Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 minn Silver Plastics GmbH & Co. KG u minn Johannes Reifenhäuser Holding GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-11 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-582/15, Silver Plastics GmbH & Co. KG u Johannes Reifenhäuser Holding GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-702/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti:

Silver Plastics GmbH & Co. KG (rappreżentanti: M. Wirtz u S. Möller, Rechtsanwälte)

Johannes Reifenhäuser Holding GmbH & Co. KG (rappreżentant: C. Karbaum, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.    tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura t-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi mill-ġdid;

2.    sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda t-tieni appellanti, kif ukoll tnaqqas l-ammont tal-multa imposta f’dak li jirrigwarda l-ewwel appellanti;

3.    sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq l-appellanti in solidum;

4.    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell kif ukoll għal dawk tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 6(3) TUE, l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-prinċipju ta’ immedjatezza.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball proċedurali meta naqset, minkejja t-talbiet repetuti tal-appellanti, milli ssejjaħ bħala xhud u tisma’ lil W fil-preżenza fiżika tiegħu, is-sors essenzjali tat-talba għal klemenza tal-kompetitur L, li ttieħdet inkunsiderazzjoni bi spejjeż għall-appellanti. Barra minn hekk, hija qieset li d-dikjarazzjonijiet ta’ W, ippreżentati bil-miktub mill-appellanti u li jopponu ruħhom għat-talba għal klemenza, ma kinux ġeneralment kredibbli, mingħajr is-smigħ ta’ W f’dan ir-rigward. Skont il-prinċipju ta’ immedjatezza tal-ġbir ta’ provi, il-Qorti Ġenerali kellha ssejjaħ lil W u tagħmillu mistoqsijiet (immedjatament) fil-preżenza fiżika tiegħu f’dan ir-rigward.

Bit-tieni aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju stabbilit fl-Artikolu 6(1) [moqri flimkien mal-Artikolu 3(d)] tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Minkejja li huma għamlu talba f’dan is-sens b’mod repetut, il-Qorti Ġenerali rrifjutat it-talba tal-appellanti sabiex hija tagħmel mistoqsijiet fuq bażi kontradittorja lil W fil-kwalità tiegħu ta’ sors rilevanti għat-talba għal klemenza invokata kontrihom. Mingħajr l-għoti ta’ possibbiltà ta’ konfrontazzjoni, l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn W fit-talba għal klemenza hija vvizzjata bi żball proċedurali. Il-Qorti Ġenerali tibbaża l-kundanna tal-appellanti essenzjalment fuq dawn id-dikjarazzjonijiet, mingħajr ma hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

Bit-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu ksur tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet skont l-Artikolu 6(3)(d) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball proċedurali meta naqset, minkejja talbiet repetuti tal-appellanti, milli tisma’ lil W fil-kwalità tiegħu ta’ xhud tad-difiża, meta waqt il-proċedura ta’ multa preċedenti, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ W, fil-kwalità tiegħu ta’ sors rilevanti għat-talba għal klemenza, mingħajr ma l-appellanti kienu jafu, u bl-esklużjoni ta’ dawn tal-aħħar, u mingħajr ma ġew stabbiliti l-minuti. Ir-rifjut li jinstemgħu fil-preżenza fiżika tagħhom xhieda oħra tad-difiża proposti mill-appellanti jikser ukoll il-garanzija tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

Bir-raba’ aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut, għaliex huma ma jifhmux (i) minn fejn il-Qorti Ġenerali tiddeduċi (billi tikkonfermaha) parteċipazzjoni f’kuntatti allegatament antikompetittivi, (ii) għalfejn il-Qorti Ġenerali tqis li d-dikjarazzjonijiet (bil-miktub) ta’ W li jiskaġunaw ma humiex kredibbli, u (iii) għal liema raġunijiet speċifiċi l-Qorti Ġenerali tirrifjuta li tikkonċedi konfrontazzjoni.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod eċċessiv li jeżisti ksur uniku u kontinwu.

Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma pparteċipawx matul il-perijodu preżunt kollu tal-ksur fl-aġir antikompetittiv f’dak li jirrigwarda l-oqsma kollha tal-prodotti. Madankollu, l-ammont tal-multa kkonfermat mill-Qorti Ġenerali ġie kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-oqsma kollha tal-prodotti għall-perijodu preżunt kollu tal-ksur.

Bis-sitt aggrravju, l-appellanti jsostnu ksur tal-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta assumiet li l-appellanti kienu jifformaw unità ekonomika u, għaldaqstant, żbaljat fil-liġi meta inkludiet id-dħul mill-bejgħ tal-ewwel appellanti fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, minkejja li l-appellanti kienu spjegaw għalfejn it-tieni appellanti ma kinitx teżerċita influwenza determinanti fuq l-ewwel appellanti, u b’hekk ġiet ikkonfutata l-preżunzjoni ta’ unità ekonomika adottata mill-Qorti Ġenerali.

Bis-seba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-kalkolu tal-ammont tal-multa huwa żbaljat fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għaliex il-Qorti Ġenerali inkludiet b’mod żbaljat fl-imsemmi kalkolu d-dħul mill-bejgħ ta’ ex sussidjarja tat-tieni appellanti. L-ammont tal-multa jaqbeż għaldaqstant il-limitu legali ta’ 10 % td-dħul mill-bejgħ tal-impriża mmultata.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).