SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
16 ta’ Settembru 2010(*)
“Politika soċjali – Direttiva 96/34/KE – Ftehim qafas fuq il-leave parentali – Interpretazzjoni tal-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas – Benefiċjarju tad-dritt għal-leave parentali – Leave parentali fil-każ ta’ twelid ta’ tewmin – Kunċett ta’ ‘twelid’ – Teħid inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ tfal imwielda – Prinċipju ta’ trattament ugwali”
Fil-Kawża C‑149/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Dioikitiko Efeteio Thessalonikis (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura
Zoi Chatzi
vs
Ypourgos Oikonomikon,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2010 fejn ġie deċiż li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jsir bil-proċedura mħaffa skont l‑Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Grieg, minn M. Apessos, E.‑M. Mamouna, G. Papagianni u G. Papadaki, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Blaschke, bħala aġent,
– għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,
– għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Kallí, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u J. Faldyga, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. Jenkinson u R. Palmer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u M. van Beek, bħala aġenti,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 263, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 96/34”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Z. Chatzi u min jimpjegaha, il-Ypourgos Oikonomikon (Ministeru tal-Finanzi), fir-rigward ta’ deċiżjoni tad-direttur taċ-ċentru tat-taxxi Nru 1 ta’ Thessaloníki (il-Greċja) li rrifjutatilha l-benefiċċju ta’ leave parentali addizzjonali minħabba t-twelid ta’ tewmin.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Id-Direttiva 96/34 ġiet adottata skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 4(2) tal-ftehim fuq il-politika soċjali, anness mal-Protokoll Nru 14 fuq il-politika soċjali, li huwa anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“ftehim fuq il-politika soċjali”).
4 L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas li huwa implementat mid-Direttiva 96/34 jistipula:
“Il-ftehim qafas jirrappreżenta l-impenn ta’ l-UNICE, CEEP u ta’ ETUC biex jistabbilixxu l-ħtiġiet minimi dwar il-leave tal-ġenituri [parentali] u l-ħin frank mix-xogħol a bażi ta’ forza maġġuri, bħala mezz importanti biex jistgħu jkunu rikonċiljati l-ħajja tax-xogħol u tal-familja u biex jippromwovu l-opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.”
5 Il-punti 4 sa 6 u 9 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim qafas jgħidu kif ġej :
“4. Billi l-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tipprovdi fil-punt 16 li jitkellem dwar it-trattament ugwali li għandhom ikunu żviluppati miżuri biex jippermettu lill-irġiel u n-nisa li jaqdu flimkien l‑obbligi tagħhom tax-xogħol u tal-familji;
5. Billi r-Rizoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta Diċembru 1994 irrikonoxxiet li politika effettiva ta’ opportunitajiet ugwali tippresupponi strateġija integrata ġenerali li tippermetti l-organizzazzjoni aħjar tal-ħinijiet tax-xogħol u flessibilità akbar, u għal ritorn iktar faċli għall-ħajja tax-xogħol, u nnotat ir‑rwol importanti ta’ l-imsieħba soċjali f’dan il-qasam u fl-offerta kemm lill-irġiel u lin-nisa ta’ l-opportunità li jaqdu flimkien ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-obbligi familjari;
6. Billi miżuri biex jiġu rrikonċiljati ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-ħajja familjari għandhom jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ modi ġodda flessibbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħin li jkunu iktar adatti għall-bżonnijiet qed jinbidlu tas-soċjetà u li tieħu inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet kemm ta’ l‑impriża kif u koll tal-ħaddiema;
[…]
9. Billi l-ftehim preżenti huwa il-ftehim qafas li jistabilixxi l-ħtiġiet minimi u dispożizzjonijiet għal leave tal-genituri, kif distinti mill-leave tal-maternità, u minn ħin frank mix-xogħol abażi ta’ forża maġġuri, u jirreferi lura għall-Istati Membri u s-sieħba soċjali għat-twaqqif tal-kondizzjonijiet ta’ aċċess u regoli ddettaljati ta’ l-applikazzjoni biex jieħdu kont tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru”.
6 Il-klawżola 1 tal-ftehim qafas tipprovdi :
“1. Dan il-ftehim jistabilixxi ħtiġiet minimi intiżi biex jiffaċilitaw ir‑rikonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu.
2. Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, rgiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mil-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”
7 Il-klawżoli 2.1, 2.3 u 2.5 tal-ftehim qafas jistabbilixxu dan li ġej:
“1. Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.
[…]
3. Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mill-liġi u /jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u /jew l-imsieħba soċjali jistgħu, in partikulari:
a) jiddeċiedu jekk il-leave tal-ġenituri jingħatax fuq bażi ta’ full-time jew part-time, b’mod frammentat jew b’sistema ta’ kreditu ta’ ħin;
[…]
c) jaġġustaw l-kondizzjonijiet ta’ aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għaċ-ċirkostanzi speċjali ta’ l‑adozzjoni;
[…]
5. Fl-aħħar tal-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt jirritornaw għall-istess impjieg jew, jekk dan mhuwiex possibbli, għal impjieg ekwivalenti jew simili konsistenti mal-kuntratt ta’ l-impjieg jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.”
8 Il-klawżola 4.6 tal-ftehim qafas tipprovdi:
“Bla ħsara għar-rwol rispettiv tal-Kummissjoni, tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull kwistjoni relatata ma’ l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim fuq livell Ewropew għandha, fl-ewwel lok, tiġi riferita mill-Kummissjoni lill-partijiet firmatarji biex jagħtu opinjoni.”
9 Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 96/34, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġiijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija direttiva sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Ġunju 1998.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/34 ġew trasposti b’mod progressiv fl-ordinament ġuridiku Elleniku.
11 It-test applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali huwa l-Artikolu 53 tal-kodiċi l‑ġdid dwar l-istatut tal-uffiċjali amministrattivi ċivili u tal-uffiċjali tal-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, fil-verżjoni riżultanti mil-liġi 3528/2007.
12 L-imsemmi Artikolu 53, intitolat “Faċilitajiet mogħtija lill-uffiċjali li għandhom obbligi tal-familja”, jistipula, fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Il-ħin tax-xogħol ta’ uffiċjal li jkun ġenitur jitnaqqas b’sagħtejn kuljum jekk għandu tfal li għandhom mhux iktar minn sentejn u b’siegħa jekk għandu tfal li għandhom bejn sentejn u erba’ snin. L-uffiċjal li jkun ġenitur għandu dritt għal-leave parentali mħallas ta’ disa’ xhur sabiex irabbi l-wild tiegħu, sakemm ma jagħżilx li jaħdem b’sigħat imnaqqsa kif previst fis-sentenza preċedenti. […]”
13 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata mill-awtoritajiet Elleniċi fis-sens li ġenitur li jkun uffiċjal jista’ jibbenefika mil-leave parentali biss sal-ġurnata meta l-wild jagħlaq erba’ snin.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Z. Chatzi, hija uffiċjal maċ-ċentru tat-taxxi Nru 1 ta’ Thessaloníki (il-Greċja).
15 Fil-21 ta’ Mejju 2007, kellha tewmin.
16 Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2008 tad-direttur taċ-ċentru tat-taxxi Nru 1 ta’ Thessaloníki, ingħatat, fuq talba tagħha, leave parentali mħallas għal disa’ xhur mill-20 ta’ Settembru 2007.
17 Fit-30 ta’ Jannar 2009, hija mbagħad talbet li tingħata leave parentali mħallas għal disa’ xhur oħra mill-1 ta’ Marzu 2009, fir-rigward tat-tieni wieħed mit-tewmin tagħha. Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2009 tad-direttur taċ-ċentru tat-taxxi Nru 1 ta’ Thessaloníki.
18 Z. Chatzi kkontestat din id-deċiżjoni quddiem id-Dioikitiko Efeteio Thessalonikis (qorti amministrattiva ta’ Thessaloníki).
19 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda fl-2008 li jekk uffiċjal tkun tqila b’iktar minn tarbija waħda, dan ma jagħtix lok għal dritt għal numru ta’ leave parentali ugwali għan-numru ta’ tfal li jitwieldu.
20 Il-qorti tar-rinviju madankollu għandha xi dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-Direttiva 96/34 fid-dawl tal-karta tad-Dirttijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li saret legalment vinkolanti minn mindu daħal fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, it-Trattat ta’ Lisbona.
21 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li d-Dioikitiko Efeteio Thessalonikis iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Huwa possibbli li jiġi dedott mill-Klawżola 2.1 [tal-ftehim qafas], interpretat flimkien mal-Artikolu 24 tal-Karta […], dwar id-drittijet tat-tfal, kif ukoll mit-titjib fil-livell tal-ħarsien tal-imsemmija drittijiet miġjub mill-Karta […], li tistabbilixxi wkoll dritt għal leave parentali, b’mod li l-għoti ta’ leave parentali wieħed f’każ ta’ twelid ta’ tewmin jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta […], minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq it-twelid u minħabba restrizzjoni tad-drittijiet tat-tfal tewmin li mhijiex permessa bil-prinċipju ta’ proporzjonalità?
2) Fil-każ ta’ tweġiba negattiva għad-domanda preċedenti: il-kelma ‘twelid’ fil-Klawżola 2.1 [tal-ftehim qafas] timplika li l-għoti ta’ dritt doppju għall-ġeneturi li jaħdmu u li jingħatalhom il-leave parentali minħabba t-tqala tat-tewmin huwa r‑riżultat tat-twelid suċċessiv taż-żewġt itfal (tewmin)? Jew timplika li l-leave parentali jingħata għal twelid, irrispettivament min-numru ta’ tfal imwielda mit-tqala, mingħajr ma’ dan il-fatt jikser l-ugwaljanza legali tal-Artikolu 20 tal-Karta?”
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ftehim qafas
22 Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li d-dritt tal-imsieħba soċjali li jinnegozjaw ftehim kollettivi, rikonoxxut lilhom mill-Artikolu 28 tal-Karta, u li jikkonkludu ftehim fuq il-kwistjonijiet ta’ politika soċjali li jistgħu jiġu implementati fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, issa stabbilit fl-Artikolu 155 TFUE, ifisser li l-imsieħba soċjali jistgħu jiddeterminaw b’mod awtonomu l‑portata ta’ dawn il-ftehim, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li l-portata tagħhom tkun iktar wiesgħa mit-termini u l-għan tal-ftehim inkwistjoni.
23 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-idea tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fl-interpretazzjoni tal-ftehim qafas huwa espress fil-klawżola 4.6 tiegħu, li tistipula li kull kwistjoni relattiva għall-interpretazzjoni tal-imsemmi ftehim fuq il‑livell Ewropew għandha, fl-ewwel lok, tintbagħat mill-Kummissjoni lill-partijiet firmatarji li għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-Kummissjoni jekk il-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas tawx l-opinjoni tagħhom fuq il-punti mqajmin f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija rrispondiet fin-negattiv, waqt is-seduta. Hija spjegat li, minn naħa, restrizzjonijiet ta’ ħin imposti minn proċedura mħaffa kienu inkompatibbli ma’ tali konsultazzjoni u li, min-naħa l-oħra, tali konsultazzjoni la kienet tkun effettiva u lanqas kostruttiva peress li d-domandi inklużi fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari qatt ma ġew eżaminati fuq il-livell Ewropew.
24 Fi kwalunkwe każ, hekk kif tispeċifika espressament il-klawżola 4.6 tal-ftehim qafas, il-konsultazzjoni mal-partijiet firmatarji tal-imsemmi ftehim ma tistax tippreġudika r-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni, tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja.
25 Il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa tagħha, għandha kompetenza sabiex tinterpreta d‑direttivi abbażi tal-Artikolu 267 TFUE. Il-ftehim qafas ċertament tfassal wara djalogu li tmexxa, abbażi tal-ftehim fuq il-politika soċjali, bejn imsieħba soċjali fuq il-livell Ewropew, iżda ġie implementat, b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) ta’ dan il-ftehim fuq il-politika soċjali, minn direttiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u issa jagħmel parti integrali minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho, C‑537/07, Ġabra p. I‑6525, punt 34).
26 Minn dan isegwi li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-ftehim qafas ma hijiex differenti mill-kompetenza ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet l-oħra li jinsabu f’direttivi.
Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-ftehim qafas
27 Peress li Z. Chatzi għandha l-istat ta’ uffiċjal, għandu jiġi vverifikat, b’mod preliminari, jekk id-Direttiva 96/34 u l-ftehim qafas anness magħha humiex applikabbli wkoll għall-uffiċjali.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ atti ma fihom ebda indikazzjoni li minnha jista’ jiġi dedott li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jeskludi l-uffiċjali.
29 Għall-kuntrarju, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-klawżola 1.2 tal-ftehim qafas, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu hu kkonċepit b’mod wiesa’, u jkopri b’mod ġenerali lill-“ħaddiema kollha […] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”. Barra minn hekk, il-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas tirreferi għall-“ħaddiema”, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjegahom, u b’hekk tinkludi l-ħaddiema kollha [ara, fir-rigward tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I-6057, punti 54 et seq., kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C‑180/04, Ġabra p. I-7251, punt 32].
30 Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kunsiderazzjoni li, hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-preambolu u mill-punt 4 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas, dan għandu l-għan, b’mod partikolari, li jippromwovi t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-impjieg u fix-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet soċjali tat-trattat, għandu portata ġenerali u japplika għar-relazzjonijiet ta’ xogħol fis-settur pubbliku (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Gerster, C‑1/95, Ġabra p. I‑5253, punt 18, u tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C‑285/98, Ġabra p. I-69, punt 18).
Fuq l-ewwel domanda
31 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas tistax tiġi interpretata fis-sens li tagħti dritt individwali lill-wild għal leave parentali u li, konsegwentement, ir-rifjut li jingħata leave parentali ieħor f’każ ta’ twelid ta’ tewmin jikser id-drittijiet li jinsiltu favur it-tewmin mill-ordinament legali tal-Unjoni.
32 Hekk kif irrilevaw il-partijiet interessati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm it-test stess tal-ftehim qafas kif ukoll l-għan tiegħu jwasslu għal risposta negattiva għal din id-domanda.
33 Fil-fatt, il-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas tistipula espressament li jingħata dritt individwali għal-leave parentali “lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa”. Bl-istess mod, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas, il-klawżola 1.2 ta’ dan il‑ftehim tispeċifika li huwa “japplika għall-ħaddiema kollha, irġiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ xogħol”.
34 Minn dan il-kliem jirriżulta b’mod ċar li l-benefiċjarji tad-dritt għal-leave parentali huma l-ġenituri, fil-kwalità tagħhom ta’ ħaddiema, u huma biss.
35 Din l-interpretazzjoni letterali hija sostnuta mill-għan tal-leave parentali.
36 Fil-fatt, dan huwa intiż, skont il-klawżola 1.1 tal-ftehim qafas “biex jiffaċilita […] ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu”, għan stabbilit, kif ifakkar il-punt 4 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-ftehim, mill-punt 16 tal-Karta Komunitarja tad-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li nżammet f’Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989.
37 Huwa bl-istess għan li d-dritt għal-leave parentali ġie stabbilit fl-Artikolu 33(2) tal-Karta fost id-drittijiet soċjali fundamentali li jinsabu fi ħdan it-Titolu IV intitolat “Solidarjetà”
38 L-Artikolu 24 tal-Karta, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju, ma jistax ibiddel l‑analiżi li għadha kif saret.
39 Dan l-artikolu, li jinsab fit-Titolu III tal-Karta, intitolat, “L-Ugwaljanza”, jistipula li t-tfal għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Madankollu, dan id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura ma jinvolvix neċessarjament ir-rikonoxximent, favur dawn it-tfal, ta’ dritt individwali li jinkiseb leave parentali mill-ġenituri tagħhom. Huwa biżżejjed li tali dritt jingħata lill-ġenituri stess. Fil-fatt, huwa huma li għandhom kemm id-dritt kif ukoll id-dmir li jiżguraw l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, u li, għal dan il-għan, jistgħu jiddeċiedu x’inhu l-aħjar mod biex iwettqu r-responsabbiltaljiet tagħhom bħala ġenitrui, billi jagħżlu jekk jeħdux leave parentali jew le.
40 Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tagħti lill-wild dritt individwali għal-leave parentali.
Fuq it-tieni domanda
41 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas tistax tiġi interpretata fis-sens li t-twelid ta’ tewmin jagħti lok għal dritt għal numru ta’ leave parentali daqs kemm ikunu twieldu tfal jew jekk għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tali twelid jagħti dritt, bħal fil-każ tat-twelid ta’ wild wieħed biss, għal leave parentali wieħed biss.
42 Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 34, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra p. I‑10923, punt 41).
43 Barra minn hekk, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att Komunitarju għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Feinchemie Schwebda u Bayer CropScience, C‑361/06, Ġabra p. I‑3865, punti 49 u 50, kif ukoll Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48), b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
44 Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għall-ftehim li, bħall-ftehim qafas, ġew implementati minn direttiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk jagħmlu parti integrali minnha (ara l-punt 25 ta’ din is-sentenza).
Fuq il-kliem tal-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas
45 Skont il-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas, il-ħaddiema, irġiel u nisa, għandhom “id‑dritt individwali għall-leave tal-ġenituri għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l‑adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur.” L‑Artikolu 33(2) tal-Karta huwa fformulat b’mod simili, peress illi jipprovdi b’mod partikolari li “kull persuna għandha d-dritt […] għal leave parentali wara t‑twelid jew l-adozzjoni ta’ tifel jew tifla”.
46 Il-Gvern Ċiprijott u dak tar-Renju Unit josservaw li l-użu tas-singular (“t-twelid […] biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild”) jissuġġerixxi li l-ħaddiem għandu dritt għal leave parentali differenti għal kull wild.
47 Skont il-Gvern Ċiprijott, l-interpretazzjoni li l-kriterju deċiżiv li jagħti dritt għal-leave parentali huwa l-wild u mhux it-twelid hija kkonfermata mis-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑519/03, Ġabra p. I-3067, punt 47), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-formulazzjoni li skontha l-leave parentali jingħata “għar-raġuni tat-twelid” ta’ wild tirrifletti biss il-fatt li l-għoti ta’ leave parentali huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-wild ikun twieled.
48 L-interpretazzjoni letterali proposta b’dan il-mod tagħti lok għal xi dubji.
49 Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-użu tas-singular fil-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas ma għandux valur numeriku iżda ġeneriku, u li dan is-singular ma jistabbilixxix korrelazzjoni bejn in-numru ta’ tfal u n-numru ta’ leave parentali, iżda jindika t‑tfal kollha bħala kategorija ta’ persuni li jistgħu jagħtu lok għal-leave parentali.
50 Għal dak li jirrigwarda l-portata tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, minn qari tal-punt 47 tagħha jirriżulta li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas fis-sens li l-għoti ta’ leave parentali huwa suġġett mhux għat-twelid iżda għall-kundizzjoni li tkun twieldet tarbija, hija riedet tindika li d-dritt għal-leave parentali ma huwiex marbut mad-data tat-twelid u li ma huwiex neċessarju li t-twelid tat-tarbija jkun seħħ wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/34 fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’dan il-mod fuq l-applikazzjoni fiż-żmien tad-Direttiva 96/34 u mhux fuq il-kwistjoni jekk, f’każ ta’ twelid ta’ iktar minn tarbija waħda, għandux jingħata numru ta’ leave parentali ugwali għal dak tat-tfal li jkunu twieldu.
51 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jirrigwarda r-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, il-kliem tal-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas huwa ambigwu u ma jippermettix, waħdu, li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
52 B’hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha din id-dispożizzjoni.
Fuq il-kuntest u l-għanijiet tad-Direttiva 96/34
53 Mill-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas jirriżulta li l-leave parentali għandu l-għan li joffri lill-ġenituri l-possibbiltà li jieħdu ħsieb il-wild tagħhom.
54 Il-Gvern Ċiprijott isostni li l-leave parentali huwa marbut mal-kapaċità ta’ ġenitur li jiddedika ruħu kompletament għall-wild. Fil-każ ta’ tewmin, il-fatt li l-ġenitur ikollu jieħu ħsieb kull wild jiġġustifika l-għoti ta’ leave differenti għal kull wieħed minnhom.
55 Din l-analiżi hija kkontestata mill-Gvernijiet tal-Greċja, tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, tal-Estonja u tal-Polonja, li jsostnu li l-għan tal-leave parentali ma huwiex affettwat min-numru ta’ tfal li għandu jieħu ħsieb il-ġenitur matul dan il-perijodu. Fil-fehma tagħhom, fil-każ ta’ tewmin, il-ġenitur ikkonċernat ikollu jwieġeb immedjatament u simultanjament għall-ħtiġijiet tagħhom. Peress illi d‑differenza bejn is-sitwazzjoni tiegħu u dik ta’ ġenitur ta’ wild wieħed biss tinsab biss fl-intensità tax-xogħol li għandu jsir u mhux fiż-żmien li jieħu, ma hemmx ġustifikazzjoni għalfejn għandu jiġi rduppjat il-leave parentali.
56 Hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-preambolu u mill-punt 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu, dan il-ftehim qafas jikkostitwixxi impenn tal-imsieħba soċjali li jdaħħlu fis-seħħ, permezz ta’ dispożizzjonijiet minimi, miżuri li huma intiżi biex jippromwovu opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n‑nisa billi joffrulhom il-possibbiltà li jirrikonċiljaw ir-responsabbiltajiet professjonali tagħhom mal-obbligi familjari tagħhom (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, Ġabra p. I‑10063, punt 35).
57 F’din il-perspettiva, il-ftehim qafas jippermetti lill-ġenituri l-ġodda jinterrompu l‑attività professjonali tagħhom biex jiddedikaw ruħhom għar-responsabbiltajiet familjari tagħhom, filwaqt li jiġu żgurati, skont il-klawżola 2.5 ta’ dan il-ftehim, li ser jerġgħu jsibu xogħolhom wara dan il-leave. Matul perijodu ffissat b’mod liberu mill-Istati Membri filwaqt li josservaw il-perijodu minimu ta’ tliet xhur u skont modalitajiet li l-leġiżlaturi nazzjonali huma liberi jikkunsidraw, il-ġenituri l‑ġodda b’hekk għandhom il-possibbiltà jagħtu lill-wild tagħhom l-assistenza li teħtieġ l-età tagħhom u jaħsbu għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-ħajja familjari tagħhom meta jerġgħu lura għall-ħajja professjonali tagħhom.
58 Fir-rigward tal-kwistjoni jekk, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-ġenituri ta’ tewmin għandhomx ikunu jistgħu jippretendu dritt għal numru ta’ leave parentali ugwali għal dak tat-tfal li jkunu twieldu, għandu jiġi rrilevat, hekk kif osservaw il‑Gvernijiet tal-Greċja, tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja, tal-Estonja u tal-Polonja, li x-xogħol żejjed li jaffaċċjaw il-ġenituri ta’ tewmin huwa ta’ natura kwantitattiva, inkwantu għandhom iwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ żewġt itfal fl-istess ħin, iżda li dan l-isforz addizzjonali ma huwiex estiż iktar fiż-żmien, peress li t‑tewmin, bħala regola, jgħaddu mill-istess fażijiet ta’ żvilupp fl-istess ħin.
59 B’hekk, jidher li l-irduppjar taż-żmien tal-leave parentali ma jikkostitwixxix neċessarjament l-unika miżura xierqa li jistgħu jirrikorru għaliha l-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja mal-ħajja professjonali tal-ġenituri ta’ tewmin, iżda għadha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sistema kollha li fiha jinsabu l-miżuri intiżi biex jirrispondu għar-restrizzjonijiet li jaffaċċjaw dawn il-ġenituri.
60 Din l-evalwazzjoni hija sostnuta mill-kunsiderazzjoni li, fid-dawl tan-natura minima tar-rekwiżiti stipulati fil-ftehim qafas u tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li tirriżulta minn dan favur l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l‑implementazzjoni tal-leave tal-ġenitrui, il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni jvarjaw b’mod kunsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor.
61 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kuntest li tinsab fih u tal-għan tal-ftehim qafas, il-klawżola 2.1 tal-imsemmi ftehim ma timponix, fil-każ tat-twelid ta’ tewmin, ir-rikonoxximent awtomatiku ta’ dritt għal numru ta’ leave parentali ugwali għal dak tat-tfal li jkunu twieldu.
62 Madankollu, għandhom jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet li jista’ jkollha s‑sitwazzjoni ta’ ġenituri ta’ tewmin fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
Fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali
63 L-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li n-natura fundamentali tiegħu hija stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Karta, tieħu, fl-implementazzjoni tad-dritt għal-leave parentali, xejra iktar importanti meta jitqies li n-natura fundamentali ta’ dan id-dritt soċjali hija rikonoxxuta mill-Artikolu 33(2) tal-Karta.
64 Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx ġustifikat oġġettivament (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2008, Wood, C‑164/07, Ġabra p. I-4143, punt 13, kif ukoll Sturgeon et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).
65 F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni ssostni li l-ġenituri ta’ tewmin jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ ġenituri ta’ tfal li għandhom differenza żgħira ħafna fl-età billi għandhom inkomun il-fatt li jrabbu t-tfal tagħhom simultanjament. B’hekk, bħal fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn leave parentali awtonomu għal kull wild.
66 Il-kriterju ta’ tqabbil magħżul mill-Kummissjoni jenfasizza d-diffikultà biex jiġi ddefinit il-grupp ta’ persuni li magħhom jistgħu jiġu pparagunati l-ġenituri ta’ tewmin. Fil-fatt, dan il-kriterju jistrieħ fuq element li diffiċilment jista’ jiġi kkwantifikat, jiġfieri dak ta’ “differenza żgħira ħafna fl-età”.
67 Barra minn hekk, ma jistax jiġi nnegat li x-xogħol involut fl-edukazzjoni ta’ tewmin ifisser iktar sforzi u, b’hekk, ma huwiex paragunabbli ma’ dak involut fit-trobbija ta’ wild wieħed, u lanqas ma jista’ jiġi injorat li l-fatt li t-tewmin jikbru u jiżviluppaw b’mod parallel jinvolvi effetti ta’ sinerġija u li , konsegwentement, ix‑xogħol involut fl-edukazzjoni tagħhom ma huwiex neċessarjament paragunabbli ma’ dak involut fl-edukazzjoni ta’ żewġt itfal ta’ etajiet differenti.
68 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ġenituri ta’ tewmin jinsabu f’sitwazzjoni partikolari li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni qabel kollox mil-leġiżlatur nazzjonali meta jiddeċiedi fuq il-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 96/34.
69 F’dan il-kuntest, għandu jerġa’ jiġi enfasizzat li, hekk kif ifakkru l-klawżoli 1.1 u 2.1 tal-ftehim qafas, dan jistipula biss rekwiżiti minimi. Minbarra t-tul ta’ żmien tal-leave parentali, li l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw bil-kundizzjoni li josservaw iż-żmien minimu ta’ tliet xhur, huma għandhom diskrezzjoni biex jiddeterminaw il-kundizzjonijeit ta’ aċċess u l-modalitajiet ta’ dan il-leave. Il‑klawżola 2.3 tal-ftehim qafas tirreferi f’dan ir-rigward għal-liġi u/jew għall-ftehim kollettivi fl-Istati Membri, u, skont il-punt 9 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas, dan huwa ġġustifikat mill-idea li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni f’kull Stat Membru.
70 B’hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu, filwaqt li josservaw ir-rekwiżit minimu ta’ tliet xhur impost mill-ftehim qafas għat-tul ta’ żmien tal-leave parentali, il-modalitajiet temporali li taħthom jista’ jittieħed l-imsemmi leave. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ifisser b’mod partikolari li meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu leave parentali itwal mil-leave minimu previst fil-ftehim qafas, huma jistgħu jistabbilixxu regoli speċjali fil-każ ta’ twelid suċċessiv ta’ tfal.
71 Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur nazzjonali għandu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiġi biex jiddefinixxi s-sistema ta’ leave parentali applikabli għall-ġenituri ta’ tewmin u li tippermetti lil dawn il-ġenituri jibbenefikaw minn trattament li jieħu inkusiderazzjoni b’mod xieraq il-ħtiġijiet partikolari tagħhom.
72 F’din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat li, b’mod ġenerali, żmien kunsiderevolment itwal miż-żmien minimu previst mill-ftehim qafas u ċerta flessibbiltà għall-ġenituri biex jieħdu dan il-leave skont l-età tal-wild huma tali li jippermettu li x-xogħol żejjed marbut mal-edukazzjoni ta’ tewmin jiġi assorbit aħjar. Bl-istess mod, modalitajiet ta’ applikazzjoni li, b’mod konformi mal-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas, iħallu spazju kbir għal modi flessibbli ta’ organizzazzjoni tax-xogħol huma tali li jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħajja professjonali mar-restrizzjonijiet partikolari involuti fl-edukazzjoni ta’ tewmin.
73 Madankollu, huwa possibbli wkoll li jiġu kkonċepiti u adottati miżuri oħrajn li huma adattati biex iwieġbu għall-ħtiġijiet partikolari tal-ġenituri ta’ tewmin, bħal għajnuna materjali, fil-forma, pereżempju, ta’ dritt ta’ aċċess għal strutturi li jieħdu ħsieb it-tfal, jew għajnuna finanzjarja, fil-forma, b’mod partikolari, ta’ benefiċċji speċifiċi li jippermettu għażla ħielsa ta’ min ser jeħdilhom ħsieb it-tfal u kif.
74 Hija l-qorti nazzjonali, li hija biss hi kompetenti biex tevalwa l-fatti tal-kawża miġjuba quddiemha, li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha kemm hi tagħtix possibbiltajiet suffiċjenti sabiex, f’każ partikolari, tirrispondi għall-ħtiġijiet partikolari tal-ġenituri ta’ tewmin fil-ħajja professjonali u tal-familja tagħhom.
75 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti aktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li t‑twelid ta’ tewmin jagħti dritt għal numru ta’ leave parentali ugwali għal dak tat-tfal li jkunu twieldu. Madankollu, meta tinqara fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, din il-klawżola timponi fuq il-leġiżlatur id-dmir li jdaħħal fis-seħħ sistema ta’ leave parentali li, skont is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru kkonċernat, tiżgura lill-ġenituri ta’ tewmin trattament li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-ħtiġijiet partikolari tagħhom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfax dan ir-rekwiżit u, jekk ikun il-każ, tagħti lill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn possibbli, interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.
Fuq l-ispejjeż
76 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Il-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tagħti lill-wild dritt individwali għal-leave parentali.
2) Il-klawżola 2.1 tal-imsemmi ftehim qafas ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li t-twelid ta’ tewmin jagħti dritt għal numru ta’ leave parentali ugwali għal dak tat-tfal li jkunu twieldu. Madankollu, meta tinqara fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, din il-klawżola timponi fuq il‑leġiżlatur id-dmir li jdaħħal fis-seħħ sistema ta’ leave parentali li, skont is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru kkonċernat, tiżgura lill-ġenituri ta’ tewmin trattament li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-ħtiġijiet partikolari tagħhom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfax dan ir-rekwiżit u, jekk ikun il-każ, tagħti lill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn possibbli, interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.
Firem