Language of document : ECLI:EU:F:2011:39

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

13 ta’ April 2011

Kawża F-30/09

Dhikra Chaouch

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Allowance tal-installazzjoni — Iffissar tad-drittijiet — Dħul fis-servizz bħala uffiċjal bi prova — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ bidla ta’ residenza wara l-ħatra bħala uffiċjal permanenti — Obbligu ta’ residenza ta’ uffiċjal skont l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Chaouch titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tagħtiha l-allowance tal-installazzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors tar-rikorrenti huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rimbors ta’ spejjeż — Allowance tal-installazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 20; Anness VII, Artikolu 5)

2.      Uffiċjali — Rimbors ta’ spejjeż — Allowance tal-installazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 20; Anness VII, Artikolu 5)

1.      Għandhom ikunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex uffiċjal jibbenefika mill-allowance tal-installazzjoni. L-ewwel nett huwa meħtieġ li jkun uffiċjal permanenti. Huwa meħtieġ ukoll li juri li kellu jbiddel ir-residenza tiegħu sabiex jissodisfa l-obbligi tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal. Din l-aħħar imsemmija kundizzjoni tinqasam f’żewġ kundizzjonijiet, minn naħa, li kellu jbiddel ir-residenza minħabba l-inkonvenjent ikkawżat, għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet, permezz tad-distanza bejn ir-residenza u l-post ta’ assenjazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li juri t-tibdil effettiv ta’ residenza.

(ara l-punt 55)

2.      Fir-rigward tar-riferiment li jagħmel l-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ċar li għandhom jiġu applikati l-istess kriterji ta’ evalwazzjoni, minn naħa, sabiex jiġi stabbilit jekk uffiċjal huwa, jew le, ikkunsidrat li għamel “bidla fil-post tar-residenza” sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-allowance tal-installazzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi stabbilit jekk uffiċjal josservax jew le l-obbligi ta’ residenza li huwa għandu skont l-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari, il-fatt li jirrisjedi “f’distanza [mill-post ta’ assenjazzjoni tiegħu] mhux aktar il-bogħod milli huwa kompatibbli mal-qadi sew ta’ dmirijietu”.

L-użu tal-istess kriterji ta’ evalwazzjoni għall-applikazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal b’hekk jinkludi r-riskju li l-adozzjoni ta’ approċċ favorevoli għad-drittijiet ta’ ċerti uffiċjali li jixtiequ jibbenefikaw mill-allowance tal-installazzjoni jkollu bħala konsegwenza awtomatika li jiġi impost fuq uffiċjali oħra, f’sitwazzjoni simili, iżda li jippreferu, għall-kuntrarju, jirrisjedu ċerta distanza mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom, li jbiddlu l-post ta’ residenza.

Barra minn hekk, kemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll dawk tal-Artikolu 5 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu li l-uffiċjal “għandu” jbiddel ir-residenza, li jimplika neċessità u limitazzjoni għall-marġni ta’ manuvrar tal-amministrazzjoni. B’hekk, din tista’ tagħti l-allowance tal-installazzjoni biss meta jidher b’mod manifest li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet huwa mxekkel minħabba l-fatt tad-distanza li jissepara l-post ta’ residenza tal-uffiċjal mill-post ta’ assenjazzjoni tiegħu.

Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jistabbilixxi limitu ta’ spazju, stabbilit f’kilometri, bħalma huwa l-każ pereżempju f’dak li jirrigwarda l-allowance tar-reinstallazzjoni. B’hekk jekk hija responsabbiltà tal-amministrazzjoni, u sussegwentement ta’ qorti f’każ ta’ kontestazzjoni, li tibbaża ruħha essenzjalment, fl-evalwazzjoni tagħha, fuq id-distanza f’kilometri li tissepara l-post ta’ residenza tal-uffiċjal mill-post ta’ assenjazzjoni tiegħu, madankollu ma huwiex eskluż li ċirkustanzi fattwali proprji għal kull każ, pereżempju d-diffikultajiet konkreti li wieħed jiltaqa’ magħhom sabiex isir il-vjaġġ ta’ kuljum bejn il-post ta’ residenza u l-post ta’ assenjazzjoni, ikunu wkoll kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit jekk id-distanza inkwistjoni hija tali li tkun “kompatibbli mal-qadi sew ta’ dmirijietu”.

(ara l-punti 60 sa 63)