Language of document : ECLI:EU:T:2019:638

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

20 ta’ Settembru 2019 (*)

“REACH – Valutazzjoni tas-sustanzi – Triclosan – Deċiżjoni tal-ECHA li titlob informazzjoni addizzjonali – Artikolu 51(6) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell – Kompitu tal-Bord tal-Appell – Proċedura kontradittorja – Portata tal-istħarriġ – Intensità tal-istħarriġ – Kompetenzi tal-Bord tal-Appell – Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 – Informazzjoni rilevanti – Proporzjonalità – Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1907/2006 – Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006 – Data miksuba f’kundizzjonijiet rilevanti – Persistenza – Newrotossiċità – Tossiċità riproduttiva – Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 771/2008 – Dewmien fil-preżentata ta’ opinjoni xjentifika”

Fil-Kawża T‑125/17,

BASF Grenzach GmbH, stabbilita fi Grenzach-Wyhlen (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn K. Nordlander u M. Abenhaïm, avukati, sussegwentement minn K. Nordlander u K. Le Croy, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inizjalment irrappreżentata minn M. Heikkilä, W. Broere u T. Röcke, sussegwentement minn M. Heikkilä, W. Broere u C. Jacquet, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn C. Thorning u M. Wolff, sussegwentement minn M. Wolff, J. Nymann-Lindegren u P. Ngo, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn T. Henze u D. Klebs, sussegwentement minn D. Klebs, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman u C. Schillemans, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni A‑018‑2014 tal-Bord tal-Appell tal-ECHA, tad‑19 ta’ Diċembru 2016, sa fejn dan ċaħad parzjalment l-appell tal-appellanti f’dak il-każ u rikorrenti f’din l-kawża, mid-deċiżjoni tal-ECHA tad‑19 ta’ Settembru 2014 li teżiġi informazzjoni addizzjonali dwar is-sustanza triclosan (CAS 3380‑34‑5) u fejn hija ffissat id-data ta’ skadenza għall-preżentata ta’ din l-informazzjoni għas‑26 ta’ Diċembru 2018,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka, S. Papasavvas, A. Dittrich (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

1        It-triclosan (CAS 3380‑34‑5) huwa antibijotiku bi spettru wiesa’ approvat għal użu bħala preservattiv f’ċerti tipi ta’ prodotti kożmetiċi. Huwa rreġistrat biss għal użu kożmetiku skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, u rettifiki ĠU 2009, L 36, p. 84, ĠU 2008, L 141, p. 22, u ĠU 2007, L 136, p. 3).

2        Ir-rikorrenti, BASF Grenzach GmbH, manifattur tat-triclosan, hija l-uniku reġistrant ta’ din is-sustanza fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 1907/2006.

3        Fl‑2012, it-triclosan iddaħħal fil-pjan ta’ azzjoni Komunitarju rikorrenti għall-valutazzjoni fis-sens tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1907/2006, minħabba tħassib dwar il-proprjetajiet ta’ persistenza, ta’ bijokumulazzjoni u ta’ tossiċità tiegħu kif ukoll minħabba interferenzi endokrinali li huwa jista’ jwassal għalihom.

4        Skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-awtorità kompetenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġiet innominata sabiex twettaq il-valutazzjoni tat-triclosan, b’koperazzjoni mal-awtorità kompetenti tar-Renju tad-Danimarka. Flimkien, konformement mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, dawn l-awtoritajiet fasslu abbozz ta’ deċiżjoni fil-konfront tar-rikorrenti, li jipprevedi talbiet għal informazzjoni addizzjonali dwar it-triclosan.

5        Fl‑20 ta’ Marzu 2013, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-abbozz ta’ deċiżjoni ġie nnotifikat lir-rikorrenti.

6        Fit‑23 ta’ April 2013, ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni.

7        L-awtorità kompetenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u rrivediet l-abbozz ta’ deċiżjoni, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

8        Fis‑6 ta’ Marzu 2014, skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-abbozz ta’ deċiżjoni rrivedut u l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ġew innotifikati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

9        Erba’ awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri l-oħrajn u l-ECHA bagħtu proposti għal emenda, skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament.

10      Wara li eżaminat dawn il-proposti, l-awtorità kompetenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi emendat l-abbozz ta’ deċiżjoni, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament.

11      Fit‑22 ta’ April 2014, l-abbozz ta’ deċiżjoni emendat intbagħat lura lill-Kumitat tal-Istati Membri, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament.

12      Ir-rikorrenti għamlet xi kummenti dwar dawn il-proposti għal emendi, li l-Kumitat tal-Istati Membri ħa inkunsiderazzjoni tagħhom (Artikolu 51(5) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament).

13      Fit‑12 ta’ Ġunju 2014, bis-saħħa tal-Artikolu 51(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, il-Kumitat tal-Istati Membri wasal għal ftehim unanimu fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni emendat.

14      Fid‑19 ta’ Settembru 2014, l-ECHA adottat id-Deċiżjoni SEV‑D‑2114285478‑33‑01/F dwar il-valutazzjoni tat-triclosan (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ECHA”), abbażi tal-Artikolu 51(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija talbet lir-rikorrenti tipproduċi b’mod partikolari l-informazzjoni li jmiss:

–        test ta’ simulazzjoni dwar id-degradazzjoni aħħarija tat-triclosan fl-ilma tal-wiċċ (lag jew xmara) u fl-ilma baħar, magħmul bħala ttestjar pelaġiku, jiġifieri fl-ilma biss, mingħajr sospensjoni ta’ sedimenti, f’temperatura rilevanti għall-ambjent ta’ mhux iktar minn 12‑il grad ċentigrad, li jsegwi l-metodu ta’ ttestjar C.25 tal-Unjoni Ewropea u l-Linji Gwida 309 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-ittestjar ta’ kimiċi (iktar ’il quddiem it-“test ta’ persistenza”);

–        studju rrinforzar ta’ newrotossiċità għall-iżvilupp, li jsegwi l-Linji Gwida 426 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi, bil-punti rilevanti tal-istudju wiesa’ ta’ tossiċità riproduttiva fuq ġenerazzjoni, li jsegwi l-Linji Gwida 443 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi, li jinvolvi ttestjar fuq il-far (iktar ’il quddiem l-“istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far”);

–        test fuq l-iżvilupp sesswali tal-ħut, li jsegwi l-Linji Gwida 234 tal-OECD għall-ittestjar ta’ kimiċi, fuq iż-żebra jew il-medaka Ġappuniża (iktar ’il quddiem it-“test fuq il-ħut”.

15      Permezz tad-deċiżjoni tagħha, l-ECHA talbet ukoll lir-rikorrenti sabiex tissottometti l-informazzjoni disponibbli dwar l-effetti tat-triclosan fuq is-sistema kardjovaskulari ta’ ċerti annimali tal-laboratorju u tal-bniedem kif ukoll xi preċiżjonijiet fuq sitwazzjoni ta’ emissjonijiet li jniġġsu tat-tip “użu intern dispersiv wiesa’ ta’ sustanzi f’sistemi miftuħa”.

16      Id-deċiżjoni tal-ECHA ffissat is‑26 ta’ Settembru 2016 bħala d-data ta’ skadenza għall-produzzjoni tal-informazzjoni mitluba.

17      Fis‑17 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-ECHA quddiem il-Bord tal-Appell ta’ din l-aġenzija, skont l-Artikolu 51(8) tar-Regolament Nru 1907/2006, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, kif ukoll tal-Artikolu 91(1) ta’ dan ir-regolament.

18      Konformement mal-Artikolu 91(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-appell ippreżentat mid-deċiżjoni tal-ECHA kellu effett sospensiv.

19      Fit‑2 ta’ April 2015, l-ECHA bagħtet ir-risposta quddiem il-Bord tal-Appell.

20      Fis‑6 ta’ Ottubru 2015, PETA International Science Consortium Ltd ġiet ammessa tintervjeni quddiem il-Bord tal-Appell insostenn tat-talbiet tal-appellanti f’dak il-każ.

21      Fit‑12 ta’ Jannar 2016, PETA International Science Consortium bagħtet in-nota ta’ intervent quddiem il-Bord tal-Appell. Fit‑22 ta’ Frar 2016, l-ECHA u l-appellanti f’dak il-każ bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din ir-risposta. L-appellanti f’dak il-każ inkludiet opinjoni esperta f’anness mal-osservazzjonijiet tagħha.

22      Fid‑9 ta’ Ġunju 2016 inżammet seduta quddiem il-Bord tal-Appell. Matul din is-seduta, l-ECHA ssottomettiet tliet studji, intiżi li jxejnu l-opinjoni esperta sottomessa mill-appellanti f’dak il-każ fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent. L-imsemmi bord ippermetta lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din l-opinjoni u fuq it-tliet studji sottomessi mill-ECHA wara s-seduta.

23      Fid‑19 ta’ Diċembru 2016, il-Bord tal-Appell adotta d-Deċiżjoni A‑018‑2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, huwa annulla d-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din tal-aħħar kienet obbligat lill-appellanti f’dak il-każ tipproduċi informazzjoni fir-rigward tal-effetti tat-triclosan fuq is-sistema kardjovaskulari (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) u ċaħad il-kumplament tal-appell. Barra minn hekk, huwa ffissa s‑26 ta’ Diċembru 2018 bħala t-terminu għall-produzzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq.

II.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors odjern.

25      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri provviżorji intiża, essenzjalment, sabiex il-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jordna s-sospensjoni immedjata tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal miżuri provviżorji, li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda t-test ta’ persistenza, l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far u t-test fuq il-ħut u li tordna, konsegwentement, li tipposponi l-iskadenza stipulata għall-komunikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet u tal-istudju għat-terminu tas-sospensjoni. It-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Lulju 2017, BASF Grenzach vs ECHA (T‑125/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:496), għall-motiv li r-rikorrenti ma kinitx ippruvat l-urġenza, u l-ispejjeż għal dik il-proċedura ġew irriżervati. L-appell ippreżentat kontra dak id-digriet ġie miċħud permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Mejju 2018, BASF Grenzach vs ECHA (C‑565/17 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2018:340).

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ April 2017, PETA International Science Consortium talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2017, BASF Grenzach vs ECHA (T‑125/17, mhux ippubblikat, EU:T:2017:931), din it-talba ġiet miċħuda.

27      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16, it‑18 u l‑31 ta’ Mejju 2017, rispettivament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tad-Danimarka talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Awla tal‑21 ta’ Ġunju 2017, dawn l-Istati Membri ġew ammessi jintervjenu.

28      Fl‑1 ta’ Ġunju 2017, l-ECHA ppreżentat ir-risposta.

29      Fl‑20 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

30      Fis‑7 ta’ Settembru 2017, l-ECHA ppreżentat il-kontroreplika.

31      Fl‑1 ta’ Settembru 2017, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom. Fl‑4 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. Fil‑31 ta’ Ottubru 2017, l-ECHA u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti.

32      Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża lura quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

33      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-ECHA kif ukoll talbitha tipproduċi d-dossier amministrattiv. L-ECHA wieġbet għal dawn il-mistoqsijiet u għal din it-talba fit-terminu mogħti.

34      Is-sottomissjonijiet orali tar-rikorrenti, tal-ECHA, tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll it-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2018.

35      Fil-kuntest tas-sottomissjonijiet orali tagħha, ir-rikorrenti qajmet argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-talbiet għal informazzjoni li jipprevedu t-twettiq ta’ studji li jinvolvu ttestjar fuq l-annimali ma kinux konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba l-fatt li t-twettiq ta’ dawn l-istudji jista’ jwassal għal projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li t-triclosan huwa użat fihom, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU 2009, L 342, p. 59).

36      Min-naħa tagħha, matul is-seduta, l-ECHA rtirat parti mill-argumenti li hija kienet qajmet fil-konfront tal-ewwel motiv tar-rikors.

37      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad parzjalment l-appell ippreżentat mid-deċiżjoni tal-ECHA u ffissa d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-informazzjoni addizzjonali dwar is-sustanza triclosan għas‑26 ta’ Diċembru 2018;

–        tikkundanna lill-ECHA u lill-intervenjenti sabiex ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-ispejjeż tagħha.

38      L-ECHA u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

39      Ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

III. Id-dritt

40      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina, fl-ewwel lok, l-aggravji żviluppati mill-appellanti f’dak il-każ fil-kuntest tal-appell quddiemu dwar it-talba li jitwettaq it-test ta’ persistenza, fit-tieni lok, dawk dwar it-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, fit-tielet lok, dawk dwar it-talba li jitwettaq it-test fuq il-ħut u, fir-raba’ lok, dawk dwar it-talba li tiġi sottomessa l-informazzjoni disponibbli dwar l-effetti tat-triclosan fuq is-sistema kardjovaskulari.

41      Insostenn tar-rikors odjern, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

42      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell mar kontra rekwiżiti formali essenzjali. Dan huwa maqsum f’żewġ partijiet, fejn l-ewwel parti hija bbażata fuq l-allegazzjoni li l-imsemmi bord applika livell inadegwat ta’ stħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA u t-tieni parti fuq l-allegazzjoni li dan il-bord naqas milli jeżamina studji u fajls xjentifiċi fundamentali li kienu jinsabu fid-dossier tal-ECHA u li r-rikorrenti kienet bagħtitilha.

43      It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni tal-benesseri tal-annimali u kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, it-tieni waħda dik li jitwettaq it-test fuq il-ħut u t-tielet waħda dik li jitwettaq it-test ta’ persistenza.

44      L-argumenti tar-rikorrenti ser jiġu eżaminati skont l-ordni tal-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li huma jirrigwardaw. Għaldaqstant, fl-ewwel lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv u tat-tielet parti tat-tieni motiv li jirrigwardaw iċ-ċaħda tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell sa fejn dan kien jirrigwarda t-talba li jitwettaq it-test ta’ persistenza. Fit-tieni lok, ser jiġu analizzati l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv u tal-ewwel parti tat-tieni motiv li jirrigwardaw iċ-ċaħda tal-imsemmi appell sa fejn dan kien jirrigwarda t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far. Fit-tielet lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv u tat-tieni parti tat-tieni motiv li jirrigwardaw iċ-ċaħda ta’ dan l-appell sa fejn dan kien jirrigwarda t-talba li jitwettaq it-test fuq il-ħut.

45      Fir-raba’ lok, ser jiġi analizzat l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell ma applikax livell ta’ kontroll koerenti fid-deċiżjoni kkontestata kollha, li r-rikorrenti tqajjem fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv. Fil-ħames lok, ser jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża li r-rikorrenti tqajjem fil-kuntest tal-ewwel motiv. Fl-aħħar nett, fis-sitt lok, ser jittieħed inkunsiderazzjoni l-argument dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1223/2009 li r-rikorrenti qajmet fil-kuntest tas-sottomissjonijiet orali tagħha matul is-seduta (punt 35 iktar ’il fuq).

A.      Fuq l-argumenti dwar iċ-ċaħda tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell sa fejn dan kien jirrigwarda t-talba li jitwettaq it-test ta’ persistenza

46      Fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA talbet lir-rikorrenti sabiex twettaq it-test ta’ persistenza. Skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dik id-deċiżjoni, din it-talba li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali dwar it-triclosan kienet iġġustifikata bil-fatt li kien hemm riskju eventwali li t-triclosan ikun persistenti fil-baħar jew fl-ilma ħelu, li din il-kwistjoni kellha tiġi kkjarifikata, li ma kienx possibbli li tiġi kkjarifikata abbażi tal-informazzjoni disponibbli u li t-test ta’ persistenza kien jippermetti li tinkiseb informazzjoni utli f’dan ir-rigward.

47      Fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ argumentat li l-ECHA ma setgħetx titlob it-twettiq tat-test ta’ persistenza. F’dan ir-rigward, hija qajmet ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, b’mod partikolari, fuq ksur tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-regolament, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 130 tiegħu, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li ġew miċħuda fit-totalità tagħhom għall-motivi esposti fil-punti 28 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata.

48      Fil-kuntest tar-rikors odjern, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet li l-Bord tal-Appell ibbaża ċ-ċaħda tal-appell quddiemu fuqhom, sa fejn dan kien jirrigwarda t-talba li jitwettaq it-test ta’ persistenza. Fl-ewwel lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li l-imsemmi bord ibbaża ċ-ċaħda tat-tieni aggravju tal-appell quddiemu fuqhom, ibbażati fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fit-tieni lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li dan il-bord ibbaża ċ-ċaħda tal-ewwel aggravju tal-appell quddiemu fuqhom, ibbażati, b’mod partikolari, fuq ksur tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Fit-tielet lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-awtoritajiet Kanadiżi waslu għall-konklużjoni li tipprovdi li t-triclosan la kellu l-proprjetà ta’ persistenza u lanqas il-proprjetà ta’ bijokumulazzjoni.

1.      Fuq l-argumenti intiżi li jikkontestaw iċ-ċaħda, mill-Bord tal-Appell, tat-tieni aggravju tal-appell quddiemu

49      Fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ argumentat li l-ECHA kienet kisret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan il-kuntest, hija b’mod partikolari argumentat li l-ECHA kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti li turi li t-triclosan kien eliminat fil-parti l-kbira tal-ilmijiet li joħorġu mill-impjanti ta’ trattament, mhux biss minħabba l-assorbiment tiegħu, iżda wkoll minħabba l-mineralizzazzjoni tiegħu. Din is-sustanza hija eliminata malajr mill-fażi milwiema u assorbita fis-sedimenti, li jipponta favur eliminazzjoni potenzjali fl-oqsma akwatiċi relattivament importanti. Fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellanti f’dak il-każ qajmet ukoll argumenti bbażati fuq id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tad-data disponibbli.

50      Fil-punti 57 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina dawn l-argumenti.

51      Preliminarjament, fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona li, minkejja li, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni rilevanti sottomessa kollha, dan ma kienx jimplika li l-imsemmija aġenzija kellha neċessarjament tasal għall-istess konklużjonijiet bħall-appellanti f’dak il-każ.

52      Fil-punti 59 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument tal-appellanti f’dak il-każ ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-ECHA ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni li tindika li parti kbira tat-triclosan tiġi eliminata f’ilmijiet użati mill-impjanti tat-trattament, il-Bord tal-Appell irrileva li, minkejja li, skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA, parti kbira tat-triclosan kienet eliminata mill-ilmijiet użati mill-impjanti tat-trattament, dan ma kienx il-każ għall-imsemmija sustanza kollha, li donnha kienet mifruxa f’ċertu ilma ħelu tal-wiċċ u li r-rata ta’ konċentrazzjoni tagħha fl-ambjent marittimu kienet għadha relattivament għolja. Huwa kkonkluda li, kuntrarjament għal dak li kienet targumenta l-appellanti f’dak il-każ, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni rilevanti iżda li, fid-deċiżjoni tal-ECHA, minn din l-informazzjoni kienet ġiet misluta konklużjoni differenti minn dik sostnuta mill-appellanti f’dak il-każ.

53      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti f’dak il-każ ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-ECHA ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni tal-fatt li t-triclosan kien jintrabat malajr mas-sedimenti sospiżi u kien, konsegwentement, eliminat fil-biċċa l-kbira tiegħu mill-fażi milwiema, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punti 62 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata, li inkwistjoni kien hemm osservazzjonijiet dwar id-dissipazzjoni tat-triclosan diġà mqajma matul il-proċedimenti quddiem l-ECHA u li, fid-deċiżjoni ta’ din l-aġenzija, kienet diġà ngħatat tweġiba b’mod espliċitu u eżawrjenti. Fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għall-argument tal-appellanti f’dak il-każ ibbażat fuq l-allegazzjoni li kien imissu ta’ tweġiba fuq il-kwistjoni dwar jekk it-triclosan kienx persistenti jew le billi tiġi ddeterminata s-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli, huwa rrileva li, konformement mal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006, id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja setgħet tintuża sabiex jiġu adattati r-rekwiżit ta’ informazzjoni standard għall-bżonnijiet ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, skont hu, anki meta tali approċċ ġie applikat għall-bżonnijiet tar-reġistrazzjoni ta’ sustanza, fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ din is-sustanza, xi informazzjoni addizzjonali setgħet tiġi mitluba sabiex jiġi kkjarifikat jekk hemmx xi preokkupazzjonijiet f’dan ir-rigward, bil-kundizzjoni li l-ECHA tkun korrettament eżerċitat is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-informazzjoni rilevanti kollha li kienet ġiet sottomessa dwar is-sustanza inkwistjoni.

54      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet billi targumenta, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell kiser il-kompitu li huwa kellu fil-kuntest ta’ appell quddiemu, fit-tieni lok, li huwa ma ħax inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fil-kuntest tal-valutazzjoni tas-sustanzi, kellha ssir id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli u, fl-aħħar nett, fit-tielet lok, li l-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-imsemmi bord kien insuffiċjenti.

a)      Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kiser il-kompitu li huwa kellu fil-kuntest ta’ appell quddiemu

55      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kiser il-kompitu tiegħu ta’ stħarriġ. Hija targumenta li l-imsemmi bord sempliċement wettaq stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-ECHA, limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, huwa rrifjuta li jeżamina d-data xjentifika li hija kienet invokat u li jieħu inkunsiderazzjoni tar-rilevanza tagħha. Issa, skont hi, dan il-bord kien imissu pproċeda huwa stess għal eżami amministrattiv komplet. Tali eżami kien jinvolvi mhux biss stħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA mill-perspettiva legali, iżda wkoll eżami mill-ġdid tal-evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika li din id-deċiżjoni hija bbażata fuqhom, fid-dawl tad-data l-iktar rilevanti u, skont il-każ, ta’ data żvelata matul il-proċedura ta’ appell. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, konformement mal-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali, l-istess bord, li jkun jista’ jeżerċita kwalunkwe setgħa li taqa’ taħt il-kompetenza tal-ECHA, kien ikun meħtieġ jeżamina jekk, meta huwa ta deċiżjoni dwar l-appell, fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti kollha, setgħetx tiġi legalment adottata jew le deċiżjoni ġdida bl-istess dispożittiv bħad-deċiżjoni tal-ECHA. Fil-kuntest ta’ tali eżami, il-bord inkwistjoni jkun suġġett għall-istess obbligi sostantivi u għall-istess oneru tal-prova bħal dawk li l-ECHA kienet suġġetta għalihom fil-kuntest tal-eżami tagħha. L-eżami mwettaq mill-Bord tal-Appell għalhekk kellu jkun ibbażat ukoll fuq il-punti li kienu ġew sottomessi matul il-proċedimenti quddiemu.

56      Insostenn tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti targumenta, l-ewwel nett, li, bis-saħħa tal-Artikolu 76(1)(h) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Bord tal-Appell jagħmel parti mill-ECHA. It-tieni nett, ir-raġuni għall-mekkaniżmu ta’ eżami intern hija li tiġi żgurata l-kwalità xjentifika u l-leġittimità regolatorja tad-deċiżjonijiet tal-ECHA. It-tielet nett, l-imsemmi bord għandu l-kompitu li jeżamina l-appell bl-iktar mod effikaċi u effiċjenti possibbli. Ir-raba’ nett, tali approċċ jippermetti lil dan il-bord jeżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, il-punti rilevanti kollha tal-każ ineżami, abbażi tad-data xjentifika l-iktar rilevanti u skont prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ indipendenza u ta’ trasparenza. Il-ħames nett, l-istess bord għandu l-istess kapaċità ta’ investigazzjoni bħall-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Bis-saħħa tal-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 771/2008 tal‑1 ta’ Awwissu 2008 li jistipula r-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-Bord tal-Appell tal-ECHA (ĠU 2008, L 206, p. 5), dan tal-aħħar huwa awtorizzat jieħu inkunsiderazzjoni tad-data xjentifika u tal-motivi wara d-deċiżjoni tal-ECHA. Dan jippermettilu jadatta l-eżami tiegħu u li jieħu inkunsiderazzjoni tar-riċerki xjentifiċi l-iktar riċenti fil-qasam. Is-sitt nett, l-appelli mid-deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni tas-sustanzi huma rregolati bl-istess regoli bħall-appelli mid-deċiżjonijiet l-oħrajn tal-ECHA. Is-seba’ nett, bis-saħħa tal-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 u tal-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali, il-Bord tal-Appell jista’ jeżerċita kwalunkwe setgħa li taqa’ taħt il-kompetenza tal-ECHA. Għalhekk huwa seta’ jemenda d-deċiżjoni tal-ECHA jew jissostitwiha bid-deċiżjoni rispettiva tiegħu. It-tmien nett, l-appelli quddiem il-Bord tal-Appell għandhom effett sospensiv. Id-disa nett, l-approċċ segwit fid-deċiżjoni kkontestata joħloq vojt fil-proċess deċiżjonali li l-leġiżlatur u l-qorti tal-Unjoni fittxew li jevitaw.

57      L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

58      Preliminarjament, qabel tingħata tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti, għandhom jiġu eżaminati l-portata u l-intensità tal-istħarriġ li l-Bord tal-Appell għandu jwettaq f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tal-ECHA u, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni tas-sustanzi.

1)      Fuq il-portata u l-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell

i)      Fuq il-portata tal-istħarriġ

59      Għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 jew tar-Regolament Nru 771/2008 ma tipprevedi espliċitament li, fil-kuntest ta’ appell quddiemu minn deċiżjoni tal-ECHA li titlob informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, il-Bord tal-Appell għandu jwettaq eżami “de novo”, kif maħsub mir-rikorrenti, jiġifieri eżami li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, meta huwa jiddeċiedi fuq l-appell, fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti kollha, b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ natura xjentifika, tistax tiġi legalment adottata jew le deċiżjoni ġdida bl-istess dispożittiv bħad-deċiżjoni kkontestata.

60      Għall-kuntrarju, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 u tar-Regolament Nru 771/2008 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ tali appell, il-Bord tal-Appell sempliċement eżamina jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ humiex ta’ natura li juru l-eżistenza ta’ żball li jaffettwa d-deċiżjoni kkontestata.

61      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma ta’ natura kontradittorja.

62      L-Artikolu 93(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li r-regoli dwar il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma ffissati mill-Kummissjoni Ewropea konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, huma r-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 771/2008 li jirregolaw il-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord.

63      Fir-rigward tar-regoli dwar il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, b’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(e) u (f) tar-Regolament Nru 771/2008, l-avviż tal-appell għandu jinkludi t-talbiet legali u l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati u, fejn xieraq, in-natura ta’ kull prova prodotta u dikjarazzjoni li tispjega l-fatti li għalihom il-provi huma prodotti bħala appoġġ. Skont l-Artikolu 7(1) u (2)(b) u (c) ta’ dan ir-regolament, l-ECHA għandha tipproduċi risposta li tissodisfa l-istess rekwiżiti. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eżami ta’ l-appelli”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li l-partijiet ma jistgħu jipprovdu ebda prova oħra wara l-ewwel skambju ta’ noti, ħlief fil-każ ta’ dewmien debitament iġġustifikat, u li ma jistgħux jiġu preżentati talbiet ġodda wara l-ewwel skambju ta’ noti, ħlief jekk il-Bord tal-Appell jiddeċiedi li dawn it-talbiet huma bbażati fuq kwistjonijiet ġodda ta’ liġi jew ta’ fatt li nqalgħu fl-andament tal-proċedimenti.

64      Ir-regoli proċedurali stipulati mir-Regolament Nru 771/2008 jipprevedu għalhekk l-organizzazzjoni, quddiem il-Bord tal-Appell, ta’ dibattitu kontradittorju bejn l-appellanti f’dak il-każ, li tikkontesta deċiżjoni tal-ECHA, u din tal-aħħar bħala konvenuta, abbażi tat-talbiet, l-argumenti u l-provi prodotti, bħala prinċipju, fl-ewwel sottomissjonijiet ta’ noti. Dawn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament huma dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali li huma applikabbli għad-deċiżjonijiet kollha tal-Bord tal-Appell, indipendentement min-natura tad-deċiżjoni kkontestata quddiemu.

65      Bħala konklużjoni intermedjarja, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-għan tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA huwa ddeterminat mit-talbiet imqajma mill-appellanti fil-kuntest tal-appell quddiem l-imsemmi bord. Fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza ta’ tali appell, dan il-bord għalhekk sempliċement jeżamina jekk it-talbiet imqajma mill-appellanti jistgħux jippruvaw li d-deċiżjoni kkontestata quddiemu hija vvizzjata bi żball, kif ukoll it-talbiet li għandhom jitqajmu ex officio.

66      In-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ma hijiex ikkontestata bl-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, li jipprovdi li l-Bord tal-Appell jista’ jeżerċita kwalunkwe setgħa li taqa’ taħt il-kompetenza tal-aġenzija jew jibgħat il-każ lill-korp kompetenti tal-aġenzija għal azzjoni ulterjuri. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirregola biss il-kompetenzi li jkollu l-Bord tal-Appell wara li jkun ikkonstata li appell quddiemu kien fondat. Min-naħa l-oħra, din ma tirregolax il-portata tal-istħarriġ magħmul mill-imsemmi bord fir-rigward tal-fondatezza ta’ appell quddiemu.

67      Barra minn hekk, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li, skont l-Artikolu 76(1)(h) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Bord tal-Appell jagħmel parti integrali mill-ECHA u li d-dispożizzjonijiet li l-ECHA tibbaża ruħha fuqhom meta hija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza jagħmlu riferiment għall-“Aġenzija” li l-imsemmi bord huwa obbligat isegwi l-istess proċedura bħall-ECHA meta din tal-aħħar tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza, skont l-istess regoli ta’ proċedura.

68      Fil-fatt, mill-istruttura tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li r-regoli ta’ proċedura li huma indirizzati lill-“Aġenzija”, li japplikaw għall-ECHA meta din tadotta deċiżjoni fl-ewwel istanza, ma jistgħux japplikaw direttament għall-Bord tal-Appell.

69      Bħalma juri l-eżempju tar-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li titlob informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, applikazzjoni diretta ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura lill-Bord tal-Appell twassal għal riżultati li jkunu kuntrarji għall-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006.

70      Fil-fatt, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li tkun ġiet innominata sabiex timplimenta l-proċess ta’ valutazzjoni ta’ sustanza indikata fil-pjan ta’ azzjoni Komunitarju rikorrenti minħabba tħassib dwar il-proprjetajiet ta’ persistenza, ta’ bijokumulazzjoni u ta’ tossiċità tagħha (iktar ’il quddiem l-“awtorità nnominata”) tqis li xi informazzjoni addizzjonali hija neċessarja, skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, hija għandha tfassal abbozz ta’ deċiżjoni fit-tnax-il xahar ta’ wara l-publikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni Komunitarju rikorrenti fuq is-sit tal-internet tal-ECHA għas-sustanzi li għandhom jiġu evalwati dik is-sena. Id-deċiżjoni għalhekk tittieħed konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 50 u 52 tal-imsemmi regolament.

71      L-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1907/2006 jirregola d-drittijiet tar-reġistranti u tal-utenti downstream. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-ECHA għandha tinnotifika l-abbozz ta’ deċiżjoni lir-reġistranti jew lill-utenti downstream ikkonċernati. Jekk ir-reġistranti jew l-utenti downstream ikkonċernati jixtiequ jippreżentaw xi osservazzjonijiet, huma għandhom jinnotifikawhom lill-ECHA fi żmien tletin jum minn meta jirċevuh. Din tal-aħħar min-naħa tagħha għandha tinforma lill-awtorità nnominata dwar in-notifika tal-osservazzjonijiet mingħajr dewmien. L-imsemmi awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe osservazzjoni riċevuta u konsegwentement tista’ temenda l-abbozz ta’ deċiżjoni.

72      Skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-awtorità nnominata għandha tiċċirkola l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha kif ukoll l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-reġistrant jew l-utent downstream lill-ECHA u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

73      Skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(2) sa (8) tal-imsemmi regolament, dwar il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tad-dossier, għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza.

74      Skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-Istati Membri jistgħu jipproponu emendi għall-abbozz ta’ deċiżjoni fi żmien tletin jum miċ-ċirkolazzjoni. Jekk ma tintbagħat ebda proposta għal emendi lill-awtorità nnominata, bis-saħħa tal-Artikolu 51(3) tal-imsemmi regolament, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) ta’ dan ir-regolament, l-ECHA għandha tieħu d-deċiżjoni fil-verżjoni nnotifikata.

75      Meta l-awtorità nnominata tirċievi xi proposti għal emendi, hija tista’ temenda l-abbozz ta’ deċiżjoni, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament. Fi żmien ħmistax-il jum mit-tmiem tal-perijodu ta’ tletin jum previst għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet, l-imsemmija awtorità għandha tirreferi abbozz ta’ deċiżjoni, flimkien ma’ kwalunkwe emendi proposti, lill-Kumitat tal-Istati Membri u lill-ECHA, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 51(4) ta’ dan ir-regolament, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-istess regolament. Skont l-Artikolu 51(5) tar-regolament inkwistjoni, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-istess regolament, hija għandha tibagħtu wkoll lir-reġistranti u lill-utenti downstream ikkonċernati, li jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom. Jekk, fi żmien sittin jum mir-riferiment tal-abbozz ta’ deċiżjoni, il-Kumitat tal-Istati Membri jilħaq ftehim unanimu dwaru, skont l-Artikolu 51(6) tar-regolament ikkonċernat, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-istess regolament, l-ECHA għandha konsegwentement tagħti d-deċiżjoni tagħha.

76      Min-naħa l-oħra, jekk il-Kumitat tal-Istati Membri ma jasalx għal ftehim unanimu, skont l-Artikolu 51(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, kif applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-imsemmi regolament, il-Kummisjoni għandha tipprepara abbozz ta’ deċiżjoni li għandha tittieħed konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 133(3) ta’ dan ir-regolament.

77      Għaldaqstant, jekk, fil-kuntest ta’ appell kontra deċiżjoni li titlob informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, il-Bord tal-Appell kien obbligat li jsegwi l-istess proċedura bħall-ECHA meta din tal-aħħar tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza, minħabba l-fatt li dan jagħmel parti mill-“Aġenzija”, dan jimplika li dan il-bord ikun jista’ jadotta deċiżjoni biss fil-każ ta’ ftehim unanimu minn qabel fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 51(6) tar-Regolament Nru 1907/2006.

78      Issa, tali approċċ ma huwiex konformi mal-għan tal-leġiżlatur li jippermetti stħarriġ, mill-Bord tal-Appell, tad-deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza.

79      Xi kunsiderazzjonijiet analogi huma applikabbli għall-proċedura li tirregola l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni tad-dossiers, li fil-kuntest tagħha l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1907/2006 huwa applikabbli direttament.

80      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kuntrarjament għal dak li huwa previst għall-bordijiet tal-appell ta’ aġenziji oħrajn, bħall-Bord tal-Appell tal-EUIPO, ir-regoli applikabbli għall-Bord tal-Appell tal-ECHA ma jinkludu ebda dispożizzjoni li tipprevedi li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-diviżjoni li tkun adottat id-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell huma applikabbli mutatis mutandis għall-proċedimenti tal-appell (f’dak li jirrigwarda r-regoli applikabbli għall-Bord tal-Appell tal-EUIPO, ara l-punt 96 iktar ’il quddiem).

81      Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li appell quddiem il-Bord tal-Appell minn deċiżjoni tal-ECHA li titlob informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza jista’ jkollu biss bħala suġġett li jiġi eżaminat jekk il-punti sottomessi mill-appellanti f’dak il-każ jippruvawx li din id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żbalji.

82      Fl-fatt, deċiżjoni tal-ECHA li titlob informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza hija adottata abbażi tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, li jidħol fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VI tal-imsemmi regolament li għandu bħala suġġett il-valutazzjoni tas-sustanzi, kif ukoll tal-Artikolu 50(1), tal-Artikolu 52 u tal-Artikolu 51(2) sa (6) ta’ dan ir-regolament, kif applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 51(2) tal-istess regolament.

83      Bħalma jirriżulta mill-Artikoli 44 sa 48 tar-Regolament Nru 1907/2006, moqrija fid-dawl tal-premessi 66 sa 68 tal-imsemmi regolament, il-proċess ta’ valutazzjoni tas-sustanzi, li tidħol fih l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li titlob informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, jirrigwarda t-twettiq ta’ valutazzjoni iktar fil-fond tas-sustanzi meqjusa bħala prijoritarji fid-dawl tar-riskji li dawn jista’ jkollhom għas-saħħa tal-bniedem jew tar-riskji ambjentali. Tali valutazzjoni, li ssir mill-awtorità nnominata, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament), għandha tiġi fdata lil esperti xjentifiċi.

84      Bħalma jirriżulta mill-Artikolu 46(1) u mill-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1907/2006, moqrija flimkien mal-Artikolu 51(2) sa (8) tal-imsemmi regolament, il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni li titlob informazzjoni addizzjonali tinbeda abbażi ta’ abbozz imfassal mill-awtorità nnominata, jekk din tqis li xi informazzjoni addizzjonali hija neċessarja. Bħalma huwa espost fil-punt 75 iktar ’il fuq, din il-proposta twassal għal deċiżjoni tal-ECHA fil-każ ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 51(3) jew (6) ta’ dan ir-regolament, applikabbli mutatis mutandis bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) tal-istess regolament, jiġifieri meta ma tkun saret ebda osservazzjoni fuq il-proposta għal deċiżjoni mill-Istati Membri jew mill-ECHA jew, fil-każ li tkun saret tali osservazzjoni, fil-każ ta’ ftehim unanimu fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri.

85      Tali deċiżjoni hija għalhekk imfassla f’kuntest ta’ inċertezza u bbażata fuq il-valutazzjonijiet xjentifiċi tal-esperti xjentifiċi tal-awtorità nnominata ta’ Stat Membru u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn. Issa, għandu jiġi kkonstatat li la mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 u lanqas minn dawk tar-Regolament Nru 771/2008 ma jirriżulta li din il-valutazzjoni xjentifika għandha tiġi rripetuta fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. Għall-kuntrarju, bħalma ġie espost fil-punti 68 sa 79 iktar ’il fuq, mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni addizzjonali jirriżulta li l-Artikoli 46 u 50 sa 52 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma humiex direttament applikabbli għall-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell.

86      Konsegwentement, appell quddiem il-Bord tal-Appell minn deċiżjoni tal-ECHA li titlob informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza jista’ biss ikollu bħala għan li jiġi eżaminat jekk il-punti sottomessi mill-appellanti f’dak il-każ jippruvawx li din id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żbalji. Għalhekk, fil-kuntest ta’ tali appell, l-appellanti f’dak il-każ ma tistax sempliċement targumenta li r-riżultat tal-valutazzjoni li l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata fuqu kellu jkun differenti, iżda hija r-responsabbiltà tagħha li tqajjem argumenti intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji li jivvizzjaw il-valutazzjoni xjentifika li d-deċiżjoni inkwistjoni hija bbażata fuqha.

ii)    Fuq l-intensità tal-istħarriġ

87      Fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell, għandu jitfakkar li, ċertament, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, l-istħarriġ li l-qorti tal-Unjoni twettaq huwa limitat meta dan jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ punti ta’ fatt ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali evalwazzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni sempliċement tistħarreġ jekk dawn humiex ivvizzjati bi żball manifest, b’użu ħażin ta’ poter jew jekk l-awtur tad-deċiżjoni manifestament qabiżx il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tapplika għall-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell tal-ECHA. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-membri ta’ dan il-korp, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 771/2008, mill-inqas membru wieħed għandu jkun ikkwalifikat legalment u mill-inqas membru wieħed għandu jkun ikkwalifikat teknikament, konformement mar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1238/2007 tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar l-istipular ta’ regoli fir-rigward tal-kwalifiki tal-membri tal-Bord tal-Appell tal-ECHA (ĠU 2007, L 280, p. 10). Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, il-membri kkwalifikati teknikament għandu jkollhom laurea universitarja jew kwalifika ekwivalenti u għandu jkollhom esperjenza professjonali sostanzjali fil-valutazzjoni tal-perikoli, il-valutazzjoni tal-esponiment jew fl-immaniġġjar tar-riskji fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem jew ir-riskji ambjentali tas-sustanzi kimiċi jew f’oqsma relatati. Minn dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi dedott li l-leġiżlatur ried jagħti lill-Bord tal-Appell tal-ECHA t-tagħrif espert neċessarju sabiex dan ikun jista’ jwettaq huwa nnifsu evalwazzjonijiet dwar punti fattwali ta’ natura xjentifika kumplessi ħafna.

89      Għaldaqstant, l-istħarriġ, mill-Bord tal-Appell, tal-evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika li jinsabu f’deċiżjoni tal-ECHA ma huwiex limitat għall-verifika tal-eżistenza ta’ żbalji manifesti. Għall-kuntrarju, f’dan ir-rigward, billi jibbaża ruħu fuq il-kompetenzi legali u xjentifiċi tal-membri tiegħu, l-imsemmi bord għandu jeżamina jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ jistgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li l-imsemmija deċiżjoni tal-ECHA hija bbażata fuqhom huma vvizzjati bi żbalji.

2)      Fuq l-argumenti mqajma mir-rikorrenti

90      Huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti dwar il-portata u l-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mir-rikorrenti.

91      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li, skont l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, teżisti kontinwità funzjonali bejn il-Bord tal-Appell u l-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza li hija paragunabbli ma’ dik li teżisti bejn il-bordijiet tal-appell tal-EUIPO u d-diviżjonijiet ta’ dan l-uffiċċju u li, minħabba din il-kontinwità funzjonali, fil-kuntest ta’ appell quddiemu minn deċiżjoni tal-ECHA, il-Bord tal-Appell ta’ din l-aġenzija jkun obbligat jagħmel eżami mill-ġdid sħiħ tal-kwistjonijiet kollha, b’mod partikolari xjentifiċi, indirizzati fid-deċiżjoni kkontestata quddiemu.

92      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 60 sa 80 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, ir-regoli proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza ma humiex applikabbli direttament. Għall-kuntrarju, l-imsemmi bord japplika r-regoli proċedurali previsti mir-Regolamenti Nri 1907/2006 u 771/2008, li huma previsti speċifikament għall-proċedimenti quddiemu, u għalhekk sempliċement jeżamina, fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja, jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex ivvizzjata bi żball. Fi kwalunkwe każ, bħalma ġie espost fil-punti 81 sa 86 iktar ’il fuq, mill-inqas fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni tal-ECHA li titlob informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, il-Bord tal-Appell sempliċement iwettaq tali eżami.

93      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, bħalma ġie rrilevat fil-punt 66 iktar ’il fuq, l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jirregola biss il-kompetenzi li jkollu l-Bord tal-Appell wara li jkun ikkonstata li appell quddiemu kien fondat, u mhux il-portata tal-istħarriġ magħmul mill-imsemmi bord fir-rigward tal-fondatezza ta’ appell ippreżentat quddiemu.

94      It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ġurisprudenza dwar il-bordijiet tal-appell tal-EUIPO, għandu jitfakkar li, ċertament, skont il-ġurisprudenza, bħala effett tal-appell li jsirlu, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO jkun mitlub jagħmel eżami ġdid u sħiħ, fil-fatt u fid-dritt, tal-mertu tat-talba jew tat-tilwima li hija adita biha d-diviżjoni li tiddeċiedi fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 57). Bord tal-appell tal-EUIPO għalhekk ma jistax sempliċement jistħarreġ jekk, fid-dawl tal-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ, id-deċiżjoni tad-diviżjoni tal-EUIPO li tiddeċiedi fl-ewwel istanza hijiex ivvizzjata bi żball, iżda għandu jeżamina jekk tistax tiġi legalment adottata jew le deċiżjoni ġdida bl-istess dispożittiv bħad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell, meta huwa jiddeċiedi fuq dan l-appell. Għalhekk, il-portata tal-eżami li l-Bord tal-Appell għandu jagħmel fil-konfront tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell ma hijiex, bħala prinċipju, iddeterminata mit-talbiet invokati mill-parti li tkun ippreżentat l-appell (sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T‑308/01, EU:T:2003:241, punti 26 u 29, u tas‑16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, EU:T:2005:102, punt 36).

95      Madankollu, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għall-Bord tal-Appell tal-ECHA. Fil-fatt, in-natura u l-portata tal-eżami mwettaq mill-bordijiet tal-appell tal-EUIPO jiddependi ħafna mill-kuntest leġiżlattiv u regolatorju li dawn jidħlu fih, li huwa differenti ħafna minn dak li jidħol fih il-Bord tal-Appell tal-ECHA.

96      F’dan il-kuntest, qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li, fl-istruttura tas-sistema stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura quddiem id-diviżjonijiet tal-EUIPO huma applikabbli mutatis mutandis għall-proċeduri ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell. Dan huwa l-każ għad-dispożizzjonijiet ġenerali previsti fit-Taqsima I tal-Kapitolu IX tar-Regolament 2017/1001, u b’mod partikolari tal-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li l-EUIPO għandu jagħmel eżami ex officio tal-fatti, minbarra fil-proċedimenti dwar raġunijiet relattivi għal rifjut u l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija skont l-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament. Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 48 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1) jipprevedi li, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment tal-EUIPO li jkun adotta d-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ appell huma applikabbli mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ appell.

97      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ECHA, għandu jitfakkar mhux biss li, bħalma ġie espost fil-punti 68 sa 79 iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet adottati minn din l-aġenzija fl-ewwel istanza ma humiex applikabbli għall-proċedimenti ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, iżda għandu jiġi rrilevat ukoll li r-regoli applikabbli għall-imsemmi bord ma jipprevedu ebda dispożizzjoni paragunabbli għall-Artikolu 48 tar-Regolament Delegat 2018/625, li jipprevedi li r-regoli proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-ECHA meta din tal-aħħar tiddeċiedi fl-ewwel istanza huma applikabbli mutatis mutandis għall-proċedimenti quddiem dan il-bord.

98      Sussegwentement, huwa minnu li l-ġurisprudenza dwar il-bordijiet tal-Appell tal-EUIPO ċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq hija bbażata b’mod partikolari fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001, li tipprovdi li dan il-bord jista’ jew jeżerċita l-kompetenzi tad-dipartiment li jkun ħa d-deċiżjoni kkontestata, jew jirrinvija l-każ lill-imsemmi dipartiment għat-tkomplija tal-proċedimenti. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni tinkludi indikazzjoni mhux biss fir-rigward tal-kontenut li jista’ jkollha deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO, iżda wkoll fir-rigward tal-portata tal-eżami li dan għandu jwettaq fil-konfront tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2003, KLEENCARE, T‑308/01, EU:T:2003:241, punt 24).

99      Madankollu, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001 hija simili għal dik tal-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jippermettix li din il-ġurisprudenza tiġi trasposta għall-Bord tal-Appell tal-ECHA.

100    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li qabel it-tieni sentenza tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001 hemm l-ewwel sentenza li minnha jirriżulta li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO għandu jeżerċita s-setgħat previsti fit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu “[w]ara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilità tal-appell”. Skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament jirrigwarda għalhekk il-kwistjoni dwar liema setgħat għandu dan il-bord wara li jkun ikkonstata li appell quddiemu kien fondat.

101    Madankollu, mill-kuntest leġiżlattiv li jidħol fih l-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti quddiem id-diviżjonijiet tal-EUIPO huma applikabbli (ara l-punt 96 iktar ’il fuq) u li għalhekk dan il-bord għandu jeżamina jekk tistax tiġi legalment adottata jew le deċiżjoni ġdida bl-istess dispożittiv bħad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell, meta huwa jiddeċiedi fuq dan l-appell. Għalhekk, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq għandha tinqara fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv li l-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001 jidħol fih. Għalhekk minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, li jidħol f’kuntest leġiżlattiv differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina waħdu l-portata tal-eżami li l-Bord tal-Appell tal-ECHA għandu jwettaq fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza ta’ appell quddiemu.

102    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li n-natura tal-kompiti tal-EUIPO u tad-deċiżjonijiet li dan l-uffiċċju jadotta ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-kompiti u tad-deċiżjonijiet tal-ECHA. Bħalma jirriżulta mill-premessa 27 tar-Regolament 2017/1001, huwa l-EUIPO li għandu jieħu l-miżuri amministrattivi ta’ eżekuzzjoni fuq il-livell tal-Unjoni li d-dritt tat-trade marks jeħtieġ għal kull trade mark. Bħalma jista’ jiġi dedott mill-premessi 40 u 41 ta’ dan ir-regolament, dawn il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jinvolvu, b’mod partikolari, li l-EUIPO għandu jagħti deċiżjoni fuq l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u fuq il-proċeduri mibdija mit-terzi sabiex jopponu għal tali reġistrazzjoni jew sabiex iwaqqfuha. F’dak li jirrigwarda l-ECHA, din hija inkarigata, skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1907/2006, li tiżgura, b’mod ċentralizzat, amministrazzjoni effikaċi tal-aspetti tekniċi, amministrattivi u xjentifiċi tas-sistema ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent stabbilita b’dan ir-regolament kontra r-riskji marbuta mal-manifattura, maċ-ċirkolazzjoni u mal-użu tas-sustanzi kimiċi. B’mod partikolari, mill-premessi 16 sa 21 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li wieħed mill-punti prinċipali ta’ din is-sistema, li hija l-ECHA li għandha timplimenta, huwa l-obbligu għall-produtturi u l-importaturi tas-sustanzi kimiċi li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti u disponibbli kollha fuq il-perikoli ppreżentati minn dawn is-sustanzi u sabiex tippromwovi miżuri ta’ amministrazzjoni xierqa tar-riskji. Huwa fil-kuntest ta’ dawn l-obbligi li jaqgħu d-deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni addizzjonali adottati mill-ECHA.

103    Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, protezzjoni ġudizzjarja xierqa kontra tali deċiżjonijiet mhux neċessarjament tkun żgurata billi l-istħarriġ tagħhom mill-Bord tal-Appell tal-ECHA jiġi suġġett għar-rekwiżiti applikabbli għall-istħarriġ imwettaq mill-bordijiet tal-appell tal-EUIPO. Fil-fatt, bħalma jista’ jiġi dedott mill-premessa 42 tar-Regolament 2017/1001, jista’ jiġi ġġustifikat, sabiex jiġi żgurat trattament effikaċi u effiċjenti tal-applikazzjonijiet u tat-tilwim quddiem l-EUIPO, li jitqies li huwa l-kompitu tal-bordijiet tal-appell ta’ dan l-uffiċċju li jeżaminaw mill-ġdid, fuq il-mertu, dawn l-applikazzjonijiet u dawn it-tilwimiet, billi jissostitwixxu ruħhom f’dan ir-rigward għad-dipartimenti tal-EUIPO. Min-naħa l-oħra, meta deċiżjoni amministrattiva timponi obbligi fuq individwi, bħal deċiżjoni tal-ECHA bbażata fuq l-Artikolu 46(1) u l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 51(2) sa (8) ta’ dan ir-regolament, il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ dawn l-individwi fil-konfront tal-imsemmija deċiżjoni ma tiġġustifikax tali sostituzzjoni, iżda teżiġi biss li l-Bord tal-Appell jistħarreġ jekk id-deċiżjoni inkwistjoni hijiex ivvizzjata bi żball.

104    Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, skont l-Artikolu 76(1)(h) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Bord tal-Appell jagħmel parti integrali mill-ECHA, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq, il-fatt li l-imsemmi bord huwa korp tal-ECHA u mhux korp distint ta’ din l-aġenzija ma jistax, minnu nnifsu, jiddetermina minn qabel in-natura u l-portata tal-eżami li huwa l-kompitu tiegħu li jwettaq, indipendentement mid-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-kompetenzi ta’ dan il-korp u mir-regoli proċedurali li huma applikabbli għalih, min-natura tad-deċiżjonijiet suġġetti għall-istħarriġ tiegħu u mill-għanijiet ta’ protezzjoni legali li huwa għandu jissodisfa.

105    Fit-tielet lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell għandu kapaċitajiet ta’ investigazzjoni li jippermettulu jadotta deċiżjoni bbażata fuq eżami mill-ġdid fil-fatt u fil-liġi tal-kwistjonijiet ittrattati mill-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza.

106    L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell għandu l-istess kapaċitajiet ta’ investigazzjoni bħall-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq, fid-dawl tan-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord u tal-fatt li, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-appell quddiemu, ir-regoli proċedurali applikabbli għall-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza ma jistgħux japplikaw, ma jistax jitqies li dan il-bord għandu l-istess kapaċitajiet ta’ investigazzjoni bħall-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza.

107    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008, li jippermetti lill-Bord tal-Appell jieħu inkunsiderazzjoni tal-punti li jkunu ġew prodotti għall-ewwel darba matul il-proċedimenti ta’ appell, jikkonferma li l-imsemmi bord għandu jwettaq huwa stess eżami mill-ġdid tal-evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika li jiġġustifikaw it-talba għal informazzjoni addizzjonali.

108    Issa, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008 ma tistax tkun konvinċenti.

109    Minn naħa, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 6(1)(f) ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 6(1)(f) tal-imsemmi regolament, bħala prinċipju, in-natura ta’ kull prova prodotta u dikjarazzjoni li tispjega l-fatti li għalihom il-provi huma prodotti bħala appoġġ għandhom ikunu diġà inklużi fl-avviż tal-appell. Bħalma jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 6(1)(f) u tal-Artikolu 12(1) tar-regolament inkwistjoni, bħala prinċipju, il-partijiet ma jistgħux jipproduċi provi oħrajn wara l-ewwel skambju ta’ noti. Madankollu hija prevista eċċezzjoni għall-preżentazzjoni ta’ provi ġodda li d-dewmien tagħhom huwa debitament iġġustifikat. L-Artikolu 12(1) tal-istess regolament sempliċement jirregola l-kwistjoni dwar f’liema ipoteżi, fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja quddiem il-Bord tal-Appell, il-produzzjoni ta’ prova li ma kinitx diġà fl-avviż tal-appell tista’ tiġi ppreżentata fi stadju ulterjuri ta’ dawn il-proċedimenti.

110    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008 ma jistax jiġi assimilat ma’ regola bħall-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001, dwar l-EUIPO, li jipprevedi li dan l-“[u]ffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati”.

111    Fil-fatt, l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001 jinsab fost ir-regoli proċedurali li huma applikabbli mhux biss għad-diviżjoni tal-EUIPO li tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza, iżda wkoll għall-Bord tal-Appell ta’ dan l-uffiċċju. Min-naħa l-oħra. l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008 jirrigwarda biss il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, u sempliċement jippreċiża f’liema każijiet il-produzzjoni ta’ provi li ma jissemmewx fl-avviż tal-appell tista’ titqies bħala ammissibbli.

112    Għalhekk, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008 u tal-kuntest li din id-dispożizzjoni tidħol fih, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott minn dan li l-Bord tal-Appell huwa obbligat, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, li jwettaq eżami mill-ġdid tal-evalwazzjonijiet ta’ natura xjentifika li jkunu ġġustifikaw it-talba li tiġi ppreżentata informazzjoni addizzjonali.

113    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008 għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.

114    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-approċċ tar-rikorrenti, skont liema, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, il-Bord tal-Appell għandu jwettaq l-investigazzjoni tiegħu stess, fi kwalunkwe każ, ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 u mal-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament dwar il-valutazzjoni tas-sustanzi.

115    Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punti 81 sa 86 iktar ’il fuq, deċiżjoni li titlob informazzjoni addizzjonali hija adottata, f’kuntest ta’ inċertezza fuq ir-riskji li għandha s-sustanza inkwistjoni, abbażi ta’ abbozz stabbilit mill-awtorità nnominata ta’ Stat Membru. Bħalma ġie espost fil-punti 70 sa 76 iktar ’il fuq, ir-regoli tar-Regolament Nru 1907/2006 li jirregolaw il-proċedura għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni tal-ECHA jagħtu rwol importanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dawn huma intiżi li jinvolvu l-esperti tal-Istati Membri fil-kuntest tat-teħid tad-deċiżjoni, sabiex isir riferiment għat-tagħrif espert disponibbli fuq il-livell tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-diversi kwistjonijiet xjentifiċi li jqumu matul il-valutazzjoni ta’ sustanza. Barra minn hekk, bħalma jirriżulta mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni u mill-premessa 67 tal-imsemmi regolament, il-proċedura prevista għall-valutazzjoni tas-sustanzi u tad-dossiers hija bbażata fuq il-prinċipju skont liema ftehim unanimu fi ħdan il-Kumitat tal-Istati Membri dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet (jew ftehim bejn l-Istati Membri u l-ECHA) għandu jikkostitwixxi l-bażi ta’ sistema effikaċi li tosserva l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. F’dan il-kuntest, huwa utli li jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(7) ta’ dan ir-regolament, applikabbli direttament għad-deċiżjonijiet meħuda dwar il-valutazzjoni tad-dossiers, u skont l-Artikolu 52(2) tal-istess regolament, applikabbli mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tas-sustanzi, fl-assenza ta’ tali ftehim, id-deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ dossier jew ta’ sustanza ma tistax tiġi adottata fuq il-livell tal-ECHA, iżda għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni.

116    Issa, l-approċċ tar-rikorrenti, li jimplika li l-Bord tal-Appell iwettaq huwa stess eżami tal-valutazzjonijiet ta’ natura xjentifika li talba għal informazzjoni addizzjonali hija bbażata fuqhom, billi jwettaq l-investigazzjoni tiegħu stess, ma jiħux biżżejjed inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, l-approċċ segwit mill-Bord tal-Appell, li jikkonsisti fil-fatt li, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza ta’ appell quddiemu, huwa sempliċement jistħarreġ jekk, fid-dawl tal-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ, il-kunsiderazzjonijiet li d-deċiżjoni kkontestata quddiemu hija bbażata fuqhom humiex ivvizzjati bi żbalji, huwa konformi ma’ dawn l-għanijiet.

117    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, meta l-eżami tat-talbiet imqajma mill-appellanti fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja prevista mir-Regolament Nru 771/2008 juri li deċiżjoni tal-ECHA hija vvizzjata bi żball, skont l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, huwa l-kompitu tal-Bord tal-Appell li jiddeċiedi jekk jibgħatx il-kawża lura lill-korp kompetenti ta’ din l-aġenzija jew jekk jadottax huwa stess deċiżjoni finali.

118    Fil-fatt, fl-ipoteżi li l-appell quddiem il-Bord tal-Appell huwa fondat, l-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 jagħti setgħa diskrezzjonali lill-imsemmi bord. Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, dan il-bord għandu jeżamina jekk il-punti li huwa għandu fid-dispożizzjoni tiegħu wara l-eżami tal-appell jippermettulux li jadotta d-deċiżjoni rispettiva tiegħu. Barra minn hekk, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-proċedura prevista għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza. Minkejja li din il-proċedura tagħti rwol importanti lil ċerti atturi, bħalma tipprevedi l-proċedura prevista għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tad-dossiers u tas-sustanzi għall-Istati Membri u l-Kumitat tal-Istati Membri, huwa għandu jeżamina jekk l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali fil-livell tiegħu hijiex konformi mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament jew jekk l-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-proċedimenti quddiem l-ECHA meta din tal-aħħar tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza u tal-għanijiet imfittxija minnha jeżiġux li l-każ jintbagħat lura quddiem il-korp kompetenti ta’ din l-aġenzija.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-kapaċitajiet ta’ investigazzjoni tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu miċħuda.

120    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti targumenta li mill-prattika tal-Bord tal-Appell jirriżulta li dan tal-aħħar jitqies bħala estensjoni funzjonali tal-ECHA li tiddeċiedi fl-ewwel istanza. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq huma bbażati direttament fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 1907/2006 u 771/2008 u għalhekk ma jistgħux jiġu kkontestati mill-prattika tal-imsemmi bord.

121    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti targumenta li r-Regolamenti Nri 1907/2006 u 771/2008 jipprevedu regoli identiċi għall-appelli mid-deċiżjonijiet kollha tal-ECHA msemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punt 59 iktar ’il fuq, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-regolamenti msemmija iktar ’il fuq ma tipprevedi l-obbligu għall-Bord tal-Appell li jwettaq eżami de novo ta’ deċiżjoni tal-ECHA. Fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet esposti fil-punti 81 sa 86 iktar ’il fuq, tali obbligu ma jeżistix għad-deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza.

122    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti targumenta li l-għan ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell ma huwiex li jitwettaq stħarriġ ta’ legalità limitat ta’ deċiżjoni tal-ECHA identika għal dik eżerċitata mill-qrati tal-Unjoni.

123    Dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll bħala nieqes minn rilevanza.

124    Fil-fatt, bħalma ġie espost mill-punti 87 sa 89 iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet ta’ punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, l-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell hija ogħla minn dik tal-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni.

125    Fis-seba’ lok, ir-rikorrenti targumenta li, skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, appell quddiem il-Bord tal-Appell għandu effett sospensiv, bħall-appelli quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

126    Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li l-appelli quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA għandhom effett sospensiv ma jistax jimplika li l-Bord tal-Appell għandu jwettaq huwa stess eżami ġdid tal-evalwazzjonijiet ta’ punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika li jiġġustifikaw talba għal informazzjoni addizzjonali.

127    Għall-kuntrarju, l-effett sospensiv tal-appelli quddiem il-Bord tal-Appell jipponta kontra tali approċċ.

128    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li wieħed mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006 huwa l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-manifattura u tal-użu ta’ sustanzi li għandhom effetti dannużi fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Il-valutazzjoni ta’ sustanza hija intiża għalhekk li tiddetermina jekk din hijiex persistenti, bijo-akkumulattiva jew tossika jew persistenti ħafna jew bijo-akkumulattiva ħafna. Id-deċiżjonijiet tal-ECHA li jitolbu informazzjoni addizzjonali huma għalhekk neċessarji sabiex titwettaq tali valutazzjoni.

129    Issa, minkejja li, bħalma targumenta r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kellu sistematikament iwettaq huwa stess eżami mill-ġdid tal-evalwazzjonijiet ta’ punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika li jiġġustifika talba għal informazzjoni addizzjonali, it-tul tal-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord jistgħu jkunu itwal, li jkun jista’ jwassal għal dewmien fit-tfassil tal-istudji li jinkludu l-informazzjoni addizzjonali li hija għalhekk neċessarja sabiex titwettaq il-valutazzjoni tas-sustanza inkwistjoni.

130    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-effett sospensiv tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell għandu jiġi miċħud ukoll.

131    Għalhekk, l-argumenti kollha tar-rikorrenti intiżi li juru li, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kiser il-kompitu li kien impost fuqu fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni tal-ECHA, għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli

132    Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kiser l-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Fl-imsemmi punt, l-imsemmi bord qies b’mod żbaljat li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli ma kinitx applikabbli fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza. Dan l-approċċ huwa applikabbli kemm fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta’ sustanza kif ukoll f’dak tal-valutazzjoni tagħha. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, qabel jitlob it-twettiq tat-test ta’ persistenza, dan il-bord kien imissu eżamina jekk id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli kinitx tippermetti li jittieħdu konklużjonijiet dwar ir-riskju li t-triclosan ikun persistenti. Huwa biss fl-ipoteżi li tali approċċ ma jkunx wassal għal riżultati konklużivi li t-twettiq ta’ ttestjar addizzjonali jkun seta’ jintalab. Issa, il-bord inkwistjoni ma wettaqx tali eżami. Barra minn hekk, l-imsemmi anness ma jindikax li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli hija imposta biss fuq ir-reġistranti.

133    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

134    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti mqajma mir-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell kien imissu wettaq huwa stess eżami ġdid, billi jwettaq huwa stess determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli. Fil-fatt, bħalma diġà ġie espost fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, l-imsemmi bord sempliċement jeżamina jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ jistgħux juru l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata quddiemu.

135    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell wettaq żball fil-kuntest tal-istħarriġ li huwa wettaq dwar id-deċiżjoni tal-ECHA.

136    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, bħala tali, il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fl-ewwel sentenza tal-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li, skont l-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006, jista’ jiġi segwit approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja sabiex jiġu emendati r-rekwiżiti ta’ informazzjoni standard fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta’ sustanza, ma hijiex żbaljata. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punt 1.2 ta’ dan l-anness, fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta’ sustanza, jekk tali approċċ jippermetti li tiġi kkonfermata l-eżistenza jew l-assenza ta’ proprjetà perikoluża partikolari, ikun hemm lok li wieħed jirrinunzja għal ittestjar addizzjonali fuq annimali vertebrati f’dak li jirrigwarda l-proprjetà inkwistjoni u jista’ jiġi rrinunzjat ittestjar addizzjonali li ma jużax annimali vertebrati.

137    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kiser l-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi rrilevat li t-tieni paragrafu tal-imsemmi anness sempliċement jindika li determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja bbażata fuq opinjoni esperta hija applikata għall-identifikazzjoni tas-sustanzi persistenti, bijo-akkumulattivi u tossiċi, kif ukoll għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi persistenti ħafna u bijo-akkumulattivi ħafna. Min-naħa l-oħra, ma hemmx riferiment espress għall-fażi tal-valutazzjoni tas-sustanzi. Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur ta’ dan l-anness għandhom jiġu miċħuda.

138    Fit-tielet lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq l-allegazzjoni li, li kieku kien ġie applikat approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli, kien ikun possibbli li jiġi evalwat jekk it-triclosan kienx persistenti u li, għalhekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kien jipprekludi li l-ECHA titlob informazzjoni addizzjonali.

139    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fit-tieni sentenza tal-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ħa ħsieb jesponi li, fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, l-ECHA setgħet titlob informazzjoni addizzjonali li tmur lil hinn mill-informazzjoni meħtieġa fil-kuntest tar-reġistrazzjoni tagħha meta, wara li tkun ħadet inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha li kienet ġiet sottomessa f’dak li jirrigwarda s-sustanza, l-imsemmija aġenzija tkun ikkonkludiet li din l-informazzjoni addizzjonali kienet neċessarja sabiex il-valutazzjoni tas-sustanza inkwistjoni ssir sew. Permezz tal-imsemmija sentenza, huwa għalhekk fakkar li l-ECHA kellha tieħu inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha fid-dispożizzjoni tagħha qabel titlob informazzjoni addizzjonali.

140    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, bħalma diġà ġie espost fil-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq, il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma proċeduri kontradittorji u l-portata tal-eżami mwettaq mill-imsemmi bord kien għalhekk limitat bl-argumenti mqajma mill-appellanti. Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li, fl-istadju tal-valutazzjoni ta’ sustanza, l-ECHA kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli, matul l-imsemmija proċedimenti, ir-rikorrenti kien imissha esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-applikazzjoni ta’ tali approċċ kienet tippermetti li tittieħed konklużjoni dwar l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ riskju ta’ persistenza.

141    Madankollu, fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx qajmet argumenti ddettaljati intiżi li juru l-eżistenza ta’ żbalji li jaffettwaw il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA li jiġġustifikaw il-konklużjoni tagħha skont liema informazzjoni addizzjonali kienet neċessarja. L-imsemmi aggravju kien ibbażat prinċipalment fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, skont liema, fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-informazzjoni rilevanti kollha kkomunikata dwar is-sustanza inkwistjoni. Issa, bħalma ġie espost fil-punt 52 iktar ’il fuq, fil-punti 59 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kien wieġeb għal dan l-argument prinċipali. F’dan il-kuntest, huwa rrileva li l-ECHA kienet ħadet inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni, iżda li din tal-aħħar kienet siltet konklużjoni differenti minnha minn dik tal-appellanti f’dak il-każ.

142    Ċertament, fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti qajmet ukoll argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li, li kieku l-ECHA kienet għamlet determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli, hija ma kinitx tikkonkludi li kien hemm ħtieġa għat-talba li jitwettaq it-test ta’ persistenza. Madankollu, f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, bħalma espona l-Bord tal-Appell fil-punti 57 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet esponiet b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-informazzjoni invokata mill-appellanti f’dak il-każ ma kinitx tippermetti li jiġi konkluż li ma kienx hemm riskju ta’ persistenza. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-imsemmi appell, l-appellanti ma żviluppatx argumenti intiżi li jikkontestaw il-motivi esposti fl-imsemmija deċiżjoni, iżda hija sempliċement invokat li kien missha saret determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli.

143    Fid-dawl tal-argumenti li l-appellanti f’dak il-każ qajmet fl-appell quddiem il-Bord tal-Appell, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk jeżistix obbligu li jiġi applikat l-approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, fi kwalunkwe każ, l-imsemmi bord ma jistax jiġi kkritikat li sempliċement fakkar, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li, qabel tadotta deċiżjoni li titlob informazzjoni addizzjonali, l-ECHA kellha tieħu inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha fid-dispożizzjoni tagħha.

144    Fir-raba’ lok, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li ma kienx il-kompitu tagħha li turi li, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, talba għal informazzjoni addizzjonali ma kinitx neċessarja, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, mill-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies li, matul il-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA, kien ir-reġistrant li kellu juri l-ħtieġa tat-talba għal informazzjoni. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li mit-tieni paragrafu tal-punt III.I.1 tal-paġna 5 tad-deċiżjoni tal-ECHA jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk kinitx neċessarja informazzjoni addizzjonali fuq il-persistenza tat-triclosan, din l-aġenzija għamlet id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli.

145    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegazzjoni li, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli, għandhom jiġu miċħuda.

c)      Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell ma kienx suffiċjenti

146    Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta bbaża ruħu fuq l-ECHA dwar it-tilwim ta’ natura xjentifika, sa fejn din tal-aħħar tkun eżerċitat is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha sew. Fl-imsemmi punt, il-Bord tal-Appell sempliċement ivverifika li ma kienx hemm żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-ECHA.

147    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

148    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu sempliċement jeżamina jekk id-deċiżjoni tal-ECHA kinitx ivvizzjata bi żball, iżda kien imissu jeżamina huwa nnifsu jekk kellhiex tiġi adottata t-talba li jitwettaq it-test ta’ persistenza, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq.

149    Fit-tieni lok, sa fejn dan l-argument huwa intiż li juri li, fit-tieni sentenza tal-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell illimita indebitament l-intensità tal-istħarriġ li huwa eżerċita fuq il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura xjentifika li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA, dan għandu jiġi miċħud ukoll.

150    Fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti argumentat li, li kieku l-ECHA kienet segwiet approċċ ibbażat fuq id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli, hija ma kinitx tikkonkludi li kien hemm il-ħtieġa għat-talba li jitwettaq it-test ta’ persistenza.

151    Fit-tieni sentenza tal-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona li, fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, setgħet tintalab xi informazzjoni addizzjonali sabiex jiġi kkjarifikat tħassib eventwali, sakemm l-ECHA tkun eżerċitat korrettament is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-informazzjoni rilevanti kollha li kienet ġiet sottomessa fir-rigward ta’ din is-sustanza. Issa, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li l-imsemmi bord ċaħad l-argument tal-appellanti f’dak il-każ għar-raġuni li dan l-argument ma kienx juri l-eżistenza ta’ żball manifest li jaffettwa d-deċiżjoni tal-ECHA. Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 140 sa 143 iktar ’il fuq, fl-imsemmija sentenza, dan il-bord ma eżaminax barra minn hekk dan l-argument tal-appellanti f’dak il-każ għall-motiv li argument simili ma kienx iddettaljat biżżejjed. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li limitazzjoni inadegwata tal-intensità tal-istħarriġ magħmul mill-istess bord wasslet sabiex jiġi miċħud argument tal-appellanti f’dak il-każ.

152    Għalhekk, l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li, fil-punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta bbaża ruħu fuq l-ECHA dwar it-tilwim ta’ natura xjentifika u meta sempliċement ivverifika l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ma jistgħux jirnexxu. Għalhekk, l-argumenti kollha initiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Bord tal-Appell ibbaża ċ-ċaħda tat-tieni aggravju tal-appell mid-deċiżjoni tal-ECHA, għandhom jiġu miċħuda.

2.      Fuq l-argumenti intiżi li jikkontestaw iċ-ċaħda, mill-Bord tal-Appell, tal-ewwel aggravju tal-appell quddiemu

153    Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti qajmet, b’mod partikolari, ksur tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, li jipprovdi li l-informazzjoni użata għall-valutazzjoni tal-proprjetajiet persistenti, bijo-akkumulattivi u tossiċi ta’ sustanza u għall-valutazzjoni tal-proprjetajiet persistenti ħafna u bijo-akkumulattivi ħafna tagħha għandha tkun ibbażata fuq data miksuba f’kundizzjonijiet rilevanti.

154    Fil-punti 40 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina u ċaħad dawn l-argumenti. Fil-punt 41 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa espona li, fid-dawl tal-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ, kien il-kompitu tiegħu li jeżamina jekk il-kundizzjonijiet ta’ ttestjar deskritti fid-deċiżjoni tal-ECHA, jiġifieri r-rekwiżit skont liema l-ittestjar kellu jitwettaq fl-ilma pelaġiku, mingħajr sospensjoni addizzjonali ta’ sedimenti, kinux jikkostitwixxu kundizzjonijiet rilevanti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-punti 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indika li, skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA, it-triclosan kien preżenti f’ċertu ilma ħelu u ilma baħar pelaġiku li ma kellux kwantitajiet kbar ta’ sustanzi partikolari sospiżi li kien jorbot faċilment magħhom, li dan kien potenzjalment persistenti f’tali ilmijiet u li r-riżultati tal-ittestjar f’sistemi ta’ ilma u ta’ sedimenti ma kinux jippermettu li jiġu misluta konklużjonijiet fuq il-half-life tiegħu fl-ilma pelaġiku. Fil-punt 46 ta’ din id-deċiżjoni, huwa fakkar l-argument tal-appellanti f’dak il-każ ibbażat fuq l-allegazzjoni li s-sors l-iktar importanti ta’ ħruġ ta’ triclosan fl-ambjent huwa l-ħruġ dirett ta’ ħmieġ minn impjanti ta’ trattament fil-wiċċ tal-ilma, li jista’ jinkludi jew le livelli għolja ta’ solidi u ta’ sedimenti. Huwa espona wkoll li, għal din ir-raġuni, l-appellanti f’dak il-każ kienet tqis li ttestjar fl-ilmijiet pelaġiċi mingħajr sospensjoni addizzjonali ta’ sedimenti ma jitwettaqx f’kundizzjonijiet rilevanti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-imsemmi anness. Fil-punti 47 sa 50 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa wieġeb għal dan l-argument. L-ewwel nett, huwa fakkar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ persistenza u l-fatt li, bis-saħħa tal-punt 1.1.1. ta’ dan l-anness, il-proprjetà ta’ persistenza ta’ sustanza kienet tiddependi, b’mod partikolari, mid-degradazzjoni tagħha fl-ilma pelaġiku. It-tieni nett, huwa kkonstata li, anki jekk kien indikat f’dan il-punt li l-ittestjar kellu jsir fil-kundizzjonijiet rilevanti, dan ma kienx ifisser li wieħed kellu jillimita ruħu għas-sitwazzjonijiet l-iktar frekwenti ta’ diżintegrazzjoni tas-sustanza fl-ambjent. Huwa ppreċiża li t-talba li jitwettaq it-test ta’ persistenza ma kinitx tfittex l-għan li jiġi evalwat l-aġir tat-triclosan fl-ilma li jinkludi parti sinjifikanti ta’ materja sospiża jew ta’ sedimenti, iżda l-aġir tiegħu fl-oqsma speċifiċi msemmija fil-punt 1.1.1. tal-istess anness, li jagħmel parti minnhom ilma ħelu jew ilma baħar pelaġiku, mingħajr kwantità kbira ta’ residwu marbut. Fil-punt 51 ta’ din id-deċiżjoni, huwa kkonkluda li, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel aggravju tal-appell mid-deċiżjoni tal-ECHA kellu jiġi miċħud.

155    Ir-rikorrenti ssostni li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati. Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija argumentat li, billi rrikjedew li t-test ta’ persistenza jsir fl-ilma pelaġiku, li jkun kuntrarju għar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA u l-Bord tal-Appell ma ħadux inkunsiderazzjoni tad-data li kienet tirrifletti kundizzjonijiet rilevanti għall-ambjent. L-għan ta’ talba għal informazzjoni huwa li tinkiseb data li tippermetti li jiġu ddeterminati r-riskji ambjentali u li jiġu ddefiniti miżuri adegwati ta’ amministrazzjoni tar-riskji. Min-naħa l-oħra, ma hijiex rilevanti f’dan il-kuntest id-determinazzjoni astratta ta’ proprjetà intrinsika ta’ sustanza li għandha effett fuq il-possibbiltà li din tiddegrada. Is-sors l-iktar sinjifikanti ta’ ħruġ ta’ triclosan fl-ambjent huwa l-ħruġ dirett ta’ ħmieġ ta’ impjanti tat-trattament fil-wiċċ tal-ilma, li jista’ jinkludi jew le livelli għolja ta’ solidi u ta’ sedimenti. Għan din ir-raġuni, ittestjar fl-ilma pelaġiku, mingħajr sospensjoni addizzjonali ta’ sedimenti, ma jitwettaqx f’kundizzjonijiet rilevanti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-imsemmi anness.

156    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

157    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li, fil-kuntest ta’ eżami “de novo” tad-deċiżjoni tal-ECHA, il-Bord tal-Appell kien imissu huwa stess applika r-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq.

158    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li, fil-kuntest tal-istħarriġ tiegħu tad-deċiżjoni tal-ECHA, il-Bord tal-Appell kiser il-portata tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006.

159    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-punt 12.2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006, il-persistenza u l-possibbiltà ta’ degradazzjoni ta’ sustanza jikkorrispondu mal-potenzjal ta’ degradazzjoni tagħha fl-ambjent, jew permezz ta’ bijodegradazzjoni, jew permezz ta’ proċessi oħrajn, bħall-ossidazzjoni jew l-idrolisi.

160    Skont il-punt 1.1.1. tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006, sustanza tissodisfa l-kriterju ta’ persistenza f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

a)      il-half-life fl-ilma baħar tkun ogħla minn 60 ġurnata, jew

b)      il-half-life f’ilma ħelu jew estwarju tkun ogħla minn 40 ġurnata, jew

c)      il-half-life fis-sediment tal-baħar tkun ogħla minn 180 ġurnata, jew

d)      il-half-life fis-sediment ta’ ilma ħelu jew estwarju tkun ogħla minn 120 ġurnata, jew

e)      il-half-life fil-ħamrija tkun ogħla minn 120 ġurnata.

161    Minn dan isegwi li sustanza għandha titqies bħala persistenti meta l-half-life tagħha f’wieħed mill-ħames oqsma ambjentali msemmija fil-punt 1.1.1. tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006 taqbeż il-perijodu indikat fl-imsemmi punt. Bħalma jirriżulta mill-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni, uħud minn dawn l-oqsma huma kkostitwiti minn ilma ħelu jew ilma baħar pelaġiku.

162    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx ikkontestat, it-triclosan kien preżenti fl-ilma ħelu u ilma baħar pelaġiku u li dawn l-oqsma ma kinux jinkludu kwantità kbira ta’ sustanzi partikolari sospiżi li kien jintrabat magħhom faċilment.

163    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies, fil-punti 40 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-test ta’ persistenza, li jirrigwarda l-aġir tat-triclosan f’ilma ħelu u ilma baħar pelaġiku, jitwettaq f’kundizzjonijiet rilevanti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006.

164    Fil-fatt, peress li sustanza għandha titqies bħala persistenti jekk il-half-life tagħha taqbeż il-perijodu indikat f’wieħed mill-ħames oqsma ambjentali msemmija fil-punt 1.1.1. tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punt 160 iktar ’il fuq), l-eżami tan-natura persistenti tat-triclosan ma setax ikun limitat għall-qasam li fih isir il-maġġor parti tal-ħruġ tiegħu, jekk kien hemm informazzjoni skont liema t-triclosan kien preżenti wkoll f’oqsma rilevanti oħrajn bħall-ilma ħelu u ilma baħar pelaġiku. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament ċaħad l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rekwiżit skont liema t-test ta’ persistenza kellu jsir fl-ilma pelaġiku ma kienx konformi mar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-imsemmi anness.

165    Għalhekk, l-argumenti kollha tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw iċ-ċaħda, mill-Bord tal-Appell, tal-ewwel aggravju tal-appell mid-deċiżjoni tal-ECHA, għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq l-argumenti bbażati fuq il-konklużjonijiet tal-awtoritajiet Kanadiżi

166    Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-ECHA u l-Bord tal-Appell ma ħadux inkunsiderazzjoni tal-provi dwar il-persistenza tat-triclosan. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-awtoritajiet Kanadiżi waslu għall-konklużjoni li t-triclosan la kellu l-proprjetà ta’ persistenza u lanqas il-proprjetà ta’ bijokumulazzjoni. Minn naħa, il-kriterji applikati mill-ECHA u mill-awtoritajiet Kanadiżi sabiex jidentifikaw is-sustanzi persistenti, bijo-akkumulattivi u tossiċi huma simili sa fejn dawn ifitxxu l-istess għan ta’ protezzjoni tal-ambjent mill-effetti dannużi ta’ tali sustanzi. Min-naħa l-oħra, il-metodu xjentifiku użat mill-awtoritajiet Kanadiżi huwa simili għall-approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja tal-provi.

167    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

168    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell kien imissu ħa inkunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-awtoritajiet Kanadiżi fil-kuntest tal-eżami “de novo” tad-deċiżjoni tal-ECHA li huwa kien inkarigat iwettaq fil-kuntest ta’ appell quddiemu, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq.

169    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-konklużjonijiet tal-awtoritajiet Kanadiżi sa fejn dawn huma intiżi li juru li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-Bord tal-Appell wettaq fuq id-deċiżjoni tal-ECHA, dan il-bord wettaq żball.

170    Fl-ewwel lok, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti riedet turi li l-Bord tal-Appell kien imissu kkonstata li l-ECHA kienet kisret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jew li, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-awtoritajiet Kanadiżi, l-imsemmija aġenzija ma setgħetx titlob it-twettiq tat-test ta’ persistenza, dawn għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq, il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-imsemmi bord tiddependi mill-aggravji mqajma mill-appellanti f’dak il-każ. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell quddiem dan il-bord, l-appellanti f’dak il-każ ma qajmet ebda aggravju bbażat fuq il-konklużjonijiet tal-awtoritajiet Kanadiżi.

171    Fit-tieni lok, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti trid targumenta li l-konklużjonijiet tal-awtoritajiet Kanadiżi juru li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma vvizzjati bi żball, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement tinvoka l-eżistenza ta’ dawn il-konklużjonijiet, iżda ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom dawn il-konklużjonijiet jistgħu jikkontestaw il-legalità tal-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmi bord, li huma bbażati fuq ir-regoli previsti mir-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant, tali argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala mhux iddettaljati biżżejjed.

172    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-konklużjonijiet tal-awtoritajiet Kanadiżi u, għalhekk, l-argumenti kollha dwar iċ-ċaħda tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, sa fejn dan kien jirrigwarda t-talba li jitwettaq test ta’ persistenza, għandhom ukoll jiġu miċħuda.

B.      Fuq l-argumenti dwar iċ-ċaħda tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell sa fejn dan kien jirrigwarda t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far

173    Fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA talbet lir-rikorrenti twettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far. Skont il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni, din it-talba li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali kienet iġġustifikata mill-fatt li kien hemm xi tħassib dwar ir-riskji potenzjali li t-triclosan huwa newrotossiku u tossiku riproduttivament u li ma kienx possibbli li dan it-tħassib jiġi mwarrab jew li jiġi kkonfermat abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

174    Fil-kuntest tal-appell mid-deċiżjoni tal-ECHA quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ argumentat li t-twettiq ta’ dan l-istudju ma kellux jiġi mitlub. F’dan ir-rigward, hija qajmet erba’ aggravji, jiġifieri s-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, is-seba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, it-tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u d-disa’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 130 ta’ dan ir-regolament.

175    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina dawn l-argumenti. Huwa eżamina kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà (punti 117 sa 131). Huwa għamel xi osservazzjonijiet preliminari (punti 132 sa 136). Huwa eżamina u ċaħad is-seba’ u t-tmien aggravju (punti 137 sa 168), is-sitt aggravju (punti 169 sa 203) u d-disa’ aggravju (punti 204 sa 220).

176    Fil-kuntest tar-rikors odjern, ir-rikorrenti targumenta li wħud mill-kunsiderazzjonijiet li l-Bord tal-Appell żviluppa f’dawn il-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata huma żbaljati. Fl-ewwel lok, ser jiġu analizzati l-argumenti dwar iċ-ċaħda tas-sitt aggravju tal-appell mid-deċiżjoni tal-ECHA, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Fit-tieni lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti dwar iċ-ċaħda tas-seba’ u tat-tmien aggravju tal-imsemmi appell, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fit-tielet lok, ser jiġu evalwati l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmi bord dwar kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà. Fir-raba’ lok, ser jiġu analizzati l-argumenti intiżi li jikkontestaw l-osservazzjonijiet preliminari ta’ dan il-bord.

1.      Fuq l-argumenti intiżi li jikkontestaw iċ-ċaħda, mill-Bord tal-Appell, tas-sitt aggravju tal-appell quddiemu

177    Is-sitt aggravju tal-appell mid-deċiżjoni tal-ECHA kien ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Dan l-aggravju kien maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti, li kienet intiża li tikkontesta t-talba li jitwettaq studju ta’ newrotossiċità fit-totalità tagħha, ġiet eżaminata u miċħuda mill-Bord tal-Appell fil-punti 186 sa 199 tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni parti, li kienet intiża b’mod iktar partikolari li tikkontesta r-rekwiżit li jiġu pprovduti punti addizzjonali, jiġifieri l-istudju ta’ tossiċità riproduttiva fuq ġenerazzjoni, ġiet eżaminata u miċħuda mill-imsemmi bord fil-punti 200 sa 203 tal-imsemmija deċiżjoni.

178    Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji fil-kuntest tal-eżami taż-żewġ partijiet tas-sitt aggravju tal-appell mid-deċiżjoni tal-ECHA.

a)      Fuq l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Bord tal-Appell ibbaża ċ-ċaħda tal-ewwel parti tas-sitt aggravju tal-appell quddiemu

179    L-ewwel parti tas-sitt aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell kienet tirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA li jiġġustifikaw it-talba li jitwettaq l-istudju ta’ newrotossiċità konformement mal-metodu TG 426 tal-OECD. Fil-kuntest ta’ din il-parti, l-appellanti f’dak il-każ qajmet, b’mod partikolari, ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, għar-raġuni li ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar it-triclosan. Din il-parti kienet maqsuma f’diversi lmenti. L-ewwel wieħed kien ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-istudji fuq il-far kienu nieqsa minn rilevanza u t-tieni wieħed fuq l-allegazzjoni li, f’dak li jirrigwarda l-effetti tat-triclosan fuq il-funzjoni tat-tirojde fil-bniedem, b’mod partikolari, ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe kif ukoll ir-rapport Witorsch.

180    Fil-punti 187 sa 199 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-ewwel parti tas-sitt aggravju tal-appell mid-deċiżjoni tal-ECHA.

181    F’dan il-kuntest, fil-punt 187 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona li l-ewwel ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tal-istudji fuq il-far u wħud mill-argumenti mqajma fil-kuntest tas-sitt aggravju tal-appell quddiemu kienu jikkoinċidu u li dawn kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tas-sitt aggravju.

182    Fil-punti 188 sa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina u ċaħad l-argumenti dwar l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe kif ukoll ir-rapport Witorsch li l-appellanti f’dak il-każ kienet żviluppat fil-kuntest tat-tieni lment.

183    Fil-kuntest tar-rikors odjern, ir-rikorrenti tqajjem argumenti intiżi li jikkontestaw, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe u, min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport Witorsch.

1)      Fuq l-argumenti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe

184    Fil-punt 188 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tal-appellanti f’dak il-każ ibbażat fuq l-allegazzjoni li, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA, ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe li, skont hi, kienu juru li, fid-dożi rilevanti, it-triclosan ma kienx jaffettwa l-bniedem. F’dan ir-rigward, hija osservat li dawn l-istudji kienu jinsabu fil-biblijografija tal-istudji li kienet annessa ma’ din id-deċiżjoni tal-aħħar li din kienet indikat li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni. Billi għamlet riferiment għall-osservazzjonijiet tagħha żviluppati fil-punt 135 tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kellu jitqies li dawn l-istudji kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA. Fil-punt 135 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-fatt, hija kienet esponiet b’mod partikolari li l-ECHA ma kinitx obbligata. minħabba l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. li tindirizza, f’deċiżjoni li titlob informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, kull punt inkluż fl-istudji eżistenti jew sottomessi kollha u li, għaldaqstant, kellu jitqies li l-ECHA kienet ħadet inkunsiderazzjoni tal-istudji msemmija fil-biblijografija annessa mad-deċiżjoni tagħha.

185    Ir-rikorrenti targumenta li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell żviluppati fil-punti 135 u 188 tad-deċiżjoni kkontestata huma żbaljati. Skont hi, l-imsemmi bord ma kienx imissu sempliċement irrileva li l-istudji xjentifiċi li jipprovdu data dwar l-espożizzjoni tat-triclosan fil-bniedem kienu inklużi fil-biblijografija annessa mad-deċiżjoni tal-ECHA. Ir-rikorrenti targumenta li dan il-bord ma setax sempliċement jippreżumi li d-data indikata f’dawn l-istudji kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni u lanqas jiċħad l-argument tagħha skont liema t-triclosan ma kellux effetti fuq is-saħħa tal-bniedem fid-dożi meħtieġa fl-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, billi jibbaża ruħu fuq dan l-aggravju biss.

186    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

187    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu sempliċement jeżamina jekk id-deċiżjoni tal-ECHA kinitx ivvizzjata bi żball, iżda kien imissu eżamina huwa stess jekk, fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fl-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe, l-appellanti f’dak il-każ kellha tintalab li twettaq studju ta’ newrotossiċità fuq il-far, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq.

188    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell wettaq żball fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA li huwa wettaq.

189    L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li, fil-punt 188 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kien imissu eżamina l-argument tagħha skont liema t-triclosan ma kellux effetti fuq is-saħħa tal-bniedem fid-dożi meħtieġa fl-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta b’mod ċar mill-punt 187 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 181 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell eżamina dan l-argument tal-aħħar fil-kuntest tal-eżami tas-sitt aggravju tal-appell, għaliex dan l-argument u dawk imqajma fil-kuntest tas-sitt aggravju kienu jikkoinċidu.

190    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont hi, l-imsemmi bord ma setax sempliċement jirrileva, fil-punt 188 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe kienu msemmija fil-biblijografija annessa mad-deċiżjoni tal-ECHA.

191    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-appell quddiemu, kien il-kompitu tal-Bord tal-Appell li jistħarreġ jekk, matul il-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha li kienet ġiet ikkomunikata dwar it-triclosan.

192    Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies li l-ECHA ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ma indirizzatx fid-deċiżjoni tagħha kull punt inkluż fl-istudji eżistenti jew sottomessi kollha. Fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda l-istudji Allmyr u Cullinan, għandu jiġi kkonstatat li, fil-paġna 20 tad-deċiżjoni tagħha, l-ECHA ħadet inkunsiderazzjoni tagħhom.

193    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti li l-appellanti f’dak il-każ kienet qajmet fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma kinux iddettaljati biżżejjed. Fil-fatt, insostenn tal-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe matul il-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA, l-appellanti f’dak il-każ sempliċement argumentat li, li kieku dawn l-istudji kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni, ma kienx jiġi konkluż li kienet neċessarja xi informazzjoni addizzjonali dwar riskju li t-triclosan huwa newrotossiku. Issa, bħalma l-Bord tal-Appell diġà indika f’kuntest ieħor, fil-punt 61 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li l-ECHA kienet waslet għal konklużjoni differenti mill-appellanti f’dak il-każ ma setax juri li l-kontenut ta’ ċerti studji ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, dan jista’ jirriżulta wkoll mill-fatt li, abbażi tal-istess informazzjoni, l-ECHA kienet waslet għal konklużjoni differenti minn dik li kienet waslet għaliha l-appellanti f’dak il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li sempliċement irrileva, fil-punt 188 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe kienu msemmija fil-biblijografija annessa mad-deċiżjoni tal-ECHA.

194    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 billi ma weġibx b’mod suffiċjenti għall-argumenti dwar l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe, għandu jiġi miċħud.

195    Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq l-istudji Allmyr, Cullinan u Koeppe u intiżi li juru li, fil-punti 135 u 188 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball, għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

2)      Fuq l-argumenti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fuq ir-rapport Witorsch

196    Fil-punti 189 sa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ta deċiżjoni dwar l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ ibbażati fuq l-allegazzjoni li, matul il-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA, ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni r-rapport Witorsch. Fl-imsemmija punti, huwa bbaża ruħu, essenzjalment, fuq tliet kunsiderazzjonijiet. Fl-ewwel lok, fil-punt 190 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa bbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li l-imsemmi rapport ma kienx ġie sottomess fil-kuntest tal-appell quddiemu u li, għal din ir-raġuni, huwa ma setax jevalwa r-rilevanza tiegħu. Fit-tieni lok, fl-ewwel sentenza tal-punti 189 u 191 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa sempliċement ibbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li r-rapport inkwistjoni ma kienx disponibbli matul il-valutazzjoni tat-triclosan u li għalhekk l-ECHA ma setgħetx tiġi kkritikata li ma ħaditux inkunsiderazzjoni. Fit-tielet lok, fit-tieni sar-raba’ sentenza tal-punt 191 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa osserva li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx qiegħda targumenta li dan ir-rapport kien ta’ natura li jwarrab it-tħassib identifikat mill-ECHA.

197    Ir-rikorrenti targumenta li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ir-rapport Witorsch huma vvizzjati bi żbalji. Il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell ibbażata fuq il-fatt li l-imsemmi rapport ma kienx ġie ppreżentat bħala prova fl-avviż tal-appell u lanqas sussegwentement hija żbaljata. Dan ir-rapport diġà ġie ppubblikat f’rivista xjentifika u kien rilevanti. L-awtoritajiet Kanadiżi bbażaw ruħhom direttament fuq l-istess rapport sabiex jikkonkludu li l-informazzjoni disponibbli ma kinitx tippermetti li t-triclosan jiġi identifikat bħala oġġett ta’ preokkupazzjoni għas-saħħa tal-bniedem. Billi naqas milli jieħdu inkunsiderazzjoni, l-imsemmi bord b’dan il-mod kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

198    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu sempliċement eżamina jekk id-deċiżjoni tal-ECHA kinitx ivvizzjata bi żball, iżda kien imissu wettaq eżami “de novo” tal-imsemmija deċiżjoni li fil-kuntest tagħha r-rapport Witorsch kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq.

199    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat iwettaq valutazzjoni ġdida tas-sustanza inkwistjoni u li din id-dispożizzjoni għalhekk ma hijiex direttament applikabbli għalih. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-Bord tal-Appell jeżerċita fuq id-deċiżjonijiet tal-ECHA meta din l-aġenzija tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza, meta l-appellanti f’dak il-każ tkun qajmet argument ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-kompitu tal-imsemmi bord li jistħarreġ jekk, matul il-proċedimenti li jkunu wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata quddiemu, din id-dispożizzjoni ġietx osservata.

200    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell wettaq żball fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA.

201    Fl-ewwel lok, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti targumenta li, matul il-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 ġiet miksura, minħabba l-fatt li r-rapport Witorsch ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni, dan l-argument għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, bħalma rrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 189 u fl-ewwel sentenza tal-punt 191 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ir-rapport ma kienx disponibbli matul dawn il-proċedimenti. Għalhekk, bħalma kkonkluda ġustament il-Bord tal-Appell, kull ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 huwa eskluż f’dan ir-rigward.

202    Fit-tieni lok, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti targumenta li, fil-kuntest tal-istħarriġ tiegħu tad-deċiżjoni tal-ECHA, il-Bord tal-Appell kien imissu ħa inkunsiderazzjoni tar-rapport Witorsch, għandu jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 6(1)(f) u mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008, kien il-kompitu tal-appellanti f’dak il-każ li tissottometti dan ir-rapport matul il-proċedura kontradittorja quddiem l-imsemmi bord. Issa, bħalma dan tal-aħħar ikkonstata fil-punt 190 tad-deċiżjoni kkontestata, l-appellanti f’dak il-każ ma għamlitx dan.

203    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-awtoritajiet Kanadiżi bbażaw ruħhom fuq ir-rapport Witorsch sabiex jikkonkludu li, abbażi tad-data eżistenti fuq il-far, it-triclosan ma setax jiġi identifikat bħala oġġett ta’ preokkupazzjoni għas-saħħa tal-bniedem, ma jistax jikkontesta l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq dan ir-rapport.

204    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ir-rapport Witorsch ma humiex ta’ natura li juru li, fil-punti 189 sa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball.

205    Għalhekk, l-argumenti kollha intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Bord tal-Appell ibbaża ċ-ċaħda tal-ewwel parti tas-sitt aggravju tal-appell quddiemu, għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Bord tal-Appell ibbaża ċ-ċaħda tat-tieni parti tas-sitt aggravju tal-appell quddiemu

206    Fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ qajmet argumenti dwar il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom l-ECHA kienet ibbażat it-talba tagħha li jitwettaq studju ta’ newrotossiċità fuq il-far irrinforzat bl-elementi rilevanti tal-istudju ta’ tossiċità riproduttiva fuq ġenerazzjoni, konformement mal-Linji Gwida 443 tal-OECD. F’dan il-kuntest, minn naħa, hija argumentat li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1907/2006, għaliex ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni l-istudji Ciba-Geigy (1983), Ciba-Geigy (1986) u Ciba-Geigy (1994). Insostenn ta’ dan l-argument, hija argumentat li l-konstatazzjoni tal-awtorità nnominata li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni, li tipprovdi li ma kienx hemm riżultati dwar il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili fid-dossier ta’ reġistrazzjoni, kienet żbaljata. L-imsemmija studji kienu jinkludu tali riżultati. Min-naħa l-oħra, hija argumentat li ma kinitx twettqet determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli.

207    Fil-punti 201 sa 203 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina u ċaħad dawn l-argumenti.

208    Fit-tieni sentenza tal-punti 201 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) kienu msemmija fil-biblijografija tal-imsemmija deċiżjoni. Fit-tielet sentenza ta’ dan il-punt, huwa rrileva li l-istudju Ciba-Geigy (1994) kien ġie msemmi b’mod aċċidentali fl-argumenti żviluppati mill-appellanti f’dak il-każ insostenn tal-appell quddiemu, iżda li dan l-istudju tal-aħħar ma kienx jidher fil-lista tal-istudji sottomessi matul il-proċedura ta’ valutazzjoni tas-sustanza li kienet annessa ma’ din id-deċiżjoni. Fir-raba’ u fil-ħames sentenza ta’ dan il-punt, huwa kkonstata li ebda wieħed minn dawn l-istudji ma kien ġie prodott matul il-proċedura ta’ appell. Għalhekk, ma kienx possibbli għalih li jiddetermina jekk dawn l-istudji kinux rilevanti għall-valutazzjoni tat-triclosan fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

209    Fil-punt 202 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li huwa kien naqas milli jwettaq determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli. Fl-ewwel lok, fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt, huwa fakkar, billi għamel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tiegħu żviluppati fil-punt 64 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-ECHA ma kinitx obbligata li ssegwi approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli sabiex tasal għal konklużjoni dwar karatteristika partikolari ta’ sustanza fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza. Skont hu, il-kwistjoni rilevanti kienet pjuttost dwar jekk l-ECHA kinitx ħadet inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha. Fit-tieni lok, fit-tieni sar-raba’ sentenza ta’ dan il-punt, huwa indika li, sa fejn l-appellanti f’dak il-każ kienet ippreżentat osservazzjonijiet dwar l-informazzjoni disponibbli, dawn l-osservazzjonijiet kienu ġew miċħuda fid-deċiżjoni tal-ECHA. Barra minn hekk, skont hu, ma setax jiġi mistenni mill-ECHA li din tiċħad ilmenti li ma kinux tqajmu speċifikament l-appellanti f’dak il-każ.

210    Ir-rikorrenti targumenta li wħud minn dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma żbaljati.

211    Fl-ewwel lok, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kiser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, meta injora l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986), li, l-ewwel nett, issostanzjaw l-argument tagħha li ebda riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva ma seta’ jiġġustifika t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, it-tieni nett, jinkludu analiżi istopatoloġiċi dwar il-piż tal-organi riproduttivi u dwar l-istopatoloġija tal-far u, it-tielet nett, ġew inklużi fid-dossier ta’ valutazzjoni tas-sustanza u invokati fl-avviż tal-appell quddiem l-imsemmi bord.

212    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti targumenta wkoll li l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li, peress li hija ma kinitx issottomettiet mill-ġdid l-istudji bħala annessi mal-avviż tal-appell, l-imsemmi bord ma kienx f’pożizzjoni li jiddetermina jekk dawn kinux utli għall-valutazzjoni tat-triclosan fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, hija żbaljata. Skont hi, dan il-bord seta’ faċilment jaċċedi għal dawn l-istudji li kienu disponibbli permezz tal-bażi tad-data internazzjonali għal informazzjoni kimika uniformi u li ssemmew fl-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-ECHA. Hija tqis li l-istess bord seta’ jitlob ukoll il-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 771/2008. Konsegwentement, billi rrifjuta li jeżamina r-rilevanza tal-istudji inkwistjoni, il-bord inkwistjoni warrab illegalment provi xjentifiċi importanti u ma ħax inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha.

213    Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell injora l-fatt li l-approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja tal-provi huwa applikabbli għall-valutazzjoni tas-sustanzi u ppermetta lill-ECHA teżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha fil-qasam ta’ valutazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi kumplessi billi tieħu inkunsiderazzjoni tal-punti rilevanti kollha.

214    Fit-tielet lok, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell żnatura l-kontenut tal-avviż tal-appell. Skont hi, l-imsemmi bord ikkonstata li hija ma kienet ippreżentat ebda argument dwar id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja, minkejja li, fl-imsemmi att, hija kienet żviluppat tali argument. Dan il-bord b’mod partikolari injora l-kontenut tal-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986).

215    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

216    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu sempliċement jeżamina jekk id-deċiżjoni tal-ECHA kinitx ivvizzjata bi żball, iżda kien imissu jeżamina huwa stess, billi jieħu inkunsiderazzjoni tal-istudji Ciba-Geigy, jekk kellux jintalab it-twettiq tal-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 kienet applikabbli direttament għall-Bord tal-Appell, għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punt 199 iktar ’il fuq.

217    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, sa fejn dawn huma intiżi li juru li, fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA, il-Bord tal-Appell wettaq żball.

218    F’dan il-kuntest, għandha ssir distinzjoni bejn l-argumenti skont liema l-Bord tal-Appell kien imissu kkonstata li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet ġiet adottata bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, minn naħa, u l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-imsemmi bord ma kienx imissu ċaħad l-argumenti bbażati fuq id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-provi, min-naħa l-oħra.

1)      Fuq l-argumenti skont liema l-Bord tal-Appell kien imissu kkonstata ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006

219    Ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kien imissu kkonstata li l-ECHA kienet kisret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

220    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, quddiem argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet ġiet adottata bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, għaliex ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni l-istudji Ciba-Geigy, il-Bord tal-Appell kellu jeżamina jekk dawn kinux jirrigwardaw informazzjoni fuq it-triclosan li kienet rilevanti u li kienet ġiet ikkomunikata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u jekk ittiħditx inkunsiderazzjoni matul il-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

221    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sempliċement qajmet argumenti dwar l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986). Fil-fatt, il-konvenzjoni ta’ kitba “studji Ciba-Geigy” li r-rikorrenti użat fil-kuntest ta’ dawn is-sottomissjonijiet bil-miktub tinkludi l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986), iżda mhux l-istudju Ciba-Geigy (1994). Għalhekk, hemm lok jiġi kkonstatat li l-argumenti mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirrigwardawx l-istudju Ciba-Geigy (1994).

222    Ċertament, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha magħmula matul is-seduta, ir-rikorrenti indikat li l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kienu jirrigwardaw ukoll l-istudju Ciba-Geigy (1994). Issa, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Peress li r-rikorrenti ma invokatx li kien hemm tali elementi, l-osservazzjonijiet tagħha magħmula matul is-seduta għandhom jiġu miċħuda bħala tardivi.

223    Fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell ġustament ċaħad l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet ġiet adottata bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba l-fatt li l-istudju Ciba-Geigy (1994) ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, skont it-tielet sentenza tal-punt 201 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma tikkontestax, l-imsemmi studju ma ġiex ikkomunikat matul il-proċedura ta’ valutazzjoni. Għalhekk, l-ECHA ma setgħet tiġi kkritikata għall-ebda ksur tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq fir-rigward ta’ dan l-istudju.

224    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kien imissu kkonstata ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 f’dak li jirrigwarda l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986).

225    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, bħalma espona l-Bord tal-Appell fil-punt 201 tad-deċiżjoni kkontestata, l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) kienu msemmija fil-biblijografija annessa mad-deċiżjoni tal-ECHA.

226    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja quddiem il-Bord tal-Appell, kien il-kompitu tal-appellanti f’dak il-każ li tqajjem argumenti li jippruvaw li, minkejja li ssemmew fil-biblijografija annessa mad-deċiżjoni tal-ECHA, l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

227    Bħalma ġie espost fil-punti 190 sa 194 iktar ’il fuq, minnu nnifsu, il-fatt li l-ECHA kienet waslet għal konklużjoni differenti mir-rikorrenti f’dak li jirrigwarda n-neċessità tat-twettiq tal-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far ma setax juri li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986).

228    Madankollu, quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ kienet argumentat ukoll li l-konstatazzjoni tal-awtorità nnominata mqassra fil-paġna 15 tad-deċiżjoni tal-ECHA, li tipprovdi li ma kienx hemm riżultati dwar il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili fid-dossier ta’ reġistrazzjoni, kienet kontradetta mill-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) li, skont hi, kienu jinkludu tali riżultati. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kontenut tad-deċiżjoni tal-ECHA, dan l-argument jistax iqajjem dubju dwar it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-istudji.

229    F’dan ir-rigward, qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-paġni 8 u 19 tal-Anness N tal-avviż tal-appell, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha fuq il-proposti għal emendi tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-ECHA (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti kienet osservat li xi studji li kienu fid-dossier ta’ reġistrazzjoni teknika ma kienu sabu ebda bidla, fuq il-livell istopatoloġiku jew tal-piż, fuq il-livell tat-testikoli jew tal-organi riproduttivi. F’dan il-kuntest, hija b’mod partikolari kienet għamlet riferiment għall-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986). Fil-fatt, fil-paġna 8 ta’ dan l-anness, hemm riferiment b’mod partikolari għall-istudji Nri 18 u 19 u, fil-paġna 19 ta’ dan l-anness, huwa indikat li inkwistjoni kien hemm l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986).

230    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fil-paġni 26 u 27 tad-deċiżjoni tal-ECHA, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ġew imqassra u, fil-paġna 27 tal-imsemmija deċiżjoni, l-osservazzjoni msemmija fil-punt 229 iktar ’il fuq ġiet irriprodotta verbatim. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li mill-Anness 3 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li din l-osservazzjoni kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986).

231    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-paġni 27 u 28 tad-deċiżjoni tal-ECHA, ġie eżaminat jekk, minħabba, b’mod partikolari, l-informazzjoni inkluża fl-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986), ir-riskju eventwali li t-triclosan ikun tossiku riproduttivament seta’ jiġi eskluż. Fil-fatt, fl-imsemmija paġni, u b’mod iktar partikolari fil-punt 2 tar-risposti tal-awtorità nnominata, b’mod partikolari ġie espost li r-reġistranti kienu diġà fformulaw qabel osservazzjonijiet fuq l-assenza ta’ effetti fuq ir-riproduzzjoni f’uħud mill-istudji mwettqa fuq it-triclosan u li l-awtorità nnominata kienet diġà indikat qabel li, f’dawn l-istudji, id-doża tat-triclosan ma kinitx saret f’perijodi ta’ qabel it-twelid u ta’ wara it-twelid kritiċi għall-iżvilupp tas-sistema riproduttiva u li, konsegwentement, dawn ma kinux jipprovdu informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi evalwata b’mod ċert l-assenza ta’ effetti fuq ir-riproduzzjoni. Fir-rigward tal-istudju Ciba-Geigy (1983), li huwa studju subkroniku, ġie indikat ukoll, fil-paġna 28 tal-imsemmija deċiżjoni, li, f’analiżi retrospettiva tal-valur miżjud ta’ studju fuq żewġ ġenerazzjonijiet, kien ġie konkluż li l-fatt li ebda effett fuq ir-riproduzzjoni ma jkun osservat fi studju subkroniku ma kienx jipprekludi li s-sustanza tkun tista’ jkollha effetti fuq ir-riproduzzjoni.

232    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, fih innifsu, ir-riferiment għall-konstatazzjoni tal-awtorità nnominata li tinsab fil-paġna 15 tad-deċiżjoni tal-ECHA, li tipprovdi li ma kienx hemm riżultati dwar il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tar-rikorrenti, ma setax juri li, matul il-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni.

233    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ ma qajmitx argumenti li jippruvaw ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba l-fatt li l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) ma ttiħdux inkunsiderazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi bord ma jistax jiġi kkritikat li ma kkonstatax tali ksur fid-deċiżjoni kkontestata.

234    F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata b’eventwali żball li jivvizzja l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fir-raba’ sentenza tal-punt 201 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li huwa seta’ wkoll jiċħad l-argument ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, għar-raġuni li l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) ma kinux ġew sottomessi l-appellanti f’dak il-każ matul il-proċedimenti quddiemu. Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 219 sa 233 iktar ’il fuq, anki jekk wieħed jassumi li din il-kunsiderazzjoni hija żbaljata, xorta jibqa’ l-fatt li l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ ma setgħux jikkontestaw iċ-ċaħda, mill-imsemmi bord, tal-argument ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, l-appellanti f’dak il-każ ma kienet qajmet ebda argument li jista’ juri li l-imsemmija studji ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni.

2)      Fuq l-argumenti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli

235    Ir-rikorrenti targumenta li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar is-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli huma żbaljati.

236    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 202 tad-deċiżjoni kkontestata, billi kkonstata li l-ECHA ma kinitx obbligata ssegwi approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli sabiex tasal għal konklużjoni dwar karatteristika partikolari ta’ sustanza fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, il-Bord tal-Appell injora li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja kienet applikabbli wkoll fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza.

237    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 136 u 137 iktar ’il fuq, ċertament, minn naħa, mill-punt 1.2 tal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li, fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta’ sustanza, minkejja li approċċ ibbażat fuq id-determinazzjoni tas-saħħa probatorja jippermetti li tiġi kkonfermata l-eżistenza jew l-assenza ta’ proprjetà perikoluża partikolari, hemm lok li jitwaqqaf ittestjar addizzjonali fuq annimali vertebri f’dak li jirrigwarda l-proprjetà inkwistjoni u jista’ jitwaqqaf ittestjar addizzjonali li ma jużax annimali vertebri u, min-naħa l-oħra, mit-tieni paragrafu tal-Anness XIII tal-imsemmi regolament jirriżulta li determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja bbażata fuq opinjoni esperta hija applikata għall-identifikazzjoni tas-sustanzi persistenti, bijo-akkumulattivi u tossiċi, kif ukoll għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi persistenti ħafna u bijo-akkumulattivi ħafna. Madankollu, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax espliċitament li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tapplika fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza.

238    It-tieni nett, anki jekk jitqies li, fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-ECHA ma tkunx tista’ titlob informazzjoni addizzjonali dwar l-eżistenza ta’ riskju potenzjali li jirriżulta minn sustanza fil-każ li s-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli tippermetti li tinsilet konklużjoni dwar l-eżistenza jew le ta’ dan ir-riskju, fid-dawl tan-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell (ara l-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq), hija madankollu l-appellanti f’dak il-każ ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell li għandha tesponi r-raġunijiet li għalihom il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA huma żbaljati.

239    Issa, fit-tieni sentenza tal-punt 202 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona li, fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt aggravju quddiemu, l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx qajmet argumenti ddettaljati intiżi li jikkontestaw il-konklużjoni tal-ECHA li tipprovdi li l-informazzjoni disponibbli ma kinitx suffiċjenti sabiex il-valutazzjoni tat-triclosan dwar ir-riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva ssir sew.

240    Sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li jikkontestaw din il-konklużjoni, huwa biżżejjed jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punt 231 iktar ’il fuq, fil-paġni 27 u 28 tad-deċiżjoni tal-ECHA, ġie indikat li, fl-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986), id-doża tat-triclosan ma kinitx saret f’perijodi ta’ qabel it-twelid u ta’ wara t-twelid kritiċi għall-iżvilupp tas-sistema riproduttiva u li, għal din ir-raġuni, l-informazzjoni pprovduta minn dawn l-istudji ma kinitx suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi evalwata b’mod ċert l-assenza ta’ effetti fuq ir-riproduzzjoni. Fir-rigward tal-istudju Ciba-Geigy (1983), li huwa studju subkroniku, ġie indikat li, f’analiżi retrospettiva tal-valur miżjud ta’ studju fuq żewġ ġenerazzjonijiet, kien ġie konkluż li l-fatt li ebda effett fuq ir-riproduzzjoni ma jkun osservat fi studju subkroniku ma kienx jipprekludi li s-sustanza tkun tista’ jkollha effetti fuq ir-riproduzzjoni.

241    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, fir-rigward tal-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986), l-appellanti f’dak il-każ sempliċement argumentat li determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli kienet tippermetti li jiġi konkluż li ma kien jeżisti ebda riskju eventwali fir-rigward tat-tossiċità riproduttiva tat-triclosan. L-appellanti f’dak il-każ għalhekk sempliċement invokat li dawn l-istudji kienu jeżistu, mingħajr ma qajmet argumenti li jistgħu jikkontestaw il-motiv indikat fid-deċiżjoni tal-ECHA, li minħabba fih l-informazzjoni inkluża f’dawn l-istudji ma setgħetx titqies bħala suffiċjenti.

242    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li qies li l-argumenti li l-appellanti f’dak il-każ kienet qajmet f’dak li jirrigwarda l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) ma kinux iddettaljati biżżejjed.

243    Fir-rigward tal-istudju Ciba-Geigy (1994), għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punt 222 iktar ’il fuq, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma żviluppatx argumenti fil-konfront ta’ dan l-istudju, u l-osservazzjonijiet orali tagħha fformulati għall-ewwel darba matul is-seduta għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ ma qajmet ebda argument iddettaljat dwar dan l-istudju. B’mod superfluwu, għandu jitfakkar li, quddiem l-ECHA, dan l-istudju ma kienx ġie sottomess.

244    Għalhekk, l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli għandhom jiġu miċħuda.

245    Fit-tieni lok, fil-każ li, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tixtieq targumenta li l-Bord tal-Appell kien imissu rrileva n-natura żbaljata tal-konstatazzjoni tal-awtorità nnominata li tinsab fil-paġna 15 tad-deċiżjoni tal-ECHA, li tipprovdi li ma kienx hemm riżultati dwar il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili fid-dossier ta’ reġistrazzjoni, dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġu miċħuda.

246    Ċertament, fl-ipoteżi li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat l-awtorità nnominata, xi riżultati dwar il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili kienu jinsabu fl-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986), il-konstatazzjoni ta’ din l-awtorità mqassra fil-paġna 15 tad-deċiżjoni tal-ECHA, li tipprovdi li ma kienx hemm riżultati dwar il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tar-rikorrenti, kienet żbaljata.

247    Madankollu, fid-dawl tal-motivi żviluppati fil-paġni 27 u 28 tad-deċiżjoni tal-ECHA (ara l-punt 231 iktar ’il fuq), skont liema, fl-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986), id-doża tat-triclosan ma kinitx saret f’perijodi ta’ qabel it-twelid u ta’ wara t-twelid kritiċi għall-iżvilupp tas-sistema riproduttiva u li, għal din ir-raġuni, l-informazzjoni pprovduta minn dawn l-istudji ma kinitx suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi evalwata b’mod ċert l-assenza ta’ effetti fuq ir-riproduzzjoni, dawn ir-riżultati ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li t-triclosan jista’ jkollu effetti tossiċi riproduttivament.

248    F’dawn iċ-ċirkustanzi, eventwali żball li jaffettwa l-konstatazzjoni tal-awtorità nnominata li tinsab fil-paġna 15 tad-deċiżjoni tal-ECHA ma jistax jikkontesta d-deċiżjoni tagħha li titlob it-twettiq tal-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far.

249    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Bord tal-Appell ibbaża ċ-ċaħda tat-tieni parti tas-sitt aggravju tal-appell mid-deċiżjoni tal-ECHA għandhom jiġu miċħuda u, għalhekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li l-Bord tal-Appell ibbaża ċ-ċaħda tal-imsemmi aggravju fuqhom.

2.      Fuq l-argumenti intiżi li jikkontestaw iċ-ċaħda, mill-Bord tal-Appell, tas-seba’ u tat-tmien aggravju tal-appell quddiemu

250    Fil-punti 137 sa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-argumenti li l-appellanti f’dak il-każ kienet żviluppat fil-kuntest tas-seba’ u tat-tmien aggravju tal-azzjoni amministrattiva, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1907/2006 u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-kuntest ta’ dawn l-aggravji, l-appellanti f’dak il-każ kienet argumentat, essenzjalment, li ma kienx possibbli, abbażi tad-data disponibbli, li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ riskju potenzjali li t-triclosan ikollu effetti newrotossiċi u tossiċi riproduttivament. B’mod partikolari, huwa argumenta li mid-data eżistenti diġà setgħu jinsiltu xi konklużjonijiet fuq l-assenza ta’ tali riskju. Huwa kien indika wkoll li, minħabba xi differenzi bejn il-far u l-bniedem, ma kienx possibbli li jinsiltu konklużjonijiet għall-bniedem mill-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far.

251    Fil-punt 149 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, fil-kuntest tal-appell quddiemu, l-appellanti f’dak il-każ sempliċement qajmet argumenti intiżi li jikkontestaw in-natura neċessarja u xierqa tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far u espona li dan kien sempliċement ser jeżamina dawn il-punti. Fil-punti 150 sa 160 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa eżamina u ċaħad l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ intiżi li jikkontestaw in-natura neċessarja tal-imsemmija talba. Fil-punti 161 sa 168 ta’ din id-deċiżjoni, huwa eżamina u ċaħad l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ intiżi li jikkontestaw in-natura xierqa ta’ din it-talba.

252    Ir-rikorrenti targumenta li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma żbaljati. Fl-ewwel lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti tagħha intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmi bord dwar in-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far. Fit-tieni lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet ta’ dan il-bord dwar in-natura xierqa ta’ din it-talba.

a)      Fuq l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar in-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far

253    Fil-punt 150 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona li, sabiex tiġi stabbilita n-natura neċessarja ta’ talba għal informazzjoni addizzjonali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, l-ECHA kellha tkun tista’ turi l-eżistenza ta’ riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, il-ħtieġa li jiġi kkjarifikat dan ir-riskju u l-possibbiltà realistika li l-informazzjoni mitluba tkun tippermetti li jittieħdu miżuri ta’ amministrazzjoni aħjar tar-riskji.

254    Fil-punt 151 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-appellanti f’dak il-każ kienet argumentat li l-ECHA ma kinitx uriet li kien hemm riskju li kellu jiġi kkjarifikat, għaliex is-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli ma kinitx biżżejjed sabiex jiġi identifikat riskju ta’ interferenza endokrinali fil-bniedem.

255    Fil-punt 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell fakkar li, anki jekk, konformement mal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006, kien ġie segwit approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja tal-provi sabiex ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni jiġu adattati għall-bżonnijiet ta’ reġistrazzjoni, l-ECHA ma kinitx obbligata li ssegwi tali approċċ fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, sakemm l-imsemmija aġenzija tkun eżerċitat korrettament is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, billi tipprova b’mod partikolari l-eżistenza ta’ riskju potenzjali. F’dan il-kuntest, huwa għamel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li huwa kien żviluppa fil-punt 64 tal-imsemmija deċiżjoni.

256    Fil-punt 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona li, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet identifikat żewġ riskji potenzjali f’dak li jirrigwarda t-triclosan, jiġifieri, fl-ewwel lok, ir-riskju potenzjali ta’ effetti tossiċi riproduttivament u, fit-tieni lok, ir-riskju potenzjali ta’ effetti newrotossiċi.

257    Fil-punt 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, fl-avviż tal-appell, l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx qajmet argumenti li jistgħu jikkontestaw il-motiv ta’ preokkupazzjoni dwar ir-riskju ta’ effetti tossiċi riproduttivament.

258    Fil-punti 155 sa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona r-raġunijiet li għalihom, minkejja l-argumenti mqajma mill-appellanti, l-ECHA setgħet tikkonkludi li t-triclosan seta’, b’mod partikolari fil-bniedem, ikollu effett inibitorju fuq it-tiroxin, li jikkawża effetti newroloġiċi mhux mixtieqa għall-ulied.

259    Ir-rikorrenti targumenta li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma żbaljati. Fl-ewwel lok, hija tqajjem argumenti li jirrigwardaw speċifikament il-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmi bord dwar ir-riskju ta’ newrotossiċità li jippreżenta t-triclosan u, fit-tieni lok, argumenti li jirrigwardaw speċifikament il-kunsiderazzjonijiet ta’ dan il-bord dwar ir-riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva li tippreżenta din is-sustanza. Fit-tielet lok, hija tqajjem argumenti bbażati fuq konklużjonijiet tal-awtoritajiet Kanadiżi dwar it-triclosan. Fir-raba’ lok, hija targumenta li, fil-punt 152 tad-deċiżjoni kkontestata, l-istess bord injora l-fatt li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli kienet applikabbli fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza. Fil-ħames lok, hija targumenta li l-bord inkwistjoni sempliċement ivverifika l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

1)      Fuq l-argumenti li jirrigwardaw speċifikament il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ir-riskju potenzjali ta’ newrotossiċità li jippreżenta t-triclosan

260    Fil-punti 153 u 155 sa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ intiżi li juru li l-ECHA ma kinitx ippruvat l-eżistenza ta’ riskju potenzjali li t-triclosan ikun newrotossiku. Fil-punt 153 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa rrileva li, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA għamlet riferiment għal ħafna informazzjoni u, b’mod partikolari għal studji in vitro u in vivo mwettqa fuq il-far u fuq il-bniedem. Huwa abbażi ta’ din l-informazzjoni li l-ECHA kkonkludiet li s-sustanza inkwistjoni f’dan il-każ seta’ jkollha, b’mod partikolari fil-bniedem, effett inibitorju fuq it-tiroxin, li jikkawża effetti newroloġiċi mhux mixtieqa fuq l-ulied. Fil-punti 155 sa 158 ta’ din id-deċiżjoni, l-imsemmi bord eżamina u ċaħad l-argumenti tal-appellanti, intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju potenzjali ta’ newrotossiċità li jippreżenta t-triclosan. F’dan il-kuntest, huwa rrileva li, essenzjalment, l-appellanti f’dak il-każ sempliċement indikat in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-konklużjonijiet li l-ECHA kienet siltet mid-data disponibbli, li kien ekwivalenti għal diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi, u fakkar, billi għamel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tiegħu żviluppati fil-punt 134 tal-istess deċiżjoni, li tali argumenti ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata. Huwa ċaħad ukoll argument ibbażat fuq l-istudju Axelstad (2013) billi rrileva b’mod partikolari li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx uriet li l-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA kienu żbaljati, iżda sempliċement argumentat li ma kinitx taqbel mal-interpretazzjoni mogħtija mill-imsemmija aġenzija għad-data eżistenti. Tali argumenti ma setgħux jikkontestaw il-legalità tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far. Fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ bbażati fuq l-allegazzjoni li, fid-dawl tad-differenzi bejn il-far u l-bniedem, l-ECHA ma kienx imissha kkonstatat l-eżistenza ta’ riskju potenzjali li t-triclosan ikun newrotossiku billi bbażat ruħha fuq ir-riżultati ta’ studji dwar il-far, dan il-bord indika li dawn l-argumenti kellhom jiġu miċħuda minħabba l-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 163 sa 165 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li fihom kienu eżaminati l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA dwar in-natura xierqa tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far.

261    Ir-rikorrenti targumenta li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma żbaljati.

262    Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx eżami adegwat tal-istudji xjentifiċi li hija kienet invokat. Skont hi, fid-dawl tal-kontinwità funzjonali li teżisti bejn l-ECHA u l-imsemmi bord, dan tal-aħħar kien imissu wettaq eżami “de novo” tad-deċiżjoni tal-ECHA, li kien jinkludi dak tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni. Li kieku dan kien mod ieħor, dan il-bord kien joħloq lacuna fil-protezzjoni proċedurali ggarantita lir-reġistranti bħalha.

263    Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indebitament qaleb l-oneru tal-prova. Kien il-kompitu tal-ECHA u tal-imsemmi bord li juru li kien hemm riskju, li kien jeħtieġ li jiġi kkjarifikat, u li l-kisba tal-informazzjoni addizzjonali setgħet realment ittejjeb il-miżuri ta’ amministrazzjoni tar-riskji. Issa, la l-ECHA u lanqas dan il-bord ma wrew dan. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, l-istess bord ma kienx imissu kkonstata fl-imsemmi punt li hija ma kinitx stabbilixxiet li l-ECHA kienet waslet għal konklużjonijiet żbaljati.

264    Fit-tielet lok, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punti 134, 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kienx imissu bbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi ma kienet tirrileva ebda ksur tad-dritt. Billi pproċeda b’dan il-mod, l-imsemmi bord ma ħax inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ kontinwità funzjonali bejnu u l-ECHA u applika livell ta’ stħarriġ inadegwat.

265    Fir-raba’ lok, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv u tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ma kienx f’pożizzjoni li jispjega b’liema mod il-provi invokati, jiġifieri l-istudji eżistenti fuq il-far, setgħu jtaffu l-konklużjonijiet li l-ECHA kienet siltet minnhom. L-ewwel nett, il-kunsiderazzjoni tal-imsemmi bord, żviluppata fil-punt 153 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema l-ECHA kienet eżaminat numru kbir ta’ studji, ma hijiex suffiċjenti. Huma rilevanti għall-importanza mogħtija għall-provi sabiex tiġi kkonfermata jew invalidata ipoteżi partikolari, fatturi bħall-kwalità tad-data, il-koerenza tar-riżultati, in-natura u l-gravità tal-effetti u r-rilevanza tal-informazzjoni. It-tieni nett, l-imsemmija deċiżjoni hija vvizzjata b’kuntradizzjoni u hija bbażata fuq provi nieqsa minn koerenza, sa fejn, fir-rigward tar-riskju potenzjali ta’ newrotossiċità fil-bniedem, dan il-bord ikun ibbaża ruħu biss fuq data minn studji mwettqa fuq il-far. It-tielet nett, l-ECHA u l-istess bord ma ħadux inkunsiderazzjoni tal-istudji fuq il-bniedem u fuq speċi oħrajn li kienu jenfasizzaw l-assenza ta’ effetti newrotossiċi u ta’ interferenza endokrinali. Skont ir-rikorrenti, li kieku l-Bord tal-Appell kien ħa inkunsiderazzjoni ta’ dan, huwa kien jikkonkludi li, fid-dawl tad-differenzi bejn l-ispeċi tat-triclosan, l-estrapolazzjoni tad-data ma kinitx possibbli. Ir-raba’ nett, il-bord inkwistjoni ma ħax inkunsiderazzjoni tal-argumenti tagħha bbażati fuq ir-rapport Witorsch li jenfasizzaw l-assenza ta’ effetti newrotossiċi u ta’ interferenza endokrinali tat-triclosan. Dan ir-rapport iġib flimkien il-provi rilevanti u jiddeskrivihom ukoll b’mod iddettaljat u jispjega b’mod affidabbli, koerenti u trasparenti l-mod kif il-provi ġew użati sabiex wieħed jasal għal konklużjoni definittiva.

266    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

267    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kien imissu jwettaq huwa stess valutazzjoni tal-informazzjoni rilevanti, sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm riskju potenzjali li t-triclosan ikun newrotossiku. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, l-imsemmi bord sempliċement jeżamina jekk, fid-dawl tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-ECHA hijiex ivvizzjata bi żball.

268    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell wettaq żball fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA.

269    Fl-ewwel lok, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell kien imissu kkonstata li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-ECHA ma setgħetx tikkonstata li t-triclosan kien newrotossiku, dawn għandhom jiġu miċħuda.

270    Fil-fatt, l-allegazzjoni msemmija fil-punt 269 iktar ’il fuq hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li tipprovdi li, sabiex tkun tista’ titlob informazzjoni addizzjonali intiża li tikkjarifika jekk it-triclosan għandux effetti newrotossiċi, l-ECHA kien imissha wriet li din is-sustanza kienet newrotossika.

271    Issa, skont is-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1907/2006, meta jkun jeżisti xi tħassib dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ikkawżati minn sustanza u meta ma jkunx possibbli li dawn jiġu miċħuda jew jiġu kkonfermati abbażi tal-informazzjoni disponibbli, tista’ tiġi adottata deċiżjoni dwar il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza, sabiex tintalab informazzjoni addizzjonali li tippermetti li jiġi kkjarifikat dan ir-riskju.

272    Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, dan tal-aħħar huwa intiż li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Barra minn hekk, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Bħalma jirriżulta mill-premessa 66 tal-imsemmi regolament, fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, jekk sustanza tkun issuspettata li hija ta’ riskju għas-saħħa jew għall-ambjent, l-ECHA tkun tista’ titlob informazzjoni addizzjonali dwarha.

273    Sabiex jiġi stabbilit li l-istudju ta’ newrotossiċità fuq il-far kien neċessarju, l-ECHA għalhekk ma kinitx obbligata li turi li, abbażi tal-informazzjoni li hija kellha, it-triclosan kellu jitqies bħala newrotossiku. Kien biżżejjed li tistabbilixxi li kien jeżisti riskju potenzjali ta’ newrotossiċità.

274    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li, fil-punt 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indebitament qabel l-oneru tal-prova.

275    Minn naħa, sa fejn l-argument imsemmi fil-punt 274 iktar ’il fuq jirrigwarda t-tqassim tal-oneru tal-prova matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies, fir-raba’ sentenza tal-punt 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien il-kompitu tar-rikorrenti li turi li l-konklużjonijiet tal-ECHA kienu vvizzjati bi żball. Fil-fatt, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jirriżulta min-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud sa fejn dan jirrigwarda t-tqassim tal-oneru tal-prova matul l-imsemmija proċedimenti.

276    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument imsemmi fil-punt 274 iktar ’il fuq jirrigwarda l-oneru tal-prova matul il-proċedimenti quddiem l-ECHA, għandu jitfakkar li, sabiex jintwera li talba hija neċessarja, huwa l-kompitu tal-ECHA li tistabbilixxi li s-sustanza inkwistjoni għandha riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, li huwa neċessarju li jiġi kkjarifikat dan ir-riskju u li hemm possibbiltà realistika li l-informazzjoni mitluba tkun tippermetti li jittieħdu miżuri ta’ amministrazzjoni aħjar tar-riskji.

277    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma kisirx ir-regoli tal-oneru tal-prova li japplikaw għall-proċedimenti quddiem l-ECHA. Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni tal-imsemmi bord li tinsab fir-raba’ sentenza tal-punt 156 tad-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss it-tqassim tal-oneru tal-prova matul il-proċedimenti quddiem dan il-bord. Min-naħa l-oħra, bħalma jirriżulta mill-punt 150 tal-imsemmija deċiżjoni, f’dak li jirrigwarda l-proċedimenti quddiem l-ECHA, il-bord inkwistjoni segwa approċċ li huwa konformi mar-regola mfakkra fil-punt 276 iktar ’il fuq.

278    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument imsemmi fil-punt 274 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

279    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punti 134, 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kienx imissu bbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li tipprova li diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi ma kienet turi ebda ksur tad-dritt. Huwa ma kienx imissu llimita l-istħarriġ tiegħu minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-ECHA.

280    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, fil-kuntest ta’ tali proċedimenti, l-appellanti f’dak il-każ għandha tqajjem argumenti ddettaljati intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA. Għalhekk, meta, matul il-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA, ir-rikorrenti tqajjem argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent jew ibbażati fuq l-allegazzjoni li wħud mill-informazzjoni li tippermetti li tintwera l-assenza ta’ effetti dannużi ta’ sustanza għas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent u li, sussegwentement, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA teżamina u tiċħad dawn l-argumenti, fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, huwa l-kompitu tal-appellanti f’dak il-każ li tqajjem argumenti ddettaljati intiżi li juru li l-kunsiderazzjonijiet li l-ECHA bbażat ruħha fuqhom huma żbaljati. F’din l-ipoteżi, kull argument tal-appellanti f’dak il-każ quddiem l-imsemmi bord li sempliċement jinvoka l-eżistenza ta’ studji li l-ECHA ħadet inkunsiderazzjoni tagħhom, iżda li ma jesponix ir-raġunijiet li għalihom il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA huma allegatament żbaljati, ma jistax jitqies bħala suffiċjentement iddettaljat.

281    Huwa fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jinsabu fil-punti 134, 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata.

282    Minn naħa, fil-punt 155 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, il-Bord tal-Appell irrileva li l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-informazzjoni disponibbli kienu sempliċement jikkonstataw li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx taqbel mal-konklużjonijiet li l-ECHA kienet waslet għalihom. F’dan il-kuntest, huwa għamel riferiment għar-raba’ sentenza tal-punt 134 tal-imsemmija deċiżjoni, fejn huwa espona li l-fatt li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx taqbel ma’ konklużjoni ta’ natura xjentifika tal-ECHA ma kienx biżżejjed sabiex tintwera l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja din il-konklużjoni.

283    Min-naħa l-oħra, fil-punt 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, fil-kuntest tal-appell, l-appellanti f’dak il-każ kienet invokat li, skont l-istudju Axelstad (2013), kien improbabbli li t-triclosan ikollu effetti dannużi rilevanti. F’dan ir-rigward, huwa fakkar li, f’dan l-istudju, kien indikat ukoll li jista’ jkun neċessarju li titwettaq valutazzjoni ulterjuri tat-triclosan bħala sustanza potenzjalment newrotossika. Huwa fakkar ukoll li l-ECHA kienet argumentat li l-istudju inkwistjoni ma kienx jippermetti li tiġi eskluża l-preokkupazzjoni li t-triclosan jista’ jaffettwa l-iżvilupp tal-moħħ tal-ulied billi jnaqqas il-livell tat-tiroxin fl-omm. F’dan il-kuntest, huwa rrileva li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx stabbilixxiet li din il-konklużjoni tal-ECHA kienet skorretta, iżda sempliċement indikat li ma kinitx taqbel mal-interpretazzjoni tal-informazzjoni disponibbli magħmula mill-ECHA. Għalhekk, huwa għamel, mill-ġdid, riferiment għar-raba’ sentenza tal-punt 134 tal-imsemmija deċiżjoni, li fiha huwa espona li l-fatt li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx taqbel ma’ konklużjoni ta’ natura xjentifika tal-ECHA ma kienx biżżejjed sabiex tintwera l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja din il-konklużjoni.

284    Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 280 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ċaħad l-argumenti li permezz tagħhom l-appellanti f’dak il-każ sempliċement uriet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-konklużjoni tal-ECHA bħala li ma humiex suffiċjentement iddettaljati għall-motivi esposti fil-punti 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata.

285    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-punti 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ jew għall-motiv li dawn ma kinux iddettaljati biżżejjed, jew għall-motiv li dawn ma kinux fondati. Min-naħa l-oħra, huwa ma ċaħadx dawn l-argumenti għaliex ma setgħux juru l-eżistenza ta’ żball manifest li jivvizzja l-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott minn dawn il-punti li l-imsemmi bord illimita l-intensità tal-istħarriġ tiegħu minħabba marġni ta’ evalwazzjoni tal-ECHA.

286    Għalhekk, l-argument dwar il-punti 134, 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud ukoll.

287    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ir-rapport Witorsch, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn ir-rikorrenti invokat l-imsemmi rapport fil-kuntest tas-sitt motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-argumenti tagħha għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 200 sa 205 iktar ’il fuq. It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tas-seba’ u tat-tmien aggravji tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, li kienu bbażati fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1907/2006 u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-appellanti f’dak il-każ ma invokatx dan ir-rapport. Fid-dawl tan-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord, għalhekk huwa ma jistax jiġi kkritikat li ma ħax inkunsiderazzjoni tar-rapport inkwistjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn l-aggravji. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-imsemmi appell, ir-rikorrenti ma esponietx b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom, skont hi, fid-dawl tal-kontenut tal-istess rapport, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA kellhom jitqiesu bħala żbaljati. It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti tixtieq targumenta li, fid-dawl tal-imsemmi kontenut, il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jitqiesu bħala żbaljati, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li hija ma esponietx b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom, fid-dawl ta’ dan il-kontenut, il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jitqiesu bħala żbaljati. Għalhekk, l-argumenti kollha bbażati fuq ir-rapport ikkonċernat għandhom jiġu miċħuda.

288    Fil-ħames lok, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni tad-differenzi bejn l-effetti tat-triclosan fuq il-far, minn naħa, u fuq il-bniedem, min-naħa l-oħra, u li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata huma kontradittorji, għaliex, sabiex jiġi identifikat riskju potenzjali ta’ newrotossiċità fil-bniedem, l-imsemmi bord ibbaża ruħu biss fuq data li ġejja minn studji mwettqa fuq il-far, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti jirrigwardaw il-punt 157 tal-imsemmija deċiżjoni, li jirrigwarda l-argumenti bbażati fuq differenzi bejn l-effetti tat-triclosan fuq il-far u fuq il-bniedem. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fl-imsemmi punt, dan il-bord għamel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tiegħu żviluppati fil-punt 163 sa 165 ta’ din id-deċiżjoni. L-argumenti tar-rikorrenti għalhekk ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti dwar dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-istess bord (ara l-punti 365 sa 383 iktar ’il quddiem).

289    Fis-sitt lok, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kienx imissu sempliċement jikkonstata li l-ECHA kienet eżaminat numru kbir ta’ studji, iżda kien imissu eżamina huwa stess jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, huwa seta’ jeskludi l-eżistenza ta’ riskju potenzjali ta’ newrotossiċità, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, l-imsemmi bord sempliċement jeżamina l-aggravji mqajma mill-appellanti. Għalhekk, dan il-bord ma jistax jiġi kkritikat li kkonstata, fil-punt 153 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-ECHA kienet eżaminat numru kbir ta’ studji u lanqas li, fil-punti 154 sa 159 ta’ dik id-deċiżjoni, huwa sempliċement eżamina l-argumenti li kienu ġew żviluppati mill-appellanti f’dak il-każ fil-kuntest tar-rikors amministrattiv.

290    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argumenti speċifikament dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ir-riskju potenzjali ta’ newrotossiċità li għandu t-triclosan għandhom jiġu miċħuda, bla ħsara għall-argumenti bbażati fuq id-differenzi bejn l-effetti tat-triclosan fuq il-far, minn naħa, u fuq il-bniedem, min-naħa l-oħra, li ser jiġu eżaminati fil-punti 339 sa 386 iktar ’il quddiem.

2)      Fuq l-argumenti speċifikament dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ir-riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva li għandu t-triclosan

291    Fil-punt 154 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ intiżi li juru li t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far ma kinitx neċessarja, il-Bord tal-Appell qies li l-imsemmija argumenti ma kinux iddettaljati biżżejjed.

292    Ir-rikorrenti targumenta li din il-kunsiderazzjoni hija żbaljata. Fl-ewwel lok, hija targumenta li l-Bord tal-Appell żnatura l-argumenti li hija kienet qajmet fil-kuntest tal-avviż tal-appell. Fit-tieni lok, hija ssostni li, fid-dawl tal-istudji eżistenti, l-imsemmi bord kien imissu kkonstata l-assenza ta’ riskju ta’ tossiċità riproduttiva marbut mat-triclosan.

i)      Fuq l-argumenti bbażati fuq żnaturament tal-argumenti tar-rikorrenti

293    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv u tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell żnatura l-argumenti li hija kienet qajmet fl-avviż tal-appell. Skont hi, l-imsemmi bord ikkonstata li, fil-kuntest tas-seba’ u tat-tmien motivi tar-rikors amministrattiv, hija ma kienet qajmet ebda argument li jista’ jikkontesta n-neċessità li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far fid-dawl tar-riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva li għandu t-triclosan. Hija żżid madankollu li, fl-avviż tal-appell, hija qajmet argumenti intiżi li jikkontestaw il-konklużjoni tal-ECHA, li tipprovdi li t-triclosan kellu riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva. Hija tindika li argumentat li l-konstatazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni tal-ECHA, li tipprovdi li ma kien ġie ppreżentat ebda riżultat fuq il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tagħha, kien żbaljat, għaliex l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) kienu jinkludu, skont hi, tali informazzjoni.

294    L-ECHA tikkontesta dawn l-argumenti.

295    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ avviż ta’ appell mid-deċiżjoni tal-ECHA, l-appellanti f’dak il-każ żviluppat argumenti dwar l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far (punti 47 sa 106 tal-appell). L-argumenti żviluppati mill-appellanti f’dan il-kuntest kienu ppreżentati fil-forma ta’ parti introduttiva (punti 48 sa 51 tal-imsemmi att) kif ukoll ta’ tliet partijiet, li l-ewwel waħda minnhom kienet tirrigwarda speċifikament il-preokkupazzjoni dwar in-newrotossiċità tat-triclosan (punti 52 sa 85 ta’ dan l-att) u t-tieni waħda tirrigwarda speċifikament il-preokkupazzjoni dwar it-tossiċità riproduttiva ta’ din is-sustanza (punti 86 sa 97 tal-istess att). It-tielet parti kienet ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (punti 98 sa 106 tal-att inkwistjoni).

296    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, fil-parti tal-avviż ta’ appell li tirrigwarda speċifikament ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri l-punti 98 sa 106 ta’ dan l-att, l-appellanti f’dak il-każ ma żviluppat ebda argument iddettaljat intiż li jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA dwar in-neċessità li jintalab it-twettiq tal-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far fid-dawl tar-riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva li għandu t-triclosan.

297    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 106 tal-avviż ta’ appell, l-appellanti f’dak il-każ indikat li t-talba li jitwettaq dan l-istudju ma kinitx neċessarja għar-“raġunijiet esposti iktar ’il quddiem”. Kuntrarjament għal dak li targumenta l-ECHA, mill-mod suffiċjentement ċar ta’ dan ir-riferiment għall-imsemmi punt u mill-kuntest li jidħol fih, jirriżulta li l-appellanti f’dak il-każ għamlet riferiment għall-argumenti tagħha żviluppati fil-punti 86 sa 97 tal-imsemmi att, dwar ir-riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva li għandu t-triclosan. Issa, f’dan il-kuntest, l-appellanti f’dak il-każ kienet argumentat b’mod partikolari li l-konstatazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal-ECHA, li tipprovdi li ma kien ġie ppreżentat ebda riżultat fuq il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili fid-dossier ta’ reġistrazzjoni, kienet żbaljata.

298    Għalhekk, ir-rikorrenti tinvoka ġustament li, fil-punt 106 tal-avviż ta’ appell, fil-kuntest tal-parti bbażata fuq ksur tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija qajmet argument intiż li jikkontesta l-konklużjoni tal-ECHA li tipprovdi li t-triclosan kellu riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva, jiġifieri l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li, kuntrarjament għall-konstatazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni, fid-dossier ta’ reġistrazzjoni kien hemm xi riżultati dwar il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili.

299    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kuntest tat-tweġiba tiegħu għas-seba’ u għat-tmien aggravji, il-Bord tal-Appell ma weġibx espliċitament għal dan l-argument.

300    Madankollu, peress li l-appellanti f’dak il-każ kienet żviluppat l-argument ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-konstatazzjoni fis-sens li ma kienx hemm riżultati dwar il-piż jew il-morfoloġija ta’ organi riproduttivi maskili fid-dossier ta’ reġistrazzjoni, fil-punti 86 sa 97 tal-avviż tal-appell u għalhekk fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt aggravju, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-parti, il-Bord tal-Appell fil-fatt weġibx għalih.

301    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 238 sa 242 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tas-sitt aggravju tal-appell quddiemu, il-Bord tal-Appell ma eżaminax sempliċement l-argumenti bbażati fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda eżamina wkoll, fil-punt 202 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli kienet tippermetti li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ riskju potenzjali li t-triclosan ikun tossiku riproduttivament. Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 238 sa 242 iktar ’il fuq, fil-punt 202 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa bbaża lili nnifsu, essenzjalment, fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li xi indikazzjonijiet dwar l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA kienu jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom dawn l-istudji ma kinux jipprovdu informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi evalwata b’mod ċert l-assenza ta’ effetti fuq ir-riproduzzjoni u skont liema l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx qajmet argumenti ddettaljati intiżi li jikkontestaw dawn il-kunsiderazzjonijiet.

302    Huwa billi tittieħed inkunsiderazzjoni din it-tweġiba tal-Bord tal-Appell li għandha tinqara l-kunsiderazzjoni ta’ dan tal-aħħar li tinsab fil-punt 154 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema, fil-kuntest tas-seba’ u tat-tmien motiv tar-rikors amministrattiv, ir-rikorrenti ma kienet qajmet ebda argument intiż li jikkontesta n-neċessità li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far fid-dawl tar-riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva li għandu t-triclosan.

303    Issa, bħalma ġie espost iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell kien diġà wieġeb għall-argument li l-appellanti f’dak il-każ kienet qajmet fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt aggravju fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-parti. Għalhekk huwa ma jistax jiġi kkritikat li ma eżaminahx mill-ġdid fil-kuntest tal-eżami tat-tmien aggravju, fejn l-appellanti f’dak il-każ sempliċement għamlet riferiment għal dan l-argument.

304    Għalhekk, fil-punt 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma żnaturax l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ.

305    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, fil-punt 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell żnatura l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ, tali żball ma jistax iwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, ir-raġunijiet li għalihom l-ECHA kienet qieset li l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) ma kinux jipprovdu informazzjoni suffiċjenti li tippermetti li tiġi evalwata b’mod ċert l-assenza ta’ effetti fuq ir-riproduzzjoni kienu jiġġustifikaw fihom infushom il-konklużjoni li tipprovdi li l-kontenut ta’ dawn l-istudji ma kienx jipprekludi li jintalab it-twettiq tal-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far u li, fl-avviż tal-appell quddiem l-imsemmi bord, l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx qajmet argumenti intiżi li jikkontestaw dawn il-kunsiderazzjonijiet.

306    Għalhekk, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li, fil-punt 154 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell żnatura l-argumenti li l-appellanti f’dak il-każ kienet qajmet fl-avviż tal-appell, għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq l-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ studji li jikkonfermaw li t-triclosan ma għandux effetti tossiċi riproduttivament

307    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986) kif ukoll ir-rapport Witorsch jikkonfermaw li t-triclosan ma għandux effetti tossiċi riproduttivament. Hija ssostni li l-ECHA u l-Bord tal-Appell kien imisshom wettqu determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-provi. Skont hi, l-ECHA u l-imsemmi bord irrikonoxxew li l-kampjuni studjati setgħu kienu kkontaminati b’dijossini li jistgħu jkunu pproduċew ir-riżultati ossservati.

308    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

309    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell kien imissu eżamina jekk kellux jintalab it-twettiq tal-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far billi jevalwa huwa stess mill-ġdid l-informazzjoni rilevanti, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq.

310    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma initiżi li juru li l-Bord tal-Appell wettaq żball fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA.

311    F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-istudji Ciba-Geigy (1983) u Ciba-Geigy (1986). Bħalma ġie espost fil-punt 305 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA esponiet ir-raġunijiet li għalihom, skont hi, l-imsemmija studji ma kinux jipprovdu informazzjoni suffiċjenti li tippermetti li tiġi evalwata b’mod ċert l-assenza ta’ effetti fuq ir-riproduzzjoni u, fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ ma qajmet ebda argument li jista’ jikkontesta dawn il-kunsiderazzjonijiet.

312    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti skont liema l-Bord tal-Appell ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni tar-rapport Witorsch, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punt 287 iktar ’il fuq.

313    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-kampjuni studjati setgħu kienu kkontaminati b’dijossini li jistgħu jkunu pproduċew ir-riżultati ossservati, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti f’dak il-każ ma qajmet ebda argument f’dan ir-rigward fil-kuntest tas-seba’ u tat-tmien aggravji tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn l-appellanti f’dak il-każ qajmet argumenti f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-ewwel parti tas-sitt aggravju ta’ dan l-appell, l-imsemmi bord wieġeb għalihom fil-punt 197 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tar-rikors odjern, ir-rikorrenti ma qajmet ebda argument iddettaljat intiż li jikkontesta din it-tweġiba.

314    Għalhekk, l-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ studji li jikkonfermaw li t-triclosan ma għandux effetti tossiċi riproduttivament għandhom jiġu miċħuda u, għalhekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha speċifikament dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ir-riskju potenzjali ta’ tossiċità riproduttiva li għandu t-triclosan.

3)      Fuq l-argumenti bbażati fuq il-valutazzjoni magħmula mill-awtoritajiet Kanadiżi

315    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li, abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq is-saħħa probatorja tal-provi, mingħajr ma talbu testijiet addizzjonali, l-awtoritajiet Kanadiżi kkonkludew li t-triclosan ma kellux effetti newrotossiċi jew tossiċi riproduttivament. L-imsemmija awtoritajiet b’mod partikolari kellhom dubji dwar ir-rilevanza tal-estrapolazzjoni għall-bniedem ta’ riżultati ta’ ttestjar fuq il-far. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal rapport ta’ dawn l-awtoritajiet tas‑26 ta’ Novembru 2016.

316    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

317    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell kien imissu ddeċieda huwa stess jekk kellux jintalab it-twettiq tal-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far billi tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-valutazzjoni tiegħu stess, il-valutazzjoni tal-awtoritajiet Kanadiżi, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq.

318    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li, fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA, il-Bord tal-Appell wettaq żball.

319    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-punti 150 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ intiżi li juru li l-ECHA ma kienx imissha kkonkludiet li t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far kienet neċessarja.

320    Minn naħa, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti targumenta li, fil-kuntest tal-eżami tiegħu, il-Bord tal-Appell kien imissu ħa inkunsiderazzjoni tar-rapport tal-awtoritajiet Kanadiżi, għandu jitfakkar li, minħabba n-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord, kien il-kompitu tal-appellanti f’dak il-każ li tipproduċi dan ir-rapport matul l-imsemmija proċedimenti. Issa, ir-rikorrenti ma targumentax li hija ssottomettietu matul dawk il-proċedimenti. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li r-rapport inkwistjoni ġie ppubblikat fis‑26 ta’ Novembru 2016, jiġifieri wara s-seduta quddiem dan il-bord li nżammet fid‑9 ta’ Ġunju 2016 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), u li r-rikorrenti ma targumentax li l-istess rapport ġie sottomess lil dan il-bord wara s-seduta.

321    Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-valutazzjoni tal-awtoritajiet Kanadiżi turi li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jinsabu fil-punti 150 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata huma żbaljati, għandu jiġi rrilevat li hija sempliċement tinvoka l-eżistenza ta’ din il-valutazzjoni, iżda ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom dawn il-konklużjonijiet jistgħu jikkontestaw il-legalità tal-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmi bord, li huma bbażati fuq ir-regoli previsti mir-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk, l-argumenti li r-rikorrenti tislet mill-imsemmija valutazzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala mhux iddettaljati biżżejjed.

322    Għalhekk, l-argumenti bbażati fuq il-valutazzjoni tal-awtoritajiet Kanadiżi għandhom jiġu miċħuda wkoll.

4)      Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell injora li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja kienet applikabbli fil-kuntest tal-valutazzjoni tas-sustanzi

323    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell injora li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja kienet applikabbli fil-kuntest tal-valutazzjoni tas-sustanzi u kienet tippermettilu għalhekk li jeżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu fil-qasam ta’ valutazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi kumplessi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti rilevanti kollha.

324    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

325    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti mqajma mir-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell kien imissu wettaq huwa stess eżami ġdid billi jiddetermina huwa stess is-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli. Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, l-imsemmi bord sempliċement jeżamina jekk, fid-dawl tal-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ, id-deċiżjoni tal-ECHA kinitx ivvizzjata bi żball.

326    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell wettaq żball fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA.

327    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 136 u 137 iktar ’il fuq, ċertament, minn naħa, mill-punt 1.2 tal-Anness XI tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li, fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta’ sustanza, jekk approċċ ibbażat fuq id-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja jikkonferma l-eżistenza jew l-assenza ta’ proprjetà perikoluża partikolari, hemm lok li jitwaqqaf ittestjar addizzjonali fuq annimali vertebri f’dak li jirrigwarda l-proprjetà inkwistjoni u jista’ jitwaqqaf ittestjar addizzjonali li ma jużax annimali vertebri u, min-naħa l-oħra, mill-premessa (2) tal-Anness XIII tal-imsemmi regolament jirriżulta li determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja bbażata fuq opinjoni esperta hija applikata għall-identifikazzjoni tas-sustanzi persistenti, bijo-akkumulattivi u tossiċi, kif ukoll għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi persistenti ħafna u bijo-akkumulattivi ħafna. Madankollu, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax espliċitament li d-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja hija applikabbli fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza.

328    It-tieni nett, jekk jitqies li, fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, l-ECHA ma tistax, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, titlob informazzjoni addizzjonali dwar l-eżistenza ta’ riskju potenzjali li jirriżulta mill-imsemmija sustanza fil-każ li s-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli tippermetti li tinsilet konklużjoni fuq l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ tali riskju, fid-dawl tan-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell (ara l-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq), huwa madankollu l-kompitu tal-appellanti f’dak il-każ li tesponi r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA huma żbaljati.

329    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 150 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina ċerti argumenti tal-appellanti f’dak il-każ intiżi li jikkontestaw in-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far u li l-argumenti li r-rikorrenti qajmet fil-kuntest tar-rikors odjern li ġew eżaminati fil-punti 260 sa 322 iktar ’il fuq ma humiex ta’ natura li juru li l-imsemmi bord naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni ta’ argument iddettaljat imqajjem mill-appellanti f’dak il-każ fil-kuntest ta’ appell quddiem l-imsemmi bord.

330    Għalhekk, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

5)      Fuq l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell sempliċement ivverifika l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

331    Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta bbaża ruħu fuq l-ECHA f’dak li jirrigwarda t-tilwim xjentifiku, sa fejn din tal-aħħar tkun eżerċitat is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha sew. Fl-imsemmi punt, l-imsemmi bord sempliċement ivverifika l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-ECHA.

332    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

333    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la mill-punt 152 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-punti l-oħrajn tal-parti tal-imsemmija deċiżjoni li fiha l-Bord tal-Appell eżamina n-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far ma jirriżulta li dan il-bord sempliċement ivverifika l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-ECHA.

334    Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 323 sa 330 iktar ’il fuq, fil-punt 152 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, il-Bord tal-Appell sempliċement fakkar li, fil-kuntest tal-appell quddiemu, kien il-kompitu tal-appellanti f’dak il-każ li turi li l-konklużjoni tal-ECHA fir-rigward tan-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far kienet żbaljata. Barra minn hekk, bħalma ġie espost fil-punti 279 sa 285 iktar ’il fuq, fil-punti 155 u 156 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa espona, essenzjalment, li argument li permezz tiegħu appellanti f’dak il-każ sempliċement esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-konklużjonijiet meħuda mill-ECHA ma kienx iddettaljat biżżejjed.

335    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, fil-punti 152, 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma ċaħadx l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ għaliex dawn ma setgħux juru l-eżistenza ta’ żball manifest li jivvizzja l-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA.

336    Minn dan isegwi li dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud, u għalhekk għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar in-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, bla ħsara għall-argumenti bbażati fuq differenzi bejn l-ispeċi tat-triclosan, li ser jiġu eżaminati fil-punti 339 sa 386 iktar’il quddiem.

b)      Fuq l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar in-natura xierqa tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far

337    Fil-punti 161 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ li kienu intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjoni tal-ECHA skont liema t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far tipprovdi informazzjoni utli fuq l-effetti tat-triclosan fuq il-bniedem. F’dan il-kuntest, huwa ta deċiżjoni dwar l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ li jikkritikaw l-estrapolazzjoni għall-bniedem ta’ riżultati ta’ studji fuq il-far fid-dawl tad-differenza bejn il-far u l-bniedem. Permezz ta’ dawn l-argumenti, l-appellanti f’dak il-każ ikkontestat mhux biss in-natura xierqa tat-talba li jitwettaq l-imsemmi studju, iżda wkoll in-natura neċessarja ta’ din it-talba. Fil-punt 167 tal-imsemmija deċiżjoni, dan il-bord ikkonkluda li s-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kellu jiġi miċħud. Fil-punt 168 ta’ din id-deċiżjoni, huwa kkonstata li, peress li l-argumenti kollha intiżi li jikkontestaw in-natura neċessarja tal-imsemmija talba kellhom jiġu miċħuda u peress li, lil hinn mill-argumenti eżaminati u miċħuda, la l-appellanti f’dak il-każ u lanqas PETA International Science Consortium ma kienu argumentaw li kien hemm alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali vertebri, is-seba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1907/2006, kellu wkoll jiġi miċħud.

338    Ir-rikorrenti tqajjem argumenti intiżi li jikkontestaw dawn il-kunsiderazzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kunsiderazzjonijiet li l-Bord tal-Appell żviluppa fil-punti 162 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, ser jiġu eżaminati l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li, fil-punt 168 tal-imsemmija deċiżjoni, dan il-bord ma eżaminax jekk kienx hemm miżuri inqas onerużi.

1)      Fuq l-argumenti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell żviluppati fil-punti 161 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata

339    Fil-punt 161 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, permezz tal-argumenti tagħha bbażati fuq differenzi bejn il-far u l-bniedem, l-appellanti f’dak il-każ kienet intiża li tikkontesta n-natura xierqa tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far. Fit-tieni sentenza tal-punt 162 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa qies li kien il-kompitu tal-appellanti f’dak il-każ li tipprova li l-konklużjoni tal-ECHA dwar in-natura xierqa ta’ din it-talba kienet żbaljata.

340    Fil-punti 163 sa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina u ċaħad l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ ibbażati fuq l-allegazzjoni li t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far ma kinitx xierqa minħabba differenzi bejn il-far u l-bniedem li jipprekludu l-estrapolazzjoni għal-bniedem ta’ riżultati ta’ studji fuq il-far. Fl-imsemmija punti, huwa espona li l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ ma kinux xierqa li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA skont liema, minkejja differenzi bejn il-far u l-bniedem, minn naħa, kien possibbli li jiġi identifikat riskju potenzjali ta’ newrotossiċità fil-bniedem abbażi ta’ studji mwettqa fuq il-far u, min-naħa l-oħra, ittestjar fuq il-far kien jipprovdi informazzjoni utli fuq l-effetti tat-triclosan fuq il-bniedem.

341    F’dan il-kuntest, fil-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona li, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet identifikat problemi dwar l-estrapolazzjoni għall-bniedem ta’ riżultati dwar il-far u kienet għalhekk ħadet inkunsiderazzjoni tal-problemi mqajma mill-appellanti f’dak il-każ. Huwa espona wkoll li l-ECHA kienet eżaminat l-argumenti li l-appellanti f’dak il-każ kienet qajmet f’dan ir-rigward u kienet iġġustifikat ir-rilevanza tal-istudji fuq il-far.

342    Fil-punt 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li mid-deċiżjoni tal-ECHA u mill-argumenti sottomessi quddiemha kien jirriżulta li, matul il-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, id-differenzi bejn il-far u l-bniedem kienu ġew ikkunsidrati bir-reqqa. Skont hu, l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ kienu jikkostitwixxu repetizzjoni tal-argumenti li kienu diġà tqajmu u ġew indirizzati matul l-imsemmija proċedimenti, kienu sempliċement jargumentaw li kien hemm opinjonijiet xjentifiċi diverġenti u kellhom għalhekk jiġu miċħuda. F’dan il-kuntest, huwa għamel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tagħha żviluppati fil-punt 134 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema l-fatt li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx tal-istess fehma bħall-ECHA dwar punt speċifiku fih innifsu ma kienx biżżejjed sabiex jintwera li din l-aġenzija kienet eżerċitat is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha b’mod żbaljat. Skont hu, is-sempliċi fatt li l-appellanti f’dak il-każ kellha opinjoni xjentifika differenti minn dik tal-ECHA għalhekk ma setax jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

343    Fil-punt 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa l-eżistenza ta’ problemi dwar l-implimentazzjoni ta’ ttestjar ta’ tossiċità fuq annimali vertebri li jipproduċu indikazzjonijiet affidabbli dwar l-effetti ta’ sustanza ddeterminata fuq il-bniedem. L-estrapolazzjoni ta’ riżultati ta’ speċi għal speċi oħra hija kumplessa. Madankollu, skont l-imsemmi bord, f’dan l-istadju, il-metodi ta’ ttestjar previsti bid-deċiżjoni tal-ECHA kienu konformi mal-metodi l-iktar avvanzati. L-eżistenza ta’ differenzi dwar ir-reazzjoni tal-far u dik tal-bniedem għall-espożizzjoni għat-triclosan għalhekk ma hijiex biżżejjed sabiex tipprova li l-istudju mitlub ma jipprovdix informazzjoni utli fuq l-effetti ta’ din is-sustanza fuq il-bniedem li jkun espost għaliha. Mill-opinjoni ta’ dan il-bord, l-appellanti f’dak il-każ barra minn hekk ma kinitx issuġġeriet alternattiva adegwata għall-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far.

344    Fil-punt 166 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ kellhom jiġu miċħuda.

345    Ir-rikorrenti targumenta li wħud mill-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jinsabu fil-punti 134 u 162 sa 166 tad-deċiżjoni kkontestata huma żbaljati.

346    Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punti 162 sa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indebitament qaleb l-oneru tal-prova.

347    Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell esposta fil-punti 134 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi ma kienet tirrileva ebda ksur tad-dritt, hija żbaljata. Skont hi, fid-dawl tal-kontinwità funzjonali li teżisti bejn l-ECHA u l-imsemmi bord, dan tal-aħħar ma kienx imissu sempliċement iwettaq stħarriġ ta’ legalità u ma kienx imissu bbaża ruħu fuq l-ECHA f’dak li jirrigwarda d-diverġenzi xjentifiċi, sa fejn din tal-aħħar tkun eżerċitat is-setgħa ta’ stħarriġ tagħha sew. Ir-rwol ta’ dan il-bord jikkonsisti preċiżament f’li jiġu eżaminati bir-reqqa d-diversi opinjonijiet xjentifiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-opinjoni tal-ECHA kinitx iġġustifikata bid-dawl tal-provi rilevanti. Skont ir-rikorrenti, l-istess bord għalhekk ma setax sempliċement jirrileva li l-ECHA kienet eżaminat l-argument tagħha bir-reqqa u ma kellhiex tiċħdu għall-motiv li kien ibbażat fuq diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi. Skont hi, għall-kuntrarju, il-bord inkwistjoni kien imissu wettaq eżami “de novo” tad-deċiżjoni tal-ECHA li jinkludi dak tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni. Li kieku kien mod ieħor, huwa kien joħloq lacuna fil-protezzjoni proċedurali ggarantita lir-reġistranti bħalha.

348    Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li ma teżisti ebda ċertezza dwar it-traspożizzjoni għall-bniedem ta’ riżultati ta’ studji fuq il-far, minħabba differenzi dwar il-mod ta’ azzjoni tat-triclosan fil-far, minn naħa, u fil-bniedem, min-naħa l-oħra. Jeżistu differenzi kbar bejn il-funzjoni endokrinali tal-far u dik tal-bniedem u għalhekk dwar il-mod ta’ azzjoni nnifsu li permezz tiegħu t-triclosan suppost jipproduċi effetti newrotossiċi. Jeżistu differenzi notevoli fil-funzjoni tat-tirojde fil-bniedem u fil-far u dawn id-differenzi għandhom effett qawwi fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mill-istudji fuq il-far sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem. Il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell ibbażata fuq il-fatt li d-differenzi bejn il-bniedem u l-far fir-rigward tas-sensittività għat-triclosan huma iktar kwalitattivi milli kwantitattivi ma tistax tkun konvinċenti u hija kontradittorja. Id-differenzi kwalitattivi jikkonċernaw il-mod innifsu li permezz tiegħu t-triclosan jipproduċi effetti dannużi fil-bniedem u fil-far. Din il-kunsiderazzjoni turi nuqqas ta’ għarfien xjentifiku tal-argumenti ppreżentati quddiem dan il-bord. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-argumenti tar-rikorrenti mqassra fil-punt 265 iktar’il fuq, sa fejn dawn jirrigwardaw id-differenzi li jeżistu bejn il-bniedem u l-far.

349    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

350    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kien imissu wettaq huwa stess valutazzjoni tal-informazzjoni rilevanti u ddeċieda jekk it-triclosan kellux riskju potenzjali ta’ newrotossiċità jew ta’ tossiċità riproduttiva, jew le. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq, il-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord huma ta’ natura kontradittorja u li, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza ta’ appell quddiemu, dan il-bord għalhekk sempliċement jeżamina jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ jistgħux juru li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet ivvizzjata bi żball.

351    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn huma intiżi li juru li l-Bord tal-Appell wettaq żball fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA.

352    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li, fit-tieni sentenza tal-punt 162 u fil-punt 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indebitament qaleb l-oneru tal-prova.

353    Minn naħa, sa fejn l-argument imsemmi fil-punt 352 iktar ’il fuq jirrigwarda t-tqassim tal-oneru tal-prova matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonstata, fit-tieni sentenza tal-punt 162 u fit-tielet sentenza tal-punt 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien il-kompitu tal-appellanti f’dak il-każ li turi li l-konklużjonijiet tal-ECHA kienu vvizzjati bi żball. Fil-fatt, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jirriżulta min-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord. Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud sa fejn dan jirrigwarda t-tqassim tal-oneru tal-prova matul l-imsemmija proċedimenti.

354    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument imsemmi fil-punt 352 iktar ’il fuq jirrigwarda t-tqassim tal-oneru tal-prova matul il-proċedimenti quddiem l-ECHA, għandu jitfakkar li, sabiex jintwera li t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far kienet xierqa, kien il-kompitu tal-ECHA li tistabbilixxi li dan jipprovdi informazzjoni utli fuq l-effetti tat-triclosan fuq il-bniedem.

355    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma injorax ir-regoli ta’ tqassim tal-oneru tal-prova matul il-proċedimenti quddiem l-ECHA. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmi bord li jinsabu fit-tieni sentenza tal-punt 162 u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 165 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jirrigwardaw biss it-tqassim tal-oneru tal-prova matul il-proċedimenti quddiem dan il-bord.

356    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument imsemmi fil-punt 352 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

357    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punti 134 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kienx imissu bbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi ma weriet ebda ksur tad-dritt. Huwa ma kienx imissu llimita l-istħarriġ tiegħu fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-ECHA.

358    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 134 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ intiżi li juru n-natura żbaljata tal-konklużjoni tal-ECHA li tipprovdi li, minkejja differenzi bejn il-far u l-bniedem, kien possibbli li jiġu estrapolati għall-bniedem ir-riżultati ta’ studji fuq il-far, bħal dawk tal-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far.

359    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, fil-kuntest ta’ tali proċedimenti, l-appellanti f’dak il-każ għandha tqajjem argumenti ddettaljati intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA. Għalhekk, meta, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li, minkejja d-differenzi bejn il-far u l-bniedem, kien possibbli li jiġu estrapolati għall-bniedem ir-riżultati ta’ studji fuq il-far, kien il-kompitu tar-rikorrenti li tqajjem argumenti ddettaljati intiżi li juru li l-kunsiderazzjonijiet li l-ECHA bbażat ruħha fuqhom kienu żbaljati.

360    Huwa fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jinsabu fil-punti 134 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata.

361    Fit-tieni sentenza tal-punt 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, essenzjalment, l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ ibbażati fuq differenzi eżistenti bejn il-far u l-bniedem kienu sempliċement jikkonstataw li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx taqbel mal-konklużjonijiet li l-ECHA kienet waslet għalihom. F’dan il-kuntest, hija għamlet riferiment għar-raba’ sentenza tal-punt 134 tal-imsemmija deċiżjoni, fejn hija esponiet li l-fatt li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx taqbel ma’ konklużjoni ta’ natura xjentifika tal-ECHA ma kienx biżżejjed sabiex tintwera l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja din il-konklużjoni.

362    Issa, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punt 359 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ċaħad, fil-punt 164 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala li ma humiex iddettaljati biżżejjed, l-argumenti li permezz tagħhom l-appellanti f’dak il-każ sempliċement indikat in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-konklużjoni tal-imsemmi bord.

363    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-punti 134 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ għar-raġuni li dawn ma kinux iddettaljati biżżejjed. Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ma ċaħadx l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ għaliex ma kinux jippruvaw żball manifest li jivvizzja l-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, minn dawn il-punti ma jistax jiġi dedott li dan il-bord illimita l-intensità tal-istħarriġ tiegħu għar-raġuni li l-ECHA kellha marġni ta’ evalwazzjoni.

364    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li jipprovdu li diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi ma kienet turi ebda ksur tad-dritt għandhom ukoll jiġu miċħuda.

365    Fit-tielet lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar id-differenzi bejn il-far u l-bniedem.

366    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li l-ECHA kienet irrikonoxxiet li kien hemm xi problemi dwar l-estrapolazzjoni għall-bniedem ta’ informazzjoni rilevanti miksuba minn studji fuq il-far. L-imsemmi bord espona wkoll li l-ECHA kienet eżaminat l-argumenti li l-appellanti f’dak il-każ kienet qajmet f’dan ir-rigward u kien iġġustifika r-rilevanza tal-istudji fuq il-far. F’dan il-kuntest, huwa rrileva, bħala eżempju, minn naħa, fil-ħames sentenza ta’ dan il-punt, li r-riżultati tat-testijiet kienu jindikaw li l-mekkaniżmu li permezz tiegħu t-triclosan kien ifixkel it-tirojde seta’ jkun rilevanti wkoll għall-bniedem. Min-naħa l-oħra, fis-sitt sentenza ta’ dan il-punt, huwa rrileva li, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet ikkonstatat li d-differenzi bejn il-far u l-bniedem kienu iktar kwalitattivi milli kwantitattivi.

367    Ir-rikorrenti targumenta li l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fis-sitt sentenza tal-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema d-differenzi bejn il-far u l-bniedem huma iktar kwalitattivi milli kwantitattivi, hija żbaljata.

368    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti targumenta ġustament li l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball, tali żball ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

369    Fis-sitt sentenza tal-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għamlet riferiment għall-kontenut tad-deċiżjoni tal-ECHA. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni tagħha, din l-aġenzija ma bbażatx ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li d-differenzi bejn il-far u l-bniedem kienu iktar kwalitattivi milli kwantitattivi. Fil-fatt, fil-paġna 19 ta’ dik id-deċiżjoni, hija indikat li, peress li ma kienx intwera li l-far kien mudell mhux xieraq minħabba l-fatt li d-differenzi bejn il-bniedem u l-far dwar is-sensittività għall-effetti kimiċi fuq it-tneħħija tal-ormon tat-tirojde T 4 huma iktar kwalitattivi milli kwantitattivi, ir-riżultati miksuba fuq il-far dwar it-tnaqqis tat-T 4 ma setgħux jiġu injorati u kellhom jitqiesu bħala rilevanti għall-amministrazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem.

370    Għalhekk, fis-sitt sentenza tal-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irriproduċa b’mod inadegwat il-kontenut tad-deċiżjoni tal-ECHA. Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet magħmula minn din l-aġenzija kienu bbażati fuq il-kunsiderazzjoni skont liema ma kienx ġie ppruvat li d-differenzi bejn il-far u l-bniedem dwar it-tnaqqis tal-ormon tat-tirojde T 4 kienu iktar kwalitattivi milli kwantitattivi. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi bord ibbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni opposta skont liema dawn id-differenzi kienu iktar kwalitattivi milli kwantitattivi.

371    Madankollu, l-iżball tal-Bord tal-Appell fis-sitt sentenza tal-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

372    Fil-fatt, f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu biss fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata li tinsab fis-sitt sentenza tal-imsemmi punt, skont liema d-differenzi bejn il-far u l-bniedem kienu iktar kwalitattivi milli kwantitattivi. Fil-fatt, fil-ħames sentenza ta’ dan il-punt, huwa ħa inkunsiderazzjoni wkoll tal-konstatazzjoni tal-ECHA skont liema l-mekkaniżmu li permezz tiegħu t-triclosan iwassal għal tnaqqis tal-livell tal-ormoni fid-demm huwa mekkaniżmu li jista’ jkun rilevanti wkoll għall-bniedem.

373    F’dan ir-rigward, fil-paġna 18 tad-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet esponiet li, skont diversi studji fuq l-annimali, it-triclosan kien jaffettwa s-sistema tal-ormon tat-tirojde T 4 u li, skont xi studji fuq l-annimali u xi osservazzjonijiet fuq il-bniedem, tnaqqis tal-livelli ta’ dan l-ormon seta’ jkollu effetti dannużi fuq l-iżvilupp tal-moħħ tal-feti. Skont dawn l-istudji, fil-bniedem, ġew osservati tnaqqis tal-IQ u ttardjar fil-ħiliet mentali fi tfal imwielda minn ommijiet li l-livelli ta’ T 4 tagħhom kienu baxxi matul it-tqala. Fil-paġna 19 ta’ dik id-deċiżjoni, l-ECHA kienet esponiet li, minkejja d-differenzi eżistenti bejn il-far u l-bniedem, it-triclosan seta’ jikkawża t-tneħħija tal-ormon tat-tirojde T 4 fil-bniedem.

374    Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti sempliċement targumenta li ma hemm ebda ċertezza dwar it-traspożizzjoni għall-bniedem tar-riżultati ta’ studji fuq il-far, minħabba d-differenzi dwar il-mod ta’ azzjoni tat-triclosan fil-far, minn naħa, u l-bniedem, min-naħa l-oħra. Jeżistu differenzi kbar bejn il-funzjoni endokrinali tal-far u dik tal-bniedem u għalhekk dwar il-mod ta’ azzjoni nnifsu li permezz tiegħu t-triclosan jista’ jipproduċi effetti newrotossiċi. Jeżistu differenzi notevoli bejn il-funzjoni tat-tirojde fil-bniedem u fil-far u dawn id-differenzi għandhom impatt qawwi fuq il-konklużjonijiet li jistgħu jinsiltu mill-istudji fuq il-far sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem.

375    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tad-differenzi eżistenti bejn il-far u l-bniedem, xi informazzjoni rilevanti tista’ tiġi estrapolata għall-bniedem minn studji fuq il-far, tinvolvi evalwazzjonijiet ta’ punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, li fir-rigward tagħhom l-ECHA għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa. Għalhekk, f’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali huwa limitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk l-argumenti tar-rikorrenti jippruvawx li, f’dak li jirrigwarda tali evalwazzjonijiet, il-Bord tal-Appell wettaqx żball manifest jew użu ħażin ta’ poter jew jekk eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu.

376    F’dan ir-rigward, qabel xejn, għandu jitfakkar li, minkejja li r-Regolament Nru 1907/2006 huwa intiż li jevita, sa fejn possibbli, l-ittestjar fuq l-annimali, b’mod partikolari fuq l-annimali vertebri, huwa jirrikonoxxi madankollu li l-esperimenti fuq l-annimali vertebri huma metodu li jippermetti li jiġu evalwati l-proprjetajiet tas-sustanzi kimiċi. Għalhekk, fih innifsu, il-fatt li jeżistu xi differenzi bejn il-far u l-bniedem ma jippruvax l-eżistenza ta’ żball manifest tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, dejjem ser ikun hemm xi differenzi bejn il-bniedem u l-annimali vertebri. Huma għalhekk biss differenzi bejn l-annimali vertebri msemmija fit-talba ta’ ttestjar u l-bniedem, li jistgħu jikkontestaw ir-rilevanza għall-bniedem tar-riżultati tal-ittestjar fuq dawn l-annimali u li jistgħu jikkontestaw in-natura proporzjonata tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far.

377    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tqajjem ebda argument li jista’ jikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema mekkaniżmu identiku għall-mekkaniżmu li permezz tiegħu t-triclosan iwassal għal tnaqqis tal-livell tal-ormon tat-tirojde T 4 fid-demm tal-far ġie osservat fil-bniedem jew il-konstatazzjoni skont liema, jekk tali tnaqqis tal-livelli ormonali jseħħ matul it-tqala, l-iżvilupp tal-moħħ tal-fetu jkun jista’ jiġi affettwat.

378    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ ma qajmet ebda argument li jista’ jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-paġna 19 tad-deċiżjoni tal-ECHA, li jkopru s-sitwazzjonijiet li fihom t-triclosan ikun jista’ jikkawża żieda fit-tneħħija tal-ormon tat-tirojde T 4 fil-bniedem.

379    Fl-aħħar nett, bħalma espona r-Renju tad-Danimarka matul is-seduta, id-differenzi bejn il-funzjoni endokrinali fil-far u dik fil-bniedem huma magħrufa sew, li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-estrapolazzjoni għall-bniedem ta’ informazzjoni rilevanti li ġejja minn studji fuq il-far.

380    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jippruvawx li ma hijiex plawżibbli l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell skont liema r-riżultati ta’ studji fuq il-far ma jistgħux jitqiesu bħala nieqsa minn rilevanza għall-bniedem, minkejja l-fatt li t-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-ormon tat-tirojde T 4 fil-far ma jippermettix li jiġi antiċipat effett identiku fuq il-konċentrazzjonijiet ta’ T 4 fil-bniedem.

381    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn huma intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjoni li tinsab fil-ħames sentenza tal-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema l-mekkaniżmu li permezz tiegħu t-triclosan iwassal għal tnaqqis fil-livell tal-ormoni fid-demm huwa mekkaniżmu li jista’ jkun rilevanti wkoll għall-bniedem.

382    Minn dan isegwi li l-iżball li jivvizzja l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fis-sitt sentenza tal-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konklużjoni tal-imsemmi bord skont liema l-ECHA setgħet tqis li, minkejja d-differenzi eżistenti bejn il-far u l-bniedem, ir-riżultati ta’ ttestjar fuq il-far setgħu jiġu estrapolati għall-bniedem.

383    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġu miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li r-raġunament tal-Bord tal-Appell huwa kontradittorju, minħabba l-fatt li huwa bbaża ruħu fuq data li ġejja minn studji fuq il-far, minkejja d-differenzi eżistenti bejn il-far u l-bniedem.

384    Għalhekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha tar-rikorrenti bbażati fuq id-differenzi eżistenti bejn il-bniedem u l-far, kif ukoll dawk dwar il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tan-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far (ara l-punt 288 iktar ’il fuq), u kif ukoll dawk dwar in-natura xierqa tiegħu.

385    Fir-raba’ lok, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka r-rapport Witorsch, dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punt 287 iktar ’il fuq.

386    Għaldaqstant, l-argumenti dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell żviluppati fil-punti 161 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmi bord dwar in-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, għandhom jiġu miċħuda.

2)      Fuq l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell ma eżaminax jekk kienx hemm miżuri inqas onerużi

387    Fil-punt 168 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, peress li l-argumenti kollha intiżi li jikkontestaw in-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far kellhom jiġu miċħuda u peress li, lil hinn mill-argumenti eżaminati u miċħuda, la l-appellanti f’dak il-każ u lanqas PETA International Science Consortium ma kienu argumentaw li kien hemm xi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali vertebri, is-seba’ aggravju tal-appell quddiemu, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1907/2006, kellu wkoll jiġi miċħud.

388    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma żbaljati. L-ECHA ma werietx li kien hemm soluzzjoni alternattiva għat-twettiq ta’ ttestjar fuq annimali vertebri. Il-Bord tal-Appell irrifjuta li jivverifika jekk kienx hemm mezzi inqas onerużi. Skont ir-rikorrenti, minkejja li l-imsemmi bord għandu l-istess kompetenzi bħall-ECHA, huwa ma wettaqx eżami sħiħ tal-proporzjonalità u ma eżaminax jekk kienx hemm motivi inqas onerużi mill-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far sabiex jiġu ċċarati r-riskji potenzjali ta’ newrotossiċità u ta’ tossiċità riproduttiva li għandu t-triclosan. Dan il-bord għaldaqstant kiser l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Barra minn hekk, skont il-fehma tar-rikorrenti, l-istess bord seta’ pproċeda għad-determinazzjoni tas-saħħa probatorja tal-informazzjoni disponibbli, billi jibbaża ruħu fuq l-istudji pprovduti minnha, b’mod partikolari r-rapport Witorsch, minflok jitlob it-twettiq tal-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far li ma huwiex rilevanti għall-bniedem.

389    L-ECHA tikkontesta dawn l-argumenti.

390    Fl-ewwel lok, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu sempliċement jistħarreġ id-deċiżjoni tal-ECHA, iżda jeżamina mill-ġdid huwa nnifsu jekk kienx hemm miżuri inqas onerużi, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq.

391    Fit-tieni lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li, fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA, il-Bord tal-Appel wettaq żball, preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, sabiex jiġi evitat l-ittestjar fuq l-annimali, l-ittestjar fuq annimali vertebri mwettaq għall-finijiet ta’ dan ir-regolament isir biss jekk ma tkun teżisti l-ebda soluzzjoni oħra.

392    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li l-istudji fuq il-far ma humiex rilevanti għall-bniedem, għandu jiġi rrilevat li hija ma tqajjem ebda argument minbarra dawk li diġà ġew eżaminati u miċħuda fil-punti 339 sa 384 iktar ’il fuq.

393    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka r-rapport Witorsch, dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punt 287 iktar ’il fuq.

394    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 billi naqas milli jeżamina jekk kienx hemm miżuri inqas onerużi, għandhom jiġu miċħuda.

395    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar in-natura neċessarja u xierqa tat-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq l-argumenti li jqisu r-rifjut tal-opinjoni esperta tas-sinjura Mihaich bħala inammissibbli

396    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina xi kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà (punti 117 sa 131). B’mod partikolari, huwa ta deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti provi prodotti mill-appellanti f’dak il-każ (punti 122 sa 131). F’dan il-kuntest, huwa qies li r-rapport Mihaich, li l-appellanti f’dak il-każ kienet ipproduċiet fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent ta’ PETA International Science Consortium, ma kienx ammissibbli (punti 125 sa 130). F’dan ir-rigward, huwa indika li l-appellanti f’dak il-każ ma kinitx issottomettiet dan ir-rapport mal-avviż tal-appell (punt 125). Huwa espona li, konformement mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008, il-partijiet ma setgħux jissottomettu provi ġodda wara l-ewwel skambju ta’ noti, sakemm il-Bord tal-Appell ma jqisx li d-dewmien fil-preżentata tal-prova jkun debitament iġġustifikat (punt 126). Huwa rrileva li, peress li l-imsemmi rapport kien tal‑2015 u għaldaqstant kien wara l-avviż tal-appell, bħala prinċipju, id-dewmien fil-preżentata ta’ dan id-dokument seta’ eventwalment jiġi ġġustifikat u ppreċiża li kien possibbli li jiġi ġġustifikat id-dewmien fil-preżentata ta’ studju esperimentali mwettaq fuq sustanza wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors meta r-riżultati ta’ tali studju jkunu jistgħu jikkostitwixxu fatti ġodda li ma kinux disponibbli meta skada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors (punt 127). Huwa espona li l-istess rapport ma kienx studju esperimentali, iżda l-opinjoni ta’ espert ibbażata fuq studji esperimentali eżistenti, dwar il-proprjetajiet ta’ interferenza endokrinali tat-triclosan, u rrikonoxxa li l-metodoloġija użata fir-“rapport” inkwistjoni kienet ġdida, iżda li d-data li kien ibbażat fuqha ma kinitx, kienet teżisti diġà u kienet diġà disponibbli għall-ECHA meta adottat id-deċiżjoni kkontestata (punt 128). Huwa kkonkluda li r-rapport inkwistjoni kien jikkostitwixxi opinjoni esperta li, konformement mal-Artikolu 6(1)(f) tar-Regolament Nru 771/2008, kien imissha ġiet sottomessa fil-qafas tal-avviż tal-appell, li xejn ma kien jipprekludi li l-appellanti f’dak il-każ tikkommissjona tali opinjoni esperta fil-ħin, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu sabiex isir ir-rikors amministrattiv u li, għaldaqstant, il-fatt li l-espert inkwistjoni ma jkunx għadu għamel l-opinjoni tiegħu fi stadju preċedenti ma kienx jista’ jiġġustifika d-dewmien fil-preżentata ta’ dan ir-rapport (punt 129).

397    Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma żbaljati.

398    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008 u l-Artikolu 8(4)(f) tal-imsemmi regolament. Id-dewmien fil-preżentata tar-rapport Mihaich huwa ġġustifikat fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont hi, fil-kuntest tal-eżami tiegħu, l-imsemmi bord kellu jieħu inkunsiderazzjoni tal-provi xjentifiċi rilevanti l-iktar riċenti. Barra min hekk, dan il-bord ma ħax inkunsiderazzjoni tal-fatt li PETA International Science Consortium ma kinitx f’pożizzjoni li tannetti l-imsemmi rapport sħiħ man-nota ta’ intervent tagħha minħabba l-fatt li dan ir-rapport ma kienx disponibbli dak iż-żmien. Hija lanqas ma setgħet tissottometti dan id-dokument f’anness għall-avviż tal-appell tagħha. Barra minn hekk, l-ewwel waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma tiddistingwixxix bejn id-diversi tipi ta’ provi u ma tipprekludix li ċerti tipi ta’ provi jiġu ppreżentati tard. L-istess rapport ma huwiex sempliċi opinjoni esperta iżda għandu jitqies bħala studju xjentifiku. Huwa bbażat fuq approċċ sistematiku u vvalidat dwar l-allegat rwol tat-triclosan fil-qasam ta’ interferenza endokrinali. L-opinjoni esperta tas-sinjura Mihaich mhux biss tiggruppa l-provi rilevanti, iżda tiddeskrivihom ukoll b’mod iddettaljat u tispjega b’mod affidabbli, konsistenti u trasparenti l-mod kif ġew użati l-provi sabiex waslet għal konklużjoni definittiva.

399    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport Mihaich seta’ jbiddel ir-riżultat tal-proċedimenti. Skont hi, li kieku l-Bord tal-Appel kien ħa inkunsiderazzjoni ta’ dan ir-rapport, huwa kien jikkonkludi li, fid-dawl tad-diversi effetti li għandu t-triclosan fuq id-diversi speċi, l-estrapolazzjoni għall-bniedem ta’ data dwar il-far ma kinitx possibbli. Il-konklużjonijiet tal-imsemmi rapport jikkonfermaw li t-triclosan ma għandux effetti negattivi.

400    L-ECHA tikkontesta dawn l-argumenti.

401    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-kuntest, tliet dokumenti għandhom jiġu distinti, jiġifieri:

–        ir-rapport Mihaich ippubblikat fis‑27 ta’ Jannar 2017 f’ġurnal xjentifiku;

–        il-poster tal-preżentazzjoni tar-rapport Mihaich matul konferenza xjentifika li ntbagħtet minn PETA International Science Consortium fit‑12 ta’ Jannar 2016 fil-kuntest tan-nota ta’ intervent tagħha quddiem il-Bord tal-Appell;

–        l-opinjoni esperta li fasslet is-sinjura Mihaich fuq it-talba tar-rikorrenti, li ma kinitx is-suġġett ta’ verifika minn terzi u li r-rikorrenti bagħtet lill-ECHA fit‑22 ta’ Frar 2016 fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent quddiem il-Bord tal-Appell.

402    Id-dokument li l-Bord tal-Appell ċaħad bħala inammissibbli fil-punti 125 sa 130 tad-deċiżjoni kkontestata (tad‑19 ta’ Diċembru 2016) huwa l-opinjoni esperta tas-sinjura Mihaich, li l-appellanti f’dak il-każ kienet issottomettiet fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent quddiemha, u mhux ir-rapport Mihaich, li ġie ppubblikat biss fis‑27 ta’ Jannar 2017 wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

403    Fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li, billi ċaħad l-opinjoni inkwistjoni bħala inammissibbli, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(4)(f) tar-Reglament Nru 771/2008, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda t-talbiet għal intervent. Issa, il-punti 125 sa 130 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirrigwardawx it-talba għal intervent quddiem l-imsemmi bord, iżda dokument li kien ġie sottomess mill-appellanti f’dak il-każ.

404    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, wara l-ewwel skambju ta’ noti, il-partijiet għal proċedimenti ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA ma jistgħux jissottomettu provi ġodda, għall-inqas sakemm il-Bord tal-Appell ma jqisx li d-dewmien fil-preżentata tal-prova huwa debitament iġġustifikat.

405    Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Bord tal-Appell kienx imissu jqis li d-dewmien fil-preżentata tal-opinjoni inkwistjoni kienx debitament iġġustifikat.

406    F’dak il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti f’dak il-każ kienet esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet bagħtet l-opinjoni inkwistjoni fil-qafas tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mid-dokumenti tar-rikorrenti, wara li saret taf bil-fatt li r-rapport Mihaich ma kienx ser ikun disponibbli fil-ħin, ir-rikorrenti kkuntattjat lis-sinjura Mihaich u talbitha tfassal opinjoni billi tibbaża ruħha fuq l-abbozz bil-kitba tar-rapport li kellu jiġi ppubblikat. Sussegwentement ir-rikorrenti pproduċiet din l-opinjoni fil-qafas tal-imsemmija osservazzjonijiet.

407    Kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, ma jistax jitqies li dawn iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw il-preżentata tardiva tal-opinjoni inkwistjoni. Fil-fatt, bħalma espona ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 129 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-opinjoni nħarġet minn espert, li analizza l-konklużjonijiet li kellhom jinsiltu mill-informazzjoni disponibbli bid-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja ta’ din l-informazzjoni. Issa, sa fejn din l-analiżi kienet intiża li tikkontesta l-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom l-ECHA abbażi tal-istess informazzjoni, inkwistjoni kien hemm analiżi li setgħet tintbagħat fl-istess ħin bħall-avviż tal-appell. Fil-fatt, xejn ma kien jipprekludi li r-rikorrenti tikkommissjoni tali opinjoni fil-ħin. Il-fatt li s-sinjura Mihaich ma kinitx għadha fasslet formalment l-opinjoni inkwistjoni meta ġie sottomess l-avviż tal-appell għaldaqstant ma jiġġustifikax id-dewmien fil-preżentata tal-imsemmija opinjoni.

408    Għaldaqstant, l-argument bbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 771/2008 għandu wkoll jiġi miċħud.

409    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argumenti bbażati fuq l-opinjoni inkwistjoni għandhom ukoll jiġu miċħuda.

4.      Fuq l-argumenti intiżi li jikkontestaw l-osservazzjonijiet preliminari tal-Bord tal-Appell

410    Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 134 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell applika livell ta’ stħarriġ inadegwat. Skont hi, l-imsemmi bord ħalla f’idejn l-ECHA f’dak li jirrigwarda xi diverġenzi xjentifiċi u sempliċement ivverifika l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-ECHA.

411    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

412    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 134 tad-deċiżjoni kkontestata jidħol f’parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Bord tal-Appell għamel xi osservazzjonijiet preliminari. Fl-imsemmi punt, l-imsemmi bord għaldaqstant la eżamina u lanqas ċaħad argumenti tal-appellanti f’dak il-każ intiżi li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-ECHA.

413    Huwa minnu li, sussegwentement, fil-kuntest tal-analiżi tiegħu tal-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ, fil-punti 156, 157 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għamel riferiment għall-punt 134 tal-imsemmija deċiżjoni. Għandu jitfakkar ukoll li l-motivi esposti fil-punti 156, 157 u 164 ta’ din id-deċiżjoni ġew ikkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors odjern. Madankollu, bħalma ġie espost fil-punti 279 sa 285, 331 sa 336 u 363 iktar ’il fuq, l-imsemmi Bord tal-Appell, fil-punti 156, 157 u 164 tal-istess deċiżjoni, sempliċement kkonstata li l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ kellhom jiġu miċħuda, għaliex dawn ma kinux iddettaljati biżżejjed. Għalhekk ma jistax jiġi dedott minn dan li dan il-bord sempliċement ivverifika l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-ECHA.

414    Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell sempliċement ivverifika l-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud ukoll. Sa fejn, fil-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-eżami tal-għaxar motiv, dwar it-talba li jitwettaq it-test fuq il-ħut, l-imsemmi bord għamel riferiment ukoll għall-punt 134 tal-imsemmija deċiżjoni, dan ser jittieħed inkunsiderazzjoni fil-punt 451 iktar ’il quddiem.

415    Għaldaqstant, l-argumenti kollha tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet li l-Bord tal-Appell ibbaża ċ-ċaħda tar-rikors amministrattiv fuqhom, sa fejn dan kien jirrigwarda t-talba li jitwettaq l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far, għandhom jiġu miċħuda.

C.      Fuq l-argumenti dwar iċ-ċaħda tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell sa fejn dan kien jirrigwarda t-talba li jitwettaq it-test fuq il-ħut

416    Fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA talbet lir-rikorrenti twettaq it-test fuq il-ħut. Fil-kuntest tar-rikors amministrattiv, ir-rikorrenti argumentat li din l-aġenzija ma setgħetx titlob it-twettiq ta’ dan l-ittestjar. Fil-kuntest tal-għaxar motiv tal-imsemmi rikors, hija argumentat li din it-talba la kienet konformi mal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1907/2006 u lanqas mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-twettiq ta’ tali ttestjar ma kienx neċessarju minħabba l-fatt li l-informazzjoni disponibbli kienet uriet l-assenza ta’ effetti endokrinali mhux mixtieqa fuq il-ħut f’konċentrazzjonijiet li ma jikkawżawx tossiċità ġenerali. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti argumentat li mill-istudji BASF u Foran kien jirriżulta li t-triclosan ma kienx b’saħħtu biżżejjed sabiex jipproduċi tali effetti in vivo u li, għaldaqstant, ma kienx neċessarju li jiġu ssagrifikati annimali sabiex tinkiseb data li ma hijiex rilevanti.

417    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina u ċaħad dawn l-argumenti. Qabel xejn, huwa fakkar, billi għamel riferiment għall-punt 101 tal-imsemmija deċiżjoni, li, sabiex jiġi ppruvat li talba għal informazzjoni addizzjonali kienet neċessarja fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ sustanza, l-ECHA kellha tipprova l-eżistenza ta’ riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, li dan ir-riskju kellu jiġi kkjarifikat, u li kien hemm possibbiltà reali li l-informazzjoni mitluba twassal għal titjib fil-miżuri ta’ amministrazzjoni tar-riskji (punt 225). Sussegwentement, huwa rrileva li l-appellanti f’dak il-każ kienet argumentat, essenzjalment, li l-ECHA ma kinitx ippruvat l-eżistenza ta’ riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u li, sabiex turi l-assenza ta’ riskju potenzjali, l-appellanti f’dak il-każ kienet ibbażat ruħha fuq diversi studji li kienu inklużi fid-dossier ta’ reġistrazzjoni tat-triclosan (punt 226). Barra minn hekk, huwa espona li, bħalma kien jirriżulta mill-punt 44 ta’ din id-deċiżjoni, kien hemm espożizzjoni ambjentali kunsiderevoli għat-triclosan u li, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet identifikat b’mod ċar effetti potenzjali mhux mixtieqa fuq il-ħut (punti 227 u 228). Skont hu, id-deċiżjoni tal-ECHA għaldaqstant identifikat b’mod ċar riskju potenzjali ta’ effetti mhux mixtieqa marbuta mal-funzjonijiet endokrinali fuq il-ħut, li jista’ jkollu bħala konsegwenza li t-triclosan jitqies bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna u li kien ta’ tali kobor li kellu jiġi kkjarifikat. Fl-aħħar nett, huwa eżamina l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ ibbażati fuq l-istudji BASF u Foran (punti 229 sa 232). Minn naħa, huwa espona li, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, l-appellanti f’dak il-każ riedet targumenta li l-ECHA kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni tal-istudji BASF u Foran, dawn kellhom jiġu miċħuda, għaliex l-ECHA kienet esponiet fid-deċiżjoni tagħha r-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-informazzjoni inkluża f’dawn l-istudji ma kinitx biżżejjed sabiex jiġu evalwati l-effetti tat-triclosan fuq l-iżvilupp sesswali tal-ħut. Min-naħa l-oħra, huwa fakkar li, sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, l-appellanti f’dak il-każ riedet tesprimi n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-valutazzjoni tal-ECHA, dawn kellhom jiġu miċħuda wkoll. Skont hu, bħalma ġie espost fil-punt 134 tal-istess deċiżjoni, sempliċi diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi ma setgħetx tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-ECHA.

418    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kemm l-argument tal-appellanti f’dak il-każ ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1907/2006 kif ukoll l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kellhom jiġu miċħuda.

419    Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati.

420    Fl-ewwel lok, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punti 229 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma eżerċitax is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu b’mod reali u meta ma stabbilixxiex, abbażi tad-data xjentifika disponibbli, jekk kienx hemm riskju potenzjali li seta’ jiġġustifika t-twettiq ta’ testijiet addizzjonali. Hija ssostni li annettiet data differenti u diversi studji xjentifiċi mal-avviż tal-appell tagħha, li kienu jenfasizzaw li kien improbabbli li t-triclosan kellu l-effetti mhux mixtieqa allegati mill-ECHA fuq il-fertiltà tal-ħut. L-imsemmi bord sempliċement ħa taqsima sħiħa tad-deċiżjoni tal-ECHA, ċaħad l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ mingħajr ma eżamina l-fondatezza tagħhom u ma eżerċitax is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu b’mod reali, li kien jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-punti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni.

421    Fit-tieni lok, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-ECHA u l-Bord tal-Appell qalbu l-oneru tal-prova li ma huwiex konformi mar-regoli applikabbli u kisru l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont hi, ma kienx l-obbligu tagħha li turi l-assenza ta’ preokkupazzjoni dwar it-triclosan. Kien pjuttost il-kompitu tal-ECHA li turi l-eżistenza ta’ riskju potenzjali ta’ interferenza endokrinali fil-ħut.

422    Fit-tielet lok, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-konstatazzjonijiet tal-ECHA u tal-Bord tal-Appell ma kinux biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura neċessarja tat-talba li jitwettaq it-test fuq il-ħut. Hija tindika li, skont dawn il-konstatazzjonijiet, ir-rabta bejn it-triclosan u l-effetti mhux mixtieqa identifikati ma kinitx “totalment konklużiva”. Ebda wieħed mill-istudji ma pprova r-riskju allegatament identifikat. Barra minn hekk, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riskju potenzjali, għandu jiġi ddeterminat il-perikolu rilevanti u l-espożizzjoni għal dan il-perikolu. Issa, fil-punt 227 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi bord sempliċement ippreżenta diversi provi fuq ir-riskju u l-espożizzjoni, mingħajr ma pprova r-rabta bejniethom. Dan il-bord naqas b’mod partikolari milli jeżamina jekk il-livelli ta’ konċentrazzjoni użati fl-istudji disponibbli kinux jikkorrispondu mal-livelli li setgħu jiġu prodotti raġonevolment f’kundizzjonijiet reali.

423    Fir-raba’ lok, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni partijiet tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kienx imissu bbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni skont liema, fiha nfisha, diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi ma kinitx biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni. Skont hi, ir-rwol tal-imsemmi bord kien jikkonsisti preċiżament f’li jiġu eżaminati bir-reqqa d-diversi opinjonijiet xjentifiċi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-opinjoni tal-ECHA kinitx iġġustifikata fid-dawl tal-provi rilevanti. Hija targumenta li dan il-bord irrifjuta li jeżamina l-provi li hija kienet ipproduċiet.

424    Fil-ħames lok, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 231 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kienx imissu sempliċement iqis li l-ECHA kienet ħadet inkunsiderazzjoni tal-istudji BASF u Foran. Hija tindika li, fl-avviż tal-appell, hija kienet esponiet li l-istudju BASF li hija kienet issottomettiet kien studju ta’ livell 3. Skont hi, meta r-riżultati ta’ tali studji jkunu negattivi, huwa ġeneralment aċċettat li t-twettiq ta’ studju addizzjonali tal-effetti analizzati ma huwiex neċessarju. L-imsemmi bord għaldaqstant ma kienx imissu injora dan l-istudju.

425    Fis-sitt lok, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kien imissu wkoll ħa inkunsiderazzjoni tal-opinjoni esperta tas-sinjura Mihaich li hija kienet issottomettiet fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent quddiem l-imsemmi bord.

426    Fis-seba’ lok, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li hija annettiet data differenti u diversi studji xjentifiċi mal-avviż tal-appell tagħha, li kienu jenfasizzaw li kien improbabbli li t-triclosan ikollu l-effetti mhux mixtieqa allegati mill-ECHA fuq il-fertiltà tal-ħut.

427    L-ECHA u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

428    Fl-ewwel lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti huma intiżi li juru li, fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-appell quddiemu, il-Bord tal-Appell ma kienx imissu sempliċement jeżamina jekk id-deċiżjoni tal-ECHA hijiex ivvizzjata bi żball, iżda kien imissu jeżamina huwa nnifsu jekk kellux jintalab it-twettiq tat-test fuq il-ħut, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 55 sa 131 iktar ’il fuq.

429    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, sa fejn dawn huma intiżi li juru li, fil-kuntest tal-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-ECHA, il-Bord tal-Appell wettaq żball.

430    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 231 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indebitament qaleb l-oneru tal-prova. Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma kienx l-obbligu tagħha li turi l-assenza ta’ preokkupazzjoni dwar it-triclosan, iżda kien pjuttost il-kompitu tal-ECHA li turi l-eżistenza ta’ riskju potenzjali ta’ interferenza endokrinali fil-ħut.

431    Minn naħa, sa fejn l-argument imsemmi fil-punt 430 iktar ’il fuq jirrigwarda t-tqassim tal-oneru tal-prova matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi bord ma wettaqx żball meta qies, fil-punti 232 u 233 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien il-kompitu tal-appellanti f’dak il-każ li turi li l-konklużjonijiet tal-ECHA kienu vvizzjati bi żball. Fil-fatt, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jirriżulta min-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem dan il-bord. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud sa fejn dan jirrigwarda l-oneru tal-prova matul l-imsemmija proċedimenti.

432    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument imsemmi fil-punt 430 iktar ’il fuq jirrigwarda l-oneru tal-prova matul il-proċedimenti quddiem l-ECHA, għandu jitfakkar li, sabiex jintwera li talba għal informazzjoni addizzjonali hija neċessarja, huwa l-obbligu tal-ECHA li turi li s-sustanza inkwistjoni għandha riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, li hija neċessarja sabiex tikkjarifika dan ir-riskju, u li hemm possibbiltà realistika li l-informazzjoni mitluba tippermetti li jittieħdu miżuri ta’ amministrazzjoni aħjar tar-riskji.

433    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma kisirx ir-regoli ta’ tqassim tal-oneru tal-provi matul il-proċedimenti quddiem l-ECHA. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punti 225, 227 u 228 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-proċedimenti quddiem l-ECHA, l-imsemmi bord segwa approċċ li kien konformi mal-prinċipju mfakkar fil-punt 432 iktar ’il fuq.

434    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument imsemmi fil-punt 430 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

435    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ħa taqsima sħiħa tad-deċiżjoni tal-ECHA, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li xejn ma jipprekludi li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-imsemmi bord għandu jwettaq wara appell minn deċiżjoni tal-ECHA, huwa jfakkar il-kunsiderazzjonijiet li din id-deċiżjoni tal-aħħar hija bbażata fuqhom u jistħarreġ jekk l-argumenti li l-appellanti tkun qajmet fil-kuntest tal-appell quddiemu humiex ta’ natura li juru l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja dawn il-kunsiderazzjonijiet. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

436    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu ċaħad l-argumenti tagħha intiżi li juru li l-ECHA ma kinitx ippruvat riskju potenzjali dwar l-iżvilupp sesswali tal-ħut.

437    L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li, kuntrarjament għal dak li kkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 227 tad-deċiżjoni kkontestata, il-punti li l-ECHA bbażat id-deċiżjoni tagħha fuqhom ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ tali riskju.

438    Bħalma fakkar il-Bord tal-Appell fil-punt 102 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ riskju potenzjali ta’ effetti dannużi għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent tiddependi, minn naħa, fuq proprjetajiet dannużi ta’ din is-sustanza u, min-naħa l-oħra, fuq l-espożizzjoni għal din is-sustanza.

439    Fil-punti 227 u 228 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, skont il-konstatazzjonijiet tal-ECHA, minn naħa, kien hemm xi indikazzjonijiet skont liema t-triclosan seta’ jkollu effetti mhux mixtieqa fuq il-ħut u, min-naħa l-oħra, kien hemm espożizzjoni ambjentali kunsiderevoli għat-triclosan.

440    Il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta qies li dawn il-punti kienu jippermettu lill-ECHA tistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju potenzjali għall-ambjent, li kellu jiġi kkjarifikat, u kienu għaldaqstant jiġġustifikaw it-talba li jitwettaq it-test fuq il-ħut.

441    Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 269 sa 273 iktar ’il fuq, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ tali riskju potenzjali, l-ECHA ma kinitx obbligata tikkonstata li, abbażi tal-informazzjoni li hija kellha, it-triclosan kellu jitqies li effettivament għandu proprjetajiet perikolużi. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, sabiex tadotta deċiżjoni li titlob informazzjoni addizzjonali, ma kienx l-obbligu tal-ECHA li tikkonstata l-eżistenza ta’ rabta konklużiva bejn it-triclosan u l-effetti mhux mixtieqa identifikati. Sabiex tiġġustifika t-talba tagħha għal informazzjoni addizzjonali, hija kienet obbligata biss tistabbilixxi li kien hemm riskju potenzjali li tali rabta teżisti.

442    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li, f’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina jekk il-livelli ta’ konċentrazzjoni użati fl-istudji disponibbli kinux jikkorrispondu mal-livelli li jistgħu raġonevolment jiġu prodotti f’kundizzjonijiet reali, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, l-imsemmi bord sempliċement jeżamina jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti humiex ta’ natura li juru l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata quddiemu. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-għaxar aggravju tal-avviż tal-appell, l-appellanti ma qajmitx tali argument. Għaldaqstant dan il-bord ma jistax jiġi kkritikat li ma eżaminahx.

443    Minn dan isegwi li l-argumenti li jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jinsabu fil-punt 227 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

444    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li, fil-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma kienx imissu bbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li, fiha nfisha, diverġenza ta’ opinjonijiet xjentifiċi ma kinitx biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni tal-ECHA. F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-istudju BASF, hija targumenta li dan l-istudju kien studju ta’ livell 3 u li, meta r-riżultati ta’ tali studju huma negattivi, huwa ġeneralment aċċettat li t-twettiq ta’ studju addizzjonali tal-effetti analizzati ma huwiex neċessarju.

445    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata jidħol fil-parti tal-imsemmija deċiżjoni li fiha l-Bord tal-Appell eżamina l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-istudji BASF u Foran kienu jippruvaw l-assenza ta’ riskju potenzjali għall-iżvilupp sesswali tal-ħut. Fil-punti 229 sa 231 ta’ din id-deċiżjoni, l-imsemmi bord ikkonstata li l-ECHA kienet ħadet inkunsiderazzjoni tal-imsemmija studji. F’dan il-kuntest, huwa rrileva li, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni inkluża f’dawn l-istudji ma kinitx tippermetti li jiġi eskluż riskju eventwali f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp sesswali tal-ħut. Fil-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-bord ta deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ ibbażati fuq dawn l-istudji setgħux jikkontestaw dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA.

446    Bħalma jirriżulta mill-punt 229 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, fid-deċiżjoni tagħha, l-ECHA kienet eżaminat u ċaħdet l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegazzjoni li l-istudju BASF kien studju ta’ livell 3 u li, meta r-riżultati ta’ tali studju kienu negattivi, kien ġeneralment aċċettat li t-twettiq ta’ studju addizzjonali tal-effetti analizzati ma kienx neċessarju. F’dan ir-rigward, huwa kien espona, b’mod partikolari, li l-istudji tat-tip ta’ dak tal-istudju BASF ma setgħux jintużaw bħala testijiet definittivi u li, minn perspettiva statistika, dawn ma kinux adegwati bħala bażi.

447    Barra minn hekk, fil-punt 230 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina u ċaħad l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ ibbażati fuq l-istudju Foran.

448    Fid-dawl tan-natura kontradittorja tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, quddiem aggravji ddettaljati li jesponu r-raġunijiet li għalihom l-istudji BASF u Foran ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ riskju potenzjali għall-iżvilupp sesswali tal-ħut, l-appellanti f’dak il-każ ma setgħetx sempliċement targumenta li kienu jeżistu dawn l-istudji u li dawn kienu jiġġustifikaw konklużjoni differenti minn dik tal-ECHA. Fil-fatt, tali argumenti, waħedhom, ma kinux jippruvaw l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja l-kunsiderazzjonijiet tal-ECHA.

449    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ sempliċement argumentat li, fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fl-istudji BASF u Foran, l-ECHA kien imissha kkonkludiet li ma kienx hemm riskju potenzjali marbut mat-triclosan għall-iżvilupp sesswali tal-ħut. Min-naħa l-oħra, hija ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom il-kunsiderazzjonijiet iddettaljati tal-ECHA, skont liema l-informazzjoni inkluża f’dawn l-istudji ma kinitx biżżejjed, kellhom jitqiesu bħala żbaljati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti li l-appellanti f’dak il-każ qajmet fil-kuntest tal-imsemmi appell dwar l-istudji BASF u Foran ma jistgħux jitqiesu bħala suffiċjentement iddettaljati.

450    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li, fil-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa sempliċement fakkar li s-sempliċi eżistenza ta’ opinjoni xjentifika diverġenti ma kinitx, bħala tali, suffiċjenti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja d-deċiżjoni tal-ECHA, billi għamel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tiegħu żviluppati fir-raba’ u l-ħames sentenza tal-punt 134 ta’ dik id-deċiżjoni.

451    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, billi pproċeda b’dan il-mod, il-Bord tal-Appell sempliċement ċaħad l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ bħala li ma humiex iddettaljati biżżejjed. Min-naħa l-oħra, mill-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata u mir-riferiment magħmul fil-punt 134 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li l-imsemmi bord illimita l-intensità tal-istħarriġ tiegħu għall-verifika tal-eżistenza ta’ żbalji manifesti mwettqa mill-ECHA.

452    Għaldaqstant, l-argumenti li jirrigwardaw il-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata u bbażati fuq l-istudji BASF u Foran għandhom jiġu miċħuda wkoll, għaldaqstant bħall-argumenti kollha bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell ma kienx imissu ċaħad l-argumenti tal-appellanti f’dak il-każ intiżi li juru li l-ECHA ma kinitx ippruvat riskju potenzjali dwar l-iżvilupp sesswali tal-ħut.

453    Fir-raba’ lok, sa fejn, fit-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell kien imissu wkoll ħa inkunsiderazzjoni tal-opinjoni esperta tas-sinjura Mihaich li hija kienet issottomettiet fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent quddiem l-imsemmi bord, dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 396 sa 409 iktar ’il fuq.

454    Fil-ħames lok, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti targumenta li hija annettiet data differenti u diversi studji xjentifiċi mal-avviż tal-appell tagħha, li kienu jenfasizzaw li kien improbabbli li t-triclosan kellu l-effetti mhux mixtieqa allegati mill-ECHA fuq il-fertiltà tal-ħut.

455    Minn naħa, sa fejn l-argument tar-rikorrenti jirrigwarda l-istudji BASF u Foran kif ukoll l-opinjoni esperta tas-sinjura Mihaich li hija kienet issottomettiet fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent quddiem l-imsemmi bord, dan għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk stipulati fil-punti 430 sa 453 iktar ’il fuq.

456    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument tar-rikorrenti jirrigwarda studji differenti minn dawk imsemmija fil-punt 455 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq, bħala prinċipju, il-Bord tal-Appell, fil-kuntest ta’ appell quddiemu, sempliċement jeżamina l-aggravji mqajma mill-appellanti.

457    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-għaxar aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ ma qajmet ebda argument iddettaljat li jipprova li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ECHA kienu vvizzjati bi żbalji, iżda sempliċement targumenta li hija kienet tal-fehma li kien possibbli li mill-istudji disponibbli jiġi dedott li t-triclosan ma kien jippreżenta ebda riskju potenzjali għall-iżvilupp sesswali tal-ħut.

458    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li, fil-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata, sempliċement fakkar li s-sempliċi eżistenza ta’ opinjoni xjentifika differenti ma kinitx, bħala tali, suffiċjenti sabiex tintwera l-eżistenza ta’ żball li jivvizzja d-deċiżjoni tal-ECHA.

459    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti kollha dwar iċ-ċaħda tal-aggravju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell dwar it-talba li jitwettaq it-test fuq il-ħut, għandhom jiġu miċħuda.

D.      Fuq l-argument ibbażat fuq approċċ inkoerenti tal-Bord tal-Appell

460    Ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ma applikax livell ta’ stħarriġ koerenti fid-deċiżjoni kkontestata kollha. Fil-punt 241 tal-imsemmija deċiżjoni, l-imsemmi bord wettaq eżami ddettaljat tan-natura neċessarja tad-dokumentazzjoni fuq il-kardjotossiċità. F’dan il-kuntest, dan il-bord wettaq l-eżami tiegħu stess tar-rilevanza u tal-affidabbiltà tal-istudju invokat mill-ECHA sabiex juri l-eżistenza ta’ riskju potenzjali. L-istess bord għaldaqstant ma eżerċitax is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu b’mod kostanti.

461    L-ECHA tikkontesta dawn l-argumenti.

462    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 46 sa 459 iktar ’il fuq, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ma wrewx żbalji tal-Bord tal-Appell li jiġġustifikaw annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tirrigwarda t-talbiet li jitwettaq it-test ta’ persistenza, l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far u t-test fuq il-ħut. Sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għall-eżistenza ta’ żball imwettaq fil-punt 241 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li dan il-punt jidħol f’parti minn din id-deċiżjoni li fiha l-Bord tal-Appell espona l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jannulla d-deċiżjoni tal-ECHA sa fejn din kienet tobbliga lir-rikorrenti tipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-effetti tat-triclosan fuq is-sistema kardjovaskulari. Issa, hemm lok jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma titlobx l-annullament ta’ din il-parti tad-deċiżjoni inkwistjoni.

463    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma applikax approċċ inkoerenti fil-kuntest tal-eżami li huwa wettaq.

464    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jirriżulta mill-punti 235 sa 238 u 241 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, l-appellanti f’dak il-każ kienet qajmet xi argumenti ddettaljati bbażati fuq l-allegazzjoni li l-ECHA ma kinitx ippruvat l-eżistenza ta’ riskju eventwali li t-triclosan ikollu effetti fuq is-sistema kardjovaskulari, minħabba l-fatt li hija bbażat ruħha biss fuq studju wieħed u li dan l-istudju ma kienx rilevanti għall-bniedem, għaliex it-triclosan kien ġie amministrat f’dożi artifiċjalment għoljin u permezz ta’ espożizzjoni li ma kellhiex rilevanza għall-espożizzjoni tal-bniedem għat-triclosan.

465    Fil-punt 241 u 242 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għaldaqstant sempliċement eżamina u laqa’ argumenti ddettaljati tal-appellanti f’dak il-każ.

466    Kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il-fatt li xi argumenti oħrajn tagħha ġew miċħuda mill-Bord tal-Appell għall-motiv li dawn ma kinux iddettaljati biżżejjed u għalhekk ma setgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni tal-ECHA, ma jistax jitqies bħala kontradittorju.

467    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq approċċ inkoerenti tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu miċħuda.

E.      Fuq l-argumenti bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

468    Ir-rikorrenti targumenta li, billi ċaħad l-argumenti prinċipali u l-provi xjentifiċi tagħha mingħajr ma eżamina l-fondatezza tagħhom, il-Bord tal-Appell kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha.

469    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

470    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teħtieġ li kull persuna li fil-konfront tagħha tista’ tittieħed deċiżjoni li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħha tkun f’pożizzjoni li tesprimi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar il-punti użati fil-konfront tagħha bħala bażi għal tali deċiżjoni (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2009, Cofac vs Il‑Kummissjoni, T‑159/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:490, punt 33).

471    Issa, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li, fil-kuntest tal-appell quddiemu, il-Bord tal-Appell ma eżaminax huwa nnifsu jekk it-talbiet li jitwettaq it-test ta’ persistenza, l-istudju rrinforzat ta’ newrotossiċità fuq il-far u t-test fuq il-ħut kinux neċessarji, iżda ġustament sempliċement stħarreġ jekk l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dak il-każ kinux ta’ natura li juru li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet ivvizzjata bi żball, bl-ebda mod ma pprekluda lir-rikorrenti milli tesprimi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar il-punti tal-imsemmija deċiżjoni.

472    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha għandu jiġi miċħud ukoll.

F.      Fuq l-argument dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1223/2009

473    Fil-kuntest tas-seduta, ir-rikorrenti qajmet argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li t-talbiet għal informazzjoni ma kinux konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba l-fatt li t-twettiq ta’ studji li jinvolvu ttestjar fuq l-annimali jista’ jwassal għal projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1223/2009 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).

474    Sa fejn, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tixtieq tqajjem motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1223/2009, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Issa, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li dan huwa motiv ġdid. Kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, dan il-motiv għaldaqstant ma jistax jintrabat mal-argumenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li hija żviluppat fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrenti milli tiżviluppa dan il-motiv fl-istadju tal-fażi bil-miktub.

475    Fi kwalunkwe każ, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, bħalma ġie espost fil-punti 59 sa 86 iktar ’il fuq, il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell hija ddeterminata mill-aggravji li l-appellanti tqajjem quddiemu. Issa, matul il-proċedimenti quddiem l-imsemmi bord, l-appellanti f’dak il-każ ma qajmitx argumenti dwar ir-Regolament Nru 1223/2009.

476    Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1223/2009 għandu jiġi miċħud ukoll.

477    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

478    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-ECHA.

479    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jkunu intervjenew fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

480    Barra minn hekk, it-talba tar-rikorrenti li l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża jiġu kkundannati għall-ispejjeż sostnuti minnha skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tiġi miċħuda. Skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, għall-ħlas parzjali jew totali tal-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji. Issa, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, l-attitudni tal-Istati Membri li intervjenew fil-kawża ma tiġġustifikax li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      BASF Grenzach GmbH għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Gratsias

Labucka

Papasavvas

Dittrich

 

      Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.