Language of document : ECLI:EU:F:2010:120

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

30 ta’ Settembru 2010

Kawża F-29/09

Giorgio Lebedef u Trevor Jones

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 9 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Koeffiċjent ta’ korrezzjoni — Ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Lebedef u T. Jones jitolbu l-annullament ta’ allegata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li l-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali assenjati fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) tinġieb f’livell ekwivalenti għal dak tal-uffiċjali fi Brussell (il-Belġju) u, sussidjarjament, l-annullament tar-rendikonti ta’ remunerazzjoni tagħhom mix-xahar ta’ Ġunju 2008.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti huma kkundannati għall-ispejjeż kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, Artikoli 236 KE u 241 KE, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 236 TFUE, Artikoli 270 TFUE u 277 TFUE)

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Rendikont ta’ remunerazzjoni

(Artikolu 265 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91(1), Anness XI, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5))

3.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni — Iffissar — Setgħat tal-Kunsill — Marġni ta’ diskrezzjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 64 u 65)

4.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni — Nuqqas ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-Belġju u għal-Lussemburgu — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Oneru tal-prova

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XI, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5))

5.      Uffiċjali — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet

1.      L-Artikolu 241 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 277 TFUE) jipprovdi li fil-każ ta’ tilwima li tqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ regolament imsemmi minn din id-dispożizzjoni, kull parti tista’ tibbaża ruħha, b’mod partikolari insostenn ta’ rikors kontra miżura ta’ applikazzjoni, fuq il-motivi pprovduti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE (li sar, wara emenda, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE), anki wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dan ir-regolament. Dan ir-rimedju inċidentali jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali intiż sabiex jiggarantixxi li kull persuna jkollha jew kellha possibbiltà li tikkontesta att maħruġ mill-Unjoni li jservi bħala bażi għal deċiżjoni li taffettwaha b’mod ħażin. Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 241 KE hija ċertament meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża quddiem il-qorti tal-Unjoni skont l-Artikolu 236 KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 270 TFUE).

Madankollu, il-possibbiltà li jagħti l-Artikolu 241 KE li tiġi invokata n-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ regolament ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonoma u tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod inċidentali, b’tali mod li n-nuqqas ta’ dritt għal rikors prinċipali jew l-inammissibbiltà tar-rikors prinċipali jwassal għall-inammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità.

(ara l-punti 29 u 30)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777; 16 ta’ Lulju 1981, Albini vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 33/80, Ġabra p. 2141, punt 17; 19 ta’ Jannar 1984, Andersen et vs Il‑Parlament, 262/80, Ġabra p. 195; 10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, Ġabra p. 7147, punti 74 sa 78; 7 ta’ Lulju 1987, Étoile commerciale u CNTA vs Il‑Kummissjoni, 89/86 u 91/86, Ġabra p. 3005, punt 22

2.      Rendikont ta’ remunerazzjoni, min-natura tagħha u mill-għan tagħha, ma tippreżentax il-karatteristiċi ta’ att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li hija tirrifletti biss f’termini pekunjarji l-portata ta’ deċiżjonijiet amministrattivi preċedenti, relattivi għal sitwazzjoni personali u ġuridika ta’ uffiċjal. Madankollu, sa fejn hija turi b’mod ċar l-eżistenza u l-kontenut ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ portata individwali, li qabel għaddiet inosservata, peress li hija ma kinitx ġiet formalment innotifikata lill-persuna kkonċernata, ir-rendikont ta’ remunerazzjoni, li tinkludi dikjarazzjoni tad-drittijiet pekunjarji, tista’ titqies bħala att li jikkawża preġudizzju, li jista’ jkun is-suġġett ta’ lment u, skont il-każ, ta’ rikors, li għandha l-effett li tibda tiddekorri t-termini għall-preżentata.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ rikors intiż sabiex tiġi kkritikata, essenzjalment, istituzzjoni li ma ħaditx l-inizjattivi politiċi neċessarji sabiex jiġi stabbilit, fil-futur, koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal-Lussemburgu, li jeħtieġ it-tħassir tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, u sabiex jiġi ppreżervat id-dritt tagħhom għal rikors, huwa aċċettat li l-uffiċjali jistgħu jikkontestaw ir-rendikont ta’ remunerazzjoni tagħhom, billi jqajmu kontra dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li tiffissa d-drittijiet pekunjarji tagħhom eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata b’mod partikolari fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Huwa minnu, peress li l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti biss lill-uffiċjali li jitolbu lill-amministrazzjoni li taġixxi bħala Awtorità tal-Ħatra li tadotta deċiżjoni fir-rigward tagħhom, li tali talba ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li inizjattiva politika ma tistax tiġi kklassifikata bħala “deċiżjoni meħuda fir-rigward ta’ uffiċjal”.

Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet proċedurali li jiltaqa’ magħhom individwu li għandu l-intenzjoni li jaġixxi għal nuqqas li tittieħed azzjoni, skont l-Artikolu 265 TFUE, kontra istituzzjoni għat-tħassir ta’ dispożizzjoni ta’ regolament, adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li tiġi eskluża l-possibbiltà għal uffiċjal li jikkontesta r-rendikont ta’ remunerazzjoni tiegħu minħabba bidla ta’ ċirkustanzi fattwali, bħalma hija bidla ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi, billi titqajjem, f’din l-okkażjoni, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal li, għalkemm kienet tidher valida fil-mument tal-adozzjoni tagħha, saret, skont l-uffiċjal ikkonċernat, illegali minħabba din il-bidla ta’ ċirkustanzi, twassal sabiex tirrendi prattikament impossibbli l-eżerċizzju ta’ rikors intiż sabiex jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament rikonoxxut bid-dritt tal-Unjoni u tikkawża għaldaqstant ksur sproporzjonat lid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punti 33 u 40 sa 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Frar 1993, ENU vs Il‑Kummissjoni, C‑107/91, Ġabra p. I‑599, punti 16 u 17; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 24 ta’ Marzu 1998, Meyer et vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑181/97, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑481; 16 ta’ Frar 2005, Reggimenti vs Il‑Parlament, T‑354/03, ĠabraSP p. I‑A‑33 u II‑147, punti 38 u 39; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ April 2008, Pickering vs Il‑Kummissjoni, F‑103/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑101 u II‑A‑1‑527, punti 72 u 75; 23 ta’ April 2008, Bain et vs Il‑Kummissjoni, F‑112/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑111 u II‑A‑1‑579, punti 73 u 76

3.      L-għan ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jaffettwaw ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, ipprovduti bl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jiggarantixxi ż-żamma ta’ kapaċità ta’ akkwist ekwivalenti għall-uffiċjali kollha, irrispettivament mill-post tal-impjieg tagħhom, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Huwa l-Kunsill li għandu, skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkonstata jekk teżistix bidla apprezzabbli tal-għoli tal-ħajja bejn il-postijiet tal-impjieg differenti u, jekk ikun il-każ, li jislet il-konklużjonijiet minnha billi jadatta l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-istabbiliment tal-imsemmija koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, huwa impost ukoll fuq il-leġiżlatur.

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax, madankollu, jeħtieġ identità perfetta tal-kapaċità ta’ akkwist tal-uffiċjali, irrispettivament mill-post tal-impjieg tagħhom, iżda korrispondenza sinjifikattiva tal-għoli tal-ħajja bejn il-postijiet tal-impjieg ikkunsidrati. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur għandu, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjoni, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, peress li l-intervent ġudizzjarju għandu jkun limitat sabiex jiġi eżaminat jekk l-istituzzjonijiet baqgħux fil-limiti raġonevoli meta mqabbla mal-kunsiderazzjonijiet li ispirawhom u ma użawx is-setgħa tagħhom b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 62, 63 u 67)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Novembru 1981, Benassi vs Il‑Kummissjoni, 194/80, Ġabra p. 2815, punt 5; 23 ta’ Jannar 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑301/90, Ġabra p. I‑221, punti 19, 24 u 25; 29 ta’ April 2004, Drouvis vs Il‑Kummissjoni, C‑187/03 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Diċembru 1995, Abello et vs Il‑Kummissjoni, T‑544/93 u T‑566/93, ĠabraSP p. I‑A‑271u II‑815, punt 76

4.      Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn uffiċjali impjegati fil-Lussemburgu, li jallegaw trattament diskriminatorju kontrihom, minħabba n-nuqqas ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal dan l-Istat Membru, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti ma jistgħux jinħtieġu li juru quddiem il-qorti tal-Unjoni, b’mod suffiċjenti fil-liġi, l-eżistenza ta’ żieda apprezzabbli u sostenibbli tal-għoli tal-ħajja fil-Lussemburgu, meta mqabbla ma’ Brussell, ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn uffiċjali, skont il-post tal-impjieg tagħhom. Huma għandhom, biss, jipprovdu sensiela ta’ indizji suffiċjentement sinjifikattivi li juru eventwali differenza fil-kapaċità ta’ akkwist, tali li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq l-istituzzjoni konvenuta u tiġġustifika, jekk ikun il-każ, it-tnedija ta’ investigazzjonijiet amministrattivi mill-Eurostat.

Barra minn hekk, fil-każ fejn huwa allegat li l-istituzzjoni applikat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma twettaq studju fuq l-eventwali differenza fil-kapaċità ta’ akkwist bejn Brussell u l-Lussemburgu, l-istħarriġ ġudizzjarju ma huwiex limitat għall-verifika tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-persuni kkonċernati pprovdewx, jew le, l-indizji suffiċjenti, bħalma huma studji b’ċifri jew oħrajn, minn sors awtorizzat, sostnuti biżżejjed, li jiġġustifikaw it-tnedija ta’ investigazzjoni.

(ara l-punti 64, 66 u 68)

5.      Fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti lilu mill-amministrazzjoni, uffiċjal ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u joġġezzjona għall-applikazzjoni tiegħu. Wegħdiet tal-amministrazzjoni li ma jiħdux inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi min-naħa ta’ dawk li għalihom huma indirizzati.

(ara l-punt 72)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il‑Kummissjoni, T‑123/89, Gabra p. II‑131, punti 26 sa 30; 7 ta’ Lulju 2004, Schmitt vs AER, T‑175/03, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑939, punti 46 u 47