Language of document : ECLI:EU:C:2016:173

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Marzu 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 13(1) – Xogħol awdjoviżiv – Attività li tikkontravjeni – Danni – Modalitajiet ta’ kalkolu – Somma f’daqqa – Danni morali – Inklużjoni”

Fil-Kawża C-99/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Christian Liffers

vs

Producciones Mandarina SL,

Mediaset España Comunicación SA, li qabel kienet Gestevisión Telecinco SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C. Liffers, minn E. Jordi Cubells, avukat,

–        għal Producciones Mandarina SL, minn A. González Gozalo, avukat,

–        għal Mediaset España Comunicación SA, minn R. Seel, avukat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Gippini Fournier u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Liffers u Producciones Mandarina SL (iktar ’il quddiem “Mandarina”) flimkien ma’ Mediaset España Comunicación SA, li qabel kienet Gestevisión Telecinco SA (iktar ’il quddiem “Mediaset”), fir-rigward ta’ kawża relattiva għal ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 10, 17 u 26 tad-Direttiva 2004/48 huma fformulati kif ġej:

“(10) L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi [tal-Istati Membri] sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju [tal-proprjetà intellettwali] fis-suq intern.

[…]

(17)      Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.

[…]

(26)      Bl-għan li jsir kumpens għall-preġudizzju soffret riżultat tal-kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f’attività b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, li din twassal għal din il-kontravvenzjoni, l-ammont ta’ ħsara konċessa lid-detentur tad-drittijiet għandha tikkunsidra l-aspetti xierqa kollha, bħal telf ta’ qligħ tad-detentur tad-drittijiet jew profitti mhux ġusti magħmula mill-kontravventur u, fejn hu xieraq, xi preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet. Bħala alternattiva, per eżempju fejn huwa diffiċli biex jiġi determinat l-ammont ta’ preġudizzju attwali soffert, l-ammont ta’ ħsara tista’ tiġi minn elementi bħalma huma royalties u ħlasijiet li ikunu jridu jitħallsu kieku l-kontravventur talab awtoriżazzjoni biex uża d-dritt tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni. L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka.”

4        L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-danni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

a)      Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni.

jew

b)      bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

[…]”

 Id-dritt Spanjol

5        L-Artikolu 140 tal-Liġi dwar il-proprjetà intellettwali, approvata bid-Digriet Reali Leġiżlattiv 1/1996, li japprova t-test ikkodifikat tal-liġi dwar il-proprjetà (Real Decreto Legislativo 1/1996, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Propiedad Intelectual, regularizando, aclarando y armonizando las disposiciones legales vigentes sobre la materia), tat-12 ta’ April 1996 (BOE Nru 97, p. 14369), kif emendat bil-Liġi 19/2006, li testendi l-mezzi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali u li tistabbilixxi r-regoli proċedurali sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ diversi Regolamenti Komunitarji (ley 19/2006, por la que se amplían los medios de tutela de los derechos de propiedad intelectual e industrial y se establecen normas procesales para facilitar la aplicación de diversos reglamentos comunitarios), tal-5 ta’ Ġunju 2006 (BOE Nru 134, p. 21230, iktar il quddiem il-“liġi dwar il-proprjetà intellettwali”), jipprovdi:

“1.      Il-kumpens għad-danni li huwa dovut lid-detentur tad-dritt li jkun inkiser ma jinkludix biss il-valur tat-telf imġarrab iżda wkoll il-valur tat-telf ta’ qligħ li jirriżulta mill-ksur tad-dritt tiegħu. L-ammont tal-kumpens jista’ jinkludi, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż tar-riċerka li jkunu saru sabiex jinkisbu provi raġonevoli tat-twettiq tal-ksur li jkun is-suġġett tal-proċedura ġudizzjarja.

2.      Il-kumpens għad-danni għandu jiġi stabbilit, skont l-għażla tal-persuna leża, b’konformità ma’ wieħed mill-kriterji li ġejjin:

a)      Il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, b’mod partikolari t-telf ta’ qligħ imġarrab mill-parti leża u l-benefiċċji miksuba b’mod inġust mill-kontravventur mill-użu illegali. Jekk ikun hemm dannu morali, dan għandu jiġi kkumpensat, anki jekk l-eżistenza ta’ dannu ekonomika ma tkunx ġiet stabbilita. Sabiex jiġi evalwat dan id-dannu, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-ksur, il-gravità tal-ksur u l-grad tad-diffużjoni illeċita tax-xogħol.

b)      L-ammont li l-parti leża kienet tirċievi bħala remunerazzjoni li kieku l-kontravventur talab l-awtorizzazzjoni sabiex juża d-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        C. Liffers huwa d-direttur, l-awtur u l-produttur tax-xogħol awdjoviżiv intitolat Dos patrias, Cuba y la noche (Żewġ patriji, Kuba u l-lejl), li jirrakkonta sitt stejjer personali u intimi ta’ diversi abitanti ta’ Ħavana (Kuba) li għandhom bħala punt komuni l-għażla omosesswali jew transesswali tal-persuni kkonċernati.

7        Mandarina għamlet dokumentarju awdjoviżiv dwar il-prostituzzjoni tat-tfal f’Kuba, li juri attivitajiet kriminali rrekordjati permezz ta’ kamera moħbija. Xi siltiet mix-xogħol Dos patrias, Cuba y la noche ddaħħlu f’dan id-dokumentarju mingħajr ma ntalbet ebda awtorizzazzjoni mingħand C. Liffers. Id-dokumentarju msemmi xxandar mill-kanal tat-televiżjoni Spanjol Telecinco, li jappartjeni lil Mediaset.

8        C. Liffers ippreżenta rikors kontra Mandarina u Mediaset quddiem il-Juzgado de lo Mercantil n° 6 de Madrid (qorti kummerċjali Nru 6 ta’ Madrid), li permezz tiegħu talab lill-imsemmija qorti, b’mod partikolari, sabiex tordna lil dawn tal-aħħar iwaqqfu kull ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu u sabiex tikkundannahom iħallsuh l-ammont ta’ EUR 6 740, minħabba l-ksur tad-drittijiet ta’ użu tiegħu, kif ukoll ammont addizzjonali ta’ EUR 10 000, bħala kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab.

9        C. Liffers evalwa l-ammont tad-danni għall-ksur tad-drittijiet ta’ użu tax-xogħol tiegħu billi rrefera għall-ammont ta’ ħlasijiet (royalties) jew drittijiet li kienu jkunu dovuti lilu kieku Mandarina u Mediaset kienu talbuh l-awtorizzazzjoni li jagħmlu użu mid-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, u b’hekk għamel użu mill-Artikolu 140(2)(b) tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali li jippermetti lill-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali miksur li jevalwa l-kumpens għad-danni tiegħu fuq l-ammont ta’ ħlasijiet jew tad-drittijiet li kienu jkunu dovuti lilu kieku l-awtur tal-ksur talbu awtorizzazzjoni li jagħmel użu minn dan id-dritt (iktar ’il quddiem il-“ħlasijiet ipotetiċi”). Dan il-metodu ta’ kalkolu, diversament minn dak imsemmi fil-paragrafu 2(a) tal-istess artikolu, ma jimponix fuq ir-rikorrent għad-danni li jistabbilixxi l-firxa tad-dannu reali tiegħu. Għal dan il-għan, C. Liffers ibbaża ruħu fuq it-tariffi tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-produtturi awdjoviżivi (Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales). Mal-ammont hekk stabbilit tad-dannu materjali, C. Liffers żied somma f’daqqa, abbażi tad-dannu morali li dan iqis li sofra.

10      Il-Juzgado de lo Mercantil n° 6 de Madrid (qorti kummerċjali Nru. 6 ta’ Madrid) laqgħat parzjalment ir-rikors ta’ C. Liffers u kkundannat lil Mandarina kif ukoll lil Mediaset, b’mod partikolari, sabiex iħallsu lil dan tal-aħħar is-somma ta’ EUR 3 370 għad-dannu kkawżat minn dan il-ksur kif ukoll ammont ta’ EUR 10 000 għad-dannu morali kkawżat. Fuq appell, l-Audiencia provincial de Madrid (qorti provinċjali ta’ Madrid) naqqset għal EUR 962.33 il-kumpens dovut għad-dannu materjali u annullat għalkollox il-kundanna ta’ Mandarina u ta’ Mediaset li jikkumpensaw id-dannu morali. Fil-fatt, skont din il-qorti, peress li C. Liffers għażel il-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq il-ħlasijiet ipotetiċi, stabbilit fl-Artikolu 140(2)(b) tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, dan ma kienx iktar fondat li jitlob, barra minn hekk, il-kumpens għad-dannu morali tiegħu. Huwa kellu, għal dan il-għan, jagħżel il-metodu ta’ kalkolu msemmi fil-paragrafu 2(a) tal-artikolu msemmi. L-għażla ta’ metodu ta’ kalkolu wieħed hija esklużiva mill-ieħor, b’tali mod li l-għażla tat-tnejn flimkien hija eskluża.

11      Fl-appell tiegħu ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (qorti suprema), C. Liffers josserva li l-kumpens għad-dannu morali għandu jingħata fil-każijiet kollha, kemm jekk ir-rikorrent ikun għażel il-metodu ta’ kalkolu tad-dannu msemmi fl-Artikolu 140(2)(a) tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali jew dak imsemmi fil-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 u tal-Artikolu 140(2) tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali intiża biex tittrasponi din id-dispożizzjoni fil-liġi Spanjola.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 jista’ jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li persuna, ppreġudikata minn ksur tad-dritt għall-proprjetà intellettwali u li titlob kumpens għad-dannu patrimonjali kkalkolat abbażi tar-royalties jew tal-ħlasijiet li kienet tirċievi li kieku l-kontravventur talab awtorizzazzjoni sabiex juża d-dritt għall-proprjetà intellettwali inkwistjoni, titlob ulterjorment il-kumpens għad-danni morali kkawżati?”

 Fuq id-domanda preliminari

13      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-persuna li batiet ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tagħha, li titlob kumpens għad-dannu materjali tagħha kkalkolat, konformement mat-tieni subparagrafu (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, abbażi tal-ħlasijiet ipotetiċi, li barra minn hekk titlob il-kumpens għad-dannu morali tagħha kif previst fit-tieni subparagrafu (a) tal-paragrafu 1 tal-artikolu msemmi.

14      F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jittieħed kont mhux biss tat-termini tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza Surmačs, C-127/14, EU:C:2015:522, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tat-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm dan ma jsemmix id-dannu morali bħala element li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jiffissaw id-danni li għandhom jitħallsu lill-proprjetarju tad-dritt, dan lanqas ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan it-tip ta’ dannu. Fil-fatt, id-dispożizzjoni msemmija, billi tipprevedi l-possibbiltà li jiġi ffissat ammont għad-danni fil-forma ta’ somma f’daqqa abbażi, “mill-inqas”, tal-elementi li jissemmew fih, tippermetti li f’dan l-ammont jiġu inklużi elementi oħra, bħal, jekk ikun il-każ, il-kumpens għad-dannu morali kkawżat lill-proprjetarju tad-dritt.

16      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li tali konstatazzjoni hija kkonfermata mill-analiżi tal-kuntest li tidħol fih id-dispożizzjoni inkwistjoni.

17      Fil-fatt, minn naħa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 jistabbilixxi r-regola ġenerali li tgħid li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom jordnaw lill-kontravventur iħallas, lill-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali li sofra d-dannu “skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni”. Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, dannu morali, bħal ksur tar-reputazzjoni tal-awtur ta’ xogħol, jikkostitwixxi, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit, komponent tad-dannu realment sofrut minn dan tal-aħħar.

18      Konsegwentement, il-kliem stess tat-tieni subparagrafu (b) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, jeskludi li l-kalkolu tad-danni li għandhom jitħallsu lill-proprjetarju tad-dritt inkwistjoni għandu jkun ibbażat esklużivament fuq l-ammont tal-ħlasijiet ipotetiċi meta dan il-proprjetarju jkun effettivament sofra dannu morali.

19      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni, mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, tal-metodu ta’ kalkolu ta’ somma f’daqqa previst mill-Artikolu 13(1)(2)(b) tad-Direttiva 2004/48 huwa ammess, bħala alternattiva, biss “f’każijiet xierqa”.

20      Issa, hekk kif jissemma fil-premessa 26 tad-direttiva msemmija, din l-aħħar espressjoni tapplika, “per eżempju fejn huwa diffiċli biex jiġi determinat l-ammont ta’ preġudizzju attwali soffert”. F’tali ċirkustanzi, l-ammont tad-danni jista’ jiġi kkalkolat abbażi ta’ elementi bħall-ħlasijiet jew id-drittijiet normalment dovuti għall-użu tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, liema ħaġa ma tiħux inkunsiderazzjoni eventwali danni morali.

21      Fir-rigward, fl-aħħar lok, tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/48, għandu jitfakkar, qabel kollox, li skont it-termini tal-premessa 10 tagħha, din għandha l-għan li tiżgura, b’mod partikolari, livell għoli ta’ protezzjoni, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

22      Sussegwentement, mill-premessa 17 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-miżuri, proċeduri u kumpensi previsti minnha għandhom jiġu ddeterminati f’kull każ b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni debitament il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-każ.

23      Finalment, il-premessa 26 tad-direttiva msemmija tipprovdi, fost oħrajn, li, bil-għan li jiġi kkumpensat id-dannu subit minħabba ksur imwettaq min kontravventur, l-ammont tad-danni mogħti lill-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti xierqa kollha u, b’mod partikolari, kull dannu morali li jkun ġie kkawżat lilu.

24      B’hekk, mill-premessi 10, 17 u 26 tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li din hija intiża biex tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ u li hija bbażata fuq metodu ta’ kalkolu tad-danni intiża biex tissodisfa dawn l-ispeċifiċitajiet.

25      B’hekk, fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2004/48, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(l) tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li l-kalkolu tal-ammont tad-danni li għandhom jitħallsu lill-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali għandu jkun intiż biex jiżgura lil dan tal-aħħar il-kumpens sħiħ tad-dannu “attwali soffert minnu/minnha” bl-inklużjoni wkoll tal-eventwali dannu morali li jkun seħħ.

26      Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ din is-sentenza, l-iffissar fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-ammonti tad-danni dovuti biss abbażi tal-ħlasijiet ipotetiċi jkopri biss id-dannu materjali subit mill-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat, għalkemm, biex ikun jista’ jinkiseb kumpens sħiħ, dan il-proprjetarju għandu jkun jista’ jitlob, minbarra d-danni hekk ikkalkolati, il-kumpens għad-dannu morali li jkun eventwalment sofra.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-persuna li batiet ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tagħha, li titlob kumpens għad-dannu materjali tagħha kkalkolat, konformement mat-tieni subparagrafu (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, abbażi tal-ħlasijiet ipotetiċi, li barra minn hekk titlob il-kumpens għad-dannu morali tagħha kif previst fit-tieni subparagrafu (a) tal-paragrafu 1 tal-artikolu msemmi.

 Fuq l-ispejjeż

28      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-persuna li batiet ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tagħha, li titlob kumpens għad-dannu materjali tagħha kkalkolat, konformement mat-tieni subparagrafu (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, abbażi tal-ammont tal-ħlasijiet jew tad-drittijiet li kienu jkunu dovuti lilha kieku l-kontravventur talab awtorizzazzjoni sabiex juża d-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, sabiex titlob ukoll kumpens għad-dannu morali kkawżat lilha kif previst fit-tieni subparagrafu (a) tal-paragrafu 1 tal-artikolu msemmi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.