Language of document : ECLI:EU:F:2010:135

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

28 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-96/08

Maria Concetta Cerafogli

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal tal-BĊE — Remunerazzjoni — Żieda supplimentari tas-salarju — Promozzjoni ad personam — Konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal sabiex jiġu stabbiliti l-kriterji għall-għoti taż-żidiet supplimentari tas-salarju”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu M. C. Cerafogli qiegħda essenzjalment titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE li tirrifjuta li tagħtiha, għas-sena 2008, żieda supplimentari tas-salarju u promozzjoni ad personam.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni li permezz tagħha l-BĊE rrifjuta li jagħti lir-rikorrenti, għas-sena 2008, żieda supplimentari tas-salarju hija annullata. Il-BĊE huwa kkundannat iħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 3 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-BĊE huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Konsultazzjoni obbligatorja — Portata

(Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 45 u 46)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Konsultazzjoni obbligatorja — Portata — Raġuni essenzjali

(Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 46)

3.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Dannu morali li jista’ jiġi separat mill-illegalità u li ma jistax jiġi rrimedjat kompletament bl-annullament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)      

1.      L-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jillimitax l-obbligu li jiġi kkonsultat il-Kumitat tal-Persunal għas-sitwazzjoni fejn jiġu emendati “atti ta’ natura leġiżlattiva” iżda jimponi dan l-obbligu fir-rigward ta’ kull att li jikkonċerna, minbarra l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol stess, “kwistjonijiet” li jikkonċernaw din il-leġiżlazzjoni u li jkunu marbuta ma’ wieħed mill-oqsma msemmija fl-Artikolu 45 tal-istess Kondizzjonijiet tal-impjieg, inkluża r-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal.

Fid-dawl tan-natura u tal-portata tiegħu, dokument ta’ gwida, adottat mill-amministrazzjoni, li jistabbilixxi l-kriterji preċiżi dwar l-għoti taż-żidiet supplimentari tas-salarju għall-membri tal-persunal jikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali li jikkonċerna r-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal u għalhekk jaqa’ taħt l-obbligu ta’ konsultazzjoni li jirriżulta mill-Artikoli 45 u 46 tal-istess Kondizzjonijiet tal-impjieg. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu, taħt piena ta’ illegalità, li l-Bank Ċentrali Ewropew jikkonsulta l-Kumitat tal-Persunal qabel l-adozzjoni tad-dokument imsemmi.

(ara l-punti 47 u 51 sa 53)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Novembru 2003, Cerafogli u Poloni vs BĊE, T‑63/02, Ġabra p. II‑4929, punt 21

2.      Il-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal, skont l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, timplika biss sempliċi dritt għal smigħ. Għaldaqstant, hawnhekk hija involuta forma ta’ parteċipazzjoni limitata ħafna fit-teħid ta’ deċiżjoni, sa fejn din il-parteċipazzjoni f’ebda każ ma timplika l-obbligu għall-amministrazzjoni li tirreaġixxi għall-osservazzjonijiet ifformulati mill-Kumitat tal-Persunal fil-kuntest tal-konsultazzjoni miegħu. B’dan premess, l-amministrazzjoni għandha tosserva l-obbligu ta’ konsultazzjoni kull meta l-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal tkun ta’ natura li tkun tista’ teżerċita influwenza fuq il-kontenut tal-att li jkun ser jiġi adottat għaliex inkella tkun qiegħda tippreġudika l-effettività tal-obbligu ta’ konsultazzjoni.

Barra minn hekk, il-portata tal-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal, kif stabbilit mil-leġiżlatur, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan l-obbligu. Minn naħa, din il-konsultazzjoni hija intiża sabiex toffri lill-membri kollha tal-persunal, permezz tal-intervent ta’ dan il-kumitat bħala r-rappreżentant tal-interessi komuni tagħhom, il-possibbiltà li jinstemgħu qabel l-adozzjoni jew l-emenda ta’ atti ta’ portata ġenerali li jikkonċernawhom. Min-naħa l-oħra, l-osservanza ta’ dan l-obbligu hija fl-interess kemm tad-diversi membri tal-persunal kif ukoll fl-interess tal-amministrazzjoni, sa fejn tali obbligu huwa ta’ natura li jillimita sitwazzjoni fejn kull membru tal-persunal iqajjem, permezz ta’ proċedura amministrattiva individwali, l-eżistenza ta’ eventwali żbalji. Għal din ir-raġuni wkoll, tali konsultazzjoni, ta’ natura li tevita l-introduzzjoni ta’ serje ta’ talbiet individwali li jikkonċernaw l-istess ilment, taqdi wkoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

(ara l-punti 49 u 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra p. II‑813, punt 90

3.      L-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu rimedju adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali li jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha jkun ibbażat l-annullament u li ma huwiex ta’ natura li jkun jista’ jiġi rrimedjat kompletament permezz ta’ dan l-annullament.

(ara l-punt 75)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑2‑129 u II‑A‑2‑609, punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata