Language of document : ECLI:EU:C:2011:668

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi – Kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa – Direttiva 2004/48/KE – Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Ksur ta’ dawn id-drittijiet – Miżuri, proċeduri u rimedji – Kundanna – Proċedura ta’ exequatur – Spejjeż ġudizzjarji relatati magħha”

Fil-Kawża C‑406/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura

Realchemie Nederland BV

vs

Bayer CropScience AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Prechal, Presidenti ta’ Awla , A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, E. Juhász, D. Šváby, M. Berger (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Realchemie Nederland BV, minn J. A. M. Janssen, avukat, u T. Diekmann, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Unzeitig, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), u tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Realchemie Nederland BV (iktar ’il quddiem “Realchemie”) u Bayer CropScience AG (iktar ’il quddiem “Bayer”), dwar l-eżekuzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ sitt sentenzi mogħtija mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), li permezz tagħhom din il-qorti, li kellha quddiemha rikors ippreżentat minn Bayer u bbażat fuq allegazzjoni ta’ vjolazzjoni ta’ privattiva, ipprojbixxiet lil Realchemie milli timporta, iżżomm jew tikkumerċjalizza ċerti pestiċidji fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-premessi (6) u (7) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(6)      Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

(7)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti.”

4        Il-premessi (16) u (17) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(16)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)      Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.”

5        Il-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-[Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’)] u dan ir-regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Protokolli tal-1971 [dwar dan ix-xogħol ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħha rriveduta u emendata (ĠU 1998, C 27, p. 28)] għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.”

6        L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament huwa miktub kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

a)      l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali, drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

b)      falliment, proċedimenti li għandhom x'jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi;

c)      sigurtà soċjali;

d)      arbitraġġ.”

7        Skont l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, għall-“iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.”

8        L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

[…]

2)      meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk;

[…]”

9        L-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:

“1.      Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun appellata minn kull parti.

2.      L-appell għandu jkun ippreżentat fil-qorti indikata fil-lista ta’ l-Anness III.

3.      L-appell għandu jkun ittrattat skond ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri f’materji kontradittorji.

4.      Jekk il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni tonqos milli tidher quddiem il-qorti ta’ l-appell fil-proċedimenti li jikkonċernaw appell imressaq mill-applikant, l-Artikolu 26(2) sa (4) għandu japplika anki meta l-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni ma jkunx domiċiljat f’xi wieħed mill-Istati Membri.

5.      Appell kontra id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għandu jiġi ippreżentat fi żmien xahar mis-servizz tagħha. Jekk il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l‑eżekuzzjoni jkun domiċiljat fi Stat Membru apparti minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni, iż-żmien ta’ l-appell għandu jkun ta’ xahrejn u għandu jibda jgħodd mid-data tas-servizz, jew fuqu jew inkella fir-residenza tiegħu. L-ebda estenzjoni taż-żmien ma tista’ tingħata minħabba distanza.”

 Id-Direttiva 2004/48

10      Il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi b’mod partikolari li “mingħajr mezz effettiv għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-innovazzjoni u l‑kreattività huma skorraġiti u l-investiment jonqos. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi assigurat li l-liġi sostantiva dwar proprjetà intellettwali, li llum tinsab fil-parti l-kbira bħala parti mill-acquis communautaire, hija applikkata b’mod effettiv fil-Komunità.”

11      Il-premessi 8 sa 11 tad-Direttiva 2004/48 huma miktuba kif ġej:

“(8)      Id-disparitajiet li hemm bejn is-sistemi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi ta’ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali joħolqu preġudizzju għall-funzjonament xieraq tas-Suq Intern u jagħmluha impossibli li jiġi assigurat li d-drittijiet għall-propretà intellettwali għandha l-istess livell ta’ protezzjoni fil-Komunità kollha. Din is-sitwazzjoni ma jippromwoviex il-moviment liberu fis-suq intern jew ma joħloqx ambjent li jwassal għall-kompetizzjoni soda.

(9)      Id-disparitajiet korrenti jwasslu wkoll biex tiddgħajjef il-liġi sostantiva fuq il-proprjetà intellettwali u għall-frammentazzjoni tas-suq intern f'dan il‑qasam. […] Taqrib tal-liġi fl-Istati Membri f’dan il-qasam, hija għalhekk ħtieġa essenzali għall-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(10)      L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

(11)      Mhux l-għan ta’ din id-Direttiva li tistabbilixxi regoli armoniżżati għall-koperazzjoni ġudizzjarja, ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, jew li tittratta mal-liġi applikabbli. Hemm strumenti tal-Komunità li jiggvernaw dawn il-materji f’termini ġenerali u huma, fil-prinċipju, ugwalment applikabbli għall-proprjetà intellettwali”.

12      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li din “tikkonċerna il-miżuri, il‑proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”.

13      L-Artikolu 2, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, tal-Kapitolu I ta’ din id-direttiva jipprovdi fl-Artikolu 2(1) tiegħu:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

14      L-Artikolu 3 intitolat “Obbligu Ġenerali”, tal-Kapitolu II, Sezzjoni I ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

15      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, bit-titolu “L-ispejjeż legali”, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità.”

 Il-liġijiet nazzjonali

 Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

16      L-Artikoli 890 u 891 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ġermaniża (Zivilprozessordnung, iktar ’il quddiem “iz-ZPO”) jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 890

Dwar l-eżekuzzjoni furzata ta’ obbligu ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni u dwar it‑tollerenza

1.      Jekk id-debitur jonqos milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jastjeni milli jieħu azzjoni jew mill-obbligu tiegħu li jittollera xi att, huwa jkun, fuq talba tal-kreditur, ikkundannat mill-qorti tal-prim’istanza għall-ħlas ta’ multa ċivili u, jekk dan l‑irkupru ma jkunx possibbli, għal priġunerija jew għal priġunerija ta’ massimu sitt xhur. Kull multa ċivili ma tistax teċċedi l-massimu ta’ EUR 250 000, il‑priġunerija ma tistax teċċedi t-total ta’ sentejn.

2.      Il-kundanna għandha tkun ippreċeduta minn intimazzjoni li tinħareġ mill-qorti tal-prim’istanza, wara li tkun saret talba għall-istess, jekk din ma tkunx tirriżulta mis-sentenza li tistabbilxxi l-obbligu.

3.      Id-debitur jista’ wkoll, fuq talba tal-kreditur, ikun ikkundannat jikkostitwixxi garanzija għal kwlaunkwe dannu ulterjuri li jirriżulta f’terminu stabbilit minn kull nuqqas ieħor.

Artikolu 891

Proċedura, smigħ tad-debitur, tassazzjoni tal-ispejjeż

Is-sentenzi taħt l-Artikoli 887 sa 890 għandhom jingħataw permezz ta’ digriet. […] Id-debitur ser ikun l-ewwel li jinstemgħa […]”

 Il-leġiżlazzjoni Olandiża

17      Jirriżulta mill-proċess li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ttraspona, fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 permezz tal-Artikolu 1019h tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Olandiż (Wetboek van burgerlijke rechtsvordering). Skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tippermetti, fl-oqsma koperti minn din id-direttiva, il-kundanna għal ispejjeż ogħla mill-kundanni ordinarji.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat minn Bayer u bbażat fuq allegazzjoni ta’ vjolazzjoni ta’ privattiva, il-Landgericht Düsseldorf, bi proċeduri għal miżuri provviżorji, permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Diċembru 2005, ipprojbixxiet lil Realchmie milli timporta, iżżomm u li tikkummerċjalizza fil-Ġermanja ċerti pestiċidji (iktar ’il quddiem id-“digriet bażiku”). Din il-projbizzjoni saret taħt piena ta’ multa. Minbarra dan, il-Landgericht Düsseldorf ordnat lil Realchemie li tikkomunika l-operazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw dawn il-pestiċidji u li l‑istokk tagħha jitpoġġa taħt sekwestru ġudizzjarju. F’dan id-digriet bażiku, il‑Landgericht Düsseldorf ordnat l-ispejjeż akarigu ta’ Realchemie.

19      Fil-proroga li tirrigwarda l-kundanna għall-ispejjeż li kienet tinsab fid-digriet bażiku, il-Landgericht Düsseldorf, permezz ta’ ordni ta’ tassazzjoni tad-29 ta’ Awwissu 2006, illikwidat l-ispejjeż għal ammont ta’ EUR 7 829.60.

20      Barra minn hekk, permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Awwissu 2006 mogħti skont l-Artikolu 890 taz-ZPO, il-Landgericht Düsseldorf imponiet fuq Realchemie multa (“Ordnungsgeld”) għal ammont ta’ EUR 20 000 li kellha titħallas lill-kaxxier tal-Landgericht Düsseldorf għal ksur tal-projbizzjoni mogħtija fid-digriet bażiku (iktar ’il quddiem id-“digriet li jimponi l-multa”) u kkundannat lil Realchemie għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura ta’ multa.

21      Fil-proroga li tirrigwarda l-kundanna għall-ispejjeż li tinsab fid-digriet li jimponi l-multa, il-Landgericht Düsseldorf, permezz ta’ ordni ta’ tassaszzjoni tad-19 ta’ Settembru 2006, illikwidat l-ispejjeż għal ammont ta’ EUR 898.60.

22      Minbarra dan, permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Ottubru 2006, il-Landgericht Düsseldorf imponiet fuq Realchemie “pagamenti ta’ penalità” (“Zwangsgeld”, Artikolu 888 taz-ZPO) għal EUR 15 000 (iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ “pagamenti ta’ penalità”) sabiex tinċitaha tikkomunika t-tranżazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw il-pestiċidji inkwistjoni u kkundannat ukoll lil Realchemie għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura ta’ pagamenti ta’ penalità.

23      Fil-proroga li tirrigwarda l-kundanna għall-ispejjeż li tinsab fid-digriet ta’ pagamenti ta’ penalità, il-Landgericht Düsseldorf, permezz ta’ ordni ta’ tassazzjoni tal-11 ta’ Novembru 2006, illikwidat l-ispejjeż għal ammont ta’ EUR 852.40 flimkien ma’ interessi.

24      Dawn is-sitt sentenzi mogħtija mil-Landgericht Düsseldorf kienu kollha ġew innotifikati lil Realchemie xi ġranet wara li ngħataw.

25      B’rikors tas-6 ta’ April 2007, Bayer resqet kawża quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-Rechtbank ’s‑Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jawtorizza l-eżekuzzjoni tas-sitt sentenzi adottati mil-Landgericht Düsseldorf.

26      B’digriet tal-10 ta’ April 2007, l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-Rechtbank ’s‑Hertogenbosch laqa’ t-talba ta’ Bayer intiża sabiex is-sitt sentenzi tal- Landgericht Düsseldorf jiġu eżegwiti fil-Pajjiżi l-Baxxi skont ir-Regolament Nru 44/2001.

27      Fl-14 ta’ Ġunju 2007, ir-Realchemie ppreżentat appell quddiem ir-Rechtbank ‘s‑Hertogenbosch skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001 kontra d‑digriet tal-10 ta’ April 2007 fejn talbiet l-annullament tiegħu u li l‑ awtorizzazzjoni mitluba minn Bayer tiġi miċħuda.

28      Hija inovkat ir-raġuni għal rifjut prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34 u fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 billi essenzjalment indikat li d-digriet bażiku, id-digriet li jimponi l-multa u d-digriet ta’ pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor, peress li dawn kienu ngħataw mingħajr ma Realchemie kienet ġiet konvokata u mingħajr diskussjoniijiet orali, u li t-tliet ordnijiet ta’ tassazzjoni tal-ispejjez lanqas ma jistgħu jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti peress li huma jagħmlu parti integrali mit-tliet digrieti preċedentement iċċitati.

29      B’digriet tas-26 ta’ Frar 2008, ir-Rechtbank ’s‑Hertogenbosch ċaħdet dan l-appell bħala infondat u kkonfermat id-digriet tal-10 ta’ April 2007. Hija qieset li d‑digrieti mogħtija mil-Landgericht Düsseldorf, anki jekk dawn ingħataw fuq rikorsi unilaterali, huma sentenzi kif imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001 u għalhekk jistgħu jiġu eżegwiti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

30      Fir-rigward tal-argument ta’ Realchemie, li t-talba ta’ Bayer għall-eżekuzzjoni tad-digriet li jimponi l-multa hija inammissibbli, ir-Rechtbank ’s‑Hertogenbosch kkunsidrat li ċ-ċirkustanza li dan id-digriet jimponi fuq Realchemie li tħallas multa għal ammont ta’ EUR 20 000 lill-kaxxier tal-Landgericht Düsseldor ma huwiex relatat mal-fatt li Bayer għandha dritt u interess li Realchemie tħallas effettivament din il-multa lill-kaxxier ta’ din il-qorti, li jikkostitwixxi inċitazzjoni għall-osservanza tad-digriet bażiku, u li Bayer tista’ għalhekk tkompli għal dan il-għan bl-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet fil-Pajjiżi l‑Baxxi.

31      Ir-Rechtbank ‘s‑Hertogenbosch kkundannat lil Realchemie għall-ispejjeż tal-appell.

32      Din il-qorti llikwidat dawn l-ispejjeż, mhux, kif Bayer kienet talbitha, billi tapplika l-Artikolu 1019h tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Olandiz, iżda skont is‑sistema ordinarja.

33      Realchemie appellat fil-kassazzjoni kontra d-digriet tas-26 ta’ Frar 2008 tar-Rechtbank ‘s‑Hertogenbosch. Bayer talbet li l-appell jiġi miċħud u ppreżentat appell inċidentali.

34      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-kunċett ta’ ‘materji ċivili u kummerċjali’ fl-ewwel paragrafu Artikolu 1 [tar-Regolament Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li [dan ir-] regolament japplika wkoll għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni [sentenza] li tinkludi kundanna għall-ħlas ta’ multa skont l‑Artikolu 890 [taz-ZPO]?

2.      L-Artikolu 14 tad-Direttiva [2004/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għal proċedura ta’ eżekuzzjoni [exequatur] ta’:

(a)      deċiżjoni [sentenza] mogħtija fi Stat Membru ieħor fuq il-ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali;

(b)      deċiżjoni [sentenza] mogħtija fi Stat Membru ieħor li timponi pagamenti ta’ penalità jew multa għall-vjolazzjoni tal-projbizzjoni ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali;

(ċ)      deċiżjonijiet ta’ tassazzjoni tal-ispejjeż mogħtija fi Stat Membru ieħor fil-proroga tad-deċiżjonijiet [sentenzi] imsemmija f’(a) u (b)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

35      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk digriet li jinkludi kundanna għall-ħlas ta’ multa skont dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 890 taz-ZPO jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 kif iddefinit fl-Artikolu 1 tiegħu.

36      Il-Hoge Raad der Nederlanden tindika li d-dubji li għandha f’dan ir-rigward jirriżultaw minn diversi elementi. L-ewwel nett, skont din il-qorti, din hija multa li tissanzjoni ksur ta’ projbizzjoni ġuridika, imposta mill-qorti fuq talba ta’ parti privata, li madankollu mhux lil Bayer, iżda lill-Istat Ġermaniż. Sussegwentement, din il‑multa ma hijiex irkuprata mill-parti privata jew f’isimha, iżda ex officio. Fl-aħħar nett, l-irkupru efettiv huwa wkoll imwettaq mill-awtoritajiet tal-qorti Ġermaniża.

37      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Gvern Olandiż iqis li s-sentenza tal-qorti Ġermaniża li tikkundanna lil Realchemie għall-ispejjeż tal-multa ma taqax, minħabba n-natura tagħha stess, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, peress li din għandha natura ta’ dritt pubbliku. Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, jikkunsidraw li din is-sentenza taqa’ sew taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament nru 44/2001, peress li l-kawża prinċipali li hija marbuta magħha taqa’ taħt il-materji ċivili u kummerċjali kif iddefiniti minn dan ir-regolament.

38      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna din il-Konvenzjoni tapplika wkoll għal dan ir‑regolament, meta d-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-Konvenzjoni jistgħu jiġu meqjusa bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Grapische Maschinen, C‑292/08, Ġabra p. I‑8421, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-kontinwità fl-interpretazzjoni bejn il‑Konvenzjoni ta’ Brussell u l-imsemmi regolament għandha tiġi żgurata.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huwa, bħal dak tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, limitat għall-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa essenzjalment iddeterminat minħabba elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet fil-kawża jew is-suġġett tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2008, Apostolides, C‑420/07, Ġabra p. I‑3571, punti 42, 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Iktar partikolarment, f’dak li jikkonċerna l-miżuri provviżorji, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-appartenenza tagħhom għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija ddeterminata, mhux min-natura tagħhom stess, iżda min-natura tad-drittijiet li tagħhom jiżguraw is-salvagwarda (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1979, de Cavel, 143/78, Ġabra p. 1055, punt 8, u tas-17 ta’ Novembru 1998, Van Uden, C‑391/95, Ġabra p. I‑7091, punt 33).

41      F’dan il-każ jekk, skont l-Artikolu 890 taz-ZPO, il-multa inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha natura ta’ kastig u l-motivazzjoni tad-drigriet li jimponiha turi b’mod ċar in-natura kriminali ta’ din il-multa, xorta jibqa’ l-fatt li, f’din il-kawża, din hija kawża bejn żewġ persuni privati fejn is-suġġett tagħha huwa l‑awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ sitt sentenzi mogħtija mil-Landgericht Düsseldorf, li permezz tagħhom din tal-aħħar, quddiem rikors ippreżentat minn Bayer u bbażat fuq allegazzjoni ta’ vjolazzjoni ta’ privattiva, ipprojbixxiet lil Realchemie milli timporta, iżżomm u tikkumerċjalizza ċerti pestiċidji fil-Ġermanja. L-azzjoni hekk magħmula għandha bħala għan li tħares drittijiet privati u ma tippresupponix manifestazzjoni ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika minn waħda mill-partijiet fil-kawża. Fi kliem ieħor, ir-relazzjoni legali eżistenti bejn Bayer u Realchemie, għandha tiġi kklassifikata bħala “relazzjoni legali ta’ dritt privat” u għalhekk taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001.

42      Ċertament, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-multa imposta fuq Realchemie, skont l-Artikolu 890 taz-ZPO, permezz tad-digriet tal-Landgericht Düsseldorf għandha titħallas, f’każ ta’ eżekuzzjoni, mhux lil parti privata, iżda lill-Istat Ġermaniż, li l-multa hija rkuprata mhux mill-parti privata jew f’isimha, iżda ex officio, u li l-irkupru effettiv isir mill-awtoritajiet tal-qorti Ġermaniża. Dawn l‑aspetti partikolari tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni Ġermaniża ma jistgħux madankollu jiġu kkunsidrati bħala determinanti f’dak li jikkonċerna n-natura tad-dritt għal eżekuzzjoni. Fil-fatt, in-natura ta’ dan id-dritt tiddependi minn dik tad-dritt suġġettiv skont il-ksur li għalih l-eżekuzzjoni ġiet ordnata, jiġifieri, f’dan il‑każ, id-dritt ta’ Bayer għall-isfruttament esklużiv tal-invenzjoni protetta mill-privattiva tagħha, li mingħajr ebda ambigwità jaqa’ taħt il-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001.

43      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni mqajma mill-Gvern Olandiż, dwar skont liema regoli tal-proċedura l-qorti nazzjonali għandha teżegwixxi s-sentenzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-riniju ma għamlitx domandi dwar dan il-punt. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan is-suġġett.

44      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi risposta li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, li jinsab fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001, jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament japplika għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti li tinkludi kundanna għall-ħlas ta’ multa, sabiex tiġi osservata sentenza ġudizzjarja mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali.

 Fuq it-tieni domanda

45      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-ispejjeż marbuta ma proċedura ta’ exequatur magħmula fil-Pajjiżi l-Baxxi, li matulha jkunu ġew mitluba r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sitt sentenzi mogħtija fil-Ġermanja fil-kuntest ta’ kawża intiża sabiex jiġi infurzat dritt ta’ proprjetà intellettwali, jaqgħux taħt l-Artkolu 14 tad-Direttiva 2004/48, li jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li l-ispejjeż legali sostnuti mill-parti li tkun rebħet bħala prinċipju jiġu sostnuti mill-parti li titlef.

46      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/48 tikkonċerna l‑miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji kollha biex tiżgura l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Minbarra dan, l-Artikolu 2(1) ta’ din id‑direttiva jipprovdi li dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji japplikaw, skont l‑Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għal kull ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali previst, b’mod partikolari, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48, bħala prinċipju, jista’ jkopri proċedura ta’ exequatur.

47      Għandu wkoll jiġi rrilevat li skont il-premessi 10 u 11 tad-Direttiva 2004/48, din għandha bħala għan li tqarreb is-sistemi leġiżlattivi tal-Istati Membri sabiex tiżgura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern u mhux li tistabbilixxi regoli armonizzati għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, u lanqas li tittratta mal-liġi applikabbli. Minbarra dan, kif tenfasizza t-tieni sentenza ta’ din il-premessa 11, strumenti tal-Komunità li jirregolaw dawn il‑materji f’termini ġenerali huma, fil-prinċipju, ugwalment applikabbli għall-proprjetà intellettwali.

48      Fir-rigward tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, din id-dispożizzjoni hija intiża li ssaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi tevita li parti leża ma tkunx dissważa milli tagħti bidu għal proċedura ġudizzjarja sabiex tħares id‑drittijiet tagħha.

49      Interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens li hija tapplika wkoll għal proċedura ta’ exequatur u għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-ispejjeż li huma marbuta magħa, hija għalhekk konformi kemm mal-għan ġenerali tad-Direttiva 2004/48, intiża għal approssimazzjoni tas-sistemi leġiżlattivi tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll mal-għan speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni, intiża sabiex jiġi evitat li parti leża ma tiġix dissważa milli tagħti bidu għal proċeduri ġudizzjarja sabiex tħares id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha. Skont dawn l-għanijiet, l-awtur tal-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandu ġeneralment isostni l-konsegwenzi finanzjarji kollha tal-aġir tiegħu.

50      Konsegwentement, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-ispejjeż marbuta ma’ proċedura ta’ exequatur li ta bidu għaliha Stat Membru, li matulha jintalbu r‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ kawża intiża sabiex jiġi infurzat dritt ta’ proprjetà intellettwali, jaqgħu taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” li jinsab fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament japplika għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti li tinkludi kundanna għall-ħlas ta’ multa, sabiex tiġi osservata sentenza ġudizzjarja mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali.

2)      L-ispejjeż marbuta ma’ proċedura ta’ exequatur li ta bidu għaliha Stat Membru, li matulha jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ kawża intiża sabiex jiġi infurzat dritt ta’ proprjetà intellettwali, jaqgħu taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Firem


* Langue de procédure: le néerlandais.