Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta' Marzu 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Mercantil nº 3 de Barcelona - Spanja) - Mohamed Aziz vs Caixa d'Estalvis de Catalunya, Tarragona i Manresa (Catalunyacaixa)

(C-415/11) 

(Direttiva 93/13/KEE - Kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Kuntratt ta' self ipotekarju - Proċedura ta' eżekuzzjoni ipotekarja - Kompetenzi tal-qorti nazzjonali fuq il-mertu - Klawżoli inġusti - Kriterji ta' evalwazzjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil nº 3 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Mohamed Aziz

Konvenut: Caixa d'Estalvis de Catalunya, Tarragona i Manresa (Catalunyacaixa)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Juzgado de lo Mercantil - Interpretazzjoni tal-punti (a) u (q) tal-Parti 1 tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta' April 1993, dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) - Klawżoli li għandhom bħala għan jew effett li jimponu, fuq il-konsumatur li ma eżegwiex l-obbligi tiegħu, l-obbligu li jħallas kumpens f'ammont li huwa sproporzjonalment għoli - Kuntratt ta' self ipotekarju - Dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali nazzjonali fil-qasam tal-proċedura ta' eżekuzzjoni fuq beni ipotekati jew imqiegħda f'rahan li jillimitaw ir-raġunijiet ta' oppożizzjoni li jistgħu jiġu invokati mill-persuna li ssir l-eżekuzzjoni kontriha

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta' April 1993, dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, filwaqt li fil-kuntest ta' proċedura ta' eżekuzzjoni ipotekarja ma tipprevedix raġunijiet ta' oppożizzjoni bbażati fuq in-natura inġusta ta' klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tat-titolu eżekuttiv, ma tippermettix lill-qorti li quddiemha titressaq il-proċedura dwar il-mertu, li jkollha l-kompetenza sabiex tevalwa n-natura inġusta ta' tali klawżola, tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b'mod partikolari, is-sospensjoni tal-imsemmija proċedura ta' eżekuzzjoni, meta l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri tkun neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità kompleta tad-deċiżjoni finali tagħha.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta' "żbilanċ sinifikanti [sinjifikattiv]", għad-detriment tal-konsumatur, għandu jiġi evalwat permezz ta' analiżi tar-regoli nazzjonali applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta' ftehim bejn il-partijiet, sabiex jiġi evalwat jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f'sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma' dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ. Bl-istess mod, għal dan l-iskop, jidher rilevanti li jitwettaq eżami tas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab dan il-konsumatur fid-dawl tal-mezzi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti;

sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżbilanċ inħoloqx "kontra l-ħtieġa ta' buona fede [minkejja r-rekwiżit ta' bona fide]", għandu jiġi vverifikat jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, fuq il-bażi ta' aġir leali u ġust fil-konfront tal-konsumatur, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta l-klawżola kkonċernata wara negozjati individwali.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Anness li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni jinkludi biss lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta' klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti.

____________

1 - ĠU C 331, 12.11.2011.