Language of document : ECLI:EU:C:2015:489

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Lulju 2015 (*)

“Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Artikolu 4(1)(b) – Regolament (KE) Nru 45/2001 – Artikolu 8 – Eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess – Protezzjoni tad-data personali – Kunċett ta’ ‘data personali’ – Kundizzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data personali – Isem tal-awtur ta’ kull osservazzjoni dwar abbozz ta’ gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar id-dokumentazzjoni xjentifika li għandha tingħata mal-fajl ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Rifjut ta’ aċċess’’

Fil-Kawża C‑615/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2003,

ClientEarth, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

irrappreżentati minn P. Kirch, avukat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Awtorità Ewropea dwar is-sigurtà fl-Ikel (EFSA), irrappreżentata minn D. Detken u C. Pintado, bħala aġenti, assistiti minn R. Van der Hout, avukat,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Martenczuk u L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

sostnuti minn:

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), irrappreżentat minn A. Buchta u M. Pérez Asinari, bħala aġenti,

intervenjent fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, ClientEarth u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (iktar ’il quddiem “PAN Europe”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ClientEarth u PAN Europe vs EFSA(T‑214/11, EU:T:2013:483, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors li kellu bħala suġġett, inizjalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), tal-10 ta’ Frar 2011, li tirrifjuta talba ta’ aċċess għal ċerti dokumenti ta’ ħidma dwar gwida, ippreparata mill-EFSA, għall-attenzjoni tal-awturi ta’ talbiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott ta’ protezzjoni tal-pjanti (iktar ’il quddiem il-“gwida”), u sussegwentement, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA, tat-12 ta’ Diċembru 2011, li tirtira d-deċiżjoni preċedenti u li tawtorizza lir-rikorrenti jaċċedu għall-informazzjoni kollha mitluba, bl-eċċezzjoni ta’ dik dwar l-isem tal-esperti esterni li ressqu ċerti osservazzjonijiet dwar l-abbozz relatat mal-gwida (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ gwida”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, fuq il-ħarsien tal-individwi dwar l-ipproċessar ta’ data mill-istituzzjonijiet Komunitarji u l-korpi u dwar il-moviment ħieles ta’ din id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 132) jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)      ‘data personali’ għandha tfisser kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli hawnhekk iżjed ‘l quddiem imsejjħa "suġġett tad-data"; persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għall-numru ta' identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali;

[...]”

3        L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “It-trasferiment ta’ data personali lill‑reċipjenti, ħlief għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità huwa suġġett għad-Direttiva 95/46 […]” huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4, 5, 6 u 10, id-data personali għandha tiġi trasferita biss lill-reċipjenti bla ħsara għall-liġi nazzjonali adottata għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/EC,

[...]

b)      jekk ir-reċipjent jistabbilixxi l-ħtieġa li jkollu dik id-data trasferita u ma jkun hemm ebda raġuni li jiġi assunt li l-interessi leġittimi tas-suġġett tat-data jistgħu jiġu preġudikati.”

4        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

5        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista' jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[...]

b)      il-privatezza u l-integrità tal-individwu, b’mod partikolari skond il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        L-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1), jipprovdi li “[g]ħandha tiżdied mad-dossier mill-applikant [ta’ talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti] letteratura miftuħa xjentifika [dokumentazzjoni xjentifika aċċessibbli] reveduta minn esperti, kif determinata mill-[EFSA], fuq is-sustanza attiva u l-metaboliti rilevanti tagħha li tittratta l-effetti li jħallu fuq is-saħħa, l-ambjent u l-ispeċi mhux immirati u liema litteratura tkun ppubblikata fl-aħħar għaxar snin qabel id-data tal-preżentazzjoni tad-dossier.”

7        Fil-25 ta’ Settembru 2009, il-EFSA talbet lid-diviżjoni tagħha responsabbli għall-metodoliġija ta’ evalwazzjoni tfassal il-gwida sabiex tindika kif għandha tiġi implementata din id-dispożizzjoni. Din id-diviżjoni ħolqot grupp ta’ ħidma għal dan il-għan (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ ħidma”).

8        Il-grupp ta’ ħidma ssottometta abbozz ta’ gwida lil żewġ korpi tal-EFSA li xi membri tagħhom kienu esperti xjentifiċi esterni, jiġifieri l-grupp xjentifiku speċjalizzat fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u r-residwi tagħhom (iktar ’il quddiem il-“PPR”) u l-Kumitat ta’ Tmexxija dwar il-Pestiċidi (iktar ’il quddiem il-“PSC”). Dawn l-esperti esterni ġew mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet individwali fuq dan l-abbozz ta’ gwida.

9        Wara dawn l-osservazzjonijiet, il-grupp ta’ ħidma emenda l-imsemmi abbozz ta’ gwida. Sussegwentement, dan ġie suġġett għal konsultazzjoni pubblika bejn it-23 ta’ Lulju u l-15 ta’ Ottubru 2010. Diversi persuni u assoċjazzjonijiet, fosthom PAN Europe, ippreżentaw osservazzjonijiet fuq dan l-abbozz.

10      Fl-10 ta’ Novembru 2010, ClientEarth u PAN Europe talbu, flimkien, lill-EFSA aċċess għal dokumenti bbażat, b’mod partikolari, fuq ir-Regolament Nru 1049/2001. Din it-talba kienet tirrigwarda diversi dokumenti jew gruppi ta’ dokumenti dwar il-preparazzjoni tal-abbozz ta’ gwida, inkluż l-osservazzjonijiet tal-esperti esterni li kienu jagħmlu parti mill-PPR u mill-PSC.

11      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, l-EFSA awtorizzat lil ClientEarth u PAN Europe jaċċedu għal parti mid-dokumenti inkwistjoni. Madankollu, din irrifjutat, abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet, l-iżvelar ta’ żewġ gruppi ta’ dokumenti, jiġifieri, minn naħa, il-verżjonijiet suċċessivi tal-abbozz ta’ gwida u, min-naħa l-oħra, l-osservazzjonijiet tal-esperti esterni tal-PPR u tal-PSC dwar dan l-abbozz.

12      Fit-23 ta’ Diċembru 2010, ClientEarth u PAN Europe ressqu talba sabiex l-EFSA tirrevedi l-pożizzjoni tagħha li tinsab fl-ittra tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2010.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2011, l-EFSA kkonfermat li l-aċċess għad-dokumenti mhux żvelati kellu jiġi rrifjutat abbażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

14      Il-gwida ġiet adottata fit-28 ta’ Frar 2011. Din ġiet ippubblikata fl-istess ġurnata fl-EFSA Journal.

15      Fit-12 ta’ Diċembru 2011, l-EFSA adottat u nnotifikat lil ClientEarth u lil PAN Europe deċiżjoni ġdida b’risposta għat-talba li dawn tal-aħħar kienu ressqu fit-23 ta’ Diċembru 2010. Hija indikat li kienet iddeċidiet li “tirtira”, “tikkanċella” u “tissostitwixxi” d-deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2011. Abbażi ta’ din id-deċiżjoni l-ġdida, hija awtorizzat lil ClientEarth u lil PAN Europe jaċċedu, b’mod partikolari, għall-osservazzjonijiet individwali tal-esperti esterni tal-PPR u tal-PSC dwar l-abbozz ta’ gwida. Hija, madankollu, indikat li kienet ħbiet l-isem ta’ dawn l-esperti, skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, b’mod partikolari r-Regolament Nru 45/2001. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-iżvelar tal-isem ta’ dawn l-esperti kien jikkorrispondi għal trasferiment ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001, u li l-kundizzjonijiet ta’ tali trasferiment stabbiliti f’dan l-artikolu ma kinux sodisfatti f’dan il-każ.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16      Fil-11 ta’ April 2011, ClientEarth u PAN Europe ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA tal-10 ta’ Frar 2011. Sussegwentement, ir-rikors ġie kkunsidrat li jikkonċerna minn issa ’il quddiem l-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA, tat-12 ta’ Diċembru 2011, sa fejn, permezz tagħha, l-EFSA rrifjutat li tikkomunika lil ClientEarth u lil PAN Europe l-isem tal-esperti esterni li ssottomettew osservazzjonijiet fuq l-abbozz ta’ gwida.

17      Insostenn tar-rikors tagħhom, ClientEarth u PAN Europe invokaw tliet motivi.

18      Il-Qorti Ġenerali qieset li t-tliet motivi kienu infondati u, konsegwentement, ċaħdet ir-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

19      ClientEarth u PAN Europe jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-EFSA għall-ispejjeż.

20      L-EFSA u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil ClientEarth u lil PAN Europe għall-ispejjeż tal-proċedura.

21      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Ġunju 2014, il-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data (KEPD) ġie awtorizzat jintervjeni insosenn tat-talbiet tal-EFSA u tal-Kummissjoni.

 Fuq l-appell

22      ClientEarth u PAN Europe jinvokaw tliet aggravji insostenn tal-appell tagħhom.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

23      Permezz tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, ClientEarth u PAN Europe jikkritikaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-informazzjoni li kienet tippermettilhom li jidentifikaw, għal kull waħda mill-osservazzjonijiet, liema mill-esperti esterni kien l-awtur (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni kontenzjuża”) taqa’ taħt dan il-kunċett.

24      Huma jikkontestaw li tista’ taqa’ taħt dan il-kunċett il-kumbinazzjoni ta’ data b’karatteristiċi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ppreżentati minn esperti fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom għal kumitat responsabbli ta’ kariga pubblika fl-interess taċ-ċittadini. Huma jżidu li l-isem tal-esperti kkonċernati, l-istess bħall-opinjonijiet espressi minnhom fuq l-abbozz ta’ gwida, huma aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit internet tal-EFSA u li, għaldaqstant, l-informazzjoni kontenzjuża għandha wkoll tiġi kkunsidrata li taqa’ taħt il-qasam pubbliku. Huma jirrelevaw li xejn ma jindika li l-EFSA pprovat tivverifika jekk dawn l-esperti kinux jopponu l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni.

25      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-fatt li espert jemetti, professjonalment, opinjoni xjentifika ma jaqax taħt il-kunċett ta’ ħajja privata.

26      L-EFSA u l-Kummissjoni, sostnuti mill-KEPD, jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27      L-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, jiddefinixxi “data personali”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, bħala “kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”.

28      F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 43 tas-sentenza appellata, ClientEarth u PAN Europe, iridu, permezz tat-talba tagħhom għall-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża, jsiru jafu, għal kull waħda mill-osservazzjonijiet magħmula mill-esperti esterni, liema minnhom huwa l-awtur tagħhom.

29      Sa fejn din l-informazzjoni tippermetti li jiġi relatat tali jew tali espert ma’ osservazzjoni partikolari, hija tikkonċerna persuni fiżiċi identifikati u, għaldaqstant, tikkostitwixxi sett ta’ data personali skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001.

30      Kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 44 sa 46 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-imsemmija informazzjoni taqa’ fil-kuntest ta’ attività professjonali ma hijiex ta’ natura li tostakola l-kwalifika tagħha ta’ sett ta’ data personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 64; Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punti 66 sa 70, kif ukoll Worten, C‑342/12, EU:C:2013:355, punti 19 u 22).

31      Bl-istess mod, il-fatt li kemm l-identità tal-esperti kkonċernati kif ukoll l-osservazzjonijiet ippreżentati fuq l-abozz ta’ gwida saru pubbliċi fuq is-sit internet tal-EFSA ma jfissirx li l-informazzjoni kontenzjuża tkun tilfet din il-kwalifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 49).

32      Barra minn hekk, kif isostnu l-EFSA, il-Kummissjoni u l-KEPD, il-kunċetti ta’ “data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, u ta’ “data dwar il-ħajja privata” ma għandhomx jiġu konfużi. Għaldaqstant, f’dan il-każ, tibqa’ ineffettiva l-allegazzjoni ta’ ClientEarth u ta’ PAN Europe li l-informazzjoni kontenzjuża ma taqax taħt il-ħajja privata tal-esperti kkonċernati.

33      Fl-aħħar nett, peress li l-oppożizzjoni tal-persuni kkonċernati għall-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni ma hijiex element kostituttiv tal-kunċett ta’ “data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, kellha raġun il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-kwalifika ta’ informazzjoni dwar persuna bħala data personali ma tiddependix mill-eżistenza ta’ tali oppożizzjoni.

34      Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, kellha raġun il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li l-EFSA setgħet tikkunsidra li l-informazzjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi sett ta’ data personali.

35      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

36      Issa, jaqbel li jiġu eżaminati flimkien it-tieni u t-tielet aggravju.

 Fuq it-tieni u t-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

37      Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, ClientEarth u PAN Europe isostnu li la l-Qorti Ġenerali u lanqas l-EFSA ma bbilanċjaw l-interessi kollha protetti minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, peress li dawn l-interessi huma, minn naħa, id-“dritt għat-trasparenza”, u, min-naħa l-oħra, id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali.

38      Huma jikkritikaw, b’mod partikolari, il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li teżamina jekk kinux ipprovaw in-natura neċessarja tal-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża, mingħajr ma għamlet l-iċken ibbilanċjar tal-interessi involuti.

39      Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5 TUE, ClientEarth u PAN Europe isostnu li ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tad-diversi argumenti invokati minnhom sabiex tiġi stabbilita n-neċessità tal-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

40      L-EFSA u l-Kummissjoni, sostnuti mill-KEPD, jirrifjutaw il-fondatezza tal-argument żviluppat minn ClientEarth u PAN Europe fit-tieni aggravju tagħhom.

41      Fir-rigward tat-tielet aggravju, l-EFSA tistaqsi, l-ewwel nett, dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, dan ma jippreċiżax biżżejjed l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, huwa sempliċement jirriproduċi argumenti diġà ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-EFSA tat-12 ta’ Diċembru 2011 u għalhekk huwa intiż għal rieżami tar-rikors fl-ewwel istanza, li huwa barra l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ appell.

42      Sussegwentement, l-EFSA ssostni, bħall-Kummissjoni, li t-tielet aggravju huwa manifestament infondat, peress li l-Qorti Ġenerali sempliċement talbet, skont ir-Regolament Nru 45/2001 u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li r-rikorrenti juru l-interess leġittimu tagħhom li jaċċedu għall-informazzjoni kontenzjuża. Tali rekwiżit ma huwiex sproporzjonat u jiggarantixxi bis-sħiħ il-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi involuti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà

43      Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-EFSA, il-passaġġi tal-appell iddedikati għat-tielet aggravju jippermettu li tiġi identifikata l-parti tas-sentenza appellata li hija kkunsidrata minn dan l-aggravju. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan, ClientEarth u PAN Europe ma jillimitawx ruħhom sabiex jirrepetu l-argumenti li kienu ppreżentaw preċedentement quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-EFSA tat-12 ta’ Diċembru 2011, iżda jakkużaw l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Konsegwentement, l-imsemmi aggravju huwa ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

44      Meta applikazzjoni tkun intiża sabiex jinkiseb l-aċċess għal dokumenti li fihom data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 8(b) tiegħu, isiru kompletament applikabbli, (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 63, u Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punt 101).

45      Skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, data personali tista, fil-prinċipju, tiġi ttrasferita biss jekk id-destinatarju juri l-ħtieġa tat-trasferiment tagħha u jekk ma tkun teżisti l-ebda raġuni li tindika li dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata.

46      Mit-termini stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 83 tas-sentenza appellata, din hija suġġetta għat-trasferiment ta’ data personali jekk ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

47      F’dan il-kuntest, huwa l-ewwel nett dak li jitlob tali trasferiment li għandu juri l-ħtieġa ta’ dan. Jekk din issir, allura l-istituzzjoni kkonċernata għandha tivverifika jekk teżistix xi raġuni li tindika li t-trasferiment jista’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata. Fl-assenza ta’ raġuni ta’ dan it-tip, għandu jsir it-trasferiment mitlub, filwaqt li, f’każ kuntrarju, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tibbilanċja d-diversi interessi preżenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzai Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punti 77 u 78, kif ukoll Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 107 u 108; ara wkoll, f’dan l-istess sens, is-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 85).

48      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ClientEarth u PAN Europe fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, ġustament il-Qorti Ġenerali bdiet billi eżaminat jekk l-argumenti mressqa minn dawn tal-aħħar jurux in-neċessità tat-trasferiment tal-informazzjoni kontenzjuża, fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

49      Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu ClientEarth u PAN Europe fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħhom, il-Qorti Ġenerali, billi wettqet dan l-eżami, applikatx b’mod żbaljat il-kundizzjoni dwar din in-neċessità.

50      L-ewwel argument imqajjem mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u riprodott fil-punt 75 tas-sentenza appellata kien ibbażat fuq l-eżistenza ta’ rekwiżit ġenerali ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikoli 1 TUE, 11(2) TUE u 15 TFUE.

51      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ebda supremazija awtomatika ma għandha tiġi rikonoxxuta, b’mod ġenerali, lill-għan ta’ trasparenza fuq id‑dritt għall-protezzjoni ta’ data personali (sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 85).

52      Għalhekk, kellha raġun il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti ma kinux urew, b’dan l-ewwel argument, il-ħtieġa li tiġi żvelata l-informazzjoni kontenzjuża.

53      It-tieni argument, riprodott fil-punt 79 tas-sentenza appellata, kien ibbażat fuq l-eżistenza ta’ klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-EFSA, spiss akkużata b’imparzjalità minħabba li din tirrikorri għal esperti b’interessi personali dettati mir-rabtiet tagħhom mal-ambjenti industrijali, kif ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċess deċiżjonali ta’ din l-awtorità.

54      F’dan ir-rigward, huwa importanti, minn naħa, li jiġi rrelevat li l-informazzjoni kontenzjuża tikkonċerna persuni li pparteċipaw, bħala esperti remunerati, fil-proċess tal-preparazzjoni ta’ dokument ta’ gwida intiż għall-operaturi li jkunu jixtiequ jressqu talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

55      Kif isostnu Client Earth u PAN Europe, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni huwa, f’tali kuntest, neċessarju sabiex tiġi garantita t-trasparenza tal-proċess ta’ adozzjoni ta’ att li għandu riperkussjonijiet fuq l-attivitajiet ta’ operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-mod kif kull wieħed mill-esperti involuti f’dan il-proċess seta’, bl-opinjoni xjentifika tiegħu, jinfluwenza l-kontenut ta’ dan l-att.

56      It-trasparenza tal-proċess meħud minn awtorità pubblika għall-adozzjoni ta’ att ta’ din in-natura tikkontribwixxi, fil-fatt, sabiex tingħata lil din l-awtorità leġittimità ikbar f’għajnejn id-destinatarji ta’ dan l-att u sabiex tikber il-fiduċja ta’ dawn fil-konfront tal-imsemmija awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Suède u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 59, kif ukoll L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 113), kif ukoll sabiex tiżdied ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar fil-konfront taċ-ċittadini f’sistema demokratika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 45; Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 32, u Il-Kunsill vs in ’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punti 53, 106 u 107).

57      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-argument imsemmi fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, mhux talli ma kienx limitat għal kunsiderazzjonijiet ġenerali u astratti, iżda kien ibbażat, kif indikat fil-punt 79 tas-sentenza appellata, fuq studju li juri r-rabtiet li għandhom il-parti l-kbira tal-esperti membri ta’ grupp ta’ ħidma tal-EFSA mal-gruppi ta’ pressjoni industrijali.

58      Madankollu, għalkemm ClientEarth u PAN Europe irċevew komunikazzjoni, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punt 80 tas-sentenza appellata, tal-isem, tal-bijografija u tad-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-esperti li fformulaw osservazzjonijiet fuq l-abbozz ta’ gwida, xorta jibqa’ l-fatt li l-ksib tal-informazzjoni kontenzjuża huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata konkretament l-imparzjalità ta’ kull wieħed minn dawn l-esperti fit-twettiq tal-missjoni xjentifika tiegħu fis-servizz tal-EFSA.

59      Minn dan isegwi li ma kellhiex raġun il-Qorti Ġenerali, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-argument ta’ ClientEarth u ta’ PAN Europe riprodott fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, ma huwiex biżżejjed sabiex juri l-ħtieġa tat-trasferiment tal-informazzjoni kontenzjuża.

60      L-oġġezzjoni, bħal tal-Qorti Ġenerali f’dan l-istess punt 80 tas-sentenza appellata, li ClientEarth u PAN Europe ma kkontestawx l-indipendenza tal-ebda wieħed mill-esperti kkonċernati twassal għal applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni tal-ħtieġa tat-trasferiment, imsemmi fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Barra minn hekk, tali kontestazzjoni tippreżupponi, fil-parti l-kbira, li ClientEarth u PAN Europe kienu jafu minn qabel, għal kull waħda mill-osservazzjonijiet magħmula, l-identità tal-espert li huwa l-awtur tagħha.

61      Konsegwentement, it-tielet aggravju huwa fondat u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

62      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

63      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rikors ta’ ClientEarth u ta’ PAN Europe intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EFSA tat-12 ta’ Diċembru 2011 huwa fi stat li jiġi deċiż u li għaldaqstant, hemm lok li tittieħed deċiżjoni definittiva fuq dan.

64      Fil-każ ta’ dan ir-rikors, it-tieni motiv invokat minn ClientEarth u PAN Europe huwa bbażat fuq li interess pubbliku jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża, skont l-Artikolu 8(a) u (b) tar-Regolament Nru 45/2001.

65      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, mill-analiżi li saret fil-punti 53 sa 61 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-allegazzjonijiet dettaljati ta’ ClientEarth u ta’ PAN Europe dwar l-akkużi ta’ parzjalità intiżi kontra l-EFSA f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-esperti tagħha, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċess deċiżjonali ta’ din l-awtorità pubblika, juru biżżejjed skont il-liġi li t-trasferiment tal-informazzjoni kontenzjuża kien neċessarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

66      Fid-dawl tan-natura kumulattiva taż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni, jaqbel, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni tal-EFSA tat-12 ta’ Diċembru 2011, li jiġi eżaminat jekk kinitx teżisti jew le, raġuni li jiġi kkunsidrat li dan it-trasferiment seta’ jippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati.

67      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mir-risposta mressqa mill-EFSA għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, din l-awtorità tallega l-eżistenza ta’ tali raġuni, billi tenfasizza li l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża, kieku seħħ, seta’ jintuża b’mod li jikkawża preġudizzju għall-integrità u għall-ħajja privata tal-esperti kkonċernati. Hija użat, għal dan il-għan, eżempji ta’ attakki individwali li ġew suġġetti għalihom esperti li hija kienet talbet l-assistenza tagħhom.

68      Madankollu, għandu jiġi rrelevat li l-imsemmija eżempji huma bbażati fuq dokumenti li ClientEarth u PAN Europe pproduċew huma stess sabiex isostnu l-allegazzjonijiet tagħhom dwar ir-rabtiet li għandhom ċertu numru ta’ esperti magħżula mill-EFSA mal-ambjent industrijali, rabtiet li preċiżament taw lok għall-akkużi ta’ parzjalità magħmula kontra din l-awtorità u l-esperti tagħha. Dawn l-eżempji ma jipprovaw, min-naħa l-oħra, l-ebda żvelar ta’ natura li joħloq riskju ta’ preġudizzju għall-ħajja privata jew għall-integrità tal-esperti kkonċernati.

69      Minn dan jirriżulta li, filwaqt li l-awtorità kkonċernata għandha tevalwa jekk l-iżvelar mitlub huwiex suxxettibbli li konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 49), l-allegazzjoni tal-EFSA li l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża kien jirriskja li jippreġudika l-ħajja privata u l-integralità tal-imsemmija esperti tirriżulta minn kunsiderazzjoni ġenerali li ma hija sostnuta minn ebda element f’dan il-każ. Għall-kuntrarju, tali żvelar kien jippermetti, minnu nnifsu, li jitnaqqsu s-suspetti ta’ parzjalità inkwistjoni jew kienet toffri lill-esperti eventwalment ikkonċernati l-okkażjoni li jikkontestaw, skont il-mezzi ta’ rikors disponibbli, il-fondatezza ta’ dawn l-allegazzjonijiet ta’ parzjalità.

70      Tali allegazzjoni tal-EFSA, nieqsa mill-provi, kieku kellha tintlaqa’, kienet tkun tista’ tapplika, b’mod ġenerali, għal kull sitwazzjoni fejn awtorità tal-Unjoni Ewropea tiġbor l-opinjoni ta’ esperti qabel l-adozzjoni ta’ att b’konsegwenzi fuq l-attivitajiet ta’ operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw fis-settur ikkonċernat minn tali att, ikun xi jkun is-settur. Tali soluzzjoni hija kuntrarja għar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet, rekwiżit li jimponi li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riskju ta’ preġudizzju konkret u effettiv tal-interess protett.

71      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat l-EFSA fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2011, il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 sabiex jiġi awtorizzat it-trasferiment tal-informazzjoni kontenzjuża kienu sodisfatti f’dan il-każ.

72      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi milqugħ.

73      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni tal-EFSA tat-12 ta’ Diċembru 2011 għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

74      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. L-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli jipprovdi li l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u l-Artikolu 140(3) jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti differenti minn dik imsemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

75      Peress li l-appell ta’ ClientEarth u ta’ PAN Europe kif ukoll ir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali ġew milqugħa, għandu jiġi deċiż li l-EFSA għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn ClientEarth u minn PAN Europe fil-kuntest tal-proċedura tal-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza, skont kif talbu dawn tal-aħħar. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha sostnuti fil-kuntest taż-żewġ proċeduri. Il-KEPD għandu jbati l-ispejjeż tiegħu sostnuti fil-kuntest tal-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ClientEarth u PAN Europe vs EFSA (T‑214/11, EU:T:2013:483) hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) tat-12 ta’ Diċembru 2011 hija annullata.

3)      L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn ClientEarth u minn Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) fil-kuntest tal-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-appell u mal-proċedura fl-ewwel istanza.

5)      Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mal-appell.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.