Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta' Frar 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Handelsgericht Wien - l-Awstrija) - Martin Luksan vs Petrus van der Let

(Kawża C-277/10) 

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Approssimazzjoni tal-liġijiet - Proprjetà intellettwali - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Direttivi 93/83/KEE, 2001/29/KE, 2006/115/KE u 2006/116/KE - Taqsim tad-drittijiet ta' użu ta' xogħol ċinematografiku, permezz ta' kuntratt, bejn id-direttur prinċipali u l-produttur tax-xogħol - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti dawn id-drittijiet, esklużivament u ipso iure, lill-produttur tal-film - Possibbiltà ta' deroga minn din ir-regola permezz ta' ftehim bejn il-partijiet - Drittijiet sussegwenti għal remunerazzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Handelsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Martin Luksan

Konvenut: Petrus van der Let

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Handelsgericht Wien - Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2), (5) u (6) kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta' Novembru 1992, dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120), tal-Artikoli 1(5) u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta' Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134), tal-Artikoli 2, 3 u 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), kif ukoll tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (ĠU L 372, p. 12) - Taqsim tad-drittijiet ta' użu ta' xogħol ċinematografiku, permezz ta' kuntratt, bejn l-awtur u l-produttur tax-xogħol - Liġi nazzjonali li tagħti dawn id-drittijiet kollha lill-produttur

Dispożittiv

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta' Settembru 1993, dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable, minn naħa, u tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, flimkien mal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Diċembru 2006, dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Diċembru 2006, dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet ta' użu ta' xogħol ċinematografiku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (dritt ta' riproduzzjoni, dritt ta' xandir permezz tas-satellita u kull dritt ieħor ta' komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta' tqegħid għad-dispożizzjoni) jappartjenu ipso iure, direttament u primarjament, lid-direttur prinċipali. Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti, ipso iure u esklużivament, l-imsemmija drittijiet ta' użu lill-produttur tax-xogħol inkwistjoni.

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jistabbilixxu preżunzjoni ta' ċessjoni, favur il-produttur tax-xogħol ċinematografiku, tad-drittijiet ta' użu tax-xogħol ċinematografiku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (dritt ta' xandir permezz tas-satellita, dritt ta' riproduzzjoni u kull dritt ieħor ta' komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta' tqegħid għad-dispożizzjoni), sakemm din il-preżunzjoni ma jkollhiex natura li ma tistax tiġi kkontestata li teskludi l-possibbiltà għad-direttur prinċipali tal-imsemmi xogħol li jasal għal ftehim differenti.

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala awtur tax-xogħol ċinematografiku, id-direttur prinċipali tiegħu għandu jibbenefika, ipso iure, direttament u primarjament mid-dritt għall-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 bis-saħħa tal-eċċezzjoni ta' kopja privata.

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jagħtix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu preżunzjoni ta' ċessjoni, favur il-produttur tax-xogħol ċinematografiku, tad-dritt għal kumpens ġust tad-direttur prinċipali tal-imsemmi xogħol, kemm jekk tali preżunzjoni tiġi fformulata b'mod li ma tistax tiġi kkontestata, u kemm jekk ikun hemm eċċezzjonijiet għaliha.

____________

1 - ĠU C 246, 11.09.2010.