Language of document : ECLI:EU:F:2010:171

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Diċembru 2010

Kawża F-25/10

AG

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Tkeċċija wara t-tmiem tal-perijodu ta’ prova — Inammissibbiltà manifesta — Rikors ippreżentat tard — Notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a, li permezz tiegħu AG titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-14 ta’ Mejju 2009, li tistabbilixxi t-tkeċċija tagħha fi tmiem il-perijodu ta’ prova tagħha u tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-21 ta’ Diċembru 2009, li tiċħad l-ilment tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni, kif ukoll ordni sabiex il-Parlament jikkumpensaha għad-dannu li hija allegatament ġarrbet minħabba dawn id-deċiżjonijiet.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali — Rikors — Termini — Bidu tad-dekorrenza — Notifika — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

Meta deċiżjoni tkun innotifikata permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta postali, id-destinatarju tagħha jitqies li jkollu għarfien tagħha bil-firma tiegħu fuq l-avviż tal-konferma ta’ rċevuta postali. Fil-każ fejn ittra rreġistrata ma tkunx tista’ tiġi ffirmata mid-destinatarju tagħha, peress li dan tal-aħħar ma jkunx id-dar meta jgħaddi l-pustier, u sussegwentement ma jieħu ebda azzjoni u ma jirtirax l-ittra fit-terminu li matul tiegħu din tinżamm mis-servizzi postali, għandu jitqies li d-deċiżjoni tkun ġiet debitament innotifikata lid-destinatarju tagħha fid-data tal-iskadenza ta’ dan it-terminu.

Madankollu, il-preżunzjoni li d-destinatarju jkun irċieva notifika tad-deċiżjoni fl-iskadenza tat-terminu normali li matul tiegħu l-ittra rreġistrata tinżamm mis-servizz postali ma hijiex assoluta. Fil-fatt, l-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għall-prova, mill-amministrazzjoni, tal-legalità tan-notifika tal-ittra rreġistrata, b’mod partikolari, bil-preżentazzjoni ta’ avviż ta’ kunsinna mill-pustier fl-indirizz li jkun ġie indikat l-aħħar mid-destinatarju. Barra minn hekk, din il-preżunzjoni ma hijiex inkonfutabbli. Id-destinatarju jista’ jistabbilixxi li huwa ġie prekluż, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ mard jew minħabba każ ta’ forza maġġuri indipendenti mir-rieda tiegħu, milli jieħu konjizzjoni effettiva tal-avviż tal-kunsinna mill-pustier.

Madankollu, assenza li hija mmotiva biss b’raġunijiet ta’ vaganzi ma tistax titqies li hija raġuni leġittima li tostakola din il-preżunzjoni ta’ notifika. Kieku din il-preżunzjoni tkun tista’ tiġi kkonfutata sempliċement abbażi ta’ raġunijiet ta’ konvenjenza personali, id-destinatarju tal-att ikun jista’, sa ċertu punt, jagħżel il-mument li fih huwa effettivament ikollu konjizzjoni tagħha.

Il-preżunzjoni tan-notifika b’ebda mod ma tippreġudika d-dritt għal rimedju effettiv, b’mod partikolari għall-preveddibiltà tar-regoli li għandhom jirregolaw l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni. Fil-fatt, it-terminu ta’ tliet xhur u għaxart ijiem sabiex jiġi ppreżentat rikors huwa twil biżżejjed sabiex sitwazzjoni ta’ assenza mmotivata b’raġunijiet ta’ vaganzi ma tippreġudikax il-possibbiltajiet ta’ rimedju.

(ara l-punti 41 sa 44, 48 u 50)