Language of document : ECLI:EU:F:2009:43

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

30 ta’ April 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni tal-Parlament – Ammissibbiltà – Proċedura prekontenzjuża – Artikolu 283 KE – Artikolu 78 tal‑Kondizzjonijiet tal-impjieg – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ugwaljanza fit-trattament – Stabbiltà ta’ impjieg – Direttiva 1999/70 – Kuntratti għal żmien determinat – Invokabbiltà”

Fil-Kawża F‑65/07

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA,

Laleh Aayhan, residenti fi Strasbourg (Franza), u 79 ex membru ieħor tal‑persunal awżiljarju ta’ sessjoni li l-ismijiet tagħhom jidhru fl-anness, irrappreżentati minn R. Blindauer, avukat,

rikorrenti

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat inizjalment minn M. Mustapha-Pacha u R. Ignătescu, bħala aġenti, sussegwentement minn R. Ignătescu u S. Seyr, bħala aġenti,

konvenut

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Boruta u S. Van Raepenbusch (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Ġunju 2007, L. Aayhan u 79 ex membru ieħor tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“AHCC”), tal-20 ta’ April 2007, li tiċħad l-allegat “ilment” tagħhom tad-19 ta’ Diċembru 2006, li jfittex li l-kuntratti sussegwenti, għal żmien determinat, konklużi minn kull wieħed minnhom mal-Parlament ikunu kkunsidrati bħala kuntratt wieħed għal żmien indeterminat, part-time, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu integrati mill-ġdid fi ħdan il-Parlament u sabiex huma jibbenefikaw minn kumpens “li jirrappreżenta” d-dritt għal leave mħallas miksub għall-perijodi kollha maħduma.

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej

2        Skont it-tieni frażi tal-Artikolu 52, tal-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), “[l]-ebda persunal awżiljarju ġdid ma jkun imqabbad biex jaħdem wara l-31 ta’ Diċembru 2006”.

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi:

“Il-persunal awżiljarju għandu jkun intitolat għall-leavemħallsa bir-rata ta’ jumejn xogħol għal kull xahar ta’ servizz; kull perjodu ta’ anqas minn15-il ġurnata jew nofs xahar servizz ma jaagħti l-ebda intitolament għal leave.”

4        L-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jinsab fit-Titolu III “Persunal awżiljari”, jipprovdi:

“B’mod ta’ deroga mid-disposizzjonijiet ta’ dan it-Titolu, il-persunal awżiljarju mqabbad mill-Parlament Ewropew għat-tul taż-żmien tax-xogħol tas-seduti tiegħu jkun suġġett għll-kondizzjonijiet tr-reklutaġġ u r-remunerazzjoni mniżżla bi qbil bejn il-Parlament, il-Kunsill taa’ l-Ewropa u l-Assemblea ta’ l-Unjoni Ewropea tal-Punent dwar l-ingaġġ tat-tali persunal.

Id-disposizzjonijiet ta’ dak il-ftehim u kull emenda ta’ wara tiegħu għandhom ikunu notifikati lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-estimi xahar qabel id-dħul fisseħħ tagħhom.

L-istess kondizzjonijiet għar-reklutaġġ u r-remunerazzjoni applikati għall-interpreti tal-konferenzi mqabbda mill-Parlament Ewropew għandhom jgħoddu għall-persunal awżiljarju mqabbad mill-Kummissjoni bħala interpreti tal-konferenzi f’isem l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità.

Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jgħoddu sal-31 ta’ Diċembru 2006, mil-liema data l-persunal ikkonċernat jkun suġġett għall-kondizzjonijiet imniżżla skond il-proċedura riferuta fl-Artikolu 90.”

5        L-Artikolu 90 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jinsab fil-Kapitolu 5 “Disposizzjonijiet speċjali għall-membri tal-persunal bil-kuntratt riferuti fl-artikolu 3b” tat-Titolu IV “Persunal bil-kuntratt”, jipprovdi:

“B’mod ta’ deroga mid-disposizzjoni ta’dan it-titolu, interpreti tal-konferenzi ngaġġati mill-Parlament […] jew ingaġġati mill-Kummissjoni f’isem l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-kondizzjonijiet imniżżla fil-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1999 bejn il-Parlament […], il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Komunitajiet Ewropej], f’isem l-istituzzjonijiet, minn naħa waħda, u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-professjoni, min-naħa l-oħra.

L-emendi ta’ dak il-Ftehim meħtieġa bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) [Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130], għandhom ikunu adottati qabel il-31 ta’ Diċembru 2006 skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 78. L-emendi għal dak il-Ftehim wara l-31 ta’ Diċembru 2006 għandhom ikunu adottati bil-ftehim bejn l-istituzzjonijiet.”

6        Skont l-Artikolu 91 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jinsab fil-Kapitolu 6 “Kondizzjonijiet tax-xogħol” tal-istess Titolu IV “Persunal bil-kuntratt”, “L-Artikoli 16 sa 18 għandhom japplikaw b’analoġija”. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’mod partikolari fir-rigward taż-żmien tax-xogħol jirreferi b’mod partikolari għall-Artikoli “55 sa 61 tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Komunitajiet Ewropej]”, bl-Artikolu 55a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jirreferi huwa stess, f’dak li jirrigwarda r-regoli li jirregolaw ix-xogħol part-time, għall-Anness IVa tal-Istatut, fejn it-tielet sentenza tat-tielet paragragu tal-Artikolu 1 jipprovdi:

“Ix-xogħol part-time ma jistax ikun anqas minn nofs il-ħin normali tax-xogħol.”

2.     Il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat

7        Jirriżulta essenzjalment mit-tieni u mit-tielet paragrafu tal-Preambolu kif ukoll mill-punti 6 sa 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), li:

–        il-partijiet għall-ftehim qafas jirrikonoxxu li, minn naħa, il-kuntratti għal żmien indeterminat huma, u jibqgħu jkunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg billi jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u jtejbu l-atteġġjament, iżda li, min-naħa l-oħra, il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġijiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema;

–        il-ftehim qafas jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ żmien determinat, billi b’mod partikolari jistabbilixxu, qafas ġenerali biex jiżguraw ugwaljanza fit-trattament għal ħaddiema għal żmien determinat billi jipproteġuhom kontra kull diskriminazzjoni kif ukoll sabiex jiġi pprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal żmien determinat, li jirreferi lura għall-Istati Membri u l-imsieħba soċjali sabiex jistabbilixxu l-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji u ħtiġijiet, sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet speċifiċi nazzjonali, tas-setturi u ta’ xogħlijiet ta’ natura staġjonali;

–        skont il-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas, l-użu ta’ kuntratti tal-impjieg għal żmien determinat ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi jikkostitwixxu mod kif jiġi pprevenut l-abbuż għad-dannu tal-ħaddiema.

8        Skont il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, dan għandu bħala għan:

“a)      li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)      li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

9        Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas tistabbilixxi:

“1. Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġijiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2. L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Ir-rikorrenti huma kollha ex membri tal-persunal awżiljarju li ħadmu numru ta’ drabi mal-Parlament, kull darba taħt kuntratt għal żmien determinat, matul il-perijodu ta’ xogħol tas-sessjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, sabiex jipprovdu servizzi ta’ superviżjoni fi crèche, ta’ kura tat-tfal, ta’ tajpista, ta’ tekniku, ta’ kok, ta’ għalliem tal-lingwi, ta’ superviżjoni ma’ kamra tal-ilbies, ta’ ġarr, ta’ messaġġier, ta’ fotokopjar, ta’ assistent u oħrajn.

11      Quddiem il-possibbiltà li l-Parlament jirrikorri mill-1 ta’ Jannar 2007, għal persunal temporanju għall-bżonnijiet tiegħu ta’ riżorsi umani matul il-perijodi ta’ sessjoni, l-avukat tar-rikorrenti, fit-18 ta’ Settembru 2006, indirizza ittra lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal”, fejn ressaq numru ta’ lmenti fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli sa dakinhar fir-rigward tal-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tal-kuntratti tagħhom u tad-dritt għal-leave mħallas, kif ukoll fir-rigward tal-intenzjoni tal-Parlament li jibdel mill-1 ta’ Jannar 2007, il-kuntratti ta’ ex membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni f’kuntratti ta’ xogħol temporanju. L-avukat tar-rikorrenti kkonkluda billi talab li l-kuntratti tagħhom ta’ membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni għal żmien determinat jiġu kklassifikati f’kuntratti ta’ membri tal-persunal għal żmien indeterminat, part-time (b’mod iktar preċiż, għal kwart tal-ħin), skont l-Artikoli 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li l-klijenti tiegħu jibbenefikaw b’mod retroattiv minn leave mħallas u li jintemmu r-relazzjonijiet kuntrattwali kollha mal-kumpannija li l-Parlament kienet ser tirrikorri għaliha sabiex tipprovdiha bi persunal temporanju.

12      Wara li ltaqa’ mal-avukat tar-rikorrenti fid-9 ta’ Ottubru 2006, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” wieġeb, permezz tal-ittra tas-26 ta’ Ottubru sussegwenti, essenzjalment dan li ġej, li kien impossibbli li jitqabbdu l-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni bħala membri tal-persunal b’kuntratt, skont l-Artikoli 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u li l-użu tal-ħaddiema temporanji, sabiex jiġi żgurat li s-sessjonijiet fi Strasbourg (Franza) jiffunzjonaw tajjeb, kien skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll skont id-dritt Franċiż.

13      Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqu l-allegat ilment mid-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2006 li tiċħad it-talba tat-18 ta’ Settembru 2006, fejn jitolbu lill-AHCC li jibdel din id-deċiżjoni u, “konsegwentement, [li jikkunsidra l-kuntratti] kollha għal [żmien determinat] li rabtu lir-rikorrenti mal-Parlament […] f’[kuntratt wieħed għal żmien indeterminat], li jmur lil hinn mill-1 ta’ Jannar 2007, [li jiġu integrati mill-ġdid dawn il-membri] kollha [tal-persunal permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat] […] [u, li jagħtu] lil kull rikorrenti għall-perijodi kollha maħduma minn mindu bdew fil-kariga tagħhom kumpens li jirrappreżenta d-dritt għal leave mħallas miksub”.

14      Fl-20 ta’ April 2007, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” wieġeb, wara li kklassifika mill-ġdid l-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2006 bħala “talba”, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma setax jilqa’ din it-talba.

15      Fil-21 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti ressqu lment mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-20 ta’ April 2007.

16      Bid-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007, l-AHCC ċaħad dan l-ilment.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Novembru 2007, il-Parlament qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tar-rikors, bl-applikazzjoni, skont il-Parlament, tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni Euratom tal-Kunsill, 2004/752/KE, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2006, L 153M, p. 84), sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan ta’ l-aħħar.

18      Permezz ta’ ittra li waslet fit-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-21 ta’ Jannar 2008 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fl-24 ta’ Jannar 2008), ir-rikorrenti ressqu osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

19      Bid-digriet tat-13 ta’ Marzu 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ordna li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Parlament tiġi inkluża mal-mertu, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 78(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli mill-1 ta’ Novembru 2007, jiġifieri data li hija qabel il-preżentata ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

20      Ir-rikorrenti jitolbu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-20 ta’ April 2007 adottata mill-Parlament fir-rigward tal-ilment tagħhom tad-19 ta’ Diċembru 2006.

Konsegwentement:

–        li l-kuntratti kollha għal żmien determinat li kienu jorbtuhom mal-Parlament jiġu kkwalifikati mill-ġdid f’kuntratt wieħed għal żmien indeterminat;

–        jgħid li l-Parlament għandu l-obbligu li jerġa jintegrahom fis-servizz abbażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat;

–        jaqta’ u jiddeċiedi li l-membri tal-persunal tal-Parlament imsejħa bħala awżiljarji ta’ sessjoni għandhom id-dritt, għall-perijodi kollha maħduma mill-bidu tal-impjieg tagħhom, għal kumpens li jirrappreżenta d-dritt għal leave mħallas miksub mix-xogħol li għamlu;

–        jordna l-Parlament iħallas lil kull rikorrenti s-somma ta’ EUR 2 000 bħala spejjeż ta’ proċeduri li ma jistgħux jiġu rkuprati;

–        jikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

21      Il-Parlament jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara bħala manifestament inammissibbli l-allegat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni;

–        jiddikjara li r-rikors għal annullament mhux fondat;

–        jiċħad bħala inamissibbli t-talba tar-rikorrenti li tikkwalifika mill-ġdid l-kuntratti kollha għal żmien determinat li kienu jorbtuhom mal-Parlament f’kuntratt wieħed għal żmien indeterminat;

–        jiċħad bħala inammissibbli t-talba sabiex dawn il-membri kollha tal-persunal jiġu integrati fis-servizz abbażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat;

–        jiċħad bħal mhux fondat it-talba sabiex ir-rikorrenti jingħataw kumpens li jirrappreżenta d-dritt għal leave mħallas;

–        jiddikjara inammissibbli t-talba għal ħlas lil kull rikorrenti tas-somma ta’ EUR 2 000 bħala ‘spejjeż ta’ proċeduri’ tagħhom “li ma jistgħux jiġu rkuprati”;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

22      Permezz tar-rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-21 ta’ Jannar 2008 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fit-28 ta’ Jannar ta’ wara), ir-rikorrenti b’mod partikolari talbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007 li tiċħad l-ilment tagħhom tas-27 ta’ Ġunju 2007 (kawża rreġistrata bir-referenza F‑10/08).

23      Matul is-seduta, ir-rikorrenti ġew mistiedna mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippreżentaw l-aħħar kuntratt tagħhom bħala membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni milħuq mal-Parlament qabel ma’ ġie ppreżentat l-allegat ilment tagħhom fid-19 ta’ Diċembru 2006. Din it-talba ġiet issodisfatta permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-26 ta’ Novembru 2008 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fl-1 ta’ Diċembru 2008). Il-Parlament ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2008, data li fiha għalqet il-proċedura orali u li fiha bdew id-deliberazzjonijiet ta’ din il-kawża.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.     Argumenti tal-partijiet

24      Il-Parlament qies li r-rikors huwa manifestament inammissibbli.

25      Fil-fatt, skont il-Parlament, l-ewwel ittra tal-avukat tar-rikorrenti, bid-data tat-18 ta’ Settembru 2006, ma tikkostitwixxix għajr numru ta’ riflessjonijiet kollha flimkien fuq il-legalità tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni u fuq is-soluzzjoni li sab il-Parlament li sa mill-1 ta’ Jannar 2007 jagħmel użu minn ħaddiema temporanji.

26      Din l-ittra ma kien fiha l-ebda stedina speċifika u formali magħmula lill-AHCC sabiex jiddeċiedi fir-rigward tar-rikorrenti u tagħlaq billi tipproponi laqgħa mad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” sabiex dan jiġi diskuss. Din il-laqgħa seħħet fid-9 ta’ Ottubru 2006.

27      Ir-risposta tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal”, tas-26 ta’ Ottubru 2006, ma kinitx deċizjoni u kellha l-għan li fil-qasir tagħti l-pożizzjoni tal-Parlament fir-rigward tal-punti prinċipali li ħarġu matul din il-laqgħa.

28      Min-naħa l-oħra, l-ittra tar-rikorrenti tad-19 ta’ Diċembru 2006 kien fiha domandi speċifiċi u għandha tiġi kkwalifikata bħala talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u mhux ta’ lment, fin-nuqqas sa din id-data, ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-Parlament li tippreġudika lir-rikorrenti.

29      Konsegwentement, il-Parlament josserva, li r-rikorrenti kellhom d-dritt iressqu, fil-21 ta’ Ġunju 2007, ilment fir-rigward tad-deċiżjoni tal-AHCC tal-20 ta’ April 2007 li tiċħad din it-talba. Din it-talba ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tal-AHCC tal-25 ta’ Ottubru 2007.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien hemm lok li r-rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ġunju 2007, jiġi kkunsidrat bħala prematur, billi, f’din id-data, il-proċedura prekontenzjuża ma kinitx ġiet magħluqa, u għalhekk inammissibbli.

31      Il-Parlament jikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tat-talbiet tar-rikors fejn, minn naħa, il-kuntratti kollha għal żmien konklużi mir-rikorrenti mal-Parlament jiġu kkwalifikati mill-ġdid f’kuntratt wieħed għal żmien indeterminat u, min-naħa l-oħra, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jgħid li l-Parlament għandu l-obbligu li jerġa jintegra l-membri kollha tal-persunal fis-servizz abbażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat.

32      Skont il-Parlament, huwa biss l-AHCC li għandu s-setgħa li jikkonkludi kuntratt għal membru tal-persunal temporanju jew awżiljarju. Barra minn dan, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 230 KE, il-qorti Komunitarja ma tistax timponi ordni fuq l-istituzzjonijiet. Il-Parlament iżid li l-Artikolu 233 KE jipprovdi għal tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità ġudizzjarja u l-awtorità amministrattiva, fis-sens li huwa għall-istituzzjoni awtriċi tal-att annullat li tiddetermina l-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi sentenza għal annullament billi teżerċita, taħt il-kontroll tal-qrati Komunitarji, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha għal dan il-għan u dan waqt illi tirrispetta wkoll id-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza li għandha teżegwixxi kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

33      Fl-aħħar nett, matul is-seduta, il-Parlament ikkunsidra li r-rikors huwa wkoll inammissibbli minħabba li l-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju għal żmien determinat li jorbtu lir-rikorrenti mal-Parlament qatt ma ġew ikkontestati fit-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

34      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jqisu li l-ittra tat-18 ta’ Settembru 2006 tikkostitwixxi talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Huma madankollu jiddikjaraw li ppreżentaw rikors ġdid kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007 fil-każ fejn l-ittra tat-18 ta’ Settembru 2006 kellha tiġi kkwalifikata bħala talba.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

35      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ġuridika eżatta ta’ ittra jew nota fis-sens tal-Artikolu 90(1) għandha ssir esklużivament mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u mhux mir-rieda tal-partijiet (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Lulju 1993, Hogan vs Il‑Parlament, T‑115/92, Ġabra p. II‑895, punt 36 u tal-20 ta’ Awwissu 1998, Collins vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni, T‑132/97, ĠabraSP p. I‑A‑469 u II‑1379, punti 12 sa 16).

36      F’dan il-każ, huwa ċar li r-rikorrenti talbu, permezz tal-ittra tat-18 ta’ Settembru 2006, li, għal kull wieħed fosthom, il-kuntratti kollha tiegħu ta’ membru tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni jiġu kkwalifikati mill-ġdid bħala kuntratt ta’ membru tal-persunal b’kuntratt mingħajr żmien determinat, part-time, skont l-Artikoli 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens għal-leave mħallas għall-perijodi maħduma, u li jintemmu r-relazzjonijiet kuntrattwali kollha tagħhom mal-kumpannija li l-Parlament kienet ser tirrikorri għaliha. Ittra bħal din għandha tiġi kkwalifikata bħala talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

37      Iċ-ċirkustanza li din it-talba fiha stedina għal “diskussjoni” dwar il-każ mad-“direttut tar-riżorsi umani” tal-Parlament mhux ta’ natura li tikkontesta l-kwalifika ġuridika tagħha.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi kkwalifikata l-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2006 bħala lment mid-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2006 li tiċħad it-talba tat-18 ta’ Settembru 2006, billi dan l-ilment kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Awtorità tal-Ħatra, fl-20 ta’ April 2007.

39      It-tieni nett, huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk, bl-introduzzjoni ta’ talba, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti implementawx b’mod korrett il-proċedura amministrattiva preliminari, hekk kif stabbilita fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalihom jirreferi l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

40      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, quddiem deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li hija ta’ preġudizzju għal uffiċjal, dan, meta biħsiebu jitlob l-annullament, ir-riforma jew l-irtirar ta’ dan l-att, ma għandux jippreżenta talba, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda għandu juża’ l-proċedura ta’ lment, prevista fl-Artikolu 90(2) (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 1991, Weyrich vs Il‑Kummissjoni, T‑14/91, Ġabra p. II‑235, punti 32 u 34; tal-1 ta’ April 2003, Mascetti vs Il‑Kummissjoni, T‑11/01, ĠabraSP p. I‑A‑117 u II‑579, punt 33; is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta’ Ġunju 2006, Le Maire vs Il‑Kummissjoni, F‑27/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑47 u II‑A‑1‑159, punt 36).

41      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, permezz tat-talba tagħhom tat-18 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti riedu jiksbu mingħand l-amministrazzjoni, minn naħa, il-bdil tal-kuntratti tagħhom sussegwenti bħala membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni f’kuntratt wieħed ta’ membru tal-persunal b’kuntratt għal żmien indeterminat, permezz tal-Artikolu 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ kumpens għad-dannu subit minħabba li ma ngħatawx leave mħallas għall-perijodi maħduma fl-imgħoddi.

42      Fir-rigward tal-ewwel parti, il-Parlament essenzjalment sostna, matul is-seduta, li kien għar-rikorrenti li jagħmlu użu, fit-terminu, mill-proċedura ta’ lment, ipprovduta fl-Artikolu 90(2), tar-Regolamenti tal-Persunal, għallinqas fir-rigward tal-aħħar kuntratt tagħhom bħala membru tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni safejn dan ma ġiex konkluż għal żmien indeterminat.

43      Huwa minnu li normalment huwa mill-firma tiegħu li kuntratt ikollu effett. Għalhekk huwa mid-data li fih ġie ffirmat li għandu jiġi kkalkolat it-terminu sabiex jiġi ppreżentat ilment fiż-żmien stabbilit skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑137/99 u T‑18/00, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑639, punt 56). F’dan il-każ, kien għalhekk possibbli li r-rikorrenti formalment jippreżentaw ilment fir-rigward ta’ wieħed mill-aħħar kuntratti tagħhom bħala membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni billi dan ma kienx konkluż għal żmien indeterminat, u lanqas ma kien ibbażat fuq l-Artikoli 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

44      Madankollu, fid-dawl tan-natura tal-ilmenti mqajma mir-rikorrenti u tal-argumenti mressqa insostenn tagħhom, kif ukoll tal-perijodi ta’ attività, globali, magħmula fil-Parlament bħala membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni, kien possibbli għalihom, fid-dawl tas-sistema ta’ appelli kif stabbilita mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistiednu, inizjalment, lill-Parlament, permezz ta’ talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jeżerċita s-setgħa tiegħu ta’ evalwazzjoni fl-għarfien tal-ilmenti u tal-argumenti hekk imressqa u jieħu formalment deċiżjoni fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu kkwalifikati l-kuntratti kollha għal żmien indeterminat ikkontestati, deċiżjoni li sussegwentement tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ lment, u wara, skont il-każ, permezz ta’ rikors.

45      F’kull każ, li kieku kellha tintlaqa’, fir-rigward ta’ dan il-punt, l-opinjoni tal-Parlament, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imressaq fid-19 ta’ Diċembru 2006 mir-rikorrenti, jista’, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu, jiġi faċilment interpretat bħala li huwa dirett kontra l-aħħar kuntratti ta’ membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni, konklużi, matul it-tliet xhur preċedenti, bejn il-Parlament u r-rikorrenti, b’kopja ta’ dawn il-kuntratti tkun ġiet prodotta mir-rikorenti fuq talba tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-fatt li dawn il-kuntratti ġew prodotti fl-aħħar stadju tal-proċedura orali, mingħajr mal-konvenuta toġġezzjona għal dan, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-inammissibbiltà formali tar-rikors.

46      Fir-rigward tat-tieni parti tat-talba tat-18 ta’ Settembru 2006, billi t-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti joriġinaw fl-allegata mġieba ħażina tal-Parlament, billi dan tal-aħħar kien, għal snin twal, ċaħad lir-rikorrenti minn kull dritt ta’ leave mħallas, minħabba l-fatt li l-kuntratti ta’ membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni huwa ta’ żmien qasir ħafna, kien għar-rikorrenti li jistiednu lill-AHCC, billi jressqu talba konformi mal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jagħmlu tajjeb għall-allegat dannu u jekk neċessarju, ikomplu l-proċeduri permezz ta’ lment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba. Dan huwa eżattament dak li ġara f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza.

47      Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2006 li tiċħad it-talba tat-18 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), kemm f’dak li jirrigwarda t-talba ta’ kkwalifikar mill-ġdid, għal kull rikorrenti, tal-kuntratti sussegwenti ta’ membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni għal żmien indeterminat f’kuntratt ta’ membri tal-persunal b’kuntratt għal żmien indeterminat, skont l-Artikoli 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fejn jirrigwarda t-talba għal kumpens.

48      It-tielet u l-aħħar nett, huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-portata jew l-ammissibbiltà ta’ ċerti talbiet f’dan ir-rikors.

49      Ir-rikorrenti jitolbu lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        “[jannulla] d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-20 ta’ April 2007 adottata mill-Parlament [… għall]-ilment tagħhom tad-19 ta’ Diċembru 2006 […],

Konsegwentement:

–        li l-kuntratti kollha għal żmien determinat li kienu jorbtuhom […] mal-Parlament [… jiġu kkwalifikati] mill-ġdid f’kuntratt wieħed għal żmien indeterminat;

–        [jgħid] li l-Parlament […] għandu l-obbligu li jerġa jintegrahom fis-servizz abbażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat;

–        [jaqta’] u [jiddeċiedi] li l-membri tal-persunal tal-Parlament […] imsejħa bħala awżiljarji ta’ sessjoni għandhom id-dritt, għall-perijodi kollha maħduma mill-bidu tal-impjieg tagħhom, għal kumpens li jirrappreżenta d-dritt għal leave mħallas miksub mix-xogħol li għamlu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

50      Permezz tal-ewwel talba msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-20 ta’ April 2007 li tiċħad l-ilment tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, mill-amministrazzjoni jagħmlu parti integranti ta’ proċedura komplessa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, anki fejn formalment dirett kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandu l-effett li jitressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih l-ilment ġie ppreżentat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainkervs Il‑Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8, u tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punt 7; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Ottubru 1996, Capitanio vs Il‑Kummissjoni, T‑36/94, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1279, punt 33, u tas-7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punt 59). F’dan il-każ, ir-rikors għandu jkun ikkunsidrat bħala dirett kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2006 li tiċħad it-talba tar-rikorrenti tat-18 ta’ Settembru 2006.

51      Permezz tat-tieni u tat-tielet talba msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jitolbu fil-fatt lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jimponi ordni fuq l-istituzzjoni kkonċernata jew sabiex jiddeċiedi.

52      Fil-kuntest ta’ rikors imressaq skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qorti Komunitarja ma tistax tiddikjara jew tikkonstata jew timponi ordni fuq l-istituzzjonijiet, mingħajr ma tindaħal fil-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑156/89, Ġabra p. II‑407, punt 150, u tat-8 ta’ Ġunju 1995, P vs Il‑Kummissjoni, T‑583/93, ĠabraSP p. I‑A‑137 u II‑433, punti 17 u 18; id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta’ Mejju 2006, Voigt vs Il‑Kummissjoni F‑55/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑15 u II‑A‑1‑51, punt 25).

53      Għal dan il-għan hemm lok li t-tieni u t-tielet talba fuq imsemmija jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

54      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-raba’ talba, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jagħmilx għajr jirrepeti l-kontenut tat-tieni parti tat-talba tat-18 ta’ Settembru 2006, li tirrigwarda l-punti 36 u 46 ta’ din is-sentenza, kif miċħuda permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2006 li kontriha tressaq dan ir-rikors. Għalhekk ir-raba’ talba tikkoinċidi mal-ewwel waħda, hekk kif ippreċiżat iktar ’il fuq.

 Fuq it-talba għal annullament

1.     Argumenti tal-partijiet

55      Huwa neċessarju li jinftehmu l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħhom għal annullament bħala li huma bbażati fuq eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

56      Ir-rikorrenti jqisu li, bl-applikazzjoni lill-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni previsti fi ftehim konkluż bejn il-Parlament, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Assemblea tal-Unjoni tal-Ewropa tal-Punent (WEU; iktar ’il quddiem il-“ftehim”), l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kellu bħala effett li jeskludi din il-kategorija ta’ membri tal-persunal mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli għall-uffiċċjali kif ukoll għall-membri tal-persunal b’kuntratt u dawk awżiljarju, u wkoll li ma jkunux jaqgħu taħt kull sors ta’ dritt, kemm tal-istat jew tal-Komunità.

57      Jirriżulta minn dan, skont ir-rikorrenti, li matul is-snin, il-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni ħadmu f’sitwazzjoni fejn hemm lakuna fil-liġi.

58      Kien għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 283 KE, li jissuġġetta l-membri tal-persunal ikkonċernati għal Regolamenti tal-Persunal, anki jekk dawn kienu adattati sabiex jissodisfaw kundizzjonijiet partikolari tal-funzjonijiet tagħhom, iktar milli jeskluduhom għal kollox mir-Regolamenti tal-Persunal, hekk kif jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

59      Ir-rikorrenti jżidu li l-fatt li tissuġġetta d-destin ta’ madwar 300 membri tal-persunal għar-rieda ta’ tlieta min-nies li jimpjegawhom, anki jekk dawn kienu fis-settur pubbliku, hija aberrazzjoni ġuridika, billi l-ftehim bejn il-Parlament, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Assemblea tal-WEU mhux sors ta’ dritt. Dan il-ftehim jikkostitwixxi sors tad-dritt kuntrattwali biss safejn jikkonċerna r-rapporti ta’ dawn it-tliet istituzzjonijiet bejniethom, iżda mhux fejn jirrigwarda r-rapporti li dawn ikollhom mal-aġenti tagħhom. Il-ftehim la għandu valur leġiżlattiv, lanqas fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas valur ta’ kuntratt.

60      Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma japplikawx u fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, japplikaw il-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea.

61      Ir-rikorrenti f’dan ir-rigward jinvokaw, l-ewwel nett, il-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961, li tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ xogħol ekwi fir-rigward ta’ remunerazzjoni u ta’ siegħat ta’ xogħol u li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni.

62      F’dan ir-rigward, huma jsostnu, li l-unika differenza oġġettiva li tkun tista’ tiġi stabbilita bejn il-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni u ta’ kategoriji oħra ta’ membri tal-persunal impjegati b’kuntratt għal żmien indeterminat, huwa dak li jirriżulta mill-mod ta’ kif jaħdmu s-sessjonijiet plenarji tal-Parlament fi Strasbourg. Għalhekk, il-Parlament għandu d-dritt li jimpjega membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni għal ħamest ijiem biss f’xahar, minħabba fin-natura speċifika tal-funzjonijiet tagħhom. Iżda, ma jistax jimpjegahom taħt Regolamenti tal-Persunal li huma prekarji u li jissuġġettahom għar-rieda ta’ tlieta min-nies li jimpjegawhom, anki jekk dawn ikunu jaqblu bejniethom.

63      Il-Parlament għalhekk wettaq diskriminazzjoni bejn il-membri tal-persunal li jeżerċitaw l-istess tip ta’ funzjonijiet, billi xejn ma jiġġustifika oġġettivament din id-diskriminazzjoni u li l-Artikolu 283 KE ma jippermettix li tiġi eskluża kategorija ta’ membri tal-persunal mid-dritt li jkunu koperti mir-Regolamenti tal-Persunal.

64      Ir-rikorrenti jżidu li l-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni ġew impjegati f’pożizzjonijiet permanenti skont ċiklu partikolari ta’ xogħol u mhux f’pożizzjonijiet prekarji.

65      It-tieni nett, ir-rikorrenti jinvokaw il-Konvenzjoni Nru 111 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (OIX), rigward id-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u tal-professjoni, adottata fil-25 ta’ Ġunju 1958 u tal-Konvezjoni Nru 158 tal-OIX rigward il-waqfien mir-relazzjoni tax-xogħol fuq inizjattiva ta’ persuna li timpjega, adottata fit-22 ta’ Ġunju 1982, b’mod partikolari l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar konvenzjoni, fejn “[ħ]addiem qatt ma għandu jiġi mkeċċi mingħajr ma jkun jeżisti motiv validu għal tkeċċija marbut mal-kapaċità jew mal-kondotta tal-ħaddiem jew ibbażata fuq in-neċessitajiet tal-funzjonament tal-impriża, tal-istabbiliment jew tas-servizz” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

66      F’dan il-każ, il-Parlament, permezz tas-sistema li implementa fir-rigward tal-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni, huwa għall-inqas potenzjalment fil-pożizzjoni fejn ikun jista’ jkeċċi lil dawn il-membri tal-persunal malli jintemm kull kuntratt ta’ ħamest ijiet mingħajr dawn ma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn rikors effettiv quddiem qorti. Barra minn dan, l-użu ta’ riżorsi temporanji minn kumpannija esterna sabiex timla l-postijiet tagħhom, safejn dan jinvolvi l-waqfien tal-kuntratt ta’ impjieg mal-Parlament, jikkostitwixxi tkeċċija mingħajr motiv espress.

67      It-tielet nett, ir-rikorrenti jinvokaw il-ftehim qafas fejn jirriżulta, fit-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu, li l-kuntratti għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg bejn persuna li timpjega u l-ħaddiema. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li xogħol biss għal żmien indeterminat jiggarantixxi lill-ħaddiema sitwazzjoni vera ta’ dritt, ta’ stabbiltà ta’ impjieg u garanzija tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

68      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Lulju 1998, Gebhard vs Il-Parlament (T‑109/96, Ġabra p. II‑2785), ngħatat qabel id-Direttiva 1999/70 u ma għandhiex bħala suġġett ir-Regolamenti tal-Persunal tal-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni. Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza, l-impjiegi ta’ membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni ma jissodisfawx bżonnijiet speċifiċi.

69      Il-Parlament josserva li, permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jfittxu li jikkonfermaw li l-leġiżlatur Komunitarju naqas mill-obbligi tiegħu, kif stabbiliti fl-Artikolu 283 KE, li jistabbilixxi Regolamenti tal-Persunal speċifiċi għall-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni. Ir-rikors għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Skont il-Parlament, rikors bħal dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli għar-raġunijiet li ġejjin.

70      L-ewwel nett, ir-rikors kellu għallinqas ikun dirett kontra l-Kunsill, li skont l-Artikolu 283 KE, huwa l-leġiżlatur f’dan il-qasam.

71      It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tressiq ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni hija biss possibbli jekk in-nuqqas tal-istituzzjoni kkonċernata tkompli wara li ġiet mistiedna tieħu azzjoni, u għalhekk jekk l-isitituzzjoni tibqa’ siekta jew tipprovdi risposta temporanja. Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni hija eskluża meta l-istituzzjoni tieħu pożizzjoni differenti għal dik li ġiet mitluba lilha, u f’dan il-każ il-persuna kkonċernata tiddisponi mid-dritt li tressaq rikors għal annullament.

72      F’dan il-każ, billi l-Parlament, wara li ntbagħtet l-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2006 u wara li ġie ppreżentat l-ilment tal-21 ta’ Ġunju 2007, la baqa’ sieket u lanqas ipprovda risposta temporanja, l-unika soluzzjoni li kien għad fadal għar-rikorrenti kien li jressqu rikors għal annullament.

73      It-tielet nett, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ma huwiex ammissibbli, skont ir-raba paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ħlief jekk ir-rikorrenti huwa d-destinatarju tal-att. Għalhekk hemm bżonn, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li jiġi miċħud bħala inammissibbli rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni intiż sabiex tinkiseb dispożizzjoni ta’ natura ġenerali u leġiżlattiva u mhux att li jirrigwarda direttament u individwalment ir-rikorrenti.

74      F’dan il-każ, ir-rikors jirrigwarda l-adozzjoni tal-kondizzjonijiet tal-impjieg ġodda applikabbli għall-membri kollha tal-pesunal awżiljarju ta’ sessjoni.

75      Ir-raba’ nett, il-Parlament jiddubita li jista’ jittressaq rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1988, li tistabblixxi l-Qorti ta’ Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 181), il-kompetenza għal rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni mressaq kontra istituzzjoni minn persuni fiżiċi jew ġuridika hija tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Dan it-tqassim ta’ kompetenzi ma jidhirx li ġie emendat meta twaqqaf it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

76      Sussidjarjament, fil-każ fejn ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni huwa ddikjarat ammissibli mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Parlament iqis li ma kien hemm l-ebda nuqqas li tittieħed azzjoni min-naħa tal-leġiżlatur u li għalhekk ir-rikors għandu, jkun miċħud bħala mhux fondat. Fil-fatt, l-Artikolu 283 KE kien ikun implementat bl-adozzjoni, mill-Kunsill, tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li fih Artikolu 78 li speċifikament ikopri s-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal awżiljarji ta’ sessjoni.

77      L-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-awżiljarji ta’ sessjoni tqiegħdu f’żona fejn hemm lakuna fil-liġi hija mgiddba mill-fatti. Dawn il-membri tal-pesunal, skont il-Parlament, jagħmlu parti mill-kategorija ta’ membri tal-persunal awżiljarji koperti taħt it-Titolu III tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, ħlief għal dispożizzjonijiet derogatorji li jikkonċernaw ir-reklutaġġ u r-remunerazzjoni tagħhom, gawdew mid-drittijiet kollha u kienu suġġetti għall-obbligi kollha tal-membri tal-persunal awżiljarju: għalhekk, huma bbenefikaw mill-kopertura tas-sigurtà soċjali, ħlas ta’ taxxi u, jekk kienu jixtiequ dan, setgħu bħall-membri l-oħra tal-persunal awżiljarju, ikunu rreġistrati għall-assigurazzjoni f’każ ta’ qgħad.

78      Barra minn dan, fir-rigward tal-eċċezzjoni tal-illegalità mqajma mir-rikorrenti u bbażata fuq l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma’ ċerti strumenti internazzjonali, il-Parlament jiddubita l-ammissibbiltà ta’ din l-eċċezzjoni fin-nuqqas ta’ rabta ġuridika bejn id-deċiżjonijiet individwali kkontestati u l-att ġenerali li qed tiġi kkunsidrata l-illegalità tiegħu. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet individwali li huma s-suġġett ta’ rikors ġew ikkostitwiti mir-rifjut, tal-20 ta’ April 2007, tal-AHCC li jikkwalifikaw mill-ġdid il-kuntratti tar-rikorrenti. F’dan iż-żmien, ma kien għad hemm l-ebda rabta bejn din id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni u l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li ma huwiex iktar applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007.

79      Barra minn dan, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħala regoli adottati mil-leġiżlatur Komunitarju, huma applikkabbli fuq kulħadd, inklużi l-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, il-Parlament għandu jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fil-kuntest ta’ reklutaġġ ta’ membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni, waqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu li, skont il-ġurisprudenza, l-atti Komunitarji jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ validità sal-annullament tagħhom minn qorti Komunitarja jew sal-mument fejn din tal-aħħar ikkonstat l-illegalità tagħhom.

80      F’kull każ, il-Parlament josserva li r-rispett tal-osservanza tal-karta soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961, hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-konvenzjonijiet tal-OIX, u li dawn huma parti mid-dritt internazzjonali ġenerali, billi ma jikkostitwixxux sors tad-dritt Komunitarju, peress illi dawn il-konvenzjonijiet ma ġewx konklużi fuq livell Komunitarju. Billi l-Komunità ma hijiex marbuta b’dawn, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg mad-dispożizzjonijiet tagħhom. Barra minn dan, billi l-konvenzjonijiet invokati ma humiex parti mis-sistema legali Komunitarja, ma jistgħux jagħtu drittijiet lir-rikorrenti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Parlament.

81      Fl-aħħar nett, il-Parlament jinvoka s-sentenza Gebhard vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, fejn jirriżulta li “[l]-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jippermetti lill-istituzzjoni parlamentari tal-Komunitajiet Ewropej li jissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu ta’ riżorsi umani addizzjonali sabiex is-sessjonijiet tal-korpi differenti tiegħu jitmexxew tajjeb” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 41). Il-Parlament enfasizza li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li ma kienx jidher “li l-Parlament mar lil hinn mil-limiti tad-deroga mogħtija lilu mill-Kunsill fl-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, meta stabbilixxa, skont din id-dispożizzjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-interpreti ta’ sessjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 43).

82      Tali konklużjoni hija wkoll applikabbli għal-liġi li tirrigwarda l-awżiljarji ta’ sessjoni b’mod ġenerali, safejn id-deroga prevista fl-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tkopri lill-membri kollha tal-persunal awżiljarju mqabbda mill-Parlament għat-tul tal-perijodi ta’ sessjoni.

83      Il-Parlament iżid li s-sentenza Gebhard vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, ġiet ikkonfermata minn ġurisprudenza sussegwenti għad-Direttiva 1999/70 (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Alvarez Moreno vs Il-Parlament, T‑275/01, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑765, kif ukoll Garroni vs Il-Parlament, T‑276/01, ĠabraSP p. I‑A‑177 u II‑795; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ Diċembru 2006, André vs Il-Kummissjoni, F‑10/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑183 u II‑A‑1‑755).

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

84      Insostenn tar-rikors tagħhom għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata, safejn il-kuntratti kkontestati ma ġewx ikkwalifikati mill-ġdid f’kuntratti konklużi għal żmien indeterminat, part-time, u lanqas ibbażati fuq l-Artikoli 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-rikorrenti jressqu eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

85      Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jawtorizza eċċezzjoni mill-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal awżiljarju, hekk kif iddefinit fit-Titolu III tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li biha jippermetti lill-Parlament jillimita għat-tul tax-xogħol ta’ dawn is-sessjonijiet il-perijodu ta’ rabta tal-membri tal-persunal awżiljarju neċessarji għall-organizzazzjoni tagħhom. Fil-fatt, kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 1985 (Maag vs Il‑Kummissjoni, 43/84, Ġabra p. 2581, punt 19), fir-rigward tal-interpreti “freelance” impjegati mill-Kummissjoni, il-kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ membri tal-persunal awżiljarju ma jistgħux, fil-prinċipju, japplikaw għal rabtiet li kull waħda minnhom tkun għal żmien qasir, iżda li jirrepetu ruħhom b’mod frekwenti minn sena għal sena. Kien ikun l-istess, fin-nuqqas tad-deroga fl-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għall-irbit ta’ persuni għat-tul tas-sessjonijiet tal-Parlament biss.

86      Hekk kif sostniet ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha Gebhard vs Il‑Parlament (iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41), l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jippermetti lill-Parlament jissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu ta’ riżorsi umani addizzjonali sabiex is-sessjonijiet tal-korpi differenti tiegħu jitmexxew tajjeb. Għal dan il-għan, id-dispożizzjoni inkwistjoni tirreferi għall-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ preċedenti milħuqa, fir-rigward tal-persunal addizzjonali neċessarju sabiex ikunu ta’ assistenza għall-attivitajiet parlamentari, bejn tliet istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet Ewropej speċifikament interessati f’dan ir-rigward. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim, kif ukoll kull emenda ulterjuri tagħhom, għandhom jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet tal-baġit xahar qabel jiġu implementati.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex eċċezzjoni ta’ illegalità tkun ammissibbli, għandha teżisti rabta biżżejjed stretta bejn l-att individwali li huwa s-suġġett tal-kwistjoni u d-dispożizzjoni li kontriha l-eċċezzjoni hija mressqa, b’mod illi l-inapplikabbiltà ta’ waħda bilfors ikollha inċidenza fuq il-legalità tal-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Italja vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 32/65, Ġabra p. 563, 594, u tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kunsill vs Chvatal et, C‑432/98 P u C‑433/98 P, Ġabra p. I‑8535, punt 33).

88      F’dan il-każ, billi r-rikors kien intiż kontra r-rifjut tat-talba tar-rikorrenti, tat-18 ta’ Settembru 2006, sabiex il-kuntratti sussegwenti tagħhom ta’ membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni għal żmien determinat ikunu kkwalifikati mill-ġdid bħala kuntratt wieħed għal żmien indeterminat u part-time, skont l-Artikoli 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija ppreżentata bħala li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’mod illi l-illegalità ta’ dan l-Artikolu, bis-suppożizzjoni li din ġiet stabbilita għal xi raġuni kwalunkwe, bilfors għandu jkollha inċidenza fuq iċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti.

89      Madankollu, fil-każ fejn l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa illegali u għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli f’dan il-każ, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti ma tistax għaldaqstant, twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jekk il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jkun fihom l-ebda dispożizzjoni speċifika li tista’ tikkostitwixxi bażi legali adegwata sabiex tissodisfa t-talba tar-rikorrenti għall-ksib ta’ kuntratt għal żmien indeterminat u part-time. F’dan il-każ, ir-rikorrenti bbażaw għalhekk it-talba tagħhom fuq l-Artikoli 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għalhekk, anki jekk din il-kwistjoni tirrigwarda iktar ir-rilevanza u għalhekk il-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa mir-rikorrenti milli rigward l-ammissibbiltà tagħha, huwa utli, fl-istadju tal-eżami tagħha, li jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 3a u 3b jistgħux, prima facie, jikkostitwixxu l-bażi legali adegwata, imsemmija iktar ’il fuq, sabiex tiġi identifikata l-vera kwistjoni ta’ din il-kawża.

90      Skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa biss kuntratt ta’ membru tal-persunal termporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) jew (ċ), jew ta’ membru tal-persunal b’kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 3a, li jista’ jiġi konkluż għal żmien indeterminat skont il-kundizzjonijiet previsti rispettivament fl-Aritkoli 8 u 85 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Ir-rikorrenti ma jistgħux manifestament jippretendu li jiksbu kuntratt fis-sens tal-Artikolu 2(ċ), tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jipprovdi għall-impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju sabiex jassisti persuna li teżerċita funzjonijiet previsti mit-Trattati. Għalhekk lanqas ma jistgħu, minħabba fin-natura tas-servizzi li jipprovdu, intiżi sabiex jissodisfaw bżonnijiet intermittenti u għal perijodi qosra ħafna, li jirrepetu minn xahar għal xahar, jitolbu l-pożizzjoni ta’ membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li, fl-amministrazzjoni Komunitarja jokkupa impjieg permanenti “inkluż fil-lista tal-pożizzjonijiet tal-persunal annessa fit-taqsima tal-baġit relatat għal istituzzjoni partikolari” u, kif ukoll enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Maag vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 17), ma huwiex konsistenti mad-dmirijiet tal-persunal addizzjonali.

91      L-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jippermetti wkoll il-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien indeterminat u part-time, min-naħa l-oħra, jikkunsidra r-rabta ta’ membru tal-persunal, mhux assenjat għal impjieg “inkluż fil-lista tal-posizzjonijiet mehmuża mat-taqsima ta’ l-estimi relatati ma’ l-istituzzjoni kkonċernata”, sabiex, b’mod partikolari, “[jitwettqu] kompiti ta’ servizz manwali jew amministrattiv”. Ma jistax jiġi mill-ewwel eskluż, fil-każ fejn l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandu jiġi eskluż minħabba li illegali, li r-rikors għall-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jista’ jissodisfa t-talba tar-rikorrenti li jingħataw kuntratt għal żmien indeterminat u għal kwart tal-ħin ta’ xogħol.

92      Madankollu l-Parlament isostni li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal, li referenza għalih issir fl-Artikolu 55a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal b’kuntratt (bħala membri tal-persunal temporanju), skont l-Artikoli 16 flimkien mal-Artikolu 91 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-ħin ta’ xogħol part-time ta’ membru tal-persunal b’kuntratt ma jistax ikun inqas għal nofs il-ħin ta’ xogħol full-time. Din id-dispożizzjoni għalhekk teskludi, f’kull każ, il-possibbiltà għall-Parlament li jikkonkludu kuntratti għal membri tal-persunal b’kuntratt għal kwart tal-ħin tax-xogħol mal-persunal assenjat biss għal xogħol matul il-perijodi ta’ sessjoni.

93      Din l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, l-Artikolu 55a tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-metodu ta’ applikazzjoni tiegħu jinsab f’dan l-Anness, jirrigwarda biss it-trattament ta’ talba ta’ uffiċjal sabiex jingħata l-awtorizzazzjoni li jaħdem part-time. Dan ma jirregolax il-kundizzjonijiet li fihom istituzzjoni tista’ tieħu l-inizjattiva li tikkonkludi kuntratt part-time minħabba fin-natura stess tal-attività koperta minn dan.

94      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa mir-rikorrenti għandha mhux biss l-għan li tikkontesta l-legalità tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, iżda li jaf ikollha wkoll il-konsegwenza, minħabba fl-inapplikabbiltà ta’ dan l-Artikolu, li twassal lill-Parlament, sabiex jissodisfa l-bżonnijiet intermittenti u speċifiċi tiegħu ta’ riżorsi umani addizzjonali, għall-perijodu kollu tas-sessjonijiet tiegħu, sabiex jagħmel użu minn soluzzjonijiet oħra ta’ natura kuntrattwali, li fosthom ma jistax jiġi eskluż, l-ewwel nett, li jirrikorri għall-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

95      Quddiem rabta kkunsidrata stretta biżżejjed bejn id-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, u l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, min-naħa l-oħra, li fir-rigward tagħha tressqet l-eċċezzjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa ammissibbli li r-rikorrenti jikkontestaw indirettament il-legalità tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

 Fuq il-fondatezza tal-eċċezzjoni tal-illegalità

96      Fil-kuntest tal-eċċezzjoni tagħhom ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-leġiżlatur Komunitarju naqas milli jadotta regoli speċifiċi, għall-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni, adatti għall-kundizzjonijiet partikolari tad-dmirijiet tagħhom, u li naqas milli jistabbilixxi Regolamenti tal-Persunal, waqt illi rrefera biss għal ftehim kuntrattwali konkluż bejn il-Parlament, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Assemblea tal-WEU. Għalhekk ir-rikorrenti nżammu f’sitwazzjoni fejn hemm lakuna fil-liġi u f’relazzjoni ta’ xogħol prekarja, għalkemm ġew irreklutati sabiex jissodisfaw bżonnijiet permanenti għalkemm intermittenti. Għalhekk, l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa illegali għal motivi differenti:

–        l-ewwel nett, il-leġiżlatur Komunitarju jkun għalhekk ċeda r-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward tar-Regolamenti tal-Persunal, bi ksur tal-Artikolu 283 KE;

–        it-tieni nett, saret diskriminazzjoni, bejn minn naħa, il-membri tal-persunal li bbenefikaw minn kondizzjonijiet tal-impjieg komplut u stabbli u, min-naħa l-oħra, il-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni, bi ksur tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961, u tal-Konvenzjoni Nru 111 tal-OIX u,

–        it-tielet nett, ippreġudikat l-istabbiltà tal-impjieg li r-rikorrenti kellhom d-dritt jistennew, bi ksur tal-Konvenzjoni Nru 158 tal-OIX u tad-Direttiva 1999/70.

 Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 283 KE

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni jaqgħu taħt it-Titolu III tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg dwar il-membri tal-persunal awżiljarju, li jista’ jiġi dderogat f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tagħhom ta’ reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni, li huma pprovduti fil-ftehim. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Titolu III, b’mod partikolari dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u tas-sigurtà soċjali, jibqgħu japplikaw, indipendentement mir-regoli interni speċifiċi, adottati mill-uffiċċju jew mis-segretarju ġenerali tal-Parlament u intiżi għall-implementazzjoni jew sabiex ikunu ta’ suppliment għar-regoli tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

98      Għalhekk jidher, li sal-31 ta’ Diċembru 2006, il-persunal impjegat mill-Parlament sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tiegħu ta’ riżorsi umani matul il-perijodi ta’ sessjoni kienu ċertament koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għalhekk huwa ineżatt li jingħad li l-leġiżlatur Komunitarju naqas milli jiżgura r-responsabbiltajiet leġiżlattivi tiegħu fil-qasam tar-Regolamenti tal-Persunal.

99      Iċ-ċirkustanza li l-leġiżlatur, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-pesunal awżiljarju ta’ sessjoni, irrefera għall-ftehim ma jindikax li naqas milli jeżerċita l-kompetenza lilu mogħtija mill-Artikolu 283 KE sabiex jistipula r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għall-kuntrarju, huwa preċiżament fit-twettiq ta’ din il-kompetenza li l-Kunsill, meta ħa inkunsiderazzjoni l-interessi u l-bżonnijiet komuni tat-tliet organizzazzjonijiet Ewropej sabiex is-sessjonijiet tal-korpi differenti tagħhom jitmexxew tajjeb, qies li għandu jġib il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal irreklutati għall-perijodu ta’ xogħol tas-sessjonijiet tal-Parlament ma dawk miftiehma bejn it-tliet istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet inkwistjoni, suġġett għall-stħarriġ baġitarju msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. L-istess ftehim, li għalih jirreferi l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, xorta ma għandhux jikser regola għola ta’ dritt Komunitarju, li hija ħaġa li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fir-rigward ta’ lmenti oħra mressqa mir-rikorrenti.

100    Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-ilment imressaq mill-ksur tal-Artikolu 283 KE ma huwiex sostnut mill-fatti u konsegwentement għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

101    Fir-rigward tal-ilment imressaq mill-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, hekk kif iggarantit mill-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961, u l-Konvenzjoni Nru 111 tal-OIX, għandu jitfakkar li, mingħajr ma hemm il-bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq l-applikabbiltà u l-portata taż-żewġ instrumenti internazzjonali invokati mir-rikorrenti, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jikkostitwixxu prinċipji fundamentali tas-sistema legali Komunitarja.

102    Skond ġurisprudenza stabbilia, hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt tagħhom ma jkollhom ebda differenza essenzjali, jirċievu trattament differenti waqt ir-reklutaġġ tagħhom u li dan it-trattament ma huwiex oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2001, Gevaert vs Il‑Kummissjoni, C‑389/98 P, Ġabra p. I‑65, punt 54; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 1994, La Pietra vs Il‑Kummissjoni, T‑100/92, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑275, punt 50; tas-16 ta’ April 1997, Kuchlenz-Winter vs Il‑Kummissjoni, T‑66/95, Ġabra p. II‑637, punt 55, u tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punt 129; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2007, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, T‑415/06 P, Ġabra p. I-B-1-7, II-B-1-41, punt 52).

103    Is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal irreklutati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet intermittenti u speċifiċi tal-Parlament, għall-perijodu kollu tas-sessjonijiet tiegħu biss, ma huwiex paragunabbli ma’ dak ta’ membri tal-persunal irreklutati sabiex jirrispondu għall-bżonnijiet kontinwi u ta’ kuljum, li jirrikjedu l-preżenza ta’ persunal magħmul minn uffiċjali u, skont il-każ, membri tal-persunal temporanju jew membri tal-persunal b’kuntratt fis-sens tal-Artikoli 3a jew 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

104    Għandu jingħad ukoll li ma huwiex possibbli li jiġu kkontestati d-differenzi eżistenti fir-Regolamenti tal-Persunal bejn il-kategoriji differenti ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet billi kull waħda minn dawn il-kategoriji tista’ tgawdi minn vantaġġi li ma humiex mogħtija lill-oħrajn. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ kull kategorija ta’ membri tal-persunal tikkorrispondi għall-bżonnijiet leġittimi tal-amministrazzjoni Komunitarja u n-natura tad-dmirijiet li hija għandha twettaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1983, Celant et vs Il‑Kummissjoni, 118/82 sa 123/82, Ġabra p. 2995, punt 22; digriet De Smedt vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

105    B’mod partikolari, billi tiġi stabbilita kategorija speċifika tal-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni, il-Kunsill għamel użu mill-libertà tiegħu li jirregola b’mod speċifiku din il-kategorija ta’ membri tal-persunal fir-rigward tal-bżonnijiet partikolari tal-Parlament u tan-natura tad-dmirijiet li għandu jwettaq, bl-istess mod kif għamel użu minn din il-libertà fir-rigward tal-kategorija speċifika tal-interpreti ta’ konferenza, li wkoll jistgħu jissejħu sabiex jaħdmu għal perijodi qosra u sabiex jissodisfaw bżonnijiet ta’ natura intermittenti, jew ukoll okkażjonali.

106    L-ilment li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq l-istabbiltà tal-impjieg

107    L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li tiġi ppreġudikata l-istabbiltà tal-impjieg, billi l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jippermetti lill-Parlament li jkeċċi membru tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni meta jintemm kull kuntratt, b’mod li jċaħħdu minn kull forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn persuna li timpjega u ħaddiem ikkostitwita mill-kuntratti għal żmien indeterminat, fil-fatt twassal, sabiex wieħed jistaqsi jekk hemmx regola jew prinċipju ta’ dritt għola li jobbliga lill-Parlament, meta jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ tal-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni, li jirrikorru għal relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat, iżda part-time.

108    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw:

–        minn naħa, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Nru 158 tal-OIX, li jipprovdi li “[ħ]addiem qatt ma għandu jiġi mkeċċi mingħajr ma jkun jeżisti motiv validu għal tkeċċija marbut mal-kapaċità jew mal-kondotta tal-ħaddiem jew ibbażata fuq in-neċessitajiet tal-funzjonament tal-impriża, tal-istabbiliment jew tas-servizz” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        min-naħa l-oħra, il-ftehim qafas u, b’mod partikolari, it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu u l-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, minn fejn jirriżulta li l-kuntratti għal żmien indeterminat jikkostitwixxu “l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg bejn min iħaddem u l-ħaddiema”, li jipprovdi stabbiltà tal-impjieg, meta huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huma suxxettibbli li jissodisfaw il-bżonnijiet kemm tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema.

109    L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Nru 158 tal-OIX, bħala tali, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ billi minnu nniffsu, ma jagħtix tweġiba dwar jekk il-Parlament għandu jew ma għandux id-dritt li jikkonkludi kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju għal perijodu ta’ sessjoni parlamentari waħda. Fil-fatt, jekk ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv, l-iskadenza ta’ kull kuntratt għal żmien determinat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tkeċċija, billi din għandha tkun speċifikament konnessa mal-kapaċità jew mal-imġieba tal-membru tal-persunal jew anki mal-bżonnijiet operazzjonali tal-Parlament, billi din tindika t-tmiem ta’ kuntratt minħabba li ntemm il-perijodu tiegħu.

110    Fir-rigward tal-argument li jirriżulta mill-ksur tal-ftehim qafas, l-eżami tiegħu jwassal sabiex l-ewwel tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-invokabbiltà tad-Direttiva 1999/70 fir-rigward ta’ istituzzjoni Komunitarja.

–       Invokabbiltà tad-Direttiva 1999/70 minn uffiċjal jew membru tal-persunal fir-rigward ta’ istituzzjoni Komunitarja

111    L-ewwel nett għandu jitqies li d-Direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet tal-Komunità. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas anness miegħu ma humiex konsegwentement ikkunsidrati bħala tali li jimponu obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-rapporti tagħhom mal-persunal tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, Ġabra p. I‑8349, punt 24; sentenza ta-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il‑Kunsill, T‑495/04, Ġabra p. II‑781, punt 43).

112    Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax teskludi l-invokabbiltà ta’ kull direttiva fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom.

113    Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu, l-ewwel nett, jiġu indirettament imposti fuq istituzzjoni jekk jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju li jkollha tapplika bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rinke, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 28, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).

114    F’din il-kawża, l-istabbiltà tal-impjieg, għalkemm ikkunsidrat bħala element ewlieni tal-protezzjoni tal-ħaddiema (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p I‑9981, punt 64, u tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. II‑341, punt 87), madankollu ma jikkostitwixxix prinċipju ġenerali tad-dritt li fid-dawl tiegħu tista’ tiġi evalwata l-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni. B’mod partikolari, bl-ebda mod ma jirriżulta mid-Direttiva 1999/70 u mill-ftehim qafas li l-istabbiltà tal-impjieg sar regola ta’ dritt vinkolanti. Barra minn dan, il-premessi 6 u 7 tad-Direttiva, kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-preambolu u l-ħames premessa tal-ftehim qafas inniffsu jenfasizzaw fuq il-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà.

115    L-istabbiltà tal-impjieg jikkostitwixxi, min-naħa l-oħra, għan imfittex mill-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas li l-klawżola 1(b) tiegħu tiddisponi li dan għandu bħala għan “li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

116    It-tieni nett, direttiva tista’ wkoll torbot istituzzjoni meta hija tkun, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal, trid twettaq obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew fil-każ fejn att intern ta’ applikazzjoni ġenerali jirreferi espressament huwa stess għall-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur Komunitarju fl-applikazzjoni tat-trattati. Għalhekk, l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjali “għandhom jingħataw l-kondizzjonijiet tax-xogħol, konformi ma’ l-istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà, mill-anqas ekwivalenti għall-ħtiġijiet minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati f’dawn l-oqsma skond it-Trattati”. Din l-aħħar dispożizzjoni hija applikabbli, b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju u għall-membri tal-persunal b’kuntratt skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 u l-Artikolu 80(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

117    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 1999/70 ma għandhiex bħala għan li ttejjeb il-post tax-xogħol billi strettament iżżid il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, iżda li tapprossima l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol dwar it-tul tar-relazzjonijiet professjonali.

118    It-tielet nett, u f’kull każ, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE jobbliga mhux biss l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht, C‑262/97, Ġabra p. I‑7321, punt 38), iżda jimponu wkoll fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali lejn l-Istati Membri (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Frar 1983, Il-Lussemburgu vs Il‑Parlament, 230/81, Ġabra p. 255, punt 37; tal-14 ta’ Mejju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑383/00, Ġabra p. I‑4219, punt 18; tas-26 ta’ Novembru 2002, First u Franex, C‑275/00, Ġabra p. I‑10943, punt 49; tal-4 ta’ Marzu 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑344/01, Ġabra p. I‑2081, punt 79, u tal-20 ta’ Ottubru 2005, Ten Kate Holding Musselkanaal et, C‑511/03, Ġabra p. I‑8979, punt 28), u bejn l-istess istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 1995, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑65/93, Ġabra p. I‑643, punt 23).

119    Għal dan il-għan, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jiżguraw, sa fejn huwa possibbli, il-koerenza bejn il-politika domestika tagħhom u l-azzjoni leġiżlattiva tagħhom fuq livell Komunitarju, b’mod partikolari, kif indirizzata lill-Istati Membri. Għalhekk, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw, bħala persuni li jimpjegaw, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li b’mod partikolari jimponu rekwiżiti minimi sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema fl-Istati Membri permezz ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali u, b’mod partikolari, ir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jagħmel mill-istabbiltà tal-impjieg għan ewlieni fil-qasam tar-relazzjonijiet tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan l-obbligu huwa iktar u iktar neċessarju peress li r-riforma amministrattiva, imwettqa bir-Regolament Nru 723/2004, rat żieda fit-tendenza lejn is-sistema ta’ kuntratti fis-servizz pubbliku Ewropew.

120    B’mod partikolari, fir-rigward tal-ftehim qafas, li jfittex li jressaq il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali billi jistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar ix-xogħol għal żmien determinat, huwa għalhekk neċessarju għall-Parlament, skont id-dmirijiet tiegħu ta’ bona fede, li safejn huwa possibbli jinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fid-dawl tat-test u tal-għan tal-ftehim qafas sabiex jintlaħaq l-għan li dan kien intiż jilħaq.

121    Fl-aħħar nett, il-konsegwenzi msemmija hawn fuq tal-obbligu ta’ bona fede jirriżulta wkoll f’dan il-każ minn ġurisprudenza stabbilita fejn, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ dan, iżda wkoll l-kuntest tiegħu l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 20, u tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; u s-sentenza ta-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punt 47). Għalhekk ma huwiex possibbli li istituzzjoni, fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg dwar it-tul tal-kuntratti, tonqos milli tosserva r-rekwiżiti minimi fuq ix-xogħol għal żmien determinat adottati fuq livell Komunitarju.

122    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, billi d-Direttiva 1999/70 ma tistax bħala tali tkun il-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward ta’ dispożizzjoni tar-Regolament tal-Kunsill, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jkun kuntrarju għall-ftehim qafas.

123    Madankollu, din id-direttiva u l-ftehim qafas li jimplementa, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u fil-limiti stabbiliti fil-punti 118 sa 121 iktar ’il fuq, jistgħu jiġu invokati mir-rikorrenti fir-rigward tal-Parlament biex, safejn huwa possibbli, tingħata interpretazzjoni tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg konformi mar-rekwiżiti previsti mill-ftehim qafas.

124    L-eżami tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas invokati mir-rikorrenti, diskussi hawn taħt, ma jippermettux f’kull każ li jiġi konkluż li l-Parlament kiser l-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, interpretat fid-dawl tal-għanijiet u tar-rekwiżiti minimi li fihom.

–       Fuq il-kontenut tal-ftehim qafas

125    L-ewwel nett, għandu jingħad li d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas għandhom jiġu applikati għall-kuntratti u relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra tas-settur pubbliku (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 54; tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punt 39, u Vassallo, C‑180/04, Ġabra p. I‑7251, punt 32).

126    F’dan ir-rigward, il-ftehim qafas jitlaq mill-premessa li tgħid li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, filwaqt li tirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti okkupazzjonijiet u attivitajiet (ara l-punti 6 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas; sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

127    Konsegwentement, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa kkunsidrat bħala element importanti fil-protezzjoni tal-ħaddiema (ara s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64) filwaqt li, huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet kemm tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema (ara t-tieni paragrafu tal-preambolu u l-punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas; sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

128    Minn dan il-lat, il-ftehim qafas huwa intiż sabiex ikopri l-użu suċċessiv ta’ din l-aħħar kategorija ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, ikkunsidrata bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-dannu tal-ħaddiema, billi jipprovdi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet protettivi minimi intiżi sabiex jevitaw il-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-persuni impjegati (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

129    Għalhekk, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas huwa speċifikament intiż sabiex “jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss”.

130    Għal dan il-għan, din il-klważola timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jintroduċu fis-sistemi legali tagħhom waħda jew iktar mill-miżuri elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tagħha, sakemm ma jkunux diġà jeżistu fl-Istat Membru kkonċernat dispożizzjonijiet legali ekwivalenti intiżi sabiex jipprekludu b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65). Min-naħa l-oħra, il-ftehim qafas ma stabbilixxix obbligu ġenerali tal-Istati Membri, li wara ċertu numru ta’ tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat jew li jintlaħaq ċertu perijodu ta xogħol, jipprovdu għat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat, u lanqas ma jipprovdu l-kundizzjonijiet preċiżi fejn dawn tal-aħħar jistgħu jiġu użati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91, kif ukoll Marrosu u Sardino, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

131    Fost il-miżuri elenkati fil-klawżola 5(1)(a) hemm ir-“raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet”.

132    Il-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas fil-fatt ikkunsidraw li l-użu tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mezz ta’ kif wieħed jipprevjeni l-abbuż (ara l-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas).

133    F’dan il-każ, jirriżulta mill-inkartament kollu li huma preċiżament ir-“raġunijiet oġġettivi” li essenzjalment huma invokati mill-Parlament sabiex jiġġustifikaw it-tiġdid tal-kuntratti tal-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni kull darba li ssir sessjoni parlamentari.

134    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Adeneler et (iċċitata iktar ’il fuq, punt 69) li l-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas għandu jinftiehem bħala li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari min-natura partikolari tax-xogħol li għat-twettiq tagħhom it-tali kuntratti kienu ġew konklużi u minn karatteristiċi inerenti tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

135    F’dan il-każ, il-Parlament ġustament qies li t-tiġdid tal-kuntratti kkontestati għal żmien determinat kien jissodisfa l-bżonn reali billi kien neċessarju sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu. Fil-fatt, ir-rikors għall-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, sal-1 ta’ Jannar 2007, ippermettilu jissodisfa l-bżonnijiet intermittenti u speċifiċi tiegħu ta’ riżorsi umani għall-perijodu kollu tas-sessjonijiet tiegħu biss. Huwa paċifiku li ż-żieda kunsiderevoli fl-attivitajiet tal-Parlament fi Strasbourg, matul perijodu limitat ta’ erba’ sa ħamest ijiem kull xahar, iwassal għal bdil notevoli tal-bżonnijiet tiegħu ta’ riżorsi umani, inkarigati minn xogħol speċifiku kif ukoll differenti, bħal dak ta’ superviżjoni fi crèche, ta’ kura tat-tfal, ta’ tajpista, ta’ tekniku, ta’ kok, ta’ għalliem tal-lingwi, ta’ traduttur, ta’ messaġġier, ta’ ġarr u oħrajn. Anki jekk dawn il-bidliet kienu prevedibbli, iż-żieda fl-attività ma kinitx għat-tul u permanenti. Ċirkustanzi bħal dawn setgħu, fid-dawl tal-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, jiġġustifikaw l-użu ta’ kuntratti sussegwenti ta’ membri tal-persunal awżiljarju għal żmien determinat.

136    Huwa minnu li hekk kif osservaw ir-rikorrenti, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-membru tal-persunal awżiljarju ma jibdix jikseb dritt għal leave mħallas għajr meta jkun laħaq perijodu ta’ minimu ta’ ħmistax-il ġurnata jew ta’ nofs xahar għal kull xahar ta’ servizz, b’mod li l-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni huma mċaħħda minn kull dritt għal leave minħabba fil-fatt li huma marbuta b’kuntratti għal żmien qasir ħafna, li huwa inqas mill-perijodu minimu.

137    Madankollu, ir-rikorrenti ma qajmu l-ebda eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għalhekk ma hemmx lok għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jeżamina din il-kwistjoni, għax inkella jmur lil hinn mil-limiti tal-kawża kif iddefinita mir-rikorrenti.

138    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa mir-rikorrenti fir-rigward tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma tistax tintlaqa billi ma kienx hemm nuqqsas mill-Parlament rigward il-portata ta’ dan l-Artikolu fid-dawl tad-Direttiva 1999/70. Konsegwentement, hemm lok li t-talba għal annullament tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba għal kumpens

1.     Argumenti tal-partijiet

139    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Parlament jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ kumpens għall-perijodi maħduma kif ukoll il-ħlas lil kull rikorrent tas-somma ta’ EUR 2 000 bħala spejjeż ta’ proċeduri “li ma jistgħux jiġu irkuprati”.

140    Il-Parlament iwieġeb li skont l-Artikolu 58 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-membru tal-persunal awżiljarju jibbenefika minn jumejn ta’ leave mħallas għal kull xahar ta’ servizz, bil-perijodi ta’ inqas minn ħmistax-il ġurnata jew ta’ nofs xahar ma jagħtux dritt għall-għoti tal-leave. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-membri tal-persunal awżiljarju ta’ sessjoni li jaħdmu l-iktar ħamest ijiem kull xahar, ma jistgħux jippretendu leave mħallas. Għalhekk ma hemmx lok li r-rikorrenti jingħataw kwalunkwe tip ta’ kumpens għal danni.

141    Barra minn dan, il-Parlament iqis li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura [tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku], il-proċedura quddiem dan tal-aħħar huma b’xejn. Dan ir-regolament madankollu ma jipprovdix il-possibbiltà sabiex il-parti li titlef tħallas għall-ispejjeż ta’ proċeduri “li ma jistgħux jiġu irkuprati”. Konsegwentement, it-talba għall-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż għandha għalhekk tiġi miċħuda.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

142    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Komunità tista’ tiġi kkunsidrata bħala responsabbli biss jekk jintlaħqu numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-allegata mġieba tal-istituzzjonijiet, id-dannu sofrut fil-fatt u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġieba u d-dannu allegatament invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il‑Kummissjoni, 111/86, Ġabra p. 5345, punt 30; sentenza ta-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Bories et vs Il‑Kummissjoni, T‑331/00 u T‑115/01, ĠabraSP p. I‑A‑309 u II‑1479, punt 192; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Ottubru 2007, Berrisford vs Il‑Kummissjoni, F‑107/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 109). Billi waħda mill-kundizzjonijiet ma hijiex sodisfatta, il-kumplament tar-rikors għal kumpens huwa miċħud, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

143    Fir-rigward tal-illegalità tal-imġieba kkontestata lill-Parlament, ir-rikorrenti fir-rikors tagħhom ma żviluppaw ebda argument ieħor għajr dak imressaq insostenn tal-eċċezzjoni tagħhom ta’ illegalità invokata fir-rigward tal-Artikolu 78 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fil-kuntest tat-talba għal annullament. Għalhekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 96 ta’ din is-sentenza, din l-eċċezzjoni hija essenzjalment ibbażata fuq tliet ilmenti, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 283 KE, dak tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-fatt li tiġi ppreġudikata l-istabbiltà tal-impjieg. L-eċċezjoni ta’ illegalità hijat miċħuda u ma jintlaqa’ l-ebda lment imressaq insostenn tiegħu.

144    Konsegwentement, it-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda billi r-rikorrenti naqqsu milli jistabbilixxu, hekk kif mitlub fil-liġi, l-illegalità tal-imġieba kkontestata lill-Parlament.

 Fuq l-ispejjeż

145    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tielet Titolu ta’ dawn ir-regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u dan minn mindu jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli tal-proċedura, jiġifieri l-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma rilevanti fuq dan il-qasam għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

146    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawza ghandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 88 tal-istess Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jkun deċiż illi kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Kanninen

Boruta

Van Raepenbusch

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ April 2009.

W. Hakenberg

 

      H. Kanninen

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja www.curia.europa.eu


Werrej

Il-kuntest ġuridiku

1.  Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej

2.  Il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

1.  Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq it-talba għal annullament

1.  Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

Fuq il-fondatezza tal-eċċezzjoni tal-illegalità

Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 283 KE

Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

Fuq l-istabbiltà tal-impjieg

–  Invokabbiltà tad-Direttiva 1999/70 minn uffiċjal jew membru tal-persunal fir-rigward ta’ istituzzjoni Komunitarja

–  Fuq il-kontenut tal-ftehim qafas

Fuq it-talba għal kumpens

1.  Argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq l-ispejjeż

ANNESS

Fid-dawl tan-numru kbir ta’ rikorrenti f’din il-kawża, l-ismijiet tagħhom ma humiex inklużi f’dan l-anness.


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.