Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2020 minn P. Krücken Organic GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-9 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-565/18, P. Krücken Organic GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-586/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: P. Krücken Organic GmbH (rappreżentant: H. Schmidt, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-565/18;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas is-somma ta’ EUR 216 740.02, flimkien mal-interessi moratorji mid-data tan-notifika tar-rikors bir-rata annwali ta’ 8 % iktar mir-rata bażika tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE);

tordna lill-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-appellanti, sabiex tkun tista’ tikkonsultahom, id-dokumenti mfassla fil-kuntest tal-attività ta’ ECOCERT eżerċitata bħala kontroll organiku tal-impriża li pproduċiet il-prodott inkwistjoni, u b’mod partikolari r-rapporti tal-ispezzjoni u n-noti korrispondenti ta’ evalwazzjoni għas-snin 2016, 2017 u 2018, li jikkonċernaw il-konstatazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ ECOCERT, li kienu servew bħala bażi għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni tal-prodott inkwistjoni u għall-irtirar sussegwenti ta’ dan iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni min-naħa ta’ ECOCERT;

tobbliga lill-Kummissjoni sabiex min-naħa tagħha tobbliga lill-korpi ta’ kontroll organiku, fdati mill-Kummissjoni bil-kompitu li jiżguraw it-twettiq f’pajjiżi terzi tar-rekwiżiti marbuta mas-sistema ta’ kontroll tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-agrikoltura organika, sabiex jinnotifikaw lill-importatur ikkonċernat bid-deċiżjoni tagħhom dwar l-irtirar, ir-revoka jew l-invalidazzjoni taċ-ċertifikati ta’ spezzjoni maħruġa, kif ukoll sabiex jirċievu l-oġġezzjonijiet ta’ dan l-importatur u jagħtu deċiżjoni dwarhom; kif ukoll tobbliga lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni fuq il-korpi ta’ kontroll organiku fil-pajjiżi terzi sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-importaturi d-dokumenti tal-proċedura ta’ kontroll organiku, b’mod partikolari r-rapporti ta’ spezzjoni u n-noti ta’ evalwazzjoni li fuqhom ikunu bbażati tali deċiżjonijiet, filwaqt li jaħbu l-partijiet li huma suġġetti għall-protezzjoni tad-data ta’ terzi u, sussidjarjament, tillimita dan l-obbligu tal-Kummissjoni fir-rigward tal-appellanti biss.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha għal-libertà ta’ intrapriża u għall-protezzjoni tal-proprjetà tagħha. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-prodotti organiċi għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ħadet dan l-aspett inkunsiderazzjoni fis-sentenza tagħha. B’hekk, l-impriżi li importaw prodotti organiċi minn pajjiżi li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni ġew imċaħħda kompletament mill-protezzjoni marbuta mad-drittijiet fundamentali.

Skont l-appellanti, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq evalwazzjoni legalment żbaljata tal-portata tal-obbligi u għalhekk tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-aġir u tad-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ kontroll organiku. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali assumiet, b’mod żbaljat, l-ineżistenza ta’ “dispożizzjoni speċifika” li minnha jirriżulta li aġir negliġenti min-naħa ta’ ECOCERT permezz tas-sussidjarja tagħha fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jista’ jiġi attribwit lill-Unjoni jew lill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li, sabiex ikun hemm tali attribuzzjoni huwa meħtieġ li l-Kummissjoni stess tiġi fdata bil-kontroll organiku bħala funzjoni tal-awtorità pubblika f’pajjiżi li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 1 u tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 2 jagħtu indikazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-modalitajiet li fihom jitwettqu l-kontrolli organiċi fil-pajjiżi li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni, u dan b’mod partikolari permezz tan-nomina tal-korpi ta’ kontroll organiku bħala aġenti tal-Unjoni.

Barra minn hekk, dejjem skont l-appellanti, il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 834/2007, kif ukoll il-qafas ta’ kontroll għar-responsabbiltà pubblika għandhom l-effett li jagħtu lill-Kummissjoni “marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’”, kemm fir-rigward tad-determinazzjoni u tal-evalwazzjoni tar-riskju u kemm fir-rigward tal-miżuri ta’ sorveljanza marbuta ma’ riskju kkonfermat, ma tirriflettix l-importanza li għandha tingħata lill-pożizzjoni ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Marġni ta’ diskrezzjoni daqstant wiesa’ jwassal sabiex jiġi eskluż kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju tal-aġir tal-Kummissjoni.

Fl-aħħar nett, skont l-appellanti, il-motivazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-talba intiża li l-Kummissjoni tiġi ordnata tiżgura t-trasparenza tad-deċiżjonijiet adottati mill-korpi ta’ kontroll organiku, ma hijiex kompatibbli mal-importanza li għandha tingħata lid-drittijiet fundamentali u mal-importanza li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet fundamentali.

____________

1         Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 68, p. 61 u fil-ĠU 2014, L 300, p. 72).

2         Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU 2008, L 134, p. 25).