Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie (il-Polonja) fil-31 ta’ Jannar 2020 – Ministerstwo Sprawiedliwości vs R.G

(Kawża C-55/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Dyscyplinarny Izby Adwokackiej w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ministerstwo Sprawiedliwości

Konvenut: R.G.

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi”, b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva japplikaw għal proċeduri ta’ responsabbiltà dixxiplinari ta’ avukati, kif ukoll ta’ professjonisti legali barranin iskritti mal-Kamra tal-Avukati, fejn taħt din ir-responsabbiltà l-avukat jista’ b’mod partikolari jkun suġġett għal sanzjoni pekunjarja, jiġi sospiż mill-attivitajiet professjonali jew jitkeċċa mill-professjoni, filwaqt li l-professjonist legali barrani jista’ b’mod partikolari jkun suġġett għal sanzjoni pekunjarja, jiġi sospiż mid-dritt tiegħu li jipprovdi għajnuna legali fir-Repubblika tal-Polonja jew jiġi pprojbit milli jipprovdi għajnuna legali fir-Repubblika tal-Polonja? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’mod partikolari l-Artikolu 47 tagħha, għandhom jiġu applikati għall-imsemmija proċeduri quddiem Tribunali Dixxiplinari tal-Avukatura f’każijiet fejn id-deċiżjonijiet ta’ dawn it-tribunali ma huma suġġetti għal ebda appell quddiem il-qrati nazzjonali jew f’każijiet fejn id-deċiżjonijiet tagħhom huma suġġetti esklużivament għal appell straordinarju, bħalma huwa appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Qorti Suprema, u dan anki f’każijiet fejn l-elementi kollha rilevanti jseħħu fi ħdan Stat Membru wieħed?

F’każ li fih, fil-proċeduri msemmija fl-ewwel domanda, l-istanza kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni ta’ Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura jew minn ilment kontra ordni li tiċħad l-ammissibbiltà ta’ tali kassazzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli hija organu li, fil-fehma ta’ dan it-tribunal, liema fehma hija konformi mal-evalwazzjoni espressa mill-Qorti Suprema fis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, referenza III PO 7/18, ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa neċessarju li jitwarrbu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kompetenza ta’ tali organu, u t-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura għandu dmir li jirreferi tali kassazzjoni jew ilment lil istanza ġudizzjarja li kien ikollha kompetenza li kieku d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma kinux jopponuha?

F’każ fejn, fil-proċeduri msemmija fl-ewwel domanda, konformement mal-pożizzjoni adottata mit-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura l-kassazzjoni minn deċiżjoni ta’ dan it-tribunal la tkun kompetenza tal-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali) u lanqas tax-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman), u din il-pożizzjoni tkun:

kuntrarja għall-pożizzjoni espressa mill-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, f’formazzjoni ġudikanti ta’ seba’ mħallfin, tas-27 ta’ Novembru 2019, sygnatura akt II DSI 67/18, jiġifieri l-istanza li, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ, hija kompetenti milli tieħu konjizzjoni ta’ lment kontra ordni li tiċħad l-ammissibbiltà ta’ tali kassazzjoni, iżda li, skont il-fehma tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, liema fehma hija konformi mal-evalwazzjoni espressa mill-Qorti Suprema fis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, referenza III PO 7/18, ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta;

konformi mal-pożizzjoni espressa preċedentement mill-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema, jiġifieri l-istanza ġudizzjarja li tkun kompetenti milli tieħu konjizzjoni ta’ dan l-ilment, li kieku d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma kinux jopponuha,

it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura jista’ (jew għandu) jinjora l-pożizzjoni espressa mill-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema?

F’każ fejn, fil-proċeduri msemmija fit-tielet domanda, il-Ministru għall-Ġustizzja jressaq appell quddiem it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, iżda:

wieħed mill-fatturi li, fil-fehma tal-Qorti Suprema espressa fis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, referenza III PO 7/18, kif ukoll fil-fehma tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, jiġġustifikaw il-fehma li l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, jiġifieri l-istanza msemmija fl-inċiż a) tat-tielet domanda, ma hijiex qorti imparzjali u indipendenti konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa l-influwenza tas-setgħa eżekuttiva, inkluż tal-Ministru għall-Ġustizzja, fuq il-kompożizzjoni tagħha;

il-liġi tipprevedi li l-funzjoni ta’ Prosekutur Ġenerali hija eżerċitata esklużivament mill-Ministru għall-Ġustizzja, li skont il-pożizzjoni espressa mill-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, jiġifieri l-istanza msemmija fl-inċiż a) tat-tielet domanda, ikollu d-dritt jippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn deċiżjoni mogħtija b’riżultat ta’ appell, filwaqt li konformement mal-pożizzjoni espressa mill-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema, jiġifieri l-istanza ġudizzjarja msemmija fl-inċiż b) tat-tielet domanda, kif ukoll skont il-pożizzjoni tat-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura, huwa ma għandux dan id-dritt,

dan it-Tribunal Dixxiplinari tal-Avukatura għandu joqgħod lura milli jieħu konjizzjoni tal-appell jekk b’dan il-mod biss ikun jista’ jiżgura li l-proċedura tosserva l-Artikolu 47 tal-Karta u b’mod partikolari jevita indħil f’dawn il-proċeduri min-naħa ta’ istanza li ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali konformement ma’ din id-dispożizzjoni?

____________

1 ĠU 2006, L 376, p. 36.