Language of document : ECLI:EU:F:2010:89

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

14 ta’ Lulju 2010

Kawża F-41/10 R

Moises Bermejo Garde

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Assenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA, kif ukoll skont l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M. Bermejo Garde jitlob is-sospensjoni, b’mod partikolari, tad-deċiżjoni tal-President tal-KESE, tat-13 ta’ April 2010, li tordna t-trasferiment tiegħu, mis-6 ta’ April 2010, bħala kap ta’ diviżjoni fid-direttorat tal-loġistika tal-KESE.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 39 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Interess tar-rikorrent li jikseb is-sospensjoni mitluba — Deċiżjoni amministrattiva negattiva

(Artikolu 278 TFUE)

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Ġurisdizzjoni tal-Imħallef għall-miżuri provviżorji — Għoti ta’ ordnijiet ta’ natura provviżorja

(Artikolu 279 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 39)

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment

(Artikolu 278 TFUE)

1.      Skont, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 278 TFUE, 279 TFUE u 157 KEEA, u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 39 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz tal-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-imsemmi statut, l-imsemmi Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu dan, jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jew jordna miżuri provviżorji oħra. Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet dwar il-miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie (fumus boni juris) l-għoti tal-miżuri mitluba. Il-kundizzjonijiet relatati mal-urġenza u mal-fumus boni juris huma kumulattivi, b’mod li talba ta’ miżuri provviżorju għandha tiġi miċħuda meta waħda mill-kundizzjonijiet tkun nieqsa. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġenerali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jibqa’ ħieles li jiddetermina, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod kif dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li l-ebda regola ta’ dritt ma timponilu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex jevalwa n-neċessità li jiddeċiedi b’mod provviżorju.

(ara l-punti 19 sa 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑783, punti 12 u 13; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06, Ġabra SP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑93, punti 20 u 22

2.      L-għan tal-proċeduri għal miżura provviżorja ma huwiex li jiġi żgurat it-tqassim ta’ dannu, imma li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, hemm bżonn li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li jiġu deċiżi u li jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija dik il-parti li titlob l-għoti ta’ miżuri provviżorji li għandha ġġib il-prova li ma tistax tistenna l-eżitu tal-kawża prinċipali mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip. F’dan ir-rigward, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jieħu inkunsiderazzjoni dannu gravi u irreparabbli allegat biss sa fejn huwa suxxettibbli li dan jiġi kkawżat lill-interessi tal-parti li titlob il-miżura provviżorja.

(ara l-punti 25, 28 u 85)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, C‑65/99, Ġabra p. I‑1857, punt 62; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99, ĠabraSP p. I‑A‑155 u II‑811, punt 25; 21 ta’ Mejju 2001, Schaefer vs Il‑Kummissjoni, T‑52/01, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑543, punt 47; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1555, punt 27

3.      Bħala regola, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ma tistax issir fil-konfront ta’ deċiżjoni amministrattiva negattiva peress li tali sospensjoni ma jistax ikollha l-effett li tbiddel il-pożizzjoni tar-rikorrent. Għaldaqstant, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att negattiv tista’ tiġi kkunsidrata meta deċiżjoni negattiva tirrifjuta li żżomm is-sitwazzjoni attwali tar-rikorrent, li twassal għalhekk għall-bidla ta’ din il-pożizzjoni. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni negattiva li ma twassal għall-ebda bidla tal-pożizzjoni tar-rikorrent ma tistax tkun is-suġġett ta’ tali sospensjoni.

(ara l-punti 38, 40 u 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Marzu 1988, La Terza vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, 76/88 R, Ġabra p. 1741, punt 18; 30 ta’ April 1997, Moccia Irme vs Il‑Kummissjoni, C‑89/97 P(R), Ġabra p. I‑2327, punt 45

4.      L-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jirrikorri għal diversi forom ta’ intervent sabiex jaffronta l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull każ konkret, jiġifieri mhux biss miżuri, sa fejn ma jippreġudikawx bl-ebda mod id-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi l-kawża prinċipali, iżda wkoll għal sempliċi invit sabiex id-dispożizzjonijiet eżistenti jiġu osservati, fejn tali invit jista’ jikkostitwixxi strument xieraq, li jikkorrispondi għall-prinċipji li jirregolaw il-proċeduri għal miżuri provviżorji, u li jista’ jiżgura provviżorjament protezzjoni xierqa tad-drittijiet tar-rikorrent.

(ara l-punt 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il‑Kummissjoni, T‑203/95, Ġabra p. II‑2919, punti 25, 43 u 44

5.      Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet li ġew fdati lilhom u, b’mod parallel, fl-assenjazzjoni tal-persunal tagħhom, deċiżjoni ta’ trasferiment, anki jekk toħloq inkonvenjent lill-uffiċjali inkwistjoni, ma tikkostitwix avveniment anormali u imprevedibbli fil-karriera tagħhom. F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss b’ċirkustanzi imperattivi u eċċezzjonali li jistgħu jikkawżaw lill-uffiċjal inkwistjoni dannu gravi u irreparabbli.

(ara l-punt 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Lulju 1996, Presle vs Cedefop, T‑93/96, ĠabraSP p. I‑A‑369 u II‑1093, punt 45