Language of document : ECLI:EU:F:2010:160

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

9 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-88/08

Monique Vandeuren

vs

Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ — Membru tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien indeterminat — Tkeċċija — Rekwiżit ta’ raġuni valida — Tħassir tal-pożizzjoni — Dmir ta’ premura — Assenjazzjoni mill-ġdid”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Vandeuren essenzjalment titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-ETF, tat-23 ta’ Ottubru 2007, li ttemm il-kuntratt ta’ xogħol tagħha mill-31 ta’ Awwissu 2008, kif ukoll il-kundanna tal-ETF għad-danni minħabba danni materjali u morali.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tar-rikorrenti, tat-23 ta’ Ottubru 2007, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-ETF hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Motivi

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Tnaqqis tal-medda tal-attivitajiet ta’ aġenzija tal-Unjoni — Obbligu li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-membru tal-persunal ikkonċernat

3.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Dannu kkawżat minħabba tkeċċija illegali — Kumpens għad-danni morali — Kundizzjonijiet

1.      Il-fatt li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma jagħtix dritt lill-individwi, ħlief jekk dan jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ dritt speċifiku, ma għandux bħala effett li jagħmel motiv inammissibbli, jew parti minn motiv, ibbażat fuq il-ksur tiegħu, bil-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ eżami tal-argumenti ppreżentati insostenn tal-motiv, jew tal-parti tal-motiv. Fil-fatt, huwa biss fl-okkażjoni tal-eżami fuq il-mertu ta’ dawn l-argumenti li huwa possibbli li jiġi stabbilit jekk l-amministrazzjoni eventwalment kisritx dritt speċifiku li huwa l-espressjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

(ara l-punt 40)

2.      It-tnaqqis tal-medda tal-attivitajiet ta’ aġenzija tal-Unjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jista’ jikkostitwixxi raġuni valida ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal li jgawdi minn kuntratt għal żmien indeterminat, bil-kundizzjoni madankollu li din l-aġenzija ma jkollhiex pożizzjoni li l-membru tal-persunal ikkonċernat seta’ jiġi assenjat mill-ġdid fiha. Huwa biss f’din l-aħħar ipoteżi li tkun iġġustifikata t-tkeċċija għar-raġuni li l-attività tal-aġenzija kkonċernata kienet tnaqqset.

F’dan ir-rigward, ma jagħmel ebda differenza li regoli interni jipprovdu proċeduri partikolari ta’ selezzjoni f’każ ta’ pożizzjoni vakanti għat-trasferimenti interni tal-membri tal-persunal. Fil-fatt, qabel ma tiġi ppubblikata pożizzjoni vakanti sabiex timtela pożizzjoni permezz ta’ trasferiment intern, l-amministrazzjoni għandha dejjem il-possibbiltà li ex officio twettaq assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz, u dan mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-membri tal-persunal assenjati mill-ġdid fuq l-inizjattiva tal-amministrazzjoni ma humiex fl-istess sitwazzjoni bħal dawk li jitolbu li jiġu ttrasferiti. Lanqas ma jagħmel differenza l-fatt li ttieħdu miżuri sekondarji. Fil-fatt, għalkemm l-applikazzjoni tagħhom tagħmel inkontestabbilment parti mill-osservanza tad-dmir ta’ premura li barra minn hekk huwa obbligu tal-aġenzija, dan il-fatt ma jistax jeżenta lill-awtorità kompetenti milli tibbaża d-deċiżjonijiet ta’ tkeċċija tagħha fuq raġunijiet validi.

Isegwi li, qabel ma aġenzija tal-Unjoni tipproċedi sabiex tkeċċi membru tal-persunal li jgawdi minn kuntratt għal żmien indeterminat, minħabba li d-doveri li dan il-membru tal-persunal kien assenjat għalihom kienu twaqqfu jew ġew ittrasferiti lejn entità oħra, din l-aġenzija għandha l-obbligu li teżamina jekk il-persuna kkonċernata tistax tiġi assenjata mill-ġdid f’pożizzjoni eżistenti oħra jew f’pożizzjoni li ser tinħoloq fil-qrib sussegwentement, b’mod partikolari, minħabba l-assenjazzjoni ta’ kompetenzi ġodda lill-aġenzija kkonċernata.

Waqt dan l-eżami, l-amministrazzjoni għandha tagħmel bilanċ bejn l-interess tas-servizz, li jeħtieġ li tiġi rreklutata l-persuna l-iktar kapaċi sabiex tokkupa l-pożizzjoni eżistenti jew li ser tinħoloq fil-qrib, mal-interess tal-membru tal-persunal li t-tkeċċija tiegħu hija maħsuba. Sabiex isir dan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, ta’ kriterji differenti, fosthom dawk li jinkludu r-rekwiżiti tal-pożizzjoni fir-rigward tal-kwalifiki u tal-potenzjal tal-membru tal-persunal, il-fatt jekk il-kuntratt ta’ xogħol tal-membru tal-persunal ikkonċernat jippreċiżax jew le li dan il-membru tal-persunal huwa reklutat sabiex jokkupa pożizzjoni partikolari, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu, kif ukoll l-età tiegħu, is-senjorità ta’ servizz u n-numru ta’ snin li jibqgħu sabiex iħallas kontribuzzjonijiet qabel ma jkun jista’ jibbenefika mid-dritt għall-irtirar tiegħu.

(ara l-punti 60 sa 64)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 25 ta’ Jannar 2007, de Albuquerque vs Il‑Kummissjoni, F‑55/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑35 u II‑A‑1‑183, punti 93 u 94; 24 ta’ April 2008, Longinidis vs Cedefop, F‑74/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑125 u II‑A‑1‑655, punt 138

3.      Għalkemm kull tkeċċija, min-natura tagħha, tista’ toħloq lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal imkeċċi, sentimenti ta’ ċaħda, ta’ frustrazzjoni u ta’ inċertezza għall-futur, ma jistax awtomatikament jirriżulta mill-fatt li tkeċċija tkun ġiet rikonoxxuta bħala illegali mill-qorti tal-Unjoni dritt li jinkiseb il-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali. Fil-fatt, huwa biss f’każ ta’ ċirkustanzi partikolari li jista’ jiġi kkonstatat li l-aġir tal-prinċipal ikun affettwa moralment lill-membru tal-persunal lil hinn minn dak li persuna mkeċċija tħoss normalment, b’mod partikolari meta dan il-prinċipal ikun ibbaża ruħu fuq raġunijiet li jinkludu evalwazzjoni tal-kapaċitajiet jew tal-aġir ta’ dan il-membru tal-persunal li jistgħu jikkawżawlu ħsara.

(ara l-punt 73)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, ĠabraSP p. I‑A‑277 u II‑1267, punt 91