Language of document : ECLI:EU:F:2011:2

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

13 ta’ Jannar 2011

Kawża F-77/09

Bart Nijs

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Artikolu 22a u Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal — Imparzjalità — Terminu raġonevoli”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu B. Nijs jitlob, prinċipalment, l-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2009 li tkeċċieh mill-kariga tiegħu, it-tieni nett, tad-Deċiżjoni Nru 81‑2007 tal-Qorti tal-Awdituri, tal-20 ta’ Settembru 2007, li tattribwixxi s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra lil kumitat ad hoc, it-tielet nett, tad-deċiżjonijiet preparatorji kollha meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra ad hoc; sussidjarjament, ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku “jiddeċiedi” li s-sanzjoni ta’ tkeċċija hija sproporzjonata.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż tal-Qorti tal-Awdituri.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Limiti

(Artikoli 266 TFUE u 270 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 1)

2.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Żvelar ta’ fatti li jippermettu li jiġi preżunt li hemm attività illegali jew nuqqas gravi — Protezzjoni kontra proċeduri dixxiplinari — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 22a(1) u 22b(1))

3.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Rikors għal Awtorità tal-Ħatra ad hoc magħmula minn membri ta’ istituzzjoni, f’dan il-każ tal-Qorti tal-Awdituri — Ammissibbiltà

(Artikolu 247(2) KE)

4.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Obbligu tal-amministrazzjoni li teżerċita s-setgħa dixxiplinari tagħha b’attenzjoni u imparzjalità

5.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv imressaq qabel — Konkordanza bejn l-l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

6.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Sanzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 17, 17a u 86 sa 89)

7.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċedura dixxiplinari — Termini — Obbligu tal-amministrazzjoni li taġixxi f’terminu raġonevoli — Evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

1.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jirriforma sanzjoni dixxiplinari jew sabiex jiddeċiedi li tali sanzjoni ma hijiex proporzjonata u jirrinvija l-każ għall-attenzjoni tal-awtorità amministrattiva sabiex din tiddeċiedi dwar sanzjoni oħra. Huwa, fil-fatt, l-awtur tas-sanzjoni li għandu, jekk ikun il-każ, skont l-Artikolu 266 TFUE, jieħu l-miżuri għall-eżekuzzjoni ta’ eventwali sentenza ta’ annullament.

(ara l-punt 55)

2.      L-Artikolu 22b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għad-definizzjoni ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha ma jistax jagħti lok għal proċeduri dixxiplinari: dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonċernaw biss il-komunikazzjoni ta’ fatti konkreti li, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni prima facie tagħhom, l-uffiċjal li jikkomunikahom seta’ raġonevolment jassumi li kien hemm attività illegali jew nuqqas gravi.

L-iżvelar previst f’dawn l-artikoli huwa protett kontra l-proċeduri dixxiplinari biss jekk josserva din il-kundizzjoni u jekk isir bid-diskrezzjoni meħtieġa mid-dmirijiet ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità, mir-rispett għad-dinjità tal-kariga, mir-rispett tal-unur tal-persuni u mill-preżunzjoni ta’ innoċenza.

Il-protezzjoni tal-Artikolu 22b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tapplika għall-uffiċjali ħatja ta’ nuqqasijiet bħall-ksur tal-obbligu li tiġi eżerċitata l-ikbar prudenza u l-ikbar kawtela fil-pubbliċità mogħtija lill-allegazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).

(ara l-punti 65, 66, 70 u 80)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, punt 162

3.      Awtorità tal-Ħatra ad hoc, magħmula minn membri tal-Qorti tal-Awdituri, toffri l-garanziji kollha ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari peress li jkun rikjest mill-imsemmija membri li huma joffru l-garanziji kollha ta’ indipendenza u imparzjalità u li jkunu konformi ma’ dan ir-rekwiżit matul il-mandat tagħhom. Il-kodiċi ta’ kondotta tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri jipprovdi wkoll li għandhom jevitaw kull sitwazzjoni li tista’twassal għal kunflitt ta’ interessi.

Barra minn hekk, kull awtorità amministrattiva għandha l-obbligu, li japplika b’mod iktar partikolari fil-qasam ta’ dixxiplina, li tosserva l-prinċipju ta’ imparzjalita.

(ara l-punt 102)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 29 ta’ Settembru 2009, Hau vs Il‑Parlament, F‑125/07, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata.

4.      L-amministrazzjoni għandha teżerċita s-setgħa dixxiplinari tagħha b’attenzjoni u b’imparzjalità.

Il-missjoni tal-uffiċjal responsabbli għall-investigazzjoni amministrattiva neċessarjament timplika li huwa għandu jagħmel il-konstatazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti u għaldaqstant għandu jwettaq evalwazzjoni tagħhom sabiex jiddetermina r-rilevanza tagħhom, kif ukoll evalwazzjoni tas-saħħa probatorja tal-provi li jistgħu jintużaw fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari. Din is-setgħa diskrezzjonali tvarja, hija stess, skont in-natura tan-nuqqasijiet dixxiplinari li jistgħu jkunu ssanzjonati u skont in-natura tal-investigazzjonijiet meħtieġa minn dawn in-nuqqasijiet. Il-verifiki mwettqa mill-uffiċjal responsabbli għall-investigazzjoni jirrikjedu li dan l-uffiċjal jagħmel evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jikkostitwixxu ksur tar-rispett għad-dinjità tal-kariga, li huwa dmir importanti ta’ kull uffiċjal, sabiex jirrileva b’hekk, jekk ikun il-każ, l-elementi rilevanti. Jekk ikun ipprojbit milli jagħmel evalwazzjoni, tkun qiegħda tiġi prekluża kwalunkwe investigazzjoni amministrattiva ta’ tali fatti.

(ara l-punti 110, 115 u 118)

5.      Sabiex jinżamm l-għan tal-proċedura prekontenzjuża, jiġifieri li l-amministrazzjoni tkun tista’ tirrevedi d-deċiżjoni tagħha u b’hekk tasal għal soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwima, ġie deċiż li r-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors kontenzjuż tista’ tapplika biss fil-każ li r-rikors kontenzjuż ibiddel is-suġġett tat-talba jew tal-kawża, fejn dan il-kunċett ta’ “kawża” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, fis-sens ta’ kontestazzjoni tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew, alternattivament, ta’ kontestazzjoni tal-legalità esterna tiegħu. Konsegwentement, u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet ta’ illegalità u ta’ motivi ta’ ordni pubblika, ikun hemm normalment bidla fil-kawża tat-tilwima u, għaldaqstant, inammissibbiltà minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ konkordanza fil-każ biss li r-rikorrent, li fl-ilment tiegħu jikkritika biss il-validità formali tal-att li jikkawżalu preġudizzju, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu, iqajjem fir-rikors motivi fuq il-mertu tiegħu jew, fil-każ oppost, fil-każ li r-rikorrent, wara li jikkontesta biss fl-ilment tiegħu l-legalità fil-mertu tal-att li jikkawżalu preġudizzju, jippreżenta rikors li jkun fih motivi relatati mal-validità formali ta’ dan l-att, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu.

(ara l-punt 129)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punti 110, 119 u 120

6.      Is-sistema dixxiplinari stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal ma tistabbilixxix relazzjoni fissa bejn is-sanzjoni u l-ksur. Barra minn hekk, meta l-verità tal-fatti allegati kontra l-uffiċjal tkun stabbilita, l-għażla tas-sanzjoni dixxiplinari xierqa għandha ssir mill-Awtorità tal-Ħatra u l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik ta’ din l-awtorità, ħlief fil-każ ta’ żball manifest jew ta’ abbuż ta’ poter.

L-istituzzjonijiet huma intitolati li jistennew li uffiċjali ta’ ċertu livell ta’ grad jaġixxu b’ċerta diskrezzjoni u prudenza. Għaldaqstant, l-uffiċjal, awtur ta’ kitbiet inġurjużi, li huwa xandar b’mod wiesa’, huwa responsabbli għal żewġ istanzi ta’ ksur flagranti tal-Artikoli 17 u 17a tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant it-tkeċċija ta’ tali uffiċjal ma hijiex ta’ natura sproporzjonata.

(ara l-punti 131, 132 u 135)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Diċembru 1997, Daffix vs Il‑Kummissjoni, T‑12/94, punti 63 u 89; 12 ta’ Settembru 2000, Teixeira Neves vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑259/97, punt 108

7.      Mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta li l-awtoritajiet dixxiplinari għandhom l-obbligu li jwettqu l-proċedura dixxiplinari b’diliġenza u li jaġixxu b’mod li kull stadju proċedurali jitwettaq f’terminu raġonevoli wara l-istadju preċedenti. Il-kwistjoni ta’ jekk il-proċedura dixxiplinari, ġaladarba tinfetaħ, tmexxietx bid-diliġenza rikjesta, hija affettwata bil-fatt li jkun għadda perijodu xi ftit jew wisq twil bejn meta jkun seħħ l-allegat ksur dixxiplinari u d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura.

Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli ma jiġġustifikax, b’mod ġenerali, l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fit-tmiem ta’ proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss meta d-dewmien żejjed jista’ jaffettwa l-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva. Dan jista’ jkun il-każ preċiżament fir-rigward tal-proċeduri ta’ sanzjoni meta d-dewmien żejjed jaffettwa l-kapaċità tal-persuni kkonċernati li jiddefendu lilhom infushom b’mod effettiv.

(ara l-punti 141 u 146)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il‑Kummissjoni, C‑39/00 P, punt 44; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, T‑67/01, punti 36 u 40, u l-ġurisprudenza ċċitata; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Jannar 2001, A u G vs Il‑Kummissjoni, F‑124/05 u F‑96/06, punti 390 u 392