Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi) fil-11 ta’ Marzu 2020 – European Pallet Association eV vs PHZ BV

(Kawża C-133/20)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiz

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: European Pallet Association eV

Konvenuta: PHZ BV

Domandi preliminari

(a) Invokazzjoni utli għall-Artikolu 13(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja 1 jirrikjedi li l-kummerċjalizzazzjoni sussegwenti tal-prodotti ta’ trademark ikkonċernati tippreġudika jew tista’ tippreġudika waħda jew iktar mill-funzjonijiet […] (indikazzjoni ta’ provenjenza u l-funzjoni ta’ garanzija tal-kwalità kif ukoll ta’ komunikazzjoni, investiment u ta’ reklamar) tat-trade mark?

(b) fil-każ fejn il-punt (a) tal-ewwel domanda għandu jiġi rispost fl-affermattiv, ir-rekwiżit inkwistjoni jiżdied ma’ dak tal-eżistenza ta’ “raġunijiet leġittimi”?

(c) Preġudizzju għal funzjoni waħda jew iktar ta’ din it-trade mark imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel domanda huwa dejjem suffiċjenti sabiex l-invokazzjoni għall-Artikolu 13(2) tkun utli?

2)    (a) Jista’ jitqies b’mod ġenerali li proprjetarju ta’ trade mark jista’, abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, jopponi kummerċjalizzazzjoni sussegwenti ta’ prodotti taħt it-trade mark tiegħu, meta dawn il-prodotti jissewwew minn persuni li ma humiex il-proprjetarji tat-trade mark jew persuni li lilhom ikun ta kunsens għal dan l-iskop?

    (b) Fil-każ fejn il-punt (a) tat-tieni domanda għandu jiġi rispost fin-negattiv, l-eżistenza ta’ “raġunijiet leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, wara tiswija minn terzi ta’ prodotti mqiegħda fis-suq permezz ta’ jew bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark hija dipendenti fuq in-natura tal-prodotti jew fuq in-natura tat-tiswija mwettqa […], jew fuq ċirkustanzi oħra, bħal ċirkustanzi partikolari bħal dawk tal-każ preżenti […]?

3)    (a) L-oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja għall-kummerċjalizzazzjoni sussegwenti ta’ prodotti msewwija minn terzi hija eskluża meta jkun sar użu minn din it-trade mark b’mod li ma jistax ikun hemm l-impressjoni li teżisti rabta ekonomika bejn il-proprjetarju tat-trade mark (jew detenturi ta’ liċenzja tiegħu) u l-parti li twettaq il-kummerċjalizzazzjoni sussegwenti tal-prodotti, pereżempju meta bit-tneħħija tat-trade mark u/jew bl-ittikkettjar supplimentari tal-prodotti, ikun jidher ċar wara t-tiswija li din ma tkunx twettqet bil-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark jew tad-detentur tal-liċenzja tiegħu?

    (b) It-tweġiba dwar il-kwistjoni jekk it-trade mark tistax titneħħa b’mod faċli, mingħajr ma dan jippreġudika l-kapaċità teknika jew l-utilità prattika tal-prodotti, għandha importanza f’dan ir-rigward?

4)     Il-fatt li hija kwistjoni ta’ trade mark kollettiva fis-sens tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja għandu importanza għar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preċedenti u, jekk dan huwa l-każ, f’liema rigward?

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).