Language of document : ECLI:EU:F:2016:167

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(It‑Tieni Awla)

21 ta’ Lulju 2016

Kawża F‑100/15

Carlo De Nicola

vs

Il‑Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni 2013 – Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appelli”

Suġġett :      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu Carlo De Nicola essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appelli tat-8 ta’ Diċembru 2014 li tiċħad l-appell tiegħu ppreżentat kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu relatat mas-sena 2013, kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) li ma jiġix promoss. Minbarra dan, huwa jitlob il-konstatazzjoni tal-fastidju psikoloġiku li huwa jqis li kien il-vittma tiegħu u li l-Bank jiġi kkundannat jikkumpensa d-dannu morali, fiżiku u materjali li huwa jallega li bata.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Carlo De Nicola huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Kontestazzjoni quddiem il-Kumitat tal-Appelli tal-Bank – Portata tal-istħarriġ

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appelli fil-qasam ta’ evalwazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Obbligu ta’ preżenza tar-rikorrent – Assenza – Eċċezzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 59, 62 u 63)

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-evalwaturi – Portata

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

5.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Rikors ippreżentat kontra att ta’ portata ġenerali – Linji gwida interni tal-Bank li jikkonċernaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-persunal – Inammissibbiltà

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

6.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Ġurisdizzjoni sħiħa – Portata

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 1; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41).

7.      Rikorsi tal-uffiċjali – Suġġett – Talbiet intiżi għall-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku – Rikors ippreżentat fl-assenza ta’ proċedura prekontenzjuża konformi mar-Regolamenti tal-Persunal – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-Kumitat tal-Appelli stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam ta’ evalwazzjoni tal-membri tal-persunal, dan il-kumitat jista’ jinvalida l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-formola ta’ evalwazzjoni u/jew jibdel l-evalwazzjoni finali tal-merti. Għalhekk il-Kumitat tal-Appelli huwa awtorizzat sabiex jevalwa mill-ġdid il-fondatezza ta’ kull waħda minn dawn l-affermazzjonijiet u, skont il-każ, jirrevedihom. Il-portata ta’ din il-kompetenza b’hekk taqbeż dik tal-unika setgħa ta’ stħarriġ ta’ legalità u ta’ annullament tad-dispożittiv ta’ att, sa fejn tinkludi l-possibbiltà li wkoll il-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-dispożittiv tiegħu jiġu invalidati, tkun xi tkun l-importanza tagħhom fl-istruttura tal-motivazzjoni tal-imsemmi att.

(ara l-punt 46)

Referenza:

Il‑Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 41

2.      Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appelli stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-qasam ta’ evalwazzjoni tal-membri tal-persunal, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk u sa fejn dan il-kumitat wettaqx id-dmir ta’ stħarriġ sħiħ tiegħu skont ir-regoli applikabbli, filwaqt li jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-qorti tal-Unjoni dwar l-evalwazzjonijiet inklużi fir-rapport ta’ evalwazzjoni annwali ta’ membru tal-persunal tal-Bank huwa ristrett u jirrigwarda biss l-eventwali irregolaritajiet proċedurali, l-iżbalji manifesti ta’ fatt li jivvizzjaw dawn l-evalwazzjonijiet, kif ukoll eventwali użu ħażin ta’ poter.

F’dan ir-rigward, żball jista’ sempliċement jiġi kklassifikat bħala manifest meta jkun faċilment perċepibbli u meta jista’ jiġi identifikat manifestament, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. L-istabbiliment li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda abbażi ta’ din l-evalwazzjoni jippreżupponi għalhekk li l-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrent, ikunu suffiċjenti sabiex iċaħdu l-evalwazzjonijiet adottati mill-amministrazzjoni minn plawżibbiltà. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi prodotti mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ dejjem tiġi ammessa bħala ġġustifikata u koerenti. Dan huwa l-każ ta’ motiv li jirrigwarda l-għażla tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-iffissar tal-għanijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni annwali, meta r-rikorrent jillimita ruħu għal dikjarazzjonijiet mhux sostnuti bi prova.

(ara l-punti 47, 48, 68 u 73)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Pflugradt vs BĊE, T‑178/00 u T‑341/00, EU:T:2002:253, punt 69

Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punti 52 u 54, u tas-16 ta’ Settembru 2013, De Nicola vs BEI, T‑618/11 P, EU:T:2013:479, punt 61

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2015, FT vs AEMF, F‑39/14, EU:F:2015:117, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Kull rikorrent huwa rrappreżentat fil-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minn avukat, b’mod li l-preżenza tar-rikorrent ma hijiex indispensabbli, sakemm din ma tkunx intalbet minn dan it-Tribunal jew tkun imposta miċ-ċirkustanzi.

(ara l-punt 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet tat-2 ta’ Ġunju 2009, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03 DEP, EU:T:2009:166, punt 52

4.      L-evalwazzjoni tal-effiċjenza ta’ membru tal-persunal ma għandhiex ma tiħux inkunsiderazzjoni l-esperjenza tiegħu u l-livell ta’ responsabbiltà tiegħu, peress li l-aspettattivi ta’ istituzzjoni jew ta’ organu tal-Unjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħhom ma humiex immutabbli u jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba mill-membru tal-persunal ikkonċernat, mingħajr ma dan jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punt 54)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, DE vs EMA, F‑103/13, EU:F:2014:265, punt 97

5.      L-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment jippermetti biss lill-membri tal-persunal iressqu quddiem il-qrati tal-Unjoni tilwimiet ta’ natura individwali. Għalkemm il-membri tal-persunal jistgħu jqajmu, fil-kuntest ta’ tilwima ta’ natura individwali u taħt ċerti kundizzjonijiet, l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ miżuri ta’ portata ġenerali, huma ma jistgħux jitolbu direttament l-annullament ta’ tali miżuri.

F’dan ir-rigward, il-linji gwida interni tal-Bank jikkonċernaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-persunal intiżi sabiex jipproduċu effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni, jiġifieri l-membri tal-persunal tal-Bank, maħsuba b’mod ġenerali u astratt. Konsegwentement dawn jikkostitwixxu miżura ta’ portata ġenerali. Għalhekk, it-talbiet intiżi għall-annullament tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li huma relatati ma’ tilwimiet ta’ natura individwali fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank. Għalhekk dawn il-linji gwida ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors dirett ippreżentat minn membru tal-persunal tal-Bank.

(ara l-punti 79, 80)

Referenza:

Il‑Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tas-16 ta’ Lulju 1981, Bowden et vs Il‑Kummissjoni, 153/79, EU:C:1981:184, punt 13

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, EU:T:2001:72, punti 61 u 62; tas-16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T‑120/01 u T‑300/01, EU:T:2004:367, punt 132, u tad-29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper et vs Il‑Kummissjoni et, T‑35/05, T‑61/05, T‑107/05, T‑108/05 u T‑139/05, EU:T:2006:365, punt 56

6.      Skont l-Artikolu 270 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni. Minbarra dan, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, it-tilwimiet ta’ kwalunkwe natura indivdwali bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont l-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżerċita fl-ewwel istanza l-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha skont l-Artikolu 270 TFUE.

Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali fit-tilwimiet bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu, l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank ma jinkludi ebda regola speċifika li għandha bħala effett li tirrestrinġi jew li testendi l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni, hekk kif tirriżulta, għall-uffiċjali, mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u minn ġurisprudenza stabbilita.

(ara l-punti 87, 88)

7.      Min-natura tagħhom, atti ta’ fastidju psikoloġiku jikkostiwixxu aġir li huwa nieqes minn element deċiżjonali. Huwa l-uffiċjal li jqis lilu nnifsu vittma ta’ tali aġir li għandu jressaq talba quddiem l-amministrazzjoni intiża sabiex jinkiseb il-waqfien tal-aġir. Hija biss iċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba li tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju li l-uffiċjal ikkonċernat jista’ jikkontesta, wara li jkun segwa l-proċedura amministrattiva applikabbli, quddiem il-qorti tal-Unjoni. Konsegwentement, talbiet għall-finijiet ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġku huma inammissibbli u jistgħu biss jiġu miċħuda.

(ara l-punti 90, 91)

Referenza:

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Rossi Ferreras vs Il‑Kummissjoni, F‑42/05, EU:F:2007:17, punti 58 u 59, u d-digriet tal-25 ta’ Novembru 2009, Soerensen Ferraresi vs Il‑Kummissjoni, F‑5/09, EU:F:2009:156, punti 26 u 27