Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud České republiky (ir-Repubblika Ċeka) fl-24 ta’ April 2020 – VYSOČINA WIND a.s. vs Česká republika - Ministerstvo životního prostředí

(Kawża C-181/20)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší soud České republiky

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: VYSOČINA WIND a.s.

Konvenuta: Česká republika - Ministerstvo životního prostředí

Domandi preliminari

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2012/19/UE1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jimponi l-finanzjament tal-ispejjeż għall-ġbir, għat-trattament, għall-irkupru u għar-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi mqiegħda fuq is-suq qabel l-1 ta’ Jannar 2013 lill-utenti tagħhom, u mhux lill-produtturi?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda magħmula, iċ-ċirkustanza, bħal dik f’dan il-każ, li Stat Membru rregola huwa stess il-modalitajiet ta’ finanzjament tal-iskart li jirriżulta minn pannelli fotovoltajċi saħansitra qabel l-adozzjoni tad-direttiva, li għadha kemm inkludiet il-pannelli fotovoltajċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u imponiet il-finanzjament tal-ispejjeż lill-produtturi, u dan anki għall-pannelli li tqiegħdu fis-suq qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tad-direttiva (u l-adozzjoni stess ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni), għandha effett għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tal-Istat Membu għad-dannu kkawżat lill-individwu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni?

____________

1 ĠU 2012, L 197, p. 38.