem tintalab fir-rigward ta’ ċerti prodotti jew servizzi. Għalkemm ir-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal f’applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha l-iskop li tiddefinixxi l-għan eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark (ara s-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48), il-portata ta’ din il-protezzjoni hija ddeterminata min-natura u min-numru tal-prodotti u tas-servizzi li huma identifikati fl-applikazzjoni msemmija.

 Fuq ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni għall-identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi

38      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/95 ma tirregola direttament il-kwistjoni tal-identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

39      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-determinazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali hija kwistjoni li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/95.

40      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li mill-premessa 6 tad-Direttiva 2008/95 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-libertà kollha li jiffissaw id-dispożizzjonijiet tal-proċedura b’mod partikolari fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade marks (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, C‑418/02, Ġabra p. I‑5873, punt 30, u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C‑246/05, Ġabra p. I‑4673, punt 26), xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-determinazzjoni tan-natura u tal-kontenut tal-prodotti u tas-servizzi li jistgħu jkunu protetti minn trade mark irreġistrata ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet relattivi għall-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, iżda taħt il-kundizzjonijiet sostantivi għall-kisba tad-dritt mogħti mit-trade mark (sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

41      F’dan ir-rigward, il-premessa 8 tad-Direttiva 2008/95 tenfasizza li t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jippresupponi li l-ksib tad-dritt fuq it-trade mark irreġistrata huwa fil-prinċipju suġġett, fl-Istati Membri kollha, għall-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punt 122, u tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, Ġabra p. I‑8701, punt 31).

42      Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni għall-identifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi kkunsidrati minn applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95 tiddependi ħafna fuq il-kwistjoni jekk il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati minn trade mark irreġistrata humiex indikati b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed.

43      B’mod partikolari, il-kwistjoni jekk it-trade mark tidħolx jew le taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade marks jew ta’ nullità tat-trade marks irreġistrati stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95 għandha tiġi evalwata in concreto fil-konfront tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenzi Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C‑239/05, Ġabra p. I‑1455, punt 31).

44      Bl-istess mod, ir-raġunijiet ulterjuri għal rifjut jew għal nullità li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-direttiva msemmija jippreżupponu l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks konfliġġenti.

45      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm ma huwiex neċessarju li s-servizz jew servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġu msemmija b’mod konkret, peress li l-identifikazzjoni tagħhom tista’ tkun biżżejjed bl-użu ta’ formoli ġenerali, min-naħa l-oħra l-applikant għandu jkun meħtieġ li jispeċifika l-prodotti jew it-tipi ta’ prodotti kkonċernati minn dawn is-servizzi permezz ta’, pereżempju, indikazzjonijiet oħra iktar preċiżi. Fil-fatt, tali dettalji jistgħu jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-artikoli tad-Direttiva 2008/95 msemmija fil-punti preċedenti, mingħajr madankollu ma tiġi limitata ħafna l-protezzjoni mogħtija lit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 sa 51).

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-reġistrazzjoni tat-trade mark f’reġistru pubbliku għandha l-għan li tagħmilha aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-pubbliku, b’mod partikolari għall-operaturi ekonomiċi (sentenzi Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, Ġabra p. I‑6129, punt 28).

47      Minn naħa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jafu b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed il-prodotti jew is-servizzi koperti minn trade mark sabiex ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-eżami preliminari tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-pubblikazzjoni u taż-żamma ta’ reġistru xieraq u preċiż tat-trade marks (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sieckmann, punt 50, kif ukoll Heidelberger Bauchemie, punt 29).

48      Min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jiżguraw irwieħhom, b’ċarezza u preċiżjoni, mir-reġistrazzjonijiet magħmula jew mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati mill-kompetituri attwali u potenzjali tagħhom u b’hekk li jibbenefikaw minn informazzjoni rilevanti li tikkonċerna d-drittijiet ta’ terzi persuni (sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Sieckmann, punt 51, kif ukoll Heidelberger Bauchemie, punt 30).

49      Konsegwentement, id-Direttiva 2008/95 teżiġi li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark jiġu identifikati mill-applikant b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, fuq din il-bażi biss, jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mitluba.

 Fuq l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice

50      Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2008/95 ma fiha ebda riferenza għall-Klassifikazzjoni ta’ Nice u, konsegwentement, ma timponi ebda obbligu u lanqas projbizzjoni fuq l-Istati Membri li jużaw il-Klassifikazzjoni ta’ Nice għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali.

51      Madankollu, l-obbligu li jintuża dan l-istrument jirriżulta mill-Artikolu 2(3) tal-Ftehim ta’ Nice li jipprovdi li l-amministrazzjonijiet kompetenti tal-Istati tal-Unjoni partikolari, li jinkludi l-kważi totalità tal-Istati Membri, għandhom juru fit-titoli u fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks in-numri tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice li jappartjenu għalihom il-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata.

52      Peress li l-Ftehim ta’ Nice ġie adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u peress li d-Direttiva 2008/95, skont il-premessa 13 tagħha, ma hijiex intiża sabiex tolqot l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma tipprekludix li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeżiġu jew jaċċettaw li l-applikant għal trade mark nazzjonali jidentifika l-prodotti u s-servizzi li fil-konfront tagħhom jitlob il-protezzjoni tat-trade mark billi juża l-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

53      Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-Direttiva 2008/95 u l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks, tali identifikazzjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa minn din id-direttiva, hekk kif ikkonstatat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li xi wħud mill-indikazzjonijiet ġenerali li jinsabu fl-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice huma, minnhom infushom, ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi li jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark, filwaqt li oħrajn ma jistgħux jissodisfaw dan ir-rekwiżit peress li huma ġenerali wisq u jkopru prodotti jew servizzi wisq varjati sabiex ikunu kompatibbli mal-funzjoni tal-oriġini tat-trade mark.

55      Għalhekk, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jagħmlu evalwazzjoni każ b’każ, skont il-prodotti jew is-servizzi li għalihom l-applikant jitlob il-protezzjoni mogħtija mit-trade mark, sabiex jiddeterminaw jekk dawn l-indikazzjonijiet jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa.

56      Konsegwentement, id-Direttiva 2008/95 ma tipprekludix l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark, sakemm tali identifikazzjoni tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi li jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mitluba.

 Fuq il-portata tal-protezzjoni li tirriżulta mill-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari

57      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li huwa possibbli li ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew għat-totalità tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, jew għal xi wħud biss minn dawn il-prodotti jew servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112).

58      Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-preżent jeżistu żewġ approċċi fir-rigward tal-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, jiġifieri l-approċċ li jikkorrispondi għal dak li jirriżulta mill-Komunikazzjoni Nru 4/03, li tgħid li l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestaturi ta’ klassi partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice jikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi partikolari, u l-approċċ litterali intiż sabiex jagħti t-tifsira naturali u abitwali lit-termini użati f’dawn l-indikazzjonijiet.

59      F’dan ir-rigward, il-parti l-kbira tal-partijiet preżenti waqt is-seduta osservaw, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-eżistenza, fl-istess ħin, ta’ dawn iż-żewġ approċċi tista’ taffettwa l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ trade marks tal-Unjoni. B’mod partikolari, ġie enfasizzat li ż-żewġ approċċi jistgħu jwasslu għal diverġenza fil-portata ta’ protezzjoni ta’ trade mark nazzjonali jekk din tiġi rreġistrata f’diversi Stati Membri, iżda wkoll fil-konfront tal-istess trade mark jekk din tiġi rreġistrata wkoll bħala trade mark Komunitarja. Tali diverġenza tista’ tolqot, fost oħrajn, ir-riżultati ta’ proċediment ta’ vjolazzjoni, peress li din jista’ jkollha iktar suċċess fl-Istati Membri li jsegwu l-approċċ tal-Komunikazzjoni Nru 4/03.

60      Barra minn hekk, is-sitwazzjoni fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tiddependi mill-approċċ interpretattiv adottat mill-awtorità kompetenti u mhux mir-rieda effettiva tal-applikant tirriskja li tikser iċ-ċertezza legali kemm għall-imsemmi applikant kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi terzi.

61      Għalhekk, bil-għan li josserva r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, imsemmija iktar ’il fuq, l-applikant għal trade mark nazzjonali li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark, għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu tirrigwardax il-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika tal-klassi partikolari kkonċernata jew jekk tirrigwardax biss lil xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkun tirrigwarda biss lil xi wħud mill-prodotti jew servizzi msemmija, l-applikant ikun marbut li jispeċifika liema prodotti jew servizzi li jiffurmaw parti minn din il-klassi huma koperti.

62      Applikazzjoni għal reġistrazzjoni li ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk, bl-użu tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, l-applikant jirreferix għall-prodotti kollha f’din il-klassi jew għal parti minnhom biss, ma tistax titqies bħala ċara u preċiża biżżejjed.

63      Għalhekk, fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk is-CIPA, meta użat l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura tal-klassi 41 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, speċifikatx fl-applikazzjoni tagħha jekk din kinitx tkopri jew le s-servizzi kollha ta’ din il-klassi u, b’mod partikolari, jekk l-applikazzjoni tagħha kinitx tirrigwarda jew le s-servizzi ta’ traduzzjoni.

64      Għaldaqstant, ir-risposti għad-domandi li saru għandhom ikunu fis-sens li:

–        id-Direttiva 2008/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li din teżiġi li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark jiġu identifikati mill-applikant b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, fuq din il-bażi biss, jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark;

–        id-Direttiva 2008/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark, sakemm tali identifikazzjoni tkun ċara u preċiża biżżejjed;

–        l-applikant għal trade mark nazzjonali li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark, għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu tirrigwardax il-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi jew jekk tirrigwardax biss lil xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkun tirrigwarda biss lil xi wħud mill-prodotti jew servizzi msemmija, l-applikant ikun marbut li jispeċifika liema prodotti jew servizzi li jiffurmaw parti mill-klassi msemmija huma koperti.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandha tiġi interpretata fis-sens li din teżiġi li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark jiġu identifikati mill-applikant b’ċarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, fuq din il-bażi biss, jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark.

Id-Direttiva 2008/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassijiet tal-klassifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, adottat fil-konferenza diplomatika ta’ Nice fil-15 ta’ Ġunju 1957, rivedut l-aħħar f’Genève fit-13 ta’ Mejju 1977 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979, sabiex jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni permezz tat-trade mark sakemm tali identifikazzjoni tkun ċara u preċiża biżżejjed.

L-applikant għal trade mark nazzjonali li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-klassifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tal-imsemmi Ftehim ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni tiegħu tirrigwardax il-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi jew biss lil xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkun tirrigwarda biss lil xi wħud mill-prodotti jew servizzi msemmija, l-applikant ikun marbut li jispeċifika liema prodotti jew servizzi li jiffurmaw parti mill-klassi msemmija huma koperti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.