Language of document : ECLI:EU:C:2016:468

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

22 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikoli 32 u 33 – Liċenzja – Reġistru ta’ disinni Komunitarji – Dritt tal-persuna liċenzjata li tressaq azzjoni għal vjolazzjoni minkejja n-nuqqas ta’ iskrizzjoni tal-liċenzja fir-reġistru – Dritt tal-persuna liċenzjata li tressaq azzjoni għal vjolazzjoni bil-għan li tikseb kumpens għad-dannu mġarrab minnha”

Fil-Kawża C‑419/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Thomas Philipps GmbH & Co. KG

vs

Grüne Welle Vertriebs GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn J. Mentgen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Thomas Philipps GmbH & Co. KG u Grüne Welle Vertriebs GmbH dwar azzjoni għal kumpens għad-dannu mġarrab mill-vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju, magħmula minn Grüne Welle Vertriebs kontra Thomas Philipps.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessa 29 tar-Regolament Nru 6/2002:

“Huwa essenzjali illi d-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju jkunu jistgħu jiġu infurzati f’manjiera effiċjenti fit-territorju kollu tal-Komunità.”

4        L-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 6/2002 li fir-rigward tagħhom intalbet l-interpretazzjoni, kif ukoll l-Artikoli 28 u 29 ta’ dan tal-aħħar, jinsabu taħt it-Titolu III intitolat “Disinji Komunitarji bħala oġġetti ta’ proprejtà”.

5        L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Trasferiment tad-disinn Komunitarju rreġistrat”, jipprevedi:

“It-trasferiment ta’ disinn Komunitarju rreġistrat għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)      fuq it-talba ta’ wieħed mill-partijiet, trasferiment għandu jiddaħħal fir-reġistru u jiġi ppubblikat;

b)      saż-żmien li fih it-trasferiment ikun iddaħħal fir-reġistru, is-suċċessur fit-titolu ma jistax jinvoka d-drittijiet li joħorġu mir-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju;

[…]”

6        L-Artikolu 29 tal-istess regolament intitolat “Drittijiet in rem dwar disinn Komunitarju rreġistrat”, jiddisponi:

“1. Disinn Komunitarju rreġistrat jista’ jingħata bħala garanzija jew ikun is-suġġett ta’ drittijiet in rem.

2.      Fuq it-talba ta’ wieħed mill-partijiet, id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiddaħħlu fir-reġistru u jiġu ppubblikati.”

7        Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Liċenzji”:

“1. Disinn Komunitarju jista’ jingħata liċenzja għall-Komunità kollha jew għal parti minnha. Il-liċenzja tista’ tkun esklużiva jew mhux esklużiva.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-liċenzja, min ikollu l-liċenzja jista’ jiftaħ proċeduri rigward il-ksur ta’ disinn Komunitarju biss jekk il-pussessur tad-dritt jagħti l-kunsens tiegħu għal dan. Madankollu, il-pussesur ta’ liċenzja esklużiva jista’ jiftaħ dawn il-proċeduri jekk il-pussessur tad-dritt għad-disinn Komunitarju, wara li jkun ta avviż ta’ dan, ma jressaqx personalment il-proċeduri tal-kontravenzjoni f’perjodu approprjat taż-żmien.

4.      Min ikollu liċenzja għandu jkun intitolat, bl-għan li jikseb kumpens għall-ħsara sofferta minnu, li jintervjeni f’kawża ta’ kontravenzjoni miġjuba mill-pussessur tad-dritt għal disinn Komunitarju.

5.      Fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, il-konċessjoni jew it-trasferiment ta’ liċenzja rigward dan id-dritt għandha, fuq it-talba ta’ wieħed mill-partijiet, tiddaħħal fir-reġistru u tiġi ppubblikata.”

8        L-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament, intitolat “Effetti vis-á-vis partijiet terzi” jipprevedi:

“1.      L-effetti vis-à-vis l-partijiet terzi fl-atti legali riferiti fl-Artikoli 28, 29, 30 u 32 għandhom jiġu rregolati bil-liġijiet tal-Istati Membri stabbiliti skont l-Artikolu 27.

2.      Madankollu, rigward id-disinji Komunitarji rreġistrati, l-atti legali riferiti fl-Artikoli 28, 29 u 32 għandu jkollhom effett biss vis-à-vis partijiet terzi fl-Istati Membri kollha wara d-dħul fir-reġistru. Madankollu, dan l-att, qabel ma hekk jiddaħħal, għandu jkollu effett vis-à-vis partijiet terzi li jkunu kisbu d-drittijiet għad-disinn Komunitarju rreġistrat wara d-data ta’ dan l-att imma li kienu jafu bl-att fid-data li fiha nkisbu d-drittijiet.

3.      Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għal persuna li tikseb id-disinn Komunitarju rreġistrat jew dritt li jirrigwarda d-disinn Komunitarju rreġistrat permezz tat-trasferiment ta’ l-impriża kollha jew b’kull mezz ieħor universali tas-suċċessjoni.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Grüne Welle Vertriebs hija l-proprjetarja ta’ liċenzja esklużiva, għall-Ġermanja, ta’ disinn Komunitarju ta’ blalen tal-ħasil, irreġistrata bin-numru 0008770030‑0001 minn EMKER SA li għandha s-sede tagħha fl-Isvizzera. Din il-liċenzja ma hijiex irreġistrata fir-reġistru tad-disinni Komunitarji (iktar ’il quddiem ir-“reġistru”).

10      Thomas Philipps tiddistribwixxi oġġetti promozzjonali fi kważi 200 fergħa u permezz tal-internet. Hija kienet tqassam, fost l-oħrajn, ballun tal-ħasil li kien jismu “ballun għal magna tal-ħasil bil-frak taċ-ċeramika”.

11      Meta wieħed iqis li dan il-prodott kien jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-disinn Komunitarju tal-blalen tal-ħasil irreġistrati u kienet awtorizzata mill-proprjetarja ta’ dan id-disinn sabiex teżerċita f’isimha d-drittijiet kollha relatati ma’ dan tal-aħħar, Grüne Welle Vertriebs ħarrket lil Thomas Philipps sabiex tieqaf milli tiddistribwixxihom, u din tal-aħħar ikkonformat ma’ dan.

12      Adita minn Grüne Welle Vertriebs b’talba għal kumpens għad-dannu li hija ġarrbet kif ukoll talbiet għal miżuri istruttorji, il-qorti tal-ewwel istanza żammet lil Thomas Philipps responsabbli meta kkunsidrat li r-rikorrenti kienet stabbilixxiet li hija kienet awtorizzata li teżerċita l-azzjoni għal kumpens f’isimha proprju. Thomas Philipps appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) billi sostniet li Grüne Welle Vertriebs ma għandhiex la l-kwalità u l-lanqas l-interess sabiex teżerċita d-drittijiet relatati mal-imsemmi disinn Komunitarju.

13      L-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk Grüne Welle Vertriebs, li taġixxi bil-kunsens tal-proprjetarja tad-disinn, kif jipprevedi l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 6/2002, hijiex ammissibbli fl-azzjoni tagħha peress illi hija ma hijiex irreġistrata bħala detentriċi tal-liċenzja fir-reġistru. Hija tosserva li qari purament letterali ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jwassal għal risposta negattiva, iżda r-regola stabbilita tista’ wkoll tinftiehem fis-sens li tirregola biss il-każijiet ta’ akkwist in bona fede, dak li iġġiegħlek taħseb ir-regola stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 33(2) ta’ dan ir-regolament.

14      L-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) tistaqsi, fit-tieni lok, fuq ir-rabta bejn il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 6/2002. Filwaqt li tinnota li Grüne Welle Vertriebs qiegħda titlob kumpens għad-dannu mġarrab minnha, minħabba telf ta’ qligħ, hija tosserva li din it-talba tista’ biss tirnexxi, fl-assenza ta’ azzjoni mill-proprjetarja tad-disinn, jekk l-Artikolu 32(3) tal-imsemmi regolament jippermetti lid-detentriċi tal-liċenzja biex taġixxi waħedha għal kumpens għad-dannu mġarrab. Ma huwiex ċar jekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar tippermetti biss li jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-proprjetarja tad-disinn minn rappreżentant, jew jekk għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-proċedura msemmija tinkludi wkoll il-proċeduri għal kumpens għad-dannu mġarrab mid-detentriċi tal-liċenzja stess. Barra minn hekk, hija tosserva, li l-Artikolu 32(4) ta’ dan ir-regolament jista’ wkoll jinftiehem fis-sens li huwa esklużivament dan il-paragrafu li jirregola l-fakultà tad-detentriċi tal-liċenzja li taġixxi b’dan il-għan.

15      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, tipprekludi lill-pussessur tal-liċenzja, li ma jkunx irreġistrat fir-Reġistru tad-disinni Komunitarji, milli jressaq proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju rreġistrat?

2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva: il-pussessur ta’ liċenzja esklużiva fuq disinn Komunitarju jista’ jressaq huwa stess, bil-kunsens tal-pussessur tad-dritt, proċedimenti sabiex jikseb kumpens għad-dannu mġarrab minnu stess, fis-sens tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, jew dan il-pussessur jista’ biss jintervjeni fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju mressqa mill-pussessur tad-dritt fis-sens tal-Artikolu 32(4) tal-istess regolament?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

16      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-persuna liċenzjata ma tistax tressaq azzjoni ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata li tkun is-suġġett tal-liċenzja jekk din tal-aħħar ma tkunx irreġistrata fir-reġistru.

17      Jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 6/2002 li jgħid li “rigward id-disinji Komunitarji rreġistrati, l-atti legali riferiti fl-Artikoli 28, 29 u 32 għandu jkollhom effett biss vis-á-vis partijiet terzi fl-Istati Membri kollha wara d-dħul fir-reġistru”, li l-atti ġuridiċi hemm imsemmija huma t-trasferiment tad-disinn Komunitarju rreġistrat, il-kostituzzjoni ta’ drittijiet in rem fuq dawn tal-aħħar u l-ħruġ tal-liċenzji. Moqrija waħedha, din is-sentenza tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-persuna liċenzjata ma tistax, jekk il-liċenzja ma hijiex irreġistrata fir-reġistru, tipprevalixxi ruħha mid-drittijiet ikkonferiti minn din lejn terzi, inkluż l-awtur tal-vjolazzjoni tad-disinn.

18      Madankollu, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll l-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija tal-leġiżlazzjoni li tagħha tagħmel parti (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, Brain Products, C‑219/11, EU:C:2012:742, punt 13, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Fir-rigward tal-kuntest li tinsab fih l-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li t-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu tagħti tifsira lir-regola ddikjarata f’din l-ewwel sentenza f’dak li jikkonċerna lit-“terzi persuni li jkunu akkwistaw drittijiet” fuq id-disinn Komunitarju rreġistrat wara d-data tal-att ġuridiku inkwistjoni, imma li kienu jafu bih minn meta kisbu dawn id-drittijiet. Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 33 jistabbilixxi, għalih, eċċezzjoni għar-regola fir-rigward ta’ “persuna li tikseb id-disinn Komunitarju rreġistrat jew dritt li jirrigwarda d-disinn Komunitarju rreġistrat” permezz tat-trasferiment tal-impriża kollha jew b’kull mezz ieħor universali tas-suċċessjoni. Għalhekk interpretazzjoni kemm letterali u sistematika tal-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002 issostni l-opinjoni li dan, fl-intier tiegħu, għandu l-għan li jirregola l-infurzar tal-atti ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 28, 29 u 32 tar-Regolament fir-rigward ta’ terzi li għandhom jew li jista’ jkollhom drittijiet fuq id-disinn Komunitarju rreġistrat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Hassan, C‑163/15, EU:C:2016:71, punt 20).

20      Sussegwentement, huwa importanti li jiġi kkonstatat li t-Titolu III tar-Regolament Nru 6/2002 li fih jinsab l-Artikolu 33 huwa intitolat “Disinji Komunitarji bħala oġġetti ta’ proprjetà”. Konsegwentement, l-Artikoli kollha taħt dan it-titolu jinkludu regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ disinni Komunitarji bħala oġġetti ta’ proprjetà. Dan huwa veru dwar l-Artikoli 28, 29 u 32 li għandhom x’jaqsmu ma’ atti li għandhom inkomuni l-għan jew l-effett li joħolqu jew jittrasferixxu xi dritt fuq id-disinn.

21      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 6/2002, id-dritt għall-persuna liċenzjata li tressaq proċedura għal vjolazzjoni ta’ disinn hija biss suġġetta, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-liċenzja, għall-kunsens tal-proprjetarju ta’ dan id-disinn.

22      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 6/2002, l-iskrizzjoni tal-liċenzja fir-reġistru titwettaq fuq talba ta’ waħda mill-partijiet. Madankollu, dan l-artikolu, bħall-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, ma jinkludix dispożizzjoni analoga għal dik tal-Artikolu 28(b) tal-imsemmi regolament, li tgħid li “sakemm it-trasferiment ikun għadu ma tniżżilx fir-Reġistru, is-suċċessur tat-titolu ma jistax jinqeda bid-drittijiet li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja”.

23      Barra minn hekk, l-Artikolu 28(b) tar-Regolament Nru 6/2002 ikun mingħajr effett jekk l-Artikolu 33(2) ta’ dan ir-regolament kellu jiġi interpretat li jipprekludi lit-terzi kollha li jinvokaw l-atti ġuridiċi kollha msemmija fl-Artikoli 28, 29 u 32, sakemm dawn ikunu għadhom ma ġewx irreġistrati fir-reġistru.

24      Għal dak li jirrigwarda l-finalità tar-regola stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jitqies li, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ oppożabbiltà fil-konfront ta’ terzi tal-atti ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 28, 29 u 32 ta’ dan ir-regolament li ma humiex irreġistrati fir-reġistru għandu l-għan li jipproteġi lil dak li għandu jew li jista’ jkollu drittijiet fuq disinn Komunitarju bħala oġġett ta’ proprjetà. Minn dan jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(2) tal-imsemmi regolament ma japplikax f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali li fiha d-detentriċi ta’ liċenzja tilmenta li terz, peress li wettaq vjolazzjoni tad-disinn, kiser id-drittijiet ikkonferiti mid-disinn Komunitarju rreġistrat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Hassan C‑163/15, EU:C:2016:71, punt 25).

25      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-persuna liċenzjata tista’ tressaq azzjoni għal vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju rreġistrat li jkun is-suġġett tal-liċenzja minkejja li dan tal-aħħar ma jkunx irreġistrat fir-reġistru.

 Fuq it-tieni domanda

26      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna liċenzjata tista’, fil-kuntest ta’ proċedura dwar il-vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju stabbilita minnha konformement ma’ din id-dispożizzjoni, titlob il-kumpens għad-dannu mġarrab minnha.

27      Filwaqt li l-Artikolu 32(4) tar-Regolament Nru 6/2002 jistabbilixxi li l-persuni liċenzjati kollha huma ammissibbli sabiex jintervjenu fil-kuntest ta’ azzjoni għal vjolazzjoni miġjuba mill-proprjetarju tad-disinn Komunitarju bil-għan li jikseb il-kumpens għad-dannu mġarrab minnu, l-Artikolu 32(3) ta’ dan ir-regolament ma jippreċiżax jekk il-persuna liċenzjata tistax titlob kumpens għad-dannu meta tkun eżerċitat hija stess l-azzjoni għal vjolazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

28      Madankollu, għandhom jinqraw flimkien dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sistema ta’ rimedji ġudizzjarji miftuħa għall-persuni liċenzjata b’disinn Komunitarju kontra l-awtur tal-vjolazzjoni ta’ dan id-disinn. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-persuna liċenzjata sabiex taġixxi jew permezz ta’ azzjoni, billi tibda proċedura għal vjolazzjoni bil-kunsens tal-proprjetarju tad‑disinn jew, fil-każ ta’ liċenzja esklużiva, wara l-intimazzjoni ta’ dan il-proprjetarju jekk dan ma jressaqx huwa stess azzjoni għal vjolazzjoni fit-terminu previst, jew permezz ta’ intervent, billi tingħaqad fl-azzjoni għal vjolazzjoni mibdija mill-proprjetarju tad-disinn. Dan tal-aħħar huwa l-uniku mezz miftuħ għal detentur ta’ liċenzja mhux esklużiva li ma jiksibx il-kunsens tal-proprjetarju tad-disinn sabiex jaġixxi waħdu.

29      Jekk il-persuna liċenzjata tista’ titlob il-kumpens għad-dannu mġarrab billi tintervjeni fl-azzjoni għal vjolazzjoni mibdija mill-proprjetarju tad-disinn Komunitarju, ma hemm ebda raġuni li ma tagħmilx hekk meta teżerċita hija stess l-azzjoni għal vjolazzjoni bil-kunsens tal-proprjetarju tad-disinn Komunitarju jew, jekk hija tkun id-detentriċi ta’ liċenzja esklużiva, mingħajr dan il-kunsens fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni minn dan il-proprjetarju wara l-intimazzjoni tiegħu.

30      Is-sistema deskritta fil-punt 28 tas-sentenza preżenti tkun nieqsa, barra minn hekk, minn koerenza jekk il-persuna liċenzjata tkun tista’ biss tiddefendi l-interessi tagħha billi tingħaqad mal-azzjoni mibdija mill-proprjetarju tad-disinn Komunitarju filwaqt li tista’ taġixxi waħedha permezz ta’ azzjoni bil-kunsens ta’ dan il-proprjetarju, u bla kunsens fil-każ ta’ liċenzja esklużiva, sabiex jiddefendu l-interessi komuni tagħhom.

31      Barra minn hekk, il-possibbiltà tal-persuna liċenzjata li titlob, fil-kuntest tal-azzjoni prevista fl-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 6/2002 , il-kumpens għad-dannu mġarrab hija konformi mal-għan stabbilit fil-premessa 29 ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat l-infurzar b’mod effiċjenti tad-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju fit-territorju kollu tal-Unjoni, kif ukoll l-għan ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 32(4) tal-imsemmi regolament li huwa li jagħti lill-persuna liċenzjata l-mezzi proċedurali sabiex taġixxi kontra l-vjolazzjoni u sabiex tiddefendi għalhekk l-imsemmija drittijiet li ġew konċessi lilha. Li tipprojbiha milli taġixxi b’dan il-għan fil-kuntest ta’ din l-azzjoni jagħmilha totalment dipendenti, ukoll fil-każ ta’ liċenzja esklużiva, fuq il-proprjetarju tad-disinn Komunitarju sabiex tikseb kumpens għad-dannu mġarrab minnha u jkun ukoll ta’ preġudizzju, fil-każ li l-proprjetarju ma jaġixxix, għall-eżerċizzju tal-istess drittijiet. Għaldaqstant, tali projbizzjoni tkun kontra kemm l-għan tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll l-għan tal-Artikolu 32(3) u (4) ta’ dan tal-aħħar.

32      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna liċenzjata tista’, fil-kuntest ta’ azzjoni għal vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju mibdija minnha konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tagħmel talba għal kumpens għad-dannu mġarrab minnha.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-persuna liċenzjata tista’ tressaq azzjoni għal vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju rreġistrat li jkun is-suġġett tal-liċenzja minkejja li dan tal-aħħar ma jkunx irreġistrat fir-reġistru ta’ disinni Komunitarji.

2)      L-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna liċenzjata tista’, fil-kuntest ta’ azzjoni għal vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju mibdija minnha konformement ma’ din id-dispożizzjoni, tagħmel talba għal kumpens għad-dannu mġarrab minnha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.