Language of document : ECLI:EU:C:2018:644

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑7 ta’ Awwissu 2018 (1)

Kawża C327/18 (PPU)

Minister for Justice and Equality

vs

R O

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 50 TUE — Irtirar mill-Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew)






 Introduzzjoni

1.        Nafu li ma nafu kważi xejn dwar ir-relazzjoni ġuridika futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem ir-“Renju Unit”).

2.        Madankollu, din il-kwistjoni hija rilevanti għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) mibgħut mir-Renju Unit lejn l-Irlanda li kien inħareġ qabel id-data prevista tal-Brexit? Le, ma hijiex rilevanti. MAE għandu jkompli jiġi eżegwit. Eżatt bħal qabel.

3.        Din hija, fi ftit kliem, is-soluzzjoni li qiegħed nipproponi fil-kawża inkwistjoni, li oriġinat minn talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda).

 Il-kuntest legali

 Id-dritt tal-Unjoni

4.        Kif indikat fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (2), il-MAE previst f’din id-deċiżjoni “hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew (3) semma’ bħala l-‘bażi’ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.”

5.        Il-premessa 10 tad-Deċiżjoni Kwadru tafferma li “l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.”

6.        L-Artikolu 1 tad-Deċizjoni Kwadru, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprovdi kif ġej:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-[TUE].”

7.        Il-Kapitolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru, li jinkludi l-Artikoli 26 sa 30, jindirizza l-“Effetti tal-Konsenja”.

8.        L-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Kwadru, intitolat “Tnaqqis fil-perjodu ta’ detenzjoni skontat fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istat Membru emittenti għandu jnaqqas il-perjodi kollha ta’ detenzjoni li jirriżultaw mill-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-perjodu totali ta’ detenzjoni li għandu jiġi skontat fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bħala riżultat ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni li qed tingħata.”

9.        L-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra” jinkludi dik li ġeneralment hija magħrufa bħala r-“regola ta’ speċjalità”’. Dan il-paragrafu jipprov kif ġej:

“[…] persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.”

10.      L-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Kwadru jikkonċerna “Konsenja jew estradizzjoni sussegwenti” (lejn Stat terz).

 Id-dritt Irlandiż

11.      Il-European Arrest Warrant Act 2003 (l-Att tal‑2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew), kif emendat, ittraspona d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru fid-dritt Irlandiż.

 Id-dritt tar-Renju Unit

12.      L-Extradition Act 2003 (l-Att tal-2003 dwar l-Estradizzjoni) ittraspona id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru fid-dritt tar-Renju Unit.

 Il-fatti u l-proċedura quddiem l-qorti tar-rinviju

13.      L-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit talbu l-konsenja ta’ RO fuq il-bażi ta’ żewġ MAE maħruġa fis‑27 ta’ Jannar u fl‑4 ta’ Mejju 2016 u approvati mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) għal eżekuzzjoni fl‑1 ta’ Frar u fl‑10 ta’ Mejju 2016 rispettivament, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjonijiet kriminali fir-rigward tar-reati ta’ qtil, ħruq u stupru, li huma kollha punibbli, potenzjalment, b’piena massima ta’ priġunerija għall-għomor.

14.      RO ġie arrestat fl-Irlanda fuq il-bażi tal-ewwel MAE fit‑3 ta’ Frar 2016 u ilu miżmum taħt arrest hemmhekk minn din id-data. Hu ġie arrestat fuq il-bażi tat-tieni mandat ta’ arrest fl‑4 ta’ Mejju 2016 u tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja.

15.      RO oġġezzjona għall-konsenja tiegħu lejn ir-Renju Unit fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jirriżultaw mill-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Artiklu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), relatati ma’ trattament inuman u degradanti potenzjali li huwa jallega li ser isofri li kieku kellu jintbagħat fil-ħabs ta’ Maghaberry fl-Irlanda ta’ Fuq. Huwa jargumenta li ma huwiex ċar kif id-drittijiet tiegħu skont id-Deċiżjoni Kwadru ser ikunu ggarantiti wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni.

16.      Minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu, il-każ ta’ RO ma setax jinstema’ qabel is‑27 ta’ Lulju 2017.

17.      F’sentenza tat‑2 ta’ Novembru 2017, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) ikkunsidrat it-talba ta’ RO li kien ser ikun suġġett għal trattament inuman u degradanti jekk jiġi kkonsenjat lill-Irlanda ta’ Fuq, u ddifferiet espressament il-kwistjoni tal-Brexit għal sentenza f’data sussegwenti. Il-High Court (il-Qorti Għolja) innotat it-testijiet simili li għandhom jiġu applikati skont l-Artikolu 3 KEDB (4) u l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (5). Il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li kien hemm informazzjoni speċifika u aġġornata dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-ħabs ta’ Maghaberry li tagħti lok għal tħassib li vera kien hemm riskju reali li RO, minħabba l-vulnerabbilitajiet tiegħu, ikun suġġett għal trattament inuman u degradanti. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, kif interpretati mill-Irish Supreme Court (il-Qorti Suprema Irlandiża) u l-Qorti tal-Ġustizzja, u fid-dawl tal-analiżi tal-evidenza f’dan il-każ, il-High Court (il-Qorti Għolja) talbet lir-Renju Unit iktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom RO jkun ħa jinżamm li kieku kellu jkun kkonsenjat lir-Renju Unit.

18.      Fis‑16 ta’ April 2018, l-awtorità ġudizzjarja emittenti, il-Laganside Court in Belfast (il-Qorti ta’ Laganside, Belfast l-Irlanda ta’ Fuq), ipprovdiet informazzjoni dwar kif in-Northern Irish Prison Service (is-Servizz tal-Ħabs tal-Irlanda ta’ Fuq) ser jindirizza r-riskji li RO jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti fl-Irlanda ta’ Fuq.

19.      Il-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet l-oġġezzjonijiet kollha mqajma minn RO, minbarra l-kwistjoni li ġiet differita dwar il-konsegwenzi tal-Brexit marbuta mal-Artikolu 3 tal-KEDB.

20.      Il-High Court (il-Qorti Għolja) tfakkar li fid‑29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 50(2) TUE, bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni. Bla ħsara għal arranġamenti oħra, l-effett ta’ din in-notifika huwa l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 TUE, b’effett mid‑29 ta’ Marzu 2019.

21.      Il-High Court (il-Qorti Għolja) tikkunsidra li huwa ferm probabbli li, jekk jiġi kkonsenjat, RO ser jibqa’ fil-ħabs fir-Renju Unit sa wara d‑29 ta’ Marzu 2019, jiġifieri sa wara l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni. Arranġamenti tranżitorji jistgħu jiġu implimentati sabiex jirregolaw is-sitwazzjoni li għandha tapplika immedjatament wara dan, u jista’ jkun li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ġew miftiehma arranġamenti bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li jirregolaw ir-relazzjonijiet futuri bejn dawn il-partijiet f’oqsma bħal dawk koperti mid-Deċiżjoni Kwadru.

22.      Madankollu, attwalment, ma hemm ebda ċarezza dwar jekk dawn l-arranġamenti ser jiġux konklużi u, jekk iva, in-natura tal-miżuri rilevanti li ser jiġu adottati. B’mod partikolari, ma hemm ebda ċarezza dwar jekk, fil-każ ta’ tilwima, id-dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni li jinsab fil-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit, li jkollu kwistjoni relatata mad-dritt Ewropew deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, ser jibqax fis-seħħ wara l-irtirar tar-Renju Unit.

23.      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-High Court (il-Qorti Għolja) tindika wkoll li, essenzjalment qiegħda tirreferi l-istess domandi li staqsiet lill-Irish Supreme Court (il-Qorti Suprema Irlandiża) f’Marzu 2018 fil-kawża KN v Minister for Justice and Equality (6),li bħalissa għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (7), iżda fil-kuntest ta’ din il-kawża jeħtieġ risposta iktar rapida, minħabba li RO jinsab taħt arrest.

 Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

24.      Huwa f’dan il-kuntest li, permezz tad-digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, li wasal il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Mejju 2018, il-High Court (il-Qorti Għolja) għamlet id-domandi preliminari segwenti:

“Fid-dawl:

(a)      Tal-fatt li r-Renju Unit ta notifika taħt l-Artikolu 50 TUE;

(b)      Tal-inċertezzi rigward l-arranġamenti li ser isiru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit sabiex jiġu rregolati r-relazzjonijiet tagħhom wara l-ħruġ tar-Renju Unit; u

(c)      Tal-inċertezzi li jirriżultaw minn dan dwar sa liema punt [RO] jista’, fil-prattika, igawdi mid-drittijiet mogħtija mit-Trattati, mill-Karta jew minn kwalunkwe leġiżlazzjoni rilevanti fil-każ li huwa jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet tar-Renju Unit u jinżamm il-ħabs wara l-ħruġ tar-Renju Unit;

(1)      Stat mitlub huwa meħtieġ li jirrifjuta, skont id-dritt tal-Unjoni, il-konsenja lir-Renju Unit ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li l-konsenja tagħha huwa, madankollu, obbligatorja skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru:

(i)      f’kull każ?

(ii)      f’ċerti każijiet, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ?

(iii)      f’ebda każ?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija dik imsemmija fil-punt (ii), liema huma l-kriterji u l-elementi li għandhom jiġu evalwati minn qorti fl-Istat mitlub sabiex tiddeċiedi jekk il-konsenja hijiex projbita?

(3)      Fil-kuntest tat-tieni domanda, il-qorti tal-Istat mitlub hija meħtieġa tiddifferixxi d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew sabiex tistenna iktar preċiżjonijiet dwar is-sistema ġuridika rilevanti li għandha tiġi implementata wara li l-Istat rikjedenti joħroġ mill-Unjoni:

(i)      f’kull każ?

(ii)      f’ċerti każijiet, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ?

(iii)      f’ebda każ?

(4)      Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija dik imsemmija fil-punt (ii), liema huma l-kriterji jew l-elementi li għandhom jiġu evalwati minn qorti fl-Istat mitlub sabiex tiddeċiedi jekk huwiex obbligatorju li tiddifferixxi d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?”

 Proċedura b’urġenza

25.      Bl-istess digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-rinviju jqajjem domandi f’qasam kopert mit-Tielet Parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE, jiġifieri l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (Kapitolu 4), li RO huwa attwalment taħt arrest biss abbażi tal-MAE maħruġa mir-Renju Unit, u li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tkun tista’ tagħti sentenza definittiva f’dan il-każ.

27.      Il-motiv invokat għall-urġenza huwa l-fatt li l-użu tal-proċedura tar-rinviju preliminari ordinarja, jew saħansitra mħaffa, itawwal b’mod sinjifikattiv il-perijodu taħt arrest ta’ RO, li jgawdi minn preżunzjoni ta’ innoċenza fir-rigward tal-MAE maħruġa għall-finijiet tat-tmexxija ta’ proċeduri kriminali.

28.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li hemm tmien każijiet oħra fejn l-individwi qegħdin taħt arrest fl-Irlanda abbażi biss tal-MAE maħruġa mir-Renju Unit u fejn “kwistjoni fuq Brexit” tqajmet bħala bażi li fuqha l-Qorti ma għandhiex tordna l-konsenja. Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li individwi oħra qegħdin taħt arrest jiskontaw sentenzi domestiċi li dalwaqt jiġu skontati u li wara jistgħu jiġu miżmuma taħt arrest sakemm jiġu kkonsenjati lejn ir-Renju Unit, iżda l-każijiet tagħhom għandhom jiġu differiti sakemm tiġi deċiża l-kwistjoni dwar il-Brexit. Barra minn hekk, hemm numru ta’ individwi oħra li ġew arrestati fuq il-bażi ta’ MAE maħruġa mir-Renju Unit u li qajmu wkoll din il-kwistjoni ta’ Brexit iżda li huma taħt ħelsien mill-arrest taħt garanzija sakemm tingħata d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħhom. Fl-aħħar nett, “għadd sinifikanti” ta’ MAE rċevuti fl-Irlanda mir-Renju Unit għad iridu jiġu eżegwiti, u huwa għalhekk li arresti oħra ta’ “persuni rikjesti” huma probabbli.

29.      L-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil‑11 ta’ Ġunju 2018, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza. Il-partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, kif għamel ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet, kif ukoll ir-Rumanija, ipparteċipaw fis-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2018.

 Evalwazzjoni

30.      Id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija essenzjalment dwar jekk, f’sitwazzjoni fejn Stat Membru, skont l-Artikolu 50(2) TUE, innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni u skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Kwadru, ħareġ MAE għall-finijiet ta’ konsenja ta’ persuna rikjesta minn Stat Membru ieħor, il-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom isiru minn dak l-Istat Membru l-ieħor meta jeżegwixxi l-MAE jinbidlux, u jekk jinbidlu, sa liema estent, minħabba n-notifika tal-irtirar imsemmija hawn fuq.

31.      Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi jekk is-sistema tal-MAE għandhiex tibqa’ tapplika sakemm ir-Renju Unit jibqa’ jaġixxi bħala Stat Membru emittenti, anki jekk id-drittijiet li l-persuna kkonċernata għandha skont id-Deċiżjoni Kwadru aktarx ma jibqgħux iktar protetti bl-istess mod wara d‑29 ta’ Marzu 2019, b’mod partikolari jekk il-mekkaniżmu ta’ rinviju preliminari ma jkunx għadu disponibbli għall-qrati ta’ dak l-Istat.

 Fuq l-ammissibbiltà

32.      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li ma hemm ebda kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ din il-kawża.

33.      Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-Trattati, kif ukoll il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet.

34.      Id-domandi magħmula jirreferu għall-Artikolu 50 TUE. Flimkien mal-ispjegazzjonijiet ċari u l-punti prinċipali tal-kwistjonijiet legali tal-qorti tar-rinviju (8), dan huwa biżżejjed sabiex il-kawża tkun ammissibbli. B’mod partikolari, il-kawża inkwistjoni ma hijiex ipotetika fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (9), peress li l-Artikolu 50 TUE diġà juri effetti legali.

35.      Barra minn hekk, jekk l-affarijiet jibqgħu eżattament kif inhuma bħalissa, kif ser jidher f’iktar dettall hawn taħt, bħala konsegwenza tal-Artikolu 50(3) TUE, id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit mid‑29 ta’ Marzu 2019. Din id-data tinsab fil-futur prevedibbli u, fi kwalunkwe każ, f’mument meta d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru li jirrigwardaw l-effetti tal-konsenja jibqa’ jkollhom effett.

36.      Għalhekk, filwaqt li t-talba għal deċiżjoni preliminari, bħal din preżenti, ma hijiex ta’ natura ipotetika, dan ma jfissirx li ma nistgħux naħdmu b’suppożizzjonijiet, anki jekk dawn is-suppożizzjonijiet huma li, f’termini legali, l-affarijiet ser jibqgħu l-istess.

37.      Il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob risposta mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja li hija tqis neċessarja (10) sabiex tiddeċiedi jekk teżegwixxix mandat ta’ arrest. Għandha tingħata risposta.

 Fuq il-mertu

38.      L-evalwazzjoni fuq il-mertu ser tkun strutturata kif ġej: l-ewwel nett, ser titfakkar il-proċedura ta’ konsenja standard bejn żewġ Stati Membri skont id-Deċiżjoni Kwadru. Sussegwentement, ser inħares lejn l-implikazzjonijiet possibbli tal-Artikolu 50 TUE dwar proċedura ta’ konsenja, fejn l-awtorità emittenti tkun tinsab fir-Renju Unit. Sussegwentement, ser nindirizza kwistjonijiet speċifiċi mqajma minn RO fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsenja, qabel, fl-aħħar nett, indur għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-proċedura ta’ konsenja standard bejn żewġ Stati Membri

39.      Hekk kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti, l-għan tad-Deċiżjoni Kwadru huwa li tibdel is-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni ħatja jew persuni ssuspettati għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni jew ta’ prosekuzzjoni, abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku (11). Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din is-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali hija “bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni [(12)] tat‑13 ta’ Diċembru 1957” (13).

40.      Il-karatteristiċi bażiċi tad-Deċiżjoni Kwadru għal skopijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE huma diġà magħrufa sew mill-Qorti tal-Ġustizzja: (14) l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. L-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux għaldaqstant jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat għajr fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti mid-Deċiżjoni Kwadru (15) u l-eżekuzzjoni tal-MAE tista’ tiġi suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fiha (16). Għaldaqstant, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-MAE tikkostitwixxi r-regola, rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (17).

41.      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru jipprovdi r-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja tal-MAE, filwaqt li l-Artikolu 4 u l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Kwadru jelenkaw ir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva tal-MAE (18). Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni ta’ MAE tista’ tkun suġġetta biss (19) għal waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru (20).

42.      Id-Deċiżjoni Kwadru hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, kunċett żviluppat inizjalment fil-kuntest tal-libertajiet tas-suq intern (21), li fih innifsu, bħala l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka (22) bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li jintlaħaq l-għan stabbilit tal-Unjoni ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (23). Dan il-prinċipju ġeneralment jeżiġi, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li l-Istati Membri jikkunsidraw li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (24). Jista’ jiġi sostnut li r-rikonoxximent reċiproku huwa probabbilment l-iktar kontribut distint tal-Unjoni għall-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni u li l-istrument ewlieni f’dan il-qasam huwa d-Deċiżjoni Kwadru (25). Minħabba li l-fiduċja reċiproka ma hijiex fiduċja għamja (26), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li limitazzjonijiet fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u, bħala konsegwenza, fuq ir-rikonoxximent reċiproku, jistgħu jiġu ammessi f’ċirkustanzi eċċezzjonali (27).

43.      B’mod partikolari, fir-rigward tad-Deċiżjoni Kwadru, kif jirriżulta mis-sentenza li stabbilixxiet preċedent fil-kawża Aranyosi u Căldăraru (28), tali limitazzjonijiet jistgħu jiġu ammessi fejn ikun hemm riskju reali ta’ trattament inuman u degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta (29) minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti. Għal dak il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, inizjalment u fl-ewwel lok, tibbaża ruħha fuq informazzjoni oġġettiva, affidabbli, speċifika u aġġornata sew dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni prevalenti fl-Istat Membru emittenti u turi n-nuqqasijiet, sistemiċi jew ġeneralizzati, li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni jew li jolqtu wkoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni (30). Fit-tieni lok, kull meta tiġi identifikata l-eżistenza ta’ tali riskju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jkollha tagħmel evalwazzjoni oħra, speċifika u preċiża, dwar jekk hemmx raġunijiet sostanzjali li li l-individwu kkonċernat ser ikun espost għal dak ir-riskju minħabba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tiegħu previsti fl-Istat Membru emittenti (31).

44.      Fir-rigward tal-kawża inkwistjoni, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ma hemm ebda waħda mill-motivi għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja jew fakultattiva tal-MAE. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’detenzjoni, jidher li l-qorti tar-rinviju wettqet bir-reqqa l-analiżi f’żewġ stadji, kif spjegat fil-paragrafu preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, u waslet għall-konklużjoni li – bl-eċċezzjoni tal-konsegwenzi ta’ Brexit – ma kien hemm ebda kwistjoni separata fir-rigward tal‑Artikolu 4 tal-Karta (32).

45.      Barra minn hekk, dan huwa rifless direttament fil-mod li bih il-qorti tar-rinviju fformulat l-ewwel domanda, meta ddikjarat li l-konsenja tal-persuna rikjesta hija madankollu obbligatorja. Li kieku ma kienx għan-notifika tal-irtirar, il-qorti tar-rinviju kienet tiddeċiedi li l-Irlanda għandha tipproċedi bl-eżekuzzjoni tal-MAE fir-rigward ta’ RO.

 L-implikazzjonijiet talArtikolu 50 TUE

46.      Sussegwentement, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk in-notifika tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 TUE, taffettwax dak li ntqal iktar ’il fuq, fis-sens li l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom isiru mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jiġu affettwati b’xi mod.

–       Artikolu 50 TUE

47.      L-Artikolu 50 TUE, li jikkostitwixxi korollarju tal-Artikolu 53 TUE, li jgħid li t-Trattat ġie konkluż għal perijodu indefinit, jikkjarifika li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jirtira mill-Unjoni (33) u jfakkar li l-Unjoni hija bbażata fuq parteċipazzjoni volontarja (34). L-Artikolu 50(2) TUE jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita f’dan ir-rigward: l-ewwel, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni. Sussegwentement, fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat, ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-irtirar tiegħu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mall-Unjoni (35). Dan il-ftehim għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill tal-Unjoni, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

48.      L-Artikolu 50(3) TUE jispeċifika li t-Trattati (jiġifieri: id-dritt tal-Unjoni) għandhom jieqfu japplikaw fl-Istat inkwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar l-irtirar jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fl-Artikolu 50(2), sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mal-Istat Membru inkwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.

49.      Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar l-irtirar b’mod ġenerali (36), u regoli ddettaljati dwar il-proċedura ta’ konsenja jew ta’ estradizzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit b’mod partikolari, dan ifisser perijodu ta’ sentejn wara n-notifika, jiġifieri li, kif inhuma l-affarijiet, fid‑29 ta’ Marzu 2019, ir-Renju Unit ser jirtira mill-Unjoni. Din hija s-suppożizzjoni li għandna naħdmu fuqha, għaliex hija l-pożizzjoni awtomatika. Il-kumplament jista’ biss “jinkiteb fl-istilel”. U ma jidhirx li dawn l-istilel huma dawk tal-bandiera Ewropea.

–       Ebda test astratt

50.      RO jsostni li n-notifika tal-irtirar tar-Renju Unit tad‑29 ta’ Marzu 2017 fiha nnifisha tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li tinvolvi n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-MAE inkwistjoni (37). Fil-fehma tiegħu, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka “iddgħajjef b’mod fatali” (38) bin-notifika tal-irtirar. RO jsostni li dan iwassal sabiex il-MAE maħruġa mir-Renju Unit ma jibqgħux iktar infurzabbli.

51.      Jien ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament, li jestendi l-interpretazzjoni tal-effetti legali ta’ notifika ta’ rtirar lil hinn mil-limiti ta’ kwalunkwe interpretazzjoni legali possibbli.

52.      L-irtirar mill-Unjoni, għalkemm forsi ma hijiex għażla li tinżel tajjeb ma’ kull min huwa kkonċernat (39) hija possibbiltà rrikonoxxuta speċifikament fl-Artikolu 50 TUE. Filwaqt li fil-kuntest tal-istorja u l-għanijiet tat-Trattati (40), li huma bbażati fuq valuri komuni (41), l-Artikolu 50 TUE jikkostitwixxi ċertament eċċezzjoni, jibqa’ l-fatt li dan l-artikolu jeżisti u li Stat Membru jista’ jirrikorri għalih.

53.      Li kieku n-notifika tal-irtirar fiha nnifisha kellha tiġi kklassifikata bħala ċirkustanza eċċezzjonali li ddgħajjef b’mod fatali kwalunkwe fiduċja reċiproka, dan ikun jippreġudika l-motivazzjonijiet ta’ Stat Membru għall-irtirar u jneħħi l-utilità kollha ta’ din id-dispożizzjoni.

54.      Barra minn hekk, jidher arbitrarju li wieħed jiddeċiedi b’mod kategoriku li s-sitwazzjoni ta’ din il-kawża għandha tiġi ttrattata b’mod differenti minn dik ta’ MAE maħruġa eżatt qabel id-data tan-notifika tal-irtirar (42).

55.      L-approċċ propost minn RO, fil-fatt, iwassal għal sospensjoni unilaterali (43) u ġenerali tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru mid-data tan-notifika tal-irtirar. Dan ikun jikkontradixxi l-prinċipju li fuqu hija bbażata id-Deċiżjoni Kwadru, kif deskritt fil-premessa 10, li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-MAE jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) TUE, iddeterminat mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu (44). Lanqas ma jkun kompatibbli mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-Istati Membri ma jistgħux jissospendu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

56.      In-notifika tal-irtirar fiha nnifisha, għalhekk, ma tikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali li twassal għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE.

 Kwistjonijiet speċifiċi wara l-konsenja

57.      Il-High Court (il-Qorti Għolja) tirreferi għal erba’ punti tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn RO, li teoretikament (45) jirriżultaw wara l-konsenja u, b’mod kruċjali, wara d‑29 ta’ Marzu 2019. Dawn huma: l-ewwel nett, jekk huwa jistax ikun intitolat għal kreditu minħabba perijodu taħt arrest skont l-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni Kwadru; it-tieni nett, il-konformità mar-regola tal-ispeċjalità, kif stabbilit fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Kwadru; it-tielet nett, il-projbizzjoni tal-konsenja sussegwenti tiegħu mir-Renju Unit lejn stat terz (46) u r-raba’ nett, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tiegħu, kif stabbilit fil-Karta. Bħala punt ġenerali, RO żied jgħid li, għalkemm mingħajr dubju ser ikollu aċċess għall-qrati tar-Renju Unit sabiex jikseb kwalunkwe digriet fir-rigward ta’ dawn l-erba’ punti jekk jitqajmu, huwa mhux ser ikollu l-possibbiltà li dawn il-kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jiġu vverifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

58.      B’kuntrast, il-Ministru Irlandiż, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ma jaraw l-ebda ostakolu għall-eżekuzzjoni tal-MAE. Lanqas ma jara ostakolu l-Gvern Rumen.

–       Brexit tfisser Brexit (47)

59.      Ladarba Stat Membru joħroġ mill-Unjoni, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe regola dwar il-kwistjoni, id-Deċiżjoni Kwadru ma tibqax tapplika għal dak l-Istat Membru (48). Il-konsegwenza naturali hija li l-Istat ma huwiex marbut bl-obbligi li jirriżultaw minnha u lanqas ma jista’ jibbenefika mid-drittijiet stabbiliti fiha. Konsegwenza naturali oħra hija li l-individwi ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom fid-Deċiżjoni Kwadru kontra l-Istat Membru li fir-rigward tiegħu ma tibqax tapplika d-Deċiżjoni Kwadru (49).

60.      Dan huwa fenomenu ġenerali inerenti fi Stat Membru li jirtira minn organizzazzjoni, konvenzjoni jew kull forma oħra ta’ kooperazzjoni. Is-sħubija f’organizzazzjoni, flimkien mad-drittijiet u l-obbligi li huma assoċjati ma’ dik l-isħubija, jevolvu. Peress li s-sħubija fl-Unjoni hija, fil-prinċipju, maħsuba għal perijodu indefinit (50), id-drittijiet (u l-obbligi) naxxenti mid-dritt tal-Unjoni jdumu japplikaw, fil-prinċipju, sas-sħubija fl-Unjoni. B’hekk, pereżempju, persuni fiżiċi u ġuridiċi ma jistgħux jinvokaw il-libertajiet fundamentali tas-suq intern kontra l-ex Stati Membri inkwistjoni. Huma ma jistgħux iktar jagħmlu kummerċ, jew jaħdmu, jew jivvjaġġaw bħal qabel. Fil-fatt, dan huwa probabbilment il-punt kollu għalfejn Stat Membru jirtira minn organizzazzjoni bħalma hija l-Unjoni: li ma jkunx iktar marbut b’obbligi. Min-naħa l-oħra, it-telf tad-drittijiet huwa inevitabbli u potenzjalment irrimedjabbli.

61.      Id-Deċiżjoni Kwadru ma tikkostitwixxix eċċezzjoni għal dan il-fenomenu ġenerali (51).

–       Il-fiduċja reċiproka ma hijiex imdgħajfa

62.      Min-naħa l-oħra, sakemm Stat Membru jkun għadu Membru tal-Unjoni, japplika id-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tal-kawża inkwistjoni, ma nara ebda raġuni għalfejn id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ konsenja, ma għandhomx japplikaw.

63.      Hawnhekk, nixtieq nenfasizza mill-bidu nett li l-punti magħmula minn RO ma humiex sostnuti minn evidenza konkreta. Ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk dawn il-kwistjonijiet ta’ tħassib humiex reali jew ipotetiċi. Dan huwa rrikonoxxut mill-qorti tar-rinviju nnifisha.

64.      Is-sitwazzjoni ġuridika bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-konsenja, tibqa’ tiġi rregolata mid-Deċiżjoni Kwadru li, kif ġie spjegat ċarament hawn fuq u kif ġie ripetutament iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija bbażata fuq fiduċja reċiproka (52). Huwa biss meta dik il-fiduċja reċiproka tiddgħajjef li l-affarijiet jinbidlu.

65.      Ma hemm ebda indikazzjoni konkreta li ċ-ċirkustanzi politiċi preċedenti, jew dawk li taw lok, jew dawk sussegwenti, għan-notifika tal-irtirar, huma tali li ma josservawx il-kontenut sostantiv tad-Deċiżjoni Kwadru u d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta (53). Kif isostni ġustament il-Ministru Irlandiż, ir-Renju Unit iddeċieda li jirtira mill-Unjoni u mhux li jabbanduna l-istat tad-dritt jew il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, ma hemm ebda bażi għal dubji dwar l-impenn kontinwu tar-Renju Unit għad-drittijiet fundamentali (54).

66.      Barra minn hekk, jekk Stat ma jibqax membru tal-Unjoni u b’hekk ma jkunx marbut bid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru, dan ma jfissirx li ma japplikawx regoli oħra. Id-dispożizzjonijiet tal-Att tal‑2003 dwar l-Estradizzjoni (55) ser ikomplu japplikaw (purament) bħala dritt nazzjonali (56). Minbarra dan, ir-Renju Unit huwa, pereżempju, parti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1957 dwar l-Estradizzjoni (57) u, barra minn hekk, huwa marbut bil-KEDB. Il-Konvenzjoni dwar l-Estradizzjoni tinkludi regola tal-ispeċjalità (58) kif ukoll dispożizzjoni li tipprojbixxi, fil-prinċipju, estradizzjoni mill-ġdid lejn stat terz (59).

67.      F’dan il-kuntest, ma għandux jintesa li, b’mod empiriku, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru li huma relatati mas-sitwazzjoni ta’ wara l-konsenja kienu rarament suġġetti għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali (60).

68.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, anki fil-każ ta’ estradizzjoni lejn Stat barra mill-Unjoni (61), il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-istess prinċipji li nsibu fis-sentenza ta’ Aranyosi u Căldăraru (62) meta tinterpreta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza u n-nondiskriminazzjoni kif ukoll dawk tal-Karta (63).

69.      Applikazzjoni ta’ test iktar strett fil-kawża inkwistjoni inevitabbilment timplika li RO kien igawdi minn protezzjoni iktar b’saħħitha milli kieku kellu jiġi estradit lejn Stat barra mill-Unjoni. Dan ma jkunx koerenti.

70.      It-test li nipproponi għandu jiġi applikat huwa għalhekk dan li ġej: fil-mument tal-eżekuzzjoni tal-MAE, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jistgħu jippreżumu li l-Istat Membru emittenti, fir-rigward tal-persuna li qiegħda tiġi effettivament ikkonsenjata, josserva l-kontenut sostantiv tad-Deċiżjoni Kwadru, inkluż fis-sitwazzjonijiet wara l-konsenja, wara li l-Istat Membru emittenti jkun ħareġ mill-Unjoni. Din il-preżunzjoni tista’ ssir, jekk strumenti internazzjonali oħra jibqgħu japplikaw fl-Istat Membru li jkun ħareġ mill-Unjoni. Huwa biss jekk ikun hemm evidenza konkreta li turi l-kuntrarju li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru jistgħu jiddeċiedu li ma jeżegwixxux il-mandat ta’ arrest.

71.      Huma l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li għandhom iwettqu l-evalwazzjoni msemmija hawn fuq. Mill-informazzjoni ċara ppreżentata mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal rinviju preliminari, fir-rigward tal-kawża inkwistjoni, ma jidher li hemm ebda raġuni għalfejn ma għandhiex tiġi eżegwita l-MAE inkwistjoni.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

72.      Fl-aħħar nett, għandna neżaminaw l-implikazzjonijiet ta’ meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru.

73.      Din il-kwistjoni hija relattivament sempliċi, peress li l-aħjar mod li għandha tiġi analizzata ma huwiex billi nħarsu fil-futur (64) iżda lejn il-passat.

74.      Id-Deċiżjoni Kwadru ġiet adottata, fit‑13 ta’ Ġunju 2002, skont id-dispożizzjonijiet legali rilevanti tat-Trattat UE (65), kif emendat l-aħħar bit-Trattat ta’ Amsterdam (66), jiġifieri f’dak li kien imsejjaħ it-“Tielet Pilastru”. Il-proċeduri taħt dan il-pilastru kienu fil-biċċa l-kbira ta’ natura intergovernattiva. Għalhekk, meta mqabbel mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-rwol tal-Kummissjoni kien ristrett ħafna, il-votazzjoni unanima kienet prevalenti fil-Kunsill u l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet limitata u, barra minn hekk, dipendenti fuq dikjarazzjoni ta’ kull Stat Membru li kien jaċċetta din il-kompetenza (67). La r-Renju Unit u lanqas inċidentalment l-Irlanda, ma kienu għamlu tali dikjarazzjoni (68).

75.      Għaldaqstant, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, din il-kawża ma setgħetx titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (69). Bl-istess mod, lanqas qorti tar-Renju Unit ma setgħet tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, pero, anki f’dak il-passat mhux daqstant imbiegħed, l-Unjoni kienet ankrata sew fuq l-istat tad-dritt, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja.

76.      Kien biss bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona(70), jiġifieri d-dritt primarju kif inhu bħalissa, jew biex inkun iktar preċiż, ħames snin wara dak id-dħul fis-seħħ (71), li l-Qorti tal-Ġustizzja kisbet ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru. Kif inhu magħruf sew, dan it-trattat elimina l-istruttura tat-tliet pilastri u ikkostituzzjonalizza (72) – fis-sens li issa japplikaw prinċipji fundamentali u supranazzjonali f’dan il-qasam, bħall-proċedura leġiżlattiva ordinarja(73) u l-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja(74) – l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

77.      Fil-qosor, ma narax li l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja wara d‑29 ta’ Marzu 2019 tikkostitwixxi impediment għal konsenja ta’ RO lejn ir-Renju Unit.

 Rimarki konklużivi

78.      Mill-evalwazzjoni li saret iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ MAE mir-Renju Unit fuq il-bażi tad-Deċiżjoni Kwadru għandha titmexxa bl-istess mod daqslikieku r-Renju Unit qatt man-notifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 TUE. Il-kawża inkwistjoni ma hijiex, għalhekk, dwar il-kumplessità possibbli ta’ perijodu ta’ transizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, sempliċement minħabba li (għadu) ma hemmx tali perijodu fil-liġi kif inhi bħalissa. Għalhekk, l-esperjenza rikka tal-Unjoni fir-rigward ta’ perijodi ta’ tranżizzjoni li, f’diversi għamliet (75), ma humiex ġodda għad-dritt tal-Unjoni(76), ma tistax taqdina attwalment(77).

79.      Brexit tikkostitwixxi territorju legali ġdid fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni(78). Ftit huwa magħruf dwar l-arranġamenti li għandhom isiru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara d‑29 ta’ Marzu 2019, la b’mod ġenerali u lanqas b’mod partikolari fir-rigward tas-sistema tal-MAE(79). Li huwa ċert huwa li wara l-irtirar mill-Unjoni, il-marea ser tonqos f’punt partikolari. Id-dritt tal-Unjoni ser jinżel max-xmajjar u barra mill-estwarji(80).

80.      Madankollu, fir-rigward ta’ din il-kawża, xejn għadu ma nbidel.

81.      Għandu jingħad ukoll li bl-istess mod, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), f’sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, ma rat ebda raġuni li tissospendi l-proċedura sakemm tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għal talba (oħra) għal deċiżjoni preliminari dwar il-konsegwenzi ta’ Brexit fuq id-Deċiżjoni Kwadru (81).

82.      Għaldaqstant, ma nara ebda raġuni għaliex il-qorti tar-rinviju għandha tbiddel, b’kwalunkwe mod, il-kunsiderazzjonijiet legali tagħha, sempliċement minħabba l-irtirar tar-Renju Unit tad‑29 ta’ Marzu 2017.

 Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti din ir-risposta għad-domandi rrinvijati lilha mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda):

F’sitwazzjoni fejn Stat Membru, skont l-Artikolu 50(2) TUE, ikun innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea, u b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, ikun ħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE) bil-ħsieb ta’ konsenja ta’ persuna rikjesta minn Stat Membru ieħor, il-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor meta jeżegwixxu l-MAE ma humiex affettwati bin-notifika ta’ rtirar imsemmija iktar ’il fuq.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid- Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Kwadru”).


3      Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999, imsemmija fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni Kwadru.


4      Stabbiliti mill-Irish Supreme Court (il-Qorti Suprema Irlandiża) f’Minister for Justice v Rettinger [2010] IESC 45.


5      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198).


6      Kawża C-191/18.


7      It-talba għal deċiżjoni preliminari saret permezz tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2018. KN, li nstab ħati, fir-Renju Unit, b’reati ta’ frodi fiskali u ġie kkundannat hemmhekk għal sentenza ta’ priġunerija, ħarab lejn l-Irlanda meta kien taħt ħelsien minn arrest taħt garanzija sakemm ingħatat is-sentenza. Sussegwentement, qorti tar-Renju Unit ħarġet MAE kontrih. Bħal fil-każ preżenti, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-implikazzjonijiet tal-Brexit humiex tali li jġegħluha tbiddel l-eżami legali tal-każ. Talba mill-qorti tar-rinviju sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, f’dak id-digriet ġie kkonstatat li l-fatt li r-Renju Unit jista’, fil-futur qrib, ma jibqax jifforma parti mill-Unjoni u, skont il-każ, ma jibqax ikun suġġett għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru, fih innifsu ma joħloqx sitwazzjoni ta’ urġenza għall-partijiet fil-kawża prinċipali. Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Mejju 2018, KN (C-191/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:383, punt 21).


8      Li jikkonformaw bis-sħiħ mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


9      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C-467/04, EU:C:2006:610, punt 44).


10      Ara l-Artikolu 267(2) TFUE. Ara wkoll l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AY (C-268/17, EU:C:2018:317, punti 25 u 26).


11      B’effett mis-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, EU:C:2007:261, punt 28).


12      Konkluża fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa. Ara l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. Test bl-Ingliż huwa disponibbli hawn: https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/024.


13      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 75); tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 25); u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C-452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 24).


14      Ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AY (C-268/17, EU:C:2018:317, punt 42).


15      Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, kif spjegat fil-punt 43 hawn taħt.


16      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov (C-388/08 PPU, EU:C:2008:669 punt 51), u tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C-261/09, EU:C:2010:683, punt 37).


17      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C-579/15, EU:C:2017:503, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Għal iktar dettalji, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża AY (C-268/17, EU:C:2018:317, punt 45 et seq.).


19      Il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru huma eżawrjenti, ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 36); tat‑28 ta’ Ġunju 2012, West (C-192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 55); u tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107, punt 38).


20      Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C-270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 51).


21      Mis-sentenza tal‑20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral (120/78, EU:C:1979:42, punt 14, imsejħa “Cassis de Dijon”).


22      Jidher li l-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża tal-kawżi tal-Qorti tal-Ġustizzja xi drabi jirreferu għal “kunfidenza reċiproka” minflok “fiduċja reċiproka”. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 77). Nifhem li dawn it-termini għandhom eżattament l-istess tifsira u jistgħu jintużaw b’mod interkambjabbli.


23      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C-270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 49).


24      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80), u tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107, punti 37 sa 63).


25      Ara wkoll Jeney, P., “The European Union’s Area of Freedom, Security and Justice without the United Kingdom: legal and practical consequences of Brexit”, ELTE Law Journal, 2016, p. 117 sa 137, p. 126 sa 127. Dan l-awtur ikompli jżid li l-MAE “wera wkoll li huwa l-iktar strument tar-rikonoxximent reċiproku problematiku”, peress li l-proporzjonalità tal-użu tiegħu, in-nuqqas ta’ garanziji ta’ drittijiet fundamentali u n-nuqqas ta’ raġunijiet ibbażati fuq id-drittijiet fundamentali għal rifjut jibqgħu kwistjonijiet rikorrenti ta’ tħassib fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tiegħu.


26      Ara Lenaerts, K., “La vie après l’avis: exploring the principle of mutual (yet not blind) trust”, Common Market Law Review 2017, Vol. 54, p. 805 sa 840, p. 806.


27      Ara l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191).


28      Sentenza tal‑5 ta’ April 2016 (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198). Fuq livell normattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Kwadru, li jgħid li dik id-deċiżjoni ma għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE, ara, b’mod partikolari l-punti 74 sa 83 et seq. kif ukoll il-motivi tas-sentenza. Ara wkoll is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, ML (Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Ungerija) (C‑220/18 PPU, EU:C:2018:589, punt 117); tal-25 ta’ Lulju 2018, LM (Nuqqasijiet fis-sistema tal-ġustizzja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 47, 59, 73 u 79); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev f’dik il-kawża (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:517, punti 5, 55, 59 u 121).


29      Din hija dispożizzjoni assoluta li ma hija possibbli ebda deroga minnha, ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 85 sa 86, b’referenza espressa għall-Artikolu 3 u l-Artikolu 15(2) tal-KEDB). Dan huwa essenzjali għall-istat tad-dritt.


30      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89). Barra minn sentenzi (nazzjonali jew internazzjonali, b’mod partikolari l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem), tali informazzjoni tista’ tinkiseb minn deċiżjonijiet, rapporti, u dokumenti oħra ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħal korp ewlieni li huwa l-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew Kastig Inuman jew Degradanti tal-Kunsill tal-Ewropa, li jamministra din il-konvenzjoni korrispondenti.


31      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 92).


32      B’hekk qajmet kwistjonijiet relatati mar-riskju li RO jista’ jkun suġġett għal trattament inuman u degradanti waqt id-detenzjoni jekk ikun ikkonsenjat, u għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja emittenti kienet ipprovdiet informazzjoni dwar kif kellu jiġi indirizzat dan ir-riskju. Nassumi li l-qorti tar-rinviju hija sodisfatta b’din l-informazzjoni, peress li ma rreferitx domanda separata dwar il-kwistjoni tal‑Artikolu 4 tal-Karta iżda tindirizza biss din il-kwistjoni b’mod inċidentali mad-domanda dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni.


33      Evidentement, kif indikat fl-Artikolu 50(1) TUE, skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu.


34      Ara wkoll Hillion, Chr., “Withdrawal under Article 50 TEU: an integration-friendly process”, Common Market Law Review, 2018, Vol. 55 Nru 2/3, p. 29 sa 56, p. 53.


35      Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skont l-Artikolu 218(3) TFUE. Ħafna aspetti legali li jikkonċernaw il-proċess attwali jibqgħu mhux ċari, ara pereżempju Łazowski, A., “Be Careful What You Wish for: Procedural Parameters of EU Withdrawal”, fi Closa, C. (editur), Secession from a Member State and Withdrawal from the European Union, Cambridge University Press, Cambridge, 2017, p. 234 sa 256, p. 241.


36      Hemm biss it-test ta’ abbozz ta’ ftehim, maħruġ mit-Task Force tal-Kummissjoni Ewropea għall-Preparazzjoni u t-Tmexxija tan-Negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 TUE. Dan intbagħat lis‑27 Stat Membru tal-Unjoni u lill-Grupp ta’ Tmexxija dwar Brexit tal-Parlament Ewropew, u ġie ppubblikat fuq is-sit elettroniku tat-Task Force fid‑19 ta’ Marzu 2018 sabiex “jenfasizza […] il-progress li sar fis-sensiela ta’ negozjati bejn is‑16 u t‑18 ta’ Marzu 2018” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-test bl-Ingliż huwa disponibbli hawn: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/draft_agreement_coloured.pdf. Huwa ċar li dan huwa dokument ta’ ħidma u rapport tal-progress li ġie ppubblikat għal raġunijiet ta’ trasparenza. Huwa suġġett ukoll għall-fatt li “xejn ma huwa miftiehem sakemm ma jkunx ġie miftiehem kollox.” Dawn iż-żewġ prinċipji huma stabbili bħala “prinċipji ewlenin” fil-punt 2 tal-“Linji Gwida wara n-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 TUE” (EUCO XT 20004/17), adottati mill-Kunsill Ewropew fid‑29 ta’ Arpil 2017 fuq il-bażi tal-Artikolu 50(2) TUE, disponibbli bl-Ingliż hawn: http://www.consilium.europa.eu/media/21763/29-euco-art50-guidelinesen.pdf.


37      Preżumibbilment, RO jibbaża r-raġunament tiegħu fuq l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Kwadru, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198).


38      Skont il-kliem ta’ RO.


39      Mill-Istat Membru inkwistjoni, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini tiegħu, għall-Unjoni tal-Istati Membri l-oħra bl-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini tagħhom, biex ma nsemmux ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu minn drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, irrispettivament mill-forma tagħhom.


40      Li jipprovaw joħolqu għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa (it-tlettax –il kunsiderazzjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni), li huma bbażati fuq valuri komuni (Artikolu 2 TUE) u li għandhom għadd ta’ objettivi (Artikolu 3 TUE – l-erba’ objettivi primarji huma l-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja; is-suq intern; l-unjoni ekonomika u monetarja; u l-preżenza esterna komuni) li jinkisbu minn firxa ta’ politiki enumerati fit-Trattat FUE.


41      Artikolu 2 TUE.


42      Ejjew nimmaġinaw li l-eżekuzzjoni tal-MAE fir-rigward ta’ RO ġiet eżegwita fit‑28 ta’ Marzu 2017. Fin-nuqqas ta’ notifika ta’ rtirar, il-qorti tar-rinviju kienet teżegwixxi l-MAE. Pero’ fir-rigward tas-sitwazzjoni wara l-konsenja, għall-individwu kkonċernat, is-sitwazzjoni ma tkunx differenti minn dik ta’ din il-kawża.


43      Anki jekk, bħal fil-kawża inkwistjoni, mhux intenzjonata, sa fejn huwa kkonċernat ir-Renju Unit.


44      F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 72).


45      Għandu jiġi enfasizzat li “teoretikament” hija wkoll il-fehma tal-qorti tar-rinviju.


46      Stat terz ieħor, nazzarda nispeċifika, peress li RO qiegħed jirreferi għall-perijodu ta’ wara d‑29 ta’ Marzu 2019.


47      La għandi l-intenzjoni li nippretendi li jien ħloqt din l-espressjoni u lanqas ma għandi l-intenzjoni li nattribwixxi l-istess tifsira lilha kif qiegħed isir abitwalment, hekk kif ser jidher f’dan il-passaġġ.


48      U madankollu, skont kif ikun il-każ taħt id-dritt kriminali nazzjonali, l-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti (f’dan il-każ ir-Renju Unit), fl-evalwazzjoni tagħhom wara l-konsenja, jistgħu jkunu mġiegħla japplikaw, f’każ speċifiku, id-dispożizzjonijiet (skont id-Deċiżjoni Kwadru jew id-dritt nazzjonali) li jkunu l-iktar favorevoli għall-persuna kkonsenjata.


49      Madankollu, għandu jiġi indikat li skont il-klawżola 2(1) tal-European Union (Withdrawal) Act 2018 (l-Att tal‑2018 dwar l-Irtirar mill-Unjoni Ewropea), li rċieva approvazzjoni rjali fis‑26 ta’ Ġunju 2018, “liġi nazzjonali dderivata mill-Unjoni, li għandha effett fid-dritt nazzjonali immedjatament qabel il-jum tal-irtirar, jibqa’ jkollha effett fid-dritt nazzjonali fil-jum tal-irtirar u sussegwentement.” Enfasi miżjuda minni. It-test tal-Att tal-2018 dwar l-Irtirar mill-Unjoni Ewropea huwa disponibbli hawn: http://www.legislation.gov.uk/ukpga/2018/16/pdfs/ukpga_20180016_en.pdf.


50      Ara l-Artikolu 53 TUE.


51      Ovvjament, dan ma jfissirx li r-realtà tar-relazzjoni ġuridika wara l-Brexit bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, irrispettivament mill-forma tagħha, fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, li jifforma parti mid-Deċiżjoni Kwadru, mhux ser tkun kumplessa, ara f’dan ir-rigward Mitsilegas, V., “Cross-border criminal cooperation after Brexit”, f’Dougan, M. (editur), The UK after Brexit. Legal and policy challenges, intersentia, Cambridge, Antwerp, Portland 2017, p. 203 sa 221, p. 217.


52      Il-fiduċja reċiproka hija ġeneralment – u ġustament – meqjusa bħala parti mid-DNA tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ara Labayle, H., “Faut-il faire confiance à la confidence mutuelle”, f’Lenaerts, K. (editur), Liber Amicorum Antonio Tizzano, De la Cour CECA à la Cour de l’Union: le long parcours de la justice européenne, G. Giappichelli Editore, Turin 2018, p. 472 sa 485, p. 479.


53      Pjuttost bil-kontra. Fin-notifika tal-irtirar tar-Renju Unit tad‑29 ta’ Marzu 2017, il-Prim Ministru, fl-ittra tagħha lill-President tal-Kunsill Ewropew, enfasizzat li tixtieq li jkun hemm “relazzjoni profonda u speċjali” bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-irtirar tiegħu. Hija żiedet tgħid li “aħna rridu niżguraw li l-Ewropa tibqa’ b’saħħitha u prospera u li tkun kapaċi tippromwovi l-valuri tagħha, li tmexxi fid-dinja u li tiddefendi ruħha mit-theddid għas-sigurtà. Aħna rridu li r-Renju Unit, permezz ta’ relazzjoni profonda u speċjali ma’ Unjoni b’saħħitha, iwettaq il-parti sħiħa tiegħu biex jilħaq dawk l-għanijiet.” Enfasi miżjuda minni. Barra minn hekk, hija speċifikament enfasizzat li l-Unjoni u r-Renju Unit “għandhom ikomplu jaħdmu flimkien sabiex javvanzaw u jipproteġu l-valuri Ewropej tagħna. Forsi issa iktar minn qatt qabel, id-dinja għandha bzonn il-valuri liberali u demokratiċi tal-Ewropa.” L-ittra li fiha n-notifika tal-irtirar hija disponibbli hawn: https://assets.publishing.service.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/604079/Prime_Ministers_letter_to_European_Council_President_Donald_Tusk.pdf. Minn mindu saret in-notifika tal-irtirar, ma jistax jingħad li l-pożizzjoni tar-Renju Unit inbidlet f’dan ir-rigward.


54      Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rappreżentant tar-Renju Unit ħa ħsieb ifakkar lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-Renju Unit huwa membru fundatur tal-Kunsill tal-Ewropa u li kien wieħed mill-ewwel stati li rratifikaw l-KEDB. Nazzarda nżid li filwaqt li l-ex Segretarju tal-Istat għall-Intern tar-Renju Unit fi żmien reċenti daqs l‑2016 appella sabiex ir-Renju Unit joħroġ mill-KEDB (ara https://www.bbc.co.uk/news/uk-politics-eu-referendum-36128318 u https://www.theguardian.com/politics/2016/apr/25/uk-must-leave-european-convention-on-human-rights-theresa-may-eu-referendum), il-politika attwali tal-gvern ma tidhirx li tapprova tali pożizzjoni (ara https://www.thetimes.co.uk/article/uk-would-not-leave-human-rights-court-if-conservatives-re-elected-3rpblw9zp).


55      Li, kif jidher hawn fuq fil-kuntest legali, ittraspona d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru fid-dritt tar-Renju Unit.


56      Ara l-Klawżola 2(1) tal-Att tal‑2018 dwar L-Irtirar tal-Unjoni Ewropea. Din il-klawżola għandha manifestament titqies fil-kuntest u hija suġġetta għall-klawżoli l-oħra kollha ta’ dak l-att (dwar kwistjonijiet bħalma huma s-supremazija, l-istatus u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ser jinżamm u l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, biex insemmi ftit eżempji).


57      Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. It-test bl-Ingliż huwa disponibbli hawn: https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/024.


58      L-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni.


59      L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. Ma rridx iżda niċħad li din il-konvenzjoni tista’ tkun konsiderevolment inqas effettiva mid-Deċiżjoni Kwadru (ara, fir-rigward ta’ Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa b’mod ġenerali, Davidson, R., “Brexit and criminal justice: the future of the UK’s cooperation relationship with the EU”, in Criminal Law Review 2017, p. 379 sa 395, p. 385). Madankollu, dan huwa inerenti fil-proċess tal-irtirar, għaliex huwa manifest li dik il-konvenzjoni bħala strument tad-dritt internazzjonali pubbliku ma għandhiex l-effetti li jkollu att tad-dritt tal-Unjoni.


60      Sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov (C-388/08 PPU, EU:C:2008:669), u tat-28 ta’ Ġunju 2012, West (C-192/12 PPU, EU:C:2012:404).


61      Fid-dritt tal-Unjoni, il-konsenja skont id-Deċiżjoni Kwadru tirreferi għal sitwazzjoni bejn żewġ Stati Membri, filwaqt li l-estradizzjoni b’mod ġenerali tirreferi għal sitwazzjoni bejn Stat Membru u Stat terz. Madankollu, meta Stati terzi jkunu relatati mill-qrib mal-Unjoni, bħal fil-każ tal-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, it-terminu użat huwa l-“proċeduri ta’ konsenja”. Ara pereżempju l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja, ĠU 2006 L 292, p. 2. Dan il-ftehim għadu ma daħalx fis-seħħ (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


62      Sentenza tal‑5 ta’ April 2016 (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198).


63      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C-182/15, EU:C:2016:630, punti 56 sa 58).


64      Għal xenarji possibbli fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja wara l-Brexit, ara Curtin, D., “Brexit and the EU Area of Freedom, Security”, f’Fabbrini. F., The law and politics of Brexit, OUP, Oxford, 2017, p. 183 sa 200, p. 186 sa 187, u Weyembergh, A., “Consequences of Brexit for European criminal law”, New Journal of European Criminal Law, 2017, p. 284 sa 299, p. 295 u 296. Dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari mir-Renju Unit, ara Knaier, R., u Scholz, M., “Rechtsschutz in Großbritannien und der EU nach dem “Brexit””, Europäisches Wirtschafts und Steuerrecht, 2018, p. 10 sa 17, p. 15 u 16. Rigward ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit b’mod ġenerali, ara Fennelly, N. “Brexit: legal consequences for the EU. Dispute settling between the EU and the UK”, 18, ERA Forum, 2018, p. 493 sa 511.


65      Artikolu 31(a) u (b) u Artikolu 34(2)(b).


66      Is-sistema ġuridika ta’ “Amsterdam” kienet applikabbli bejn l‑1 ta’ Mejju 1999 u l‑31 ta’ Jannar 2003. Għal ħarsa fil-qosor fuq din is-sistema ara Peers, S., EU Justice and Home Affairs Law (Volume II: EU Criminal Law, Policing, and Civil Law), ir-raba’ edizzjoni, OUP, Oxford, 2016, p. 14 sa 22.


67      Ara l-ex Artikolu 35(2) TUE: “Permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula fil-mument tal-firma tat-Trattat ta’ Amsterdam jew fi kwalunkwe żmien ieħor, kull Stat Membru għandu jkun jista’ jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari indikati f’paragrafu 1” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll l-ex Artikolu 35(3) TUE, li jgħid li tali dikjarazzjoni kellha tispeċifika jekk humiex biss il-qrati tal-aħħar istanza jew il-qrati kollha li jistgħu jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.


68      Ara, a contrario, il-lista prevista fil-ĠU 2010 L 56, p. 14. Fil-fatt, matul is-snin minn meta daħal fis-seħħ, dsatax-il Stat Membru għamel dikjarazzjoni: tnax mill-(ħmistax-il Amsterdam) Stat Membru ta’ dak iż-żmien (kollha ħlief r-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka) u sebgħa minn tnax-il Stat Membru li ssieħbu fl-Unjoni fl‑2004 u fl‑2007 (minbarra l-Estonja, il-Polonja, is-Slovakkja, il-Bulgarija u Malta). Ara wkoll, Grzelak, A., “Aspekty prawne jurysdykcji Trybunału Sprawiedliwości WE do orzekania w trybie prejudycjalnym w III filarze UE (interpretacja art. 35 ust. 1-4 TUE)”, fi Barcz, J., Gajda, A., Grzelak, A., u Ostropolski, T., (edituri), Postępowanie prejudycjalne w Przestrzeni Wolności, Bezpieczeństwa i Sprawiedliwości Unii Europejskiej, LexisNexis, Warsaw 2007, p. 19 sa 42, p. 29.


69      Lanqas matul il-ħames snin li segwew id-dħul fis-seħħ ta’ dak it-trattat, ara l-punt 76 ta’ din l-Opinjoni.


70      Fl-1 ta’ Diċembru 2009.


71      Bħala riżultat tal-Artikolu 10(1) tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tiġi rregolata permezz tal-ex Artikolu 35 TUE sat‑30 ta’ Novembru 2014. Ara f’iktar dettall, Lenaerts, K. “The contribution of the European Court of Justice to the area of freedom, security and justice”, International and Comparative Law Quaterly 2010, Vol. 59, p. 255 sa 301, p. 269 sa 270. Fir-rigward tar-Renju Unit, is-sitwazzjoni hija rregolata mill-Artikolu 10(4) u (5) tal-Protokoll Nru 36. B’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Renju Unit eżerċita l-għażla tiegħu ta’ rifjut u, b’ittra tal-24 ta’ Lulju 2013, innotifika lill-President tal-Kunsill li ma kienx ser jaċċetta l-poteri tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fil-qasam kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (ara dokument tal-Kunsill 12750/13, “Notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36 għat-Trattati UE u FUE”, 26 ta’ Lulju 2013). Sussegwentement, ir-Renju Unit innotifika l-parteċipazzjoni tiegħu għal 35 miżura li fir-rigward tagħhom huwa kien eżerċita l-għażla tiegħu ta’ rifjut: ara dokument tal-Kunsill 15398/14, “Notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 10(5) tal-Protokoll Nru 36 għat-Trattati UE, 27 ta’ Novembru 2014, u Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/857/UE tal-1 ta’ Diċembru 2014 dwar in-notifika tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jinsabu fl-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u li temenda d-Deċiżjonijiet 2000/365/KE u 2004/926/KE (ĠU 2014, L 345, p. 1). Id-Deċiżjoni Kwadru hija waħda minn dawn il-miżuri. Konsegwentement, mill-1 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżamina r-rinviji għal deċiżjoni preliminari tar-Renju Unit dwar id-Deċiżjoni Kwadru. Dwar il-proċedura pjuttost kumplessa tal-parteċipazzjoni selettiva, ara Mitsilegas, V., “European criminal law after Brexit”, 28 Criminal Law Forum, 2017, p. 219 sa 250, b’mod partikolari p. 224 sa 226, u Ambos, K., “Brexit und Europäisches Strafrecht”, Juristenzeitung 14/2017, p. 707 sa 713, b’mod partikolari p. 710.


72      Dwar il-kostituzzjonalizzazzjoni mwettqa t-Trattat ta’ Lisbona, ara Mitsilegas, V., EU criminal law after Lisbon, Hart Publishing, Oxford and Portland, Oregon, 2016, p. 4 sa 52.


73      Bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, bħall-Artikolu 86 TFUE dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jew l-Artikolu 87(3) TFUE dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija operazzjonali.


74      Bl-eċċezzjoni tal-limitazzjoni tal-Artikolu 276 TFUE, li madankollu ma hijiex rilevanti hawnhekk.


75      Kemm fil-kuntest tad-dritt primarju (pereżempju it-Trattati ta’ adeżjoni) kif ukoll tad-dritt sekondarju (l-eżempju kardinali huwa t-traspożizzjoni ta’ direttivi skont l-Artikolu 288(2) TFUE).


76      Ara, fil-kuntest speċifiku tal-Brexit, Dougan, M., “An airbag for the crash test dummies? EU-UK negotiations for a post-withdrawal “status quo” transitional regime under Article 50 TEU”, Common Market Law Review 2018, Vol. 55, Nru 2/3, p. 57 sa 100, p. 83


77      Dwar perijodi ta’ tranżizzjoni fid-dritt tal-Unjoni, ara Kalėda, S. L., Przejęcie prawa wspólnotowego przez nowe państwo członkowskie. Zagadnienia przejściowe oraz międzyczasowe, Prawo i Praktyka Gospodarcza, Warsaw, 2003, p. 237 sa 240.


78      Ara Müller-Graff, P.-Chr., “Brexit – die unionsrechtliche Dimension”, fi Kramme, M., Baldus, Chr., Schmidt-Kessel, M., (edituri), Brexit und die juristischen Folgen, Nomos, Baden-Baden, 2017, p. 33 sa 56, p. 33.


79      Għadd ta’ xenarji huma prevedibbli f’dan ir-rigward, pereżempju dak ta’ Ftehim speċjali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, bħall-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, approvat f’isem l-Unjoni, l-ewwel nett, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2006 (ĠU 2006 L 292, p. 1) u, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li kien jeħtieġ approvazzjoni oħra, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2014 (ĠU 2014 L 343, p. 1). Madankollu, sa fejn naf jien, dan il-ftehim sa issa għadu ma daħalx fis-seħħ. Dwar xenarji oħra possibbli, ara House of Lords, Brexit: future UK-EU Security and Police Cooperation, Report, punti 124 sa 140, ippubblikati fis-16 ta’ Diċembru 2016, disponibbli hawn: https://publications.parliament.uk/pa/ld201617/ldselect/ldeucom/77/77.pdf.


80      Dawn il-kliem għandhom jiġu interpretati bħala rikonoxximent lill-mejjet Lord Denning li afferma, f’HP Bulmer Ltd & Anor v. J. Bollinger SA & Ors [1974] EWCA Civ 14, li “meta niġu għal kwistjonijiet b’element Ewropew, it-Trattat huwa bħal marea li tavviċina. Tiċċirkola fl-estwarji u ’l fuq mix-xmajjar. Ma tistax tinżamm.” Disponibbli hawnhekk: http://www.bailii.org/cgi-bin/markup.cgi?doc=/ew/cases/EWCA/Civ/1974/14.htm.


81      Ara Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), chambre criminelle (Awla Kriminali), sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Pourvoi Nru 18-82167, disponibbli hawnhekk: https://www.legifrance.gouv.fr/affichJuriJudi.do?oldAction=rechExpJuriJudi&idTexte=JURITEXT000036900182&fastReqId=1561028715&fastPos=1