Language of document : ECLI:EU:F:2010:134

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

28 ta’ Ottubru 2010

Kawża F-84/08

Maria Concetta Cerafogli

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Rikors għad-danni intiż għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta direttament mill-allegata illegalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-regoli applikabbli għall-persunal — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Inammissibbiltà — Eżenzjoni mis-servizz minħabba rappreżentanza tal-persunal — Nuqqas ta’ adattament tal-ammont tax-xogħol — Żball”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat KE, li permezz tiegħu M. C. Cerafogli titlob li l-BĊE jiġi kkundannat iħallasha kumpens għad-dannu li hija tallega li subiet minħabba, prinċipalment, ir-rifjut tal-BĊE li jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet sindakali għandhom rwol effettiv, id-diskriminazzjoni li hija subiet minħabba, b’mod partikolari, li kienet tifforma parti mill-Kumitat tal-Persunal, u n-nuqqas ta’ adattament tal-ammont tax-xogħol tagħha sabiex titqies l-eżenzjoni mis-servizz tagħha minħabba rappreżentanza tal-persunal.

Deċiżjoni: Il-BĊE huwa kkundannat iħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 5 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-BĊE huwa kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu, terz tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikorsi — Rikors kontra att ta’ portata ġenerali — Inammissibbiltà

(Artikolu 270 TFUE; Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 36.2; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90; Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 41 u 42)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rikorsi — Rikors għal annullament li ma ġiex ippreżentat fit-termini — Rikors għad-danni intiż għal riżultat identiku — Inammissibbiltà

(Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 36.2; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 42)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew —Rikorsi — Talba għad-danni marbuta direttament ma’ rikors għal annullament

(Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 41 u 42 ; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 8.1 sa 8.3.2)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew — Rappreżentanza — Protezzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal

1.      Mill-Artikoli 41 u 42 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew jirriżulta li, bħall-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tar-rikorsi fil-qasam tas-servizz pubbliku ppreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ rikorsi li jaqgħu taħt l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew biss sa fejn dawn jikkonċernaw atti individwali. Min-naħa l-oħra, dawn jistgħu jiddeċiedu fir-rigward ta’ rikorsi li jikkonċernaw atti ta’ portata ġenerali, bħall-Kondizzjonijiet tal-impjieg jew ir-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, biss jekk dawn ir-rikorsi huma intiżi għall-annullament ta’ dawn l-atti jew jekk dawn huma intiżi sabiex il-Bank Ċentrali Ewropew jiġi kkundannat jikkumpensa d-danni li jirriżultaw direttament mill-illegalità ta’ dawn l-atti.

(ara l-punt 45)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Diċembru 2001, Cerafogli et vs BĊE, T‑20/01, ĠabraSP p. I‑A‑235 u II‑1075, punt 35

2.      B’analoġija, għandha tiġi applikata fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati minn membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll skont l-Artikolu 42 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-ġurisprudenza dwar ir-Regolamenti tal-Persunal li skontha talba għad-danni ma hijiex ammissibbli meta l-uffiċjal jipprova jikseb riżultat identiku għal dak li kien jikseb li kieku ġie milqugħ rikors għal annullament li huwa naqas milli jippreżenta fi żmien xieraq. Uffiċjal li naqas milli jippreżenta, fit-termini stabbiliti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għal annullament kontra att li allegatament jikkawżalu preġudizzju ma jistax, permezz ta’ talba għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn dan l-att, jirrimedja din l-ommissjoni u għaldaqstant jikseb termini ġodda għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punt 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il‑Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 32; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Lulju 1993, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑20/92, Ġabra p. II‑799, punt 46; 28 ta’ Ġunju 2005, Ross vs Il‑Kummissjoni, T‑147/04, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑771, punt 48

3.      Għalkemm, skont l-Artikolu 8.2 tar-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, membru tal-persunal tal-Bank jista’ jippreżenta azzjoni ġudizzjarja biss wara li tkun intemmet il-proċedura prekontenzjuża, li tinvolvi żewġ stadji, jiġifieri talba għal eżami prekontenzjuż u sussegwentement ilment li għandu jitressaq qabel, ebda dispożizzjoni tal-Artikoli 41 u 42 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew u lanqas ebda dispożizzjoni tal-Artikoli 8.1 sa 8.3.2 tar-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew ma timponi proċedura speċifika ta’ talba, qabel dawn iż-żewġ stadji, fil-każ li ebda deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata ma tkun ittieħdet preċedentement mill-Bank.

Minn dan jirriżulta li talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament hija ammissibbli anki jekk ir-rikorrent, qabel ma jkun ressaq it-talba tiegħu għal eżami prekontenzjuż, ma jkunx ressaq quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew talba intiża għall-kumpens ta’ dan id-dannu.

(ara l-punti 54 u 55)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Settembru 2009, Vinci vs BĊE, F‑130/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑307 u II‑A‑1‑1651, punt 51

4.      Billi ma jadattax l-ammont tax-xogħol ta’ membru tal-persunal tiegħu sabiex iqis l-eżenzjoni mis-servizz mogħtija lilu sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu ta’ rappreżentanza tal-persunal, li jista’ jimpedixxih milli jwettaq f’kundizzjonijiet kompletament sodisfaċenti dawn il-funzjonijiet, il-Bank Ċentrali Ewropew iwettaq żball li jwassal għar-responsabbiltà tiegħu.

(ara l-punt 58)