Language of document : ECLI:EU:F:2011:19

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Marzu 2011

Kawża F-59/09

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Evalwazzjoni — Promozzjoni — Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Ammissibbiltà — Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda — Direttiva interna — Rappreżentant tal-persunal — Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob b’mod partikolari, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Bank), tal-14 ta’ Novembru 2008, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni tad-29 ta’ April 2008 u tad-deċiżjoni tal-istess jum li tirrifjuta li jiġi promoss għall-funzjoni D, it-tielet nett, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu 2007, ir-raba’ nett, il-konstatazzjoni li huwa kien il-vittma ta’ fastidju psikoloġiku, il-ħames nett, il-kundanna tal-Bank sabiex itemm dan il-fastidju u sabiex jikkumpensa d-danni li huwa jqis li sofra minħabba dan l-fastidju.

Deċiżjoni: Ir-rapport ta’ evalwazzjoni 2007 u d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ promozzjoni tar-rikorrent huma annullati. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huma miċħuda. Ir-rikorrent u l-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Termini

(Artikolu 236 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

2.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(d))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors — Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal

(Artikolu 236 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Evalwazzjoni — “Deċiżjoni interna” dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni — Ksur

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Promozzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikoli 22 u 23)

1.      Il-konċiljazzjoni bejn, min-naħa waħda, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li jeħtieġ li l-individwu jkollu terminu suffiċjenti sabiex jevalwa l-legalità tal-att li jikkawżalu preġudizzju u sabiex jipprepara, jekk ikun il-każ, ir-rikors tiegħu, u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jistabbilixxi li, wara li jgħaddi ċertu terminu, l-atti adottati mill-entitajiet tal-Unjoni jsiru definittivi, jimplika li t-tilwim bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-impjegati tiegħu jitressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni f’terminu raġonevoli.

Id-determinazzjoni ta’ tali terminu għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura speċifika tat-tilwim fir-rigward tal-persunal u tal-importanza, f’dan il-kuntest, tal-eżistenza eventwali ta’ proċedura prekontenzjuża. Fil-fatt, għalkemm l-impjegati tal-Bank huma suġġetti għal sistema partikolari stabbilita minnu stess, it-tilwim purament intern bejn il-Bank u l-impjegati tiegħu huwa simili, min-natura tiegħu, għat-tilwim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom, li jaqa’ taħt l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u huwa suġġett ukoll għall-istħarriġ ġudizzjarju abbażi tal-Artikolu 236 KE. Għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet relattivi għat-terminu ta’ rikors stabbiliti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest partikolari tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank li jistabbilixxu, fl-Artikolu 41 tagħhom, proċedura ta’ konċiljazzjoni fakultattiva.

F’dan ir-rigward, din il-proċedura ta’ konċiljazzjoni tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-proċedura ta’ appell speċifika fir-rigward tal-evalwazzjoni annwali prevista minn komunikazzjoni amministrattiva tal-Bank isegwu l-istess għan bħall-proċedura prekontenzjuża obbligatorja stabbilita mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn il-proċeduri huma intiżi wkoll sabiex jippermettu ftehim bonarju tal-kwistjonijiet, billi jagħtu lill-Bank il-possibbiltà li jirrevedi l-att ikkontestat u lill-impjegat ikkonċernat il-possibbiltà li jaċċetta l-motivazzjoni li fuqha jkun ibbażat l-att ikkontestat u li jirrinunzja, jekk ikun il-każ, għall-preżentata ta’ appell. Barra minn hekk, ir-regoli tal-Bank ma jistabbilixxux metodi ta’ koordinazzjoni bejn dawn iż-żewġ proċeduri. B’hekk, fir-rigward tar-rapporti ta’ evalwazzjoni.

F’dan il-kuntest, terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mill-ġurnata tal-komunikazzjoni tal-att li jikkawża l-preġudizzju lill-impjegat ikkonċernat, jew, jekk ikun il-każ, mill-konklużjoni negattiva tal-proċedura ta’ appell jew minn meta tfalli l-proċedura ta’ konċiljazzjoni, għandu bħala prinċipju jitqies li huwa raġonevoli, madankollu bil-kundizzjoni, minn naħa waħda, li l-eventwali proċedura ta’ appell tkun saret f’terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, li l-persuna kkonċernata tkun ifformulat it-talba eventwali ta’ konċiljazzjoni tagħha f’terminu raġonevoli wara li tkun ġiet innotifikata bl-att li jikkawżalha preġudizzju. B’mod iktar preċiż, l-istabbiliment ta’ dawn iż-żewġ proċeduri fakultattivi, rispettivament mill-Artikolu 41 tar-Regoli tal-Persunal u mill-komunikazzjonijiet lill-persunal imsemmija iktar ’il fuq, li jorbtu lill-Bank, iwassal neċessarjament għall-konklużjoni li, jekk impjegat suċċessivament jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ appell u wara jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jibda’ jiddekorri biss mill-mument meta din l-aħħar proċedura tkun falliet, peress li l-impjegat ikun ressaq it-talba ta’ konċiljazzjoni tiegħu f’terminu ta’ żmien raġonevoli wara li ntemmet il-proċedura ta’ appell. Kull interpretazzjoni differenti twassal għal sitwazzjoni fejn l-impjegat tal-Bank ikun obbligat li jippreżenta rikors quddiem il-qorti f’mument fejn ikun għadu qiegħed attivament jipprova jilħaq ftehim bonarju tal-każ, liema ħaġa ċċaħad lill-proċeduri amministrattivi fakultattivi mill-effettività tagħhom.

(ara l-punti 134 sa 137)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, punti 98, 99, 100, 106 u 107

2.      Talbiet għal annullament li ma jippermettux li jiġi identifikat l-att li jikkawża preġudizzju li r-rikorrent jitlob l-annullament tiegħu huma inammissibbli. Fil-fatt, tali talbiet ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 35(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u li jeħtieġu li r-rikors promotur ikun fih is-suġġett tat-tilwima u t-talbiet tar-rikorrent. Meta rikorrent jitlob l-annullament tal-atti kollha konnessi, konsekuttivi u preliminari għal deċiżjoni ta’ promozzjoni, in-nuqqas ta’ identifikazzjoni ċara u preċiża tal-atti kkontestati ma jippermettix li t-talbiet imsemmija jitqiesu li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentement, tali talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

(ara l-punti 148, 149)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Marzu 1993, Benzler vs Il‑Kummissjoni, T‑72/92, punti 16, 18 u 19; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 26 ta’ Ġunju 2008, Nijs vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, F‑1/08, punt 46

3.      Peress li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment huma siekta fuq is-suġġett, ma għandhiex issir applikazzjoni b’mod dirett tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal, liema ħaġa tkun tinjora n-natura speċifika tas-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn ir-regolamenti u ssir applikazzjoni b’analoġija tagħhom, billi jiġi rrilevat li t-tilwim purament intern bejn il-Bank u l-impjegati tiegħu jixbah, min-natura tiegħu, it-tilwim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom. B’mod partikolari, għandha tiġi applikata b’analoġija għar-rikorsi tal-membri tal-persunal tal-Bank, ir-regola li tirriżulta mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tgħid li l-qorti tal-Unjoni ma jkollha ebda ġurisdizzjoni jekk ir-rikors li jiġi ppreżentat quddiemha ma jkunx dirett kontra att li l-amministrazzjoni tkun adottat sabiex tiċħad l-allegazzjonijiet tar-rikorrent. Barra minn hekk, meta quddiem il-Bank titressaq talba ta’ membru tal-persunal sabiex tittieħed deċiżjoni fir-rigward tiegħu, għandhom jiġu applikati b’analoġija d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, u għandu jiġi deċiż li n-nuqqas ta’ tweġiba għal din it-talba f’terminu raġonevoli ta’ erba’ xhur iwassal għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 153 sa 155)

Referenza: Il‑Qorti tal-Prim’Istanza De Nicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 100 u 101; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ Novembru 2009, De Nicola vs BEI, F‑55/08, punt 239, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑37/10 P.

4.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mressqa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa prevista għal dan il-għan mil-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri inkwistjoni. Dan il-prinċipju, li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba, jimponi li qabel l-adozzjoni definittiva ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, il-membru tal-persunal jingħata l-possibbiltà li jinstema’ b’mod utli mis-superjur dirett tiegħu. Meta l-laqgħa ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment mas-superjuri diretti tiegħu ma tkunx saret b’mod regolari, minħabba li jkollha natura purament formali u tkun tirrigwarda biss parti mill-kwistjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett ta’ tali laqgħa, b’mod li l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tinvoka l-osservazzjonijiet tagħha b’mod utli, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll ir-regoli dwar il-proċedura ta’ evalwazzjoni jinkisru. Huwa minnu li, sabiex ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament ta’ att, hemm bżonn li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. Iżda, peress li ma huwiex eskluż li r-rapport ta’ evalwazzjoni, li kieku l-membru tal-persunal tpoġġa f’sitwazzjoni fejn seta’ jinvoka l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli, u li kieku l-laqgħa ta’ evalwazzjoni saret b’mod regolari, ir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu kien ikun differenti, il-ksur imsemmi għandu jwassal għall-annullament ta’ dan l-att.

(ara l-punti 176, 177 u 181 sa 183)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il‑Kummissjoni, 17/74, punt 15; 12 ta’ Novembru 1996, Ohja vs Il‑Kummissjoni, C­294/95 P, punt 67; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑16/03, punt 40; 14 ta’ Settembru 2006, Laroche vs Il‑Kummissjoni, T‑115/04, punt 36; 25 ta’ Ottubru 2006, Carius vs Il‑Kummissjoni, T­173/04, punt 69; 6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, punt 149; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 29 ta’ Ġunju 2010, Kipp vs Europol, F‑28/09, punt 68

5.      Abbażi tal-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-evalwazzjoni annwali ta’ kull membru tal-persunal “hija stabbilita minn deċiżjoni interna” tal-Bank. Fin-nuqqas ta’ kull riferiment għal test ieħor ħlief għal nota ta’ servizz, għandu jiġi kkonstatat li huwa permezz ta’ din in-nota li l-Bank stabbilixxa l-proċedura ta’ evalwazzjoni annwali, u li l-imsemmija nota ta’ servizz u l-gwida prattika għall-evalwazzjoni li tinsab annessa ma’ din in-nota jikkostitwixxu ġabra ta’ regoli vinkolanti li l-Bank ma jistax jinjora mingħajr ma jwettaq irregolarità. Anki jekk jitqies li l-imsemmija nota ta’ servizz ma hijiex id-“deċiżjoni interna” li jirreferu għaliha r-Regolamenti tal-Persunal, madankollu din ma hijiex nieqsa mill-portata vinkolanti, peress li din għandha tiġi analizzata mill-inqas bħala direttiva interna li permezz tagħha l-Bank jimponi fuqu nnifsu regola ta’ kondotta, ċertament indikattiva, iżda li dan ma jistax jinjora mingħajr ma jippreċiża r-raġunijiet li wassluh għal dan, għaliex inkella jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Il-Bank, meta jattribwixxi marka lil membru tal-persunal tiegħu, mingħajr ma jkun ħa inkunsiderazzjoni l-attività tiegħu bħala membru titolari ta’ kumitat konġunt, jikser il-punt 7 tal-gwida tal-proċedura ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, l-attivitajiet ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul it-tfassil tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal, b’mod li dan tal-aħħar ma jkunx ippenalizzat mill-fatt li jkun eżerċita tali attivitajiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-evalwatur huwa awtorizzat biss sabiex iwettaq evalwazzjoni abbażi tas-servizzi li l-membru tal-persunal, li għandu mandat ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal, jipprovdi fil-kuntest tal-impjieg li huwa assenjat għalih, bl-esklużjoni tal-attivitajiet marbuta mal-imsemmi mandat, li ma jaqgħux taħt l-awtorità tiegħu, madankollu, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-servizzi strettament professjonali għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-irbit relatat mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ rappreżentanza. B’mod iktar preċiż, dan għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li minħabba l-attivitajiet ta’ rappreżentazzjoni tiegħu, membru tal-persunal seta jipprovdi biss, mas-servizz tiegħu, numru ta’ ġranet ta’ xogħol inferjuri għan-numru normali matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 185, 190, 192 u 195)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku DeNicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 105 u 106, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Mill-Artikoli 22 u 23 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment jirriżulta li dan huwa marbut li jwettaq eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati għall-promozzjoni. Għalhekk, minn dan l-aspett, l-impjegati tal-Bank huma suġġetti għal sistema paragunabbli għal dik tal-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

L-eżami komparattiv tal-merti huwa l-espressjoni kemm tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-impjegati kif ukoll tal-prinċipju ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera tagħhom. B’hekk, meta jistabbilixxu proċedura ta’ promozzjoni bbażata fuq il-mertu, ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank josservaw il-prinċipju ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera tal-impjegati tiegħu, madankollu mingħajr ma dan ir-rikonoxximent jagħtihom dritt suġġettiv għall-promozzjoni, anki jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha sabiex ikunu jistgħu jiġu promossi. Barra minn hekk, peress li l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati għall-promozzjoni, l-istħarriġ tal-qorti f’dan ir-rigward huwa limitat għall-kwistjoni jekk din baqgħetx fil-limiti raġonevoli u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Fil-fatt, il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-kwalifiki u tal-merti tal-kandidati għal dik tal-awtorità kompetenti.

Mill-gwida tal-proċedura ta’ evalwazzjoni jirriżulta li l-Bank, sabiex iwettaq l-eżami komparattiv tal-merti, għandu jagħti importanza partikolari lir-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ mill-inqas l-aħħar tliet snin u lill-marki superjuri jew ugwali għal ċerta marka li ngħataw f’din l-okkażjoni. Peress li r-rapport ta’ evalwazzjoni huwa element indispensabbli li l-Bank għandu jieħu inkunsiderazzjoni biex iwettaq l-eżami komparattiv tal-merti sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni jġib miegħu, bħala konsegwenza, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ promozzjoni.

(ara l-punti 199 sa 202)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza De Nicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 127, 175 u 176 sa 178; 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, punti 340 sa 344