SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)
1 ta’ Diċembru 2010
Kawża F‑89/09
Spyridon Gagalis
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Servizz pubbliku — Sigurtà soċjali — Inċident fuq il-post tax-xogħol — Invalidità permanenti parzjali — Deċiżjoni li jitħallsu sa 75 % tal-ispejjeż ta’ kura termika — Rimbors ta’ servizzi mediċi skont l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u rimbors komplementari skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Esklużjoni tal-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni — Rifjut ta’ rimbors komplementari — Interpretazzjoni tal-Artikolu 73(3) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 9 tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu S. Gagalis jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Persunal u amministrazzjoni” tal-Kunsill, fil-kwalità ta’ Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill, adottata fid-9 ta’ Diċembru 2008, li tirrifjuta r-rimbors sa 75 %, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, ta’ spejjeż ta’ akkomodazzjoni marbuta ma’ kura termika, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2009 li tiċħad parzjalment l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kunsill għall-ħlas ta’ ammont komplementari ta’ EUR 1 551.38 flimkien mal-interessi moratorji.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.
Sommarju
1. Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Rimbors ta’ spejjeż
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 72 u 73(3); Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 9)
2. Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata
(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)
1. Fir-rigward tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kura marbuta ma’ inċident, u b’mod partikolari ta’ talba li jitħallsu sa 75 % tal-ispejjeż ta’ kura termika, inklużi l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(3) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 9 tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali juru l-eżistenza ta’ rabta bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet u l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li r-rimbors tal-ispejjeż b’riżultat tal-inċident “għandu jsir biss fejn l-ammont imħallas lill-uffiċjal taħt l-Artikolu 72 ma jkoprix kompletament l-ispejjeż li tħallsu”, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija regoli jipprovdi li l-ispejjeż b’riżultat ta’ inċident huma rrimborsati “wara l-ħlas, mill-assigurazzjoni għall-mard prevista mill-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-parti li taqa’ taħt din l-iskema taħt il-kundizzjonijiet previsti fiha”.
Għaldaqstant, kemm l-Artikolu 73(3) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprovdu biss rimbors komplementari tal-ispejjeż sostnuti għal servizzi koperti mill-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, wara r-rimbors tal-parti tal-ispejjeż li jaqgħu taħt l-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard. L-iskema tal-assigurazzjoni għall-inċidenti hija supplimentari u għaldaqstant ma tipprevedi ebda rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal servizzi mhux koperti mill-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard, li għal din ir-raġuni ma tkun wasslet għal ebda ħlas mill-assigurazzjoni għall-mard.
(ara l-punti 41 u 42)
2. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni individwali relatata ma’ individwu meħuda taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u li tikkawża preġudizzju għandha tkun motivata. L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha l-għan, minn naħa, li tipprovdi lill-uffiċjal ikkonċernat l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex ikun jaf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li trendi possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju. Tali obbligu għandu l-għan, b’mod partikolari, li jippermetti lill-persuna kkonċernata tagħraf ir-raġunijiet għal deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha sabiex hija tkun tista’ eventwalment teżerċita r-rimedji neċessarji għad-difiża tad-drittijiet u l-interessi tagħha.
Motivazzjoni insuffiċjenti inizjali tista’ tingħeleb permezz ta’ preċiżazzjonijiet komplementari magħmula, anki fil-mori tal-kawża, mill-amministrazzjoni meta, qabel il-preżentata tar-rikors tagħha, il-persuna kkonċernata kellha diġà elementi li jikkostitwixxu l-bidu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, deċiżjoni hija motivata suffiċjentement meta l-att li jkun is-suġġett tar-rikors ikun seħħ f’kuntest magħruf mill-imsemmi uffiċjal u jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu.
(ara l-punti 65 u 67)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑33/00, ĠabraSP p. I‑A‑105 u II‑541, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata; 25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il‑Kummissjoni, T‑145/02, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑447, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il‑Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata