Language of document : ECLI:EU:F:2010:136

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

28 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-6/09

Soukaïna Fares

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Klassifikazzjoni fi grad — Teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Fares, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni, titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li tikklassifikaha fil-grad 8 tal-grupp tal-funzjoni III tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, kif din id-deċiżjoni tirriżulta mill-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tat-28 ta’ Marzu 2008.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha S. Fares ġiet ikklassifikata fil-grad 8 tal-grupp tal-funzjoni III tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, kif din id-deċiżjoni tirriżulta mill-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tar-rikorrenti tat-28 ta’ Marzu 2008, hija annullata. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad — Teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali — Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 86(1))

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad — Teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 86(1); Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni, Artikolu 7(3))

1.      L-eżerċizzju mill-istituzzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fir-rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali għandu jsir fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli u għandu jkun ħieles minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-verifika ta’ jekk l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ ma għamlitx żball ta’ liġi u ma eżerċitatx il-marġni ta’ diskrezzjoni b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 39 u 40)

2.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk esperjenza professjonali miksuba minn qabel minn membru tal-persunal bil-kuntratt tistax tiġi rikonoxxuta għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni fi grad tiegħu, l-Artikolu 7(3) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt mal-Kummissjoni jimplika mhux biss stħarriġ tad-deskrizzjoni tal-verifika tal-impjieg li minn qabel kellu l-membru tal-persunal bil-kuntratt, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, eżami fil-konkret tal-kompiti mwettqa mill-membru tal-persunal f’dan l-impjieg, sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ kwalifiki li dawn il-kompiti effettivament implementati jirrikjedu. Fi kliem ieħor, jekk, fil-prattika, f’ħafna mill-każijiet, huwiex biżżejjed li jiġi stabbilit abbażi tad-deskrizzjoni ta’ impjieg jekk esperjenza professjonali tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-klassifika ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li teżamina r-realtà konkreta tal-kompiti li qabel kienu mwettqa mill-persuna kkonċernata, meta din il-persuna tipproduċi elementi plawżibbli li jindikaw li l-kompiti li hija kienet twettaq fil-prattika ma jikkorrispondux għad-deskrizzjoni formali tal-impjieg tagħha.

(ara l-punt 63)