Language of document : ECLI:EU:F:2010:97

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

10 ta’ Settembru 2010

Kawża F-62/10 R

Jürgen Esders

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Assenjazzjoni mill-ġdid — Regoli ta’ rotazzjoni tal-uffiċjali fir-rappreżentanzi tal-Kummissjoni — Urġenza — Assenza”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA, kif ukoll tal-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106A tiegħu, li permezz tiegħu J. Esders, uffiċjal fid-Direttorat Ġenerali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bbażat fir-rappreżentanza fil-Ġermanja, jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2010, li tassenjah mill-ġdid fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni mill-1 ta’ Settembru 2010.

Deċiżjoni: It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 39 u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fis-sede tal-Kummissjoni ta’ uffiċjal preċedentement assenjat fir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Stat Membru ieħor — Kundizzjonijiet għall-għoti

(Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tintalab.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-apparenza ġustifikata tat-talba (fumus boni juris) huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji xorta għandu jipproċedi, jekk ikun il-każ, bl-ibbilanċjar tal-interessi involuti. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġenerali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ din l-evalwazzjoni, peress li ebda dispożizzjoni legali ma timponi fuqu skema ta’ evalwazzjoni stabbilita minn qabel sabiex jevalwa l-ħtieġa ta’ deċiżjoni provviżorja.

(ara l-punti 41 sa 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 1999, Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, T‑173/99 R, ĠabraSP p. I‑A‑155 u II‑811, punt 18; 9 ta’ Awwissu 2001, De Nicola vs BEI, T‑120/01 R, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑783, punti 12 u 13; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 31 ta’ Mejju 2006, Bianchi vs ETF, F‑38/06 R, ĠabraSP p. I‑A‑1‑27 u II‑A‑1‑93, punti 20 u 22

2.      L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi kkumpensat dannu, iżda li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, hemm bżonn li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn jiġu ppronunzjati u li joħolqu l-effetti tagħhom minn qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob il-ħruġ tal-miżuri provviżorji li għandha tippreżenta l-prova li hija ma tistax tistenna l-konklużjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip.

Il-konstatazzjoni minn tabib wieħed jew iktar ma hijiex, waħidha, biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid fil-kwartieri ġenerali ta’ uffiċjal preċedentement assenjat fir-rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Stat Membru ieħor, dan jista’ jbati dannu gravi u irreparabbli. Fil-fatt, l-awturi taċ-ċertifikati mediċi ppreżentati setgħu jisimgħu biss l-opinjoni tar-rikorrent, u ma huwiex stabbilit, u lanqas allegat, li dawn kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa sabiex jifhmu biżżejjed il-kuntest professjonali inkwistjoni.

(ara l-punti 45 u 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Marzu 1999, Willeme vs Il‑Kummissjoni, C‑65/99 P(R), Ġabra p. I‑1857, punt 62; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Elkaïm u Mazuel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1555, punt 27; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Lulju 2010, Bermejo Garde vs CESE, F‑41/10 R, punt 55